52011DC0066

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI Il-Kura u l-Edukazzjoni Bikrija tat-Tfal: Nagħtu lil uliedna l-aqwa bidu għad-dinja ta' għada /* KUMM/2011/0066 finali */


Brussel 17.2.2011

KUMM(2011) 66 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Il-Kura u l-Edukazzjoni Bikrija tat-Tfal: Nagħtu lil uliedna l-aqwa bidu għad-dinja ta' għada

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Il-Kura u l-Edukazzjoni Bikrija tat-Tfal: Nagħtu lil uliedna l-aqwa bidu għad-dinja ta' għada

1. INTRODUZZJONI

Il-ġejjieni tal-Ewropa se jkun wieħed imsejjes fuq it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. It-titjib tal-kwalità u tal-effettività tas-sistemi edukattivi madwar l-UE huwa essenzjali għat-tliet dimensjonijiet tat-tkabbir kollha kemm huma. F'dan il-kuntest, il-Kura u l-Edukazzjoni Bikrija tat-Tfal (il-KEBT) huma l-aqwa pedament għal suċċess fit-tagħlim tul il-ħajja, l-integrazzjoni soċjali, l-iżvilupp personali u l-impjegabbiltà fi stadju ulterjuri. Filwaqt li jikkomplementaw ir-rwol ċentrali tal-familja, il-KEBT għandhom impatt profond u fit-tul li ma jinkisibx permezz ta' miżuri meħuda fi stadju aktar tard. L-ewwel esperjenzi tat-tfal jiffurmaw il-pedament tat-tagħlim kollu li jiġi wara. Jekk fl-ewwel snin tingħata bażi soda, it-tagħlim li jiġi wara ikun wieħed iktar effettiv u jkun hemm iktar ċans li jkompli tul il-ħajja, hekk li jitnaqqas ir-riskju tat-tluq mill-iskola qabel iż-żmien, b'mod li tiżdied l-ekwità tar-riżultati fl-edukazzjoni u jitnaqqsu l-kosti għas-soċjetà f'dak li hu ħela ta' talenti u ta' nefqa pubblika fis-sistemi soċjali, tas-saħħa u saħansitra dawk tal-ġustizzja[1].

L-inizjattiva prinċipali 'Żgħażagħ Attivi' bħala parti mill-Istrateġija Ewropa 2020 usa' tal-UE tenfasizza r-rwol tal-kreattività u l-innovazzjoni għall-kompetittività tagħna u għall-preservazzjoni tal-livelli tal-għajxien tagħna aktar ’il quddiem. F'dan il-kuntest, tenfasizza li rridu noffru liż-għażagħ kollha tagħna l-opportunità li jiżviluppaw it-talenti tagħhom sal-ogħla punt possibbli. Il-KEBT għandhom il-potenzjal li liż-żgħażagħ tagħna jagħtuhom bidu tajjeb fid-dinja ta' għada u li jiksru ċ-ċiklu li jwassal l-iżvantaġġi minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Il-benefiċċji minn KEBT ta’ kwalità għolja huma bosta: soċjali, fl-ekonomija u fl-edukazzjoni. Il-KEBT għandhom rwol kruċjali biex jipprovdu s-sisien għal titjib fil-kompetenzi taċ-ċittadini tal-UE tal-ġejjieni, hekk li jippermettulna nilqgħu l-isfida tal-perjodu medju u twil, u biex noħolqu forza tax-xogħol b’aktar ħiliet, waħda li tkun kapaċi tikkontribwixxi u taġġusta ruħha għall-bidla fit-teknoloġija kif stabbilit fl-inizjattiva prinċipali ‘Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda’[2]. Teżisti evidenza ċara li l-parteċipazzjoni f’KEBT ta’ kwalità għolja twassal għal kisba sinifikatament aħjar f’testijiet internazzjonali dwar il-ħiliet bażiċi, bħalma huma l-PISA u l-PIRLS, ekwivalenti għal bejn sena u sentejn ta’ progress skolastiku[3].

Il-KEBT ta’ kwalità għolja jippermettu lill-ġenituri biex jirrikonċiljaw aħjar ir-responsabbiltajiet tal-familja ma’ dawk tax-xogħol, hekk li tingħata spinta lill-impjegabbiltà. Il-KEBT isostnu t-tfal, mhux biss fl-edukazzjoni futura tagħhom imma anki fl-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà, u dan billi jiġġeneraw il-benessri tagħhom, u jikkontribwixxu għall-impjegabbiltà tagħhom meta jsiru adulti[4].

Il-KEBT huma wkoll ta’ benefiċċju partikolarment għal min hu fi żvantaġġ, inklużi dawk ġejjin minn sfond ta’ migrazzjoni u ta’ dħul baxx. Dawn jistgħu jgħinu biex joħorġu t-tfal minn sitwazzjonijiet ta’ faqar u fejn hemm problema fil-familja, u allura jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-inizjattiva prinċipali tal-Ewropa 2020, il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar[5].

