52011DC0052

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Dwar ir-Reazzjoni għar-Rapport tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Evalwazzjoni Interim tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka, Żvilupp Teknoloġiku u Attivitajiet ta' Dimostrazzjoni u għar-Rapport tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Evalwazzjoni Interim tal-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji /* KUMM/2011/0052 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 9.2.2011

KUMM(2011) 52 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Dwar ir-Reazzjoni għar-Rapport tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Evalwazzjoni Interim tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka, Żvilupp Teknoloġiku u Attivitajiet ta' Dimostrazzjoni u għar-Rapport tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Evalwazzjoni Interim tal-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Dwar ir-Rispons għar-Rapport tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Evalwazzjoni Interim tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka, Żvilupp Teknoloġiku u Attivitajiet ta' Dimostrazzjoni u għar-Rapport tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Evalwazzjoni Interim tal-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji

1. KUNTEST

L-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) (FP7)[1] jistipula l-bażi legali għal Evalwazzjoni Interim tal-FP7 imsejsa fuq l-evidenza li għandha titwettaq bl-għajnuna ta' esperti indipendenti sa mhux aktar tard mill-2010. Dan l-Artikolu jistipula li din l-evalwazzjoni għandha tkopri l-kwalità tal-attivitajiet ta' riċerka li għaddejjin bħalissa, kif ukoll il-kwalità tal-implimentazzjoni u l-ġestjoni, u l-progress li sar lejn il-kisba tal-miri stabbiliti. L-evalwazzjoni rnexxielha tifformula għadd ta' valutazzjonijiet komplimentari inkluż l-evalwazzjoni interim tas-sottotema Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) [2].

Abbażi ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni[3] li tispeċifika t-Termini ta' Referenza, inħatar grupp ta' 10 esperti sabiex iwettqu din l-Evalwazzjoni Interim. Il-grupp kien ippresedut minn Rolf Annerberg, Direttur Ġenerali tal-Kunsill Svediż tar-Riċerka dwar l-Ambjent, ir-Riċerka Agrikola u l-Ippjanar Spazjali. Ir-rapport kien sottomess fit-12 ta' Novembru 2010 u jinsab disponibbli fuq l-Internet[4].

Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE[5] u dawk dwar il-Programmi Speċifiċi "Kooperazzjoni"[6] u "Kapaċitajiet"[7] jesiġu wkoll li sal-2010 għandha titwettaq evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (RSFF) minn grupp ta' esperti indipendenti. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni interim RSFF għandhom jiġu ppreżentati mill-Kummissjoni fil-forma ta' rapport tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew, li abbażi tagħhom jistgħu jiddeċiedu jirrilaxxaw it-tieni ammont tal-kontribut finanzjarju tal-UE allokat lill-RSFF (sa mhux iktar minn EUR 500 miljun) għall-perjodu 2011-2013+[8]. Ir-rapport tal-Grupp ta' Esperti Indipendenti (IEG), magħmul minn 6 membri u ppresedut mis-Sinjura Erika Mann, eks-MEP, ġie sottomess fl-1 ta' Awwissu 2010 u jinsab disponibbli fuq l-Internet[9].

Din il-Komunikazzjoni tirreaġixxi għar-rakkomandazzjonijiet[10] f'dawn l-evalwazzjonijiet billi ssemmi l-azzjonijiet li l-Kummissjoni biħsiebha tieħu jew li diġà ħadet, imma wkoll tindika fejn ma jkunx hemm soluzzjoni immedjata jew ovvja.

Huwa ċar li għadd ta' kwistjonijiet li tqajmu, b'mod partikolari fir-rigward tat-tfassil u l-kontenut tal-Programmi Kwadri (FPs) u r-regoli ta' finanzjament li, minħabba l-implimentazzjoni tagħhom ma jistgħux jiġu indirizzati mill-Kummissjoni waħidha, imma jeħtieġ li jkun hemm l-involviment ta' grupp aktar wiesa' ta' atturi inklużi l-Istati Membri, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jaħdmu flimkien.