Il-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal ta’ kwalità għolja jista’ jkollhom kontribut kbir – billi jippermettu u jagħtu s-setgħa lit-tfal li jirrealizzaw il-potenzjal tagħhom – biex partikolarment jinkisbu tnejn mill-miri ewlenin tal-Ewropa 2020: it-tnaqqis fir-rata ta’ dawk li joħorġu mill-iskola qabel iż-żmien għal inqas minn 10%, u biex mill-inqas 20 miljun persuna jinħarġu minn sitwazzjoni ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali.

Is-sitwazzjoni preżenti u r-rwol tal-UE

Sal-lum, l-enfasi tal-biċċa l-kbira tal-azzjoni fil-livell tal-UE kienet dwar kif se jiżdied l-għadd ta’ ċentri għall-kura tat-tfal u dawk fil-livell ta’ qabel il-primarja biex ikun possibbli li aktar ġenituri, speċjalment ommijiet, ikunu jistgħu joħorġu jaħdmu. Fil-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona, fl-2002, l-Istati Membri qablu li sal-2010 kellhom jipprovdu ċentri li jiftħu l-ġurnata sħiħa li joffru servizzi formali għall-kura tat-tfal għal mill-inqas 90% tat-tfal bejn it-tliet snin u l-età fejn l-iskola ssir obbligatorja, u għal tal-inqas 33% tat-tfal taħt it-tliet snin. Il-progress ma kienx l-istess kullimkien. Għat-tfal sa tliet snin, ħames pajjiżi qabżu l-mira ta’ 33%, u ħamsa oħrajn waslu biex, iżda l-maġġoranza tal-Istati Membri mhix tasal, u tmienja minnhom waslu biss sal-10% jew inqas[6]. Għal dawk li jkunu qabżu t-tliet snin, hemm tmien pajjiżi li qabżu l-mira tad-90% u tlieta oħra waslu biex, iżda l-kopertura hija inqas minn 70%, kważi terz tal-Istati Membri. Fl-2009, il-Ministri tal-Edukazzjoni reġgħu saħħew dan l-approċċ billi stabbilew valur referenzjarju Ewropew ġdid għal mill-inqas 95% tat-tfal bejn l-erba’ snin u l-età fejn tibda l-edukazzjoni obbligatorja biex jipparteċipaw fil-KEBT sal-2020. Kif turi l-istampa li ġejja, il-medja attwali tal-UE hija ta’ 92,3%, b’għadd sinifikanti ta’ pajjiżi li għadhom lura sew.

[pic]Sors: DG EAC – Sors tad-dejta: Eurostat – UOE[7]

Għaldaqstant għad hemm sfida importanti biex tiġi estiża l-kopertura tas-servizzi pprovduti fil-livell qabel il-primarja. Iżda l-kwalità tal-KEBT trid tkun waħda għolja wkoll. Għaldaqstant l-Istati Membri dawn l-aħħar snin esprimew ix-xewqa tagħhom li jikkooperaw aktar mill-viċin fil-livell tal-UE dwar kwistjonijiet marbuta ma’ kif tista’ togħla l-kwalità tal-KEBT. Fl-2006, il-Ministri stqarrew li l-KEBT jistgħu jwasslu għall-ogħla rati ta’ riżultati tul iċ-ċiklu tat-tagħlim tul il-ħajja, speċjalment għal dawk fi żvantaġġ[8]. Fl-2008 qablu dwar serje ta’ prijoritajiet għall-kooperazzjoni fil-livell tal-UE dwar kwistjonijiet marbuta mal-politika dwar l-iskejjel, inkluż dwar kif jista’ jkun żgurat l-għoti ta’ servizzi aċċessibbli u ta’ kwalità għolja li jindukraw it-tfal qabel l-età tal-iskola[9], u fl-2009 adottaw qafas strateġiku għall-kooperazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ sal-2020, li fost il-prijoritajiet għall-perjodu 2009-2011 inkluda ‘il-promozzjoni ta’ aċċess ekwitabbli ġeneralizzat u li tissaħħaħ il-kwalità tas-servizzi u tas-sostenn lill-għalliema fl-edukazzjoni ta’ qabel il-primarja'.[10]

Minħabba r-rwol tagħhom fit-tnaqqis tar-rata ta’ dawk li joħorġu mill-iskola qabel iż-żmien u fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali fl-edukazzjoni, il-KEBT se jkunu qed jiffurmaw parti mill-istrateġiji tal-Istati Membri biex jindirizzaw il-prijoritajiet tal-Ewropa 2020. Bosta Stati Membri qed jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jeżaminaw u jirriformaw is-sistemi kollha tagħhom tal-KEBT, hekk li jibdew minn pożizzjonijiet ferm differenti f'dawk li huma r-rati ta' reġistrazzjoni, , il-provvista, il-kwalità, ir-riżorsi, it-tfassil u l-governanza tal-KEBT.

Filwaqt li dan hu qasam li essenzjalment jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, hemm ambitu konsiderevoli fejn l-UE żżid valur lil dan il-proċess u dan billi tiffaċilita l-identifikazzjoni u l-iskambju ta’ prassi tajba, billi tinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-infrastruttura u l-kapaċità fil-KEBT, u billi ssostni r-riċerka minn madwar l-UE fl-aspetti differenti tal-kwalità u l-impatt tal-KEBT.

Din il-Komunikazzjoni twieġeb għat-talbiet tal-Istati Membri biex jiġi varat proċess ta’ kooperazzjoni li għandu jgħinhom jindirizzaw l-isfidi doppji msemmija hawn fuq: li jingħata aċċess għall-kura u l-edukazzjoni tat-tfal lil kulħadd, iżda wkoll li togħla l-kwalità tal-għoti tagħhom permezz ta’ servizzi integrati sew li jibnu fuq viżjoni konġunta tar-rwol tal-KEBT, tal- oqfsa kurrikulari l-aktar effettivi u tal- kompetenzi tal-istaff u l- arranġamenti tat-tmexxija li hemm bżonn biex dan iseħħ.

Eżempji ta’ wħud mill-aqwa prassi fid-dinja fil-KEBT diġà jeżistu fl-Istati Membri tal-UE. Il-Kummissjoni beħsiebha tuża l-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni biex tgħin lill-Istati Membri jidentifikaw, janalizzaw u jifirxu approċċi ta’ politika effettiva fil-KEBT u jittrasferixxuhom fil-kuntesti tagħhom stess. L-UE se tuża l-istrumenti diġà eżistenti bħalma hu l-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja u l-Fondi Strutturali biex isostnu l-innovazzjoni, l-iżvilupp tal-istaff u l-infrastruttura fil-KEBT. Se tuża wkoll is-Seba’ Programm ta’ Qafas fir-Riċerka u l-Iżvilupp biex issostni r-riċerka, l-analiżi u l-iżvlupp tal-evidenza dwar l-aktar approċċi effettivi għall-KEBT fl-UE u bnadi oħra.

2 AċċESS GħALL-KEBT

2.1 KEBT universali u inklużivi

L-aċċess għal servizzi inklużivi u ta’ kwalità għolja tal-KEBT li jkunu disponibbli kullimkien ikun ta’ benefiċċju għal kulħadd. Dan mhux biss jgħin lit-tfal jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom iżda jista’ anki jikkontribwixxi biex il-ġenituri u qraba oħrajn jinvolvu ruħhom f’miżuri marbuta mat-titjib fix-xogħol, it-taħriġ b’rabta max-xogħol, l-edukazzjoni tal-ġenituri, u l-attivitajiet ta’ divertiment.

It-tfulija bikrija hija l-istadju fejn l-edukazzjoni tista' tinfluwenza bl-akbar mod l-iżvilupp tat-tfal u tgħin biex tpatti għall-iżvantaġġi li seta' kellhom qabel. Ir-riċerka turi li l-faqar u l-problemi fil-familji għandhom rabta qawwija ma' riżultati ħżiena fl-iskola. Diġà jeżistu differenzi kbar bejn l-iżvilupp konjittiv, soċjali u emottiv bejn it-tfal ġejjin minn kuntesti sinjuri u foqra fl-eta ta’ tliet snin, u jekk din id-diskrepanza mhix se tiġi indirizzata b’mod speċifiku, sal-età ta’ ħames snin se tkun kibret sew. Ir-riċerka mill-Istati Uniti turi li l-impatt tal-KEBT fuq it-tfal minn familji foqra huwa darbtejn aktar ta’ benefiċċju minn fuq familji f’sitwazzjoni aktar vantaġġata[11]. Il-KEBT għaldaqstant huwa partikolarment ta’ benefiċċju għat-tfal bi żvantaġġi soċjali u l-familji tagħhom, inklużi l-migranti u l-minoranzi[12]. Iżda mill-KEBT ma jibbenefikax biss min ibati l-faqar, u għall-gruppi soċjali kollha dawn is-servizzi jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati għadd ta’ problemi fl-edukazzjoni, b’mod li jservi aktar fit-tul u li huwa aktar kost effettiv minn interventi li jsiru aktar 'il quddiem[13].

Il-KEBT huma mezz importanti ta’ kif titnaqqas l-inċidenza tat-tluq mill-iskola qabel iż-żmien, li hija marbuta sew mal-iżvantaġġi soċjoekonomiċi. Servizzi ta’ KEBT ta’ kwalità għolja u li huma disponibbli universalment jistgħu jagħlqu d-diskrepanza li teżisti f’dak li hu żvilupp soċjali u l-kisbiet numeriċi u fil-kitba u l-qari bejn it-tfal ġejjin minn kuntesti soċjali vantaġġati u żvantaġġati, u hekk jinkiser iċ-ċiklu ta’ kisbiet baxxi u ta’ nuqqas ta’ interess li ħafna drabi jwassal għall-ħruġ mill-iskola, u allura għat-trasferiment tal-faqar minn ġenerazzjoni għal oħra[14].