2. Rispons għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi fl-evalwazzjoni interim tal-FP7

2.1. Biex jiġu avvanzati ż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) u l-miri tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, li jintegraw il-bażi tar-riċerka....

Il-ħtieġa li tingħeleb il-frammentazzjoni tar-riċerka u li tinbena massa kritika fir-riċerka, kemm dik pubblika kemm dik privata, għadhom kwistjonijiet ewlenin minkejja li saru bosta kisbiet bħall-ITK, l-ERA-NETS, l-attivitajiet li jissemmew fl-Artikolu 185, il-mekkaniżmu ta' kofinanzjament fl-attivitajiet ta' taħriġ tal-programm Marie Curie u issa l-ewwel passi lejn Programmar Konġunt.

Il-programmi tal-ġejjieni tal-UE fil-qasam tar-riċerka għandhom jipprovdu enfasi aktar ċara fuq l-elementi ewlenin tar-riċerka għax-xjenza, il-ġestjoni teknoloġika u l-kompetittività industrijali u jiffukaw fuq l-isfidi kbar tas-soċjetà. Min-naħa l-oħra dan għandu jipprovdi benefiċċji multipli, inkluż l-iffissar tal-prijoritajiet b'mod iktar koerenti, kapaċità aħjar biex jiġu xprunati l-investimenti fis-settur privat, titjib tal-valur miżjud Ewropew u bażi iktar soda biex jitkejjel l-impatt.

Approċċ ta' dan it-tip jeħtieġ jiġi żviluppat fil-qafas taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, billi jiġu identifikati oqsma ta' interess komuni jew konverġenti, filwaqt li jkun żgurat li hemm allinjament aħjar ta' kapaċitajiet tar-riċerka.

L-Unjoni tal-Innovazzjoni tiffissa kif jistgħu jinkisbu l-miri ta' Ewropa 2020 ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv permezz ta' approċċ strateġiku u integrat lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni. Il-Green Paper li għad trid toħroġ dwar Qafas Strateġiku Komuni għar-Riċerka tal-UE u l-finanzjament tal-Innovazzjoni se tvara dibattitu pubbliku wiesa' dwar il-kwistjonijiet prinċipali li għandhom jitqiesu fil-programmi tal-ġejjieni.

2.2. Biex jiġu żviluppati u implimentati infrastrutturi tar-riċerka ta' kwalità għolja....

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-finanzjament tal-infrastruttura se jimxi 'l quddiem permezz ta' allinjament aħjar tal-FP, bil-finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fondi Strutturali.

Il-mira tal-appoġġ tal-FP7 għal infrastrutturi ġodda tar-riċerka hi l-fażi preparatorja għall-proġetti fil-Pjan ta' Direzzjoni ESFRI u għal xi wħud minn dawn il-proġetti tfasslu sinerġiji possibbli mal-Politika ta' Koeżjoni u tqassmet informazzjoni lill-konsorzji tal-proġett. Il-Kummissjoni hija kunfidenti li s-sinerġiji għandhom iħallu riżultati qabel jintemm l-FP7.

Se jibqa' jingħata appoġġ lill-Attivajiet ta' Integrazzjoni (I3) għall-aħħar snin tal-FP7. Għandha titqies possibbiltà interessanti li jiġi rinfurzat it-taħriġ marbut mal-infrastrutturi tar-riċerka fil-programm Nies.

Wara l-Istrateġija Ewropa 2020 jista' jiġi inkluż pakkett ta' ħidma dwar l-innovazzjoni fil-proġetti kollha ta' infrastruttura tar-riċerka biex b'hekk l-involviment ikbar tal-industrija jingħata vantaġġ. Il-programm ta' ħidma 2012 se jenfasizza aħjar il-possibbiltà għar-riċerkaturi minn pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn aċċess għall-infrastrutturi Ewropej tar-riċerka.