Għat-tfal ġejjin minn familji ta’ migrazzjoni, id-dejta turi li meta mqabbla ma’ studenti ġejjin minn sfond nattiv, hemm qabża enormi fil-livelli tal-edukazzjoni miksuba, li l-prestazzjoni tat-tieni ġenerazzjoni hija iktar baxxa minn tal-ewwel waħda f’bosta Stati Membri, u li r-rati ta’ dawk li joħorġu mill-iskola qabel iż-żmien bħala medja huma d-doppju[15]. Ħafna drabi l-familji migranti la jkunu familjari mal-lingwa u lanqas mas-sistema edukattiva tal-pajjiż ospitanti, u allura s-sostenn lil uliedhom fit-tagħlim ikun sfida partikolari. Teżisti evidenza b’saħħitha li tgħid li l-parteċipazzjoni fil-programmi tal-KEBT tista’ tkun ta’ benefiċċju kbir għall-iżvilupp konjittiv u lingwistiku tat-tfal ġejjin minn familji migranti. Il-programmi mudell fl-Istati Uniti wrew għadd sinifikanti ta’ effetti pożittivi mhux biss f’dak li hu suċċess fl-edukazzjoni kif ukoll fil-livell tad-dħul aktar 'il quddiem, imma anki f'dik li hija mġiba kriminali[16]. L-għoti ta’ assistenza fil-lingwa minn kmieni lit-tfal li d-dar jużaw lingwa differenti huwa parti importanti biex jitħejjew aħjar għall-iskola u biex ikun possibbli għalihom li jibdewha fl-istess livell bħal dawk tamparhom.

Is-sitwazzjoni tal-minoranza tar-Roma, pereżempju, ħafna drabi hija aktar diffiċli, u bosta mill-Istati Membri għandhom quddiem wiċċhom sfida sistemika biex jipprovdu opportunitajiet edukattivi xierqa għat-tfal tar-Roma. Għalkemm dawn jeħtieġu aktar sostenn, ir-rati ta’ parteċipazzjoni fit-tfal tar-Roma fil-KEBT huma ġeneralment sinifikatament aktar baxxi milli għall-popolazzjoni tal-post, u l-espansjoni ta’ dawn l-opportunitajiet hija sfida ta’ politika ewlenija madwar l-UE. Il-KEBT jista’ jkollhom rwol ċentrali biex it-tfal tar-Roma jegħlbu l-iżvantaġġi edukattivi tagħhom kif enfasizzat fl-azzjonijiet pilota dwar l-inklużjoni tar-Roma li bħalissa jinsabu għaddejjin fi wħud mill-Istati Membri b’kontribut mill-baġit tal-UE.[17]

Fejn jidħlu t-tfal bi bżonnijiet speċjali, l-Istati Membri ntrabtu li jħaddmu approċċi ta’ edukazzjoni inklużiva u dan billi kkonformaw mal-Konvenzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà[18]. Madankollu, madwar 2% tal-popolazzjoni Ewropea li tmur l-iskola għadha tgħix segregata. Il-KEBT joffru potenzjal għal inklużjoni ikbar tat-tfal bi bżonnijiet speċjali fl-edukazzjoni, hekk li jwittu t-triq għall-integrazzjoni tagħhom iktar tard fl-iskejjel ewlenin.

Ir-realizzazzjoni tal-potenzjal tal-KEBT biex jindirizzaw l-isfidi marbuta mal-inklużjoni msemmija hawn fuq tiddependi mit-tfassil u mill-finanzjament tas-sistema tal-KEBT. Teżisti evidenza ċara li tgħid li l-aċċess universali għal KEBT ta’ kwalità hija ta’ aktar benefiċċju mill-interventi mmirati esklużivament lejn il-gruppi vulnerabbli. Il-KEBT immirati lejn gruppi esklużivi biss jwasslu għal problemi minħabba li hu diffiċli fil-prattika li l-grupp fil-mira jiġi identifikat b’mod affidabbli, jistgħu jistigmatizzaw il-benfiċjarji tagħhom u jistgħu anki jwasslu għal segregazzjoni fi stadji aktar tard fl-edukazzjoni. Is-servizzi mmirati lejn gruppi partikolari biss huma wkoll f’riskju ikbar li jitħassru minn dawk universali.

Huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li s-servizzi tal-KEBT, tajbin kemm ikunu tajbin, jistgħu biss jikkumpensaw parzjalment għall-faqar fil-familja u għall-iżvantaġġi soċjali. Biex jiżdiedu l-benefiċċji fit-tul tal-KEBT ta’ kwalità għolja għat-tfal ġejjin minn kuntest żvantaġġat, il-KEBT iridu jkunu marbuta ma’ inizjattivi f’oqsma oħra ta’ politika fi strateġija komprensiva (xogħol, djar, saħħa, eċċ.).

2.2 Finanzjament effiċjenti u ekwu

Bħalma jidher fl-istampa li ġejja, l-ikbar riżultati ġejjin mill-investiment fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal, u partikolarment ta’ dawk ġejjin minn kuntesti żvantaġġati, filwaqt li l-investiment fl-edukazzjoni fi stadji aktar tard għandu t-tendenza li jwassal għal żbilanċ minħabba li minnu jibbenefikaw l-aktar it-tfal ġejjin minn kuntesti soċjoekonomiċi aħjar.

[pic]

Sors: COM (2006) 481, p.4.

Il-kostijiet tal-unità għal kull tifel li jibbenefika mill-KEBT jistgħu tal-inqas ikunu għaljin daqs l-iskejjel, partikolarment jekk is-servizzi jkunu ta' kwalità għolja, imma r-riċerka turi li l-KEBT ta' kwalità għolja jistgħu jtejbu r-rabta bejn il-kost u l-benefiċċju. Fi kliem ieħor, aktar investiment fit-tfulija bikrija jista' jwassal biex aktar tard jiġu ffrankati l-flus[19]. Madankollu, f'bosta Stati Membri, in-nefqa pubblika fl-edukazzjoni għal kull tifel fil-fażi tat-tfulija bikrija hija iktar baxxa milli fil-fażijiet l-oħra kollha[20].

Fl-Istati Membri jeżistu bosta tipi ta' mudelli ta' finanzjament għall-KEBT, u dan abbażi ta' sorsi pubbliċi u privati. Il-pajjiżi kollha Ewropej jiffinanzjaw jew jikkofinanzjaw l-għoti tal-KEBT lil tfal ’il fuq minn tliet snin minn sorsi pubbliċi; inqas minn nofs l-Istati Membri tal-UE jkopru l-biċċa l-kbira tal-ispejjeż mingħajr ma jitolbu kontribut mingħand il-familji. Għal dawk taħt it-tliet snin, l-għoti ta' dawn is-servizzi normalment ikun iffinanzjat mill-privat. Xi Stati Membri joffru għajnuna finanzjarja addizzjonali, staff addizzjonali, u inċentivi fiskali biex jinżamm l-istaff għall-għoti ta' servizzi lil gruppi f'riskju.

Minħabba ż-żieda fl-attenzjoni lill-politika dwar il-KEBT mill-Istati Membri, u minħabba l-konsegwenzi tar-restrizzjonijiet dwar in-nefqa pubblika, hemm bżonn kbir li jiġi żgurat li l-finanzjament jintuża bl-aktar mod effiċjenti.

Is-servizzi bbażati fuq is-suq għandhom il-potenzjal li jillimitaw in-nefqa pubblika u jippermettu aktar għażla u kontroll għall-ġenituri; madankollu, dan ma għandux jitħalla jillimita d-disponibbiltà ta' servizzi ta' kwalità għolja għal kulħadd. Il-familji bi dħul baxx normalment ikunu l-iktar li jeħtieġu servizzi għall-kura tat-tfal kmieni u kemm jista' jkun irħis, iżda sikwit ma jaffordjawx servizzi tal-KEBT ibbażati fis-suq għal uliedhom.

3. IL-KWALITÀ TAL-KEBT

3.1 Kurrikulu

Is-servizzi tal-KEBT għandhom jitfasslu u jitwasslu bil-għan li jissodisfaw il-ħtiġijiet varji kollha tat-tfal: dawk konjittivi, emottivi, soċjali u fiżiċi. Dawn il-ħtiġijiet huma differenti sew minn dawk tat-tfal ikbar fl-età u li jmorru l-iskola. Ir-riċerka tindika li l-ewwel snin huma l-aktar snin li jiffurmawlhom ħajjithom. Huwa f'dan l-istadju li jiġu stabbiliti s-sisien tal-abitudnijiet u l-mudelli ewlenin tagħhom għall-bqija ta' ħajjithom.

Il-kisba tal-ħiliet nonkonjittivi (bħalma huma l-perseveranza, il-motivazzjoni, l-abbiltà li jinteraġixxu mal-oħrajn) fis-snin bikrin hija essenzjali għall-proċessi kollha tat-tagħlim u għal involviment soċjali b'saħħtu fil-ġejjieni, hekk li l-kontenut tal-kurrikulu tal-KEBT għandu jkun wieħed li jestendi lil hinn mit-tagħlim konjittiv, u jiġbor fih is-soċjalizzazzjoni kif ukoll firxa ta' aspetti nonkonjittivi. L-integrazzjoni tas-servizzi tal-kura ma' dawk tal-edukazzjoni hija għaldaqstant waħda neċessarja, irrispettivament minn jekk is-sistema tal-KEBT tkunx maqsuma bejn (a) l-indukrar tat-tfal sa tliet snin u (b) l-edukazzjoni preskolastika minn tliet snin sa meta jibdew l-iskola, jew hix waħda bbażata fuq mudell unitarju li jkopri l-firxa tal-etajiet kollha mit-twelid sal-bidu tal-edukazzjoni obbligatorja[21].

Minħabba l-firxa wiesgħa ta' approċċi li jeżistu bħalissa madwar l-UE, huwa importanti li niffukaw fuq il-kwistjoni tal-kwalità u l-adegwatezza tal-kurrikulu, u li jkunu analizzati l-esperjenzi pożittivi tal-Istati Membri b'mod li jittieħed eżempju tajjeb minnhom, u dan sabiex ikun assigurat l-ikbar impatt pożittiv tal-KEBT.

3.2 L-istaff

Il-kompetenzi tal-istaff huma ċentrali għal KEBT ta' kwalità għolja. Li tattira l-istaff, tedukah, u li terġa' tħarreġ lil staff ikkwalifikat b'mod xieraq huwa sfida kbira. Ix-xejriet fl-integrazzjoni tas-servizzi tal-kura tat-tfal ma' dawk tal-edukazzjoni qegħdin itejbu l-professjonalizzazzjoni tal-istaff li jaħdem fis-servizzi tal-KEBT, inkluża l-firxa ikbar u usa' tal-livelli meħtieġa fl-edukazzjoni, salarji ogħla u kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol, iżda l-profil ġenerali tal-istaff jibqa' wieħed tassew varju. Xorta għad hemm it-tendenza li x-xogħol 'edukattiv' jiġi allokat lil staff ikkwalifikat, filwaqt li dak marbut mal-'kura' jingħadda lil staff inqas ikkwalifikat, u dan ħafna drabi jwassal għal nuqqas ta' kontinwità fil-kura u l-edukazzjoni tat-tifel individwali.

Barra minn dan, il-firxa ta' kwistjonijiet indirizzata mill-istaff tal-KEBT u d-diversità tat-tfal li l-istaff huma responsabbli għalihom jitolbu riflessjoni kontinwa dwar il-prassi pedagoġika kif ukoll approċċ sistemiku lejn il-professjonalizzazzjoni. F'bosta pajjiżi, it-taħriġ għall-ħidma mat-tfal f'riskju huwa parti integrali mit-taħriġ inizjali, iżda mbagħad mhumiex koperti biżżejjed bosta aspetti oħra marbuta mad-diversità. Barra minn hekk, l-istaff tal-KEBT rari jkollhom l-istess possibbiltajiet ta' taħriġ inizjali, taħriġ waqt il-perjodu tal-impjieg u għall-iżvilupp professjonali kontinwu bħalma hu disponibbli għall-għalliema tal-iskola.

Għalhekk, bħalma sar progress f'bosta Stati Membri lejn ingaġġ ta' staff aktar professjonalizzat u speċjalizzat fil-KEBT, dan jidher li jsir minn livell baxx f'bosta pajjiżi u t-titjib ta' din is-sitwazzjoni se jkun parti importanti ta' kull espansjoni tas-servizzi tal-KEBT.

Fost l-istaff tal-KEBT hemm kwistjoni tabilħaqq importanti, dik marbuta mal-bilanċ bejn is-sessi. Kważi l-istaff kollu jkun magħmul biss minn nisa. Dan ilu ħafna jitiqes bħala fattur ta' tħassib. Xi ftit pajjiżi stabbilew miri biex fil-KEBT jiġu ingaġġati wkoll l-irġiel jew ippruvaw jerġgħu jfasslu l-professjoni b'mod li titnaqqas l-assoċjazzjoni tal-impjieg ma' sess partikulari[22]. Jinħass verament il-bżonn, fil-pajjiżi kollha tal-UE, li l-karrieri fis-settur tal-KEBT jibdew jattiraw aktar irġiel.

3.3 Il-governanza tal-KEBT

Il-benefiċċji minn KEBT ta' kwalità jikbru iktar kemm jgħaddi ż-żmien, u dan ifisser li l-bqija tas-sistema jeħtieġ tkompli tibni fuqhom sabiex ma jintilifx it-tajjeb li jinkiseb fil-bidu.

Approċċ sistemiku għas-servizzi tal-KEBT jikkonsisti f'kollaborazzjoni b'saħħitha bejn is-setturi differenti tal-politika, bħalma huma l-edukazzjoni, ix-xogħol, is-saħħa u l-politka soċjali. Approċċi bħal dawn jippermettu lill-gvernijiet jorganizzaw u jiġġestixxu politiki b'mod aktar sempliċi u effiċjenti, u biex ilaqqgħu flimkien ir-riżorsi għat-tfal u għall-familji tagħhom. Dan jirrikjedi viżjoni koerenti li jipparteċipaw fiha l-partijiet interessati kollha, inklużi l-ġenituri, qafas ta' politika komuni b'għanijiet konsistenti fis-sistema kollha, u rwoli u responsabbiltajiet iddefiniti sew fil-livelli ċentrali u lokali. Dan l-approċċ jgħin ukoll lis-servizzi tal-KEBT biex iwieġbu aħjar għall-esiġenzi lokali. L-iskambji tal-politika u l-kooperazzjoni fil-livell tal-UE jistgħu jgħinu lill-pajjiżi jitgħallmu mill-prassi tajba ta' xulxin f'dan l-impenn importanti u diffiċli.

Iċ-ċaqliq bla problemi minn istituzzjoni għal oħra (eż. mill-iskola ta' qabel il-primarja għall-primarja) jirrikjedi komunikazzjoni effiċjenti bejn l-istituzzjonijiet kif ukoll kontinwità fejn jidħol il-kontenut u l-istandards. Barra minn hekk, id-diversità soċjali dejjem tikber fl-UE u l-isfida li jiġu akkomodati kuntesti soċjokulturali dejjem aktar differenti jagħtu dejjem iktar importanza lit-tranżizzjonijiet mill-familja għall-KEBT u dawk bejn il-gruppi ta' età differenti fl-istess istituzzjoni.

Il-mekkaniżmi li jassiguraw il-kwalità tal-KEBT normalment jeħtieġ li jissejsu fuq qafas pedagoġiku li jintlaħaq ftehim dwaru, hekk li jiġi kopert il-perjodu kollu bejn it-twelid u l-età tal-iskola obbligatorja. Oqfsa bħal dawn imorru lil hinn minn kurrikulu tradizzjonali. Huma oqfsa li jkunu jistgħu jiddefinixxu r-rekwiżiti tal-istaff, l-orjentazzjonijiet u l-istandards pedagoġiċi, u l-qafas regolatorju għas-servizzi tat-tfulija bikrija. Ikunu jistgħu jistabbilixxu r-riżultati li wieħed jimmira li jilħaq, li jista' jgħin biex ikun immonitorat l-iżvilupp tat-tfal b'kollaborazzjoni mal-ġenituri u l-istaff tal-KEBT u biex il-progress tagħhom lejn l-istadji ulterjuri fl-edukazzjoni ikun faċilizzat kemm jista' jkun. L-oqfsa jistgħu jistabbilixxu standards konsistenti fis-sistema kollha li magħhom jistgħu jitqabblu r-riżultati u jiġu implimentati l-arranġamenti tal-assigurazzjoni tal-kwalità.

4. KONKLUżJONI

Din il-Komunikazzjoni tefgħet dawl fuq il-ħtieġa li fl-UE jkun hemm titjib fis-servizzi tal-KEBT, u dan billi l-miri kwantitattivi eżistenzi jiġu kkumplementati b'miżuri biex jittejjeb l-aċċess u biex tkun żgurata l-kwalità tal-għoti tas-servizz. Bħala tweġiba għat-talbiet fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2008 u tal-2009 għal aktar kooperazzjoni fil-politika dwar kwistjonijiet marbuta mal-KEBT u għall-isfida tal-valur referenzjarju ġdid Ewropew dwar il-parteċipazzjoni fil-KEBT, din il-Komunikazzjoni tipproponi aġenda għal ħidma bejn l-Istati Membri dwar kwistjonijiet ċentrali marbuta mal-aċċess u mal-kwalità, waħda sostnuta minn azzjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni. Din l-aġenda hija mqassra fil-kaxex hawn taħt. Din il-ħidma għandha tkun organizzata skont il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni u tiffoka fuq l-identifikazzjoni u l-analiżi ta' sfidi komuni, mudelli ta' prassi tajba, u dwar kif l-approċċi li jirnexxu jiġu trasferiti għal sistemi oħra.

Il-KEBT għandhom rwol importanti fit-tnaqqis tal-ħruġ mill-iskola qabel iż-żmien, hekk li fil-Programmi ta' Riforma Nazzjonali tal-Istati Membri għandhom jiġu enfasizzati l-isfidi ewlenin u s-soluzzjonijiet possibbli f'dan il-qasam, u dan biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet tal-Ewropa 2020. Il-ħtieġa biex nitgħallmu mill-prassi u minn esperjenzi tajba minn madwar l-UE, hekk li ntejbu l-kwalità tal-politika fil-KEBT, hija waħda kbira tassew.

Kwistjonijiet proposti għal kooperazzjoni fil-politika fost l-Istati Membri

Aċċess għall-KEBT

- L-użu effettiv tal-KEBT biex isostni l-inklusjoni u jnaqqas il-ħruġ mill-iskola qabel iż-żmien

- Aċċess aktar mifrux għal KEBT ta' kwalità għat-tfal fi żvantaġġ, il-migranti, it-tfal tar-Roma (bħalma huma l-inċentivi għall-parteċipazzjoni tal-familji żvantaġġati, l-adattament tal-għoti tas-servizzi skont il-ħtiġijiet tal-familji u aċċessibbiltà u kapaċità ta' ħlas ikbar)

- Il-ġbir tal-evidenza dwar il-vantaġġi u l-impatt tal-għoti tas-servizz b'mod universali kontra dak b'mira speċifika

- It-tfassil ta' mudelli ta' finanzjament effiċjenti u l-bilanċ ġust bejn l-investiment pubbliku u dak privat

Il-kwalità tal-KEBT

- Is-sejbien tal-bilanċ ġust fil-kurrikulu bejn l-elementi konjittivi u dawk nonkonjittivi

- Il-promozzjoni tal-professjonalizzazzjoni tal-istaff tal-KEBT: il-kwalifikazzjonijiet li hemm bżonn skont il-funzjonijiet partikolari

- L-iżvilupp ta' politiki biex ikun attirat, edukat, u mħarreġ mill-ġdid staff kwalifikat tal-KEBT

- It-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi tal-istaff tal-KEBT

- Lejn sistemi tal-KEBT li jintegraw il-kura mal-edukazzjoni, u jtejbu l-kwalità, l-ekwità u l-effiċjenza tas-sistema

- Il-faċilitar tat-tranżizzjoni tat-tfal żgħar bejn il-familja u l-edukazzjoni/il-kura, u bejn il-livelli ta' edukazzjoni

- L-iżgurar tal-assigurazzjoni tal-kwalita': it-tfassil ta' oqfsa pedagoġiċi koerenti, ikkoordinati sew, bl-involviment tal-partijiet interessati ewlenin

.

Bħala sostenn, il-Kummissjoni se tkun qiegħda:

- Tippromwovi l-identifikazzjoni u l-iskambju ta' politiki u prassi tajbin permezz tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ fl-Istati Membri ( ET2020 )

- Issostni l-iżvilupp ta' approċċi innovattivi billi tiżviluppa proġetti u netwerks transnazzjonali skont il-Programm ta' Ħidma Tul il-Ħajja

- Tipprovdi sostenn għar-riċerka f'dawn l-oqsma taħt is-Seba' Programm ta' Qafas dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp.

- Tinkoraġġixxi l-Istati Membri jinvestu f'dawn l-oqsma permezz tal-Fondi Strutturali, b'mod partikoalri permezz tas-sostenn għat-tħarriġ tal-istaff u għall-iżvilupp ta' infrastruttura aċċessibbli.

-

[1] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'L-effiċjenza u l-ekwità fis-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ Ewropej' (COM (2006) 481)

[2] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda: Kontribut Ewropew lejn xogħol għal kulħadd' (COM(2010)682)

[3] OECD, ir-riżultati ta' PISA 2009 Vol.2: Overcoming Social Background (2010) pp 97-8; IEA, PIRLS 2006 International Report, (2007) p. 158

[4] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26.11.2009 dwar l-edukazzjoni ta’ tfal bi sfond ta’ migrazzjoni (ĠU 2009/C 301/07)

[5] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11.05.2010 dwar l-edukazzjoni ta’ tfal bi sfond ta’ migrazzjoni (ĠU 2010/C 135/02)

[6] Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni 'L-Implimentazzjoni tal-għanijiet ta’ Barċellona dwar il-faċilitajiet tal-ħarsien tat-tfal f'età ta' qabel l-iskola' (SEC (2008) 2524)

[7] Għar-Renju Unit hemm waqfa fis-serje bejn l-2002 u l-2003 (il-figuri preċedenti huma ogħla aktar milli suppost). Għall-Greċja, l-2008 hi sostitwita bid-dejta tal-2007.

[8] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-effiċjenza u l-ekwità fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ĠU C 298 tat-8.12.2006)

[9] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tħejjija taż-żgħażagħ għas-seklu 21: aġenda għall-kooperazzjoni Ewropea dwar l-iskejjel (ĠU C 319 tat-13.12.2008)

[10] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (‘ET 2020’) (ĠU C 119 of 28.5.2009)

[11] S.W. Barnett,' Maximising returns from prekindergarten education', (2004) p. 10.

[12] J. Bennett, ‘Benchmarks for early childhood services in OECD countries’, Innocenti Working Paper (2008), p. 23; Joseph Rowntree Foundation, ‘Poorer children’s educational attainment’ (2010).

[13] S.W. Barnett, 'Benefits and costs of quality per-school education: evidence based-policy to improve returns'. Paper imressqa fis-7th OECD ECEC Network meeting, (2010), p.11.

[14] Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni, ‘Innaqqsu r-rata tal-ħruġ mill-iskola qabel iż-żmien’ (SEC(2011)96), p.15.

[15] Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni ta’ tfal bi sfond ta’ migrazzjoni (ĠU 301/C tal-31.12.2009)

[16] D. Nusche, ‘What works in migrant education?’, OECD Education Working Paper No.22 (2009) p.27

[17] Aktar dettalji: http://ec.europa.eu/regional_policy/themes/roma/about_en.cfm?nmenu=2

[18] Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltajiet (2006) ġiet iffirmata mill-Istati Membri, u rratifikata minn bosta minnhom.

[19] M.E. Lamb, ‘Nonparental child care: context, quality, correlates and consequences’, in W. Damon et al, Handbook of Child Psychology (1998)

[20] OECD, Doing better for children (2009), p.15.

[21] Eurydice Report, Early Childhood Education and Care in Europe: Tackling Social and Cultural Inequalities (2009), p. 29.

[22] OECD, Starting strong II (2006), pp. 170-1.