L-iżvilupp tal-infrastrutturi elettroniċi se jgħaqqad lir-riċerkaturi, l-istrumenti, id-dejta u r-riżorsi ta' komputazzjoni madwar l-Ewropa, billi tinħoloq "ERA onlajn" mingħajr xkiel. Bħala parti integrali tal-inizjattiva ewlenija Aġenda Diġitali, din il-ħidma se titkompla fit-tieni nofs tal-FP7 inkluż l-iżvilupp tas-servizzi onlajn għall-komputazzjoni u r-riċerka intensiva imsejsa fuq id-dejta, l-aġġornament tan-netwerk GÉANT u żvilupp ulterjuri tal-infrastruttura ta' superinformatika PRACE[11].

2.3. Il-livell tal-finanzjament għandu, tal-anqas, jinżamm....

L-istrateġija Ewropa 2020 tirrikonoxxi b'mod ċar ħafna li r-riċerka u l-innovazzjoni huma l-muturi ewlenin tal-progress tas-soċjetà u l-prosperità ekonomika. Sabiex jintlaħqu l-miri ta' din l-istrateġija, l-isfidi ewlenin li jeħtieġ jiġu indirizzati fil-livell tal-UE u l-isfida stipulata mill-kompetituri tagħna li jippjanaw investimenti kbar u ambizzjużi għar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni (RDI), għandu jkun hemm livell kredibbli ta' finanzjament għall-qafas tar-riċerka u l-innovazzjoni.

Kif propost fl-Analiżi tal-Baġit, kwadru strateġiku komuni se jiżgura użu iktar effiċjenti tal-finanzjamanet tar-riċerka u tal-innovazzjoni tal-UE billi jsaħħaħ il-valur miżjud tal-UE, billi jkun orjentat iktar biex jagħti riżultati, u billi jixpruna sorsi oħra kemm pubbliċi kemm privati ta' finanzjament.

2.4. Jeħtieġ li jkun hemm strateġija ta' innovazzjoni artikolata sewwa....

Il-Kummissjoni taqbel mar-rakkomandazzjoni li hija konverġenti mal-orjentazzjonijiet mogħtija fil-Kommunikazzjoni dwar l-Unjoni tal-Innovazzjoni fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020.

Fl-aħħar snin, l-approċċ sabiex isir allinjament tal-prijoritajiet ta' finanzjament tal-FP mal-ħtiġijiet tat-teknoloġija tal-industrija, billi Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija u l-appoġġ għal Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti u Sħubiji Pubbliċi-Privati jiġu nkoraġġuti, mhux biss żied ir-rilevanza industrijali tar-riċerka tal-FP imma wkoll, b'mod iktar fundamentali, għen lis-setturi kollha tal-industrija sabiex jallinjaw ruħhom mal-istrateġiji tar-riċerka kondiviżi. Kif stipulat fl-Unjoni tal-Innovazzjoni, il-programmi tal-UE tal-ġejjieni għandhom isaħħu dan, flimkien ma' mekkaniżmi iktar b'saħħithom ta' trasferiment ta' għarfien u l-varar ta' Sħubiji Ewropej tal-Innovazzjoni sabiex jitqarrbu mal-miżuri li jittieħdu minħabba d-domanda (bħall-iffissar tal-istandards, l-akkwist u l-oqfsa regolatorji).

Filwaqt li l-impenji tal-Unjoni tal-Innovazzjoni mhux se jkunu implimentati bis-sħiħ qabel il-ġenerazzjoni li jmiss ta' programmi ta' nfiq, il-Kummissjoni diġà qiegħda tinvesti sforz sinifikanti sabiex ittejjeb l-impatt tal-innovazzjoni tal-Programm Kwadru attwali. Dan se jinkiseb fil-programmi ta' ħidma FP7 li għad fadal, inkluż permezz ta' finanzjament għal proġetti li jqarrbu r-riżultati tar-riċerka lejn is-suq (eżempju proġetti ta' dimostrazzjoni) u enfasi ulterjuri fuq l-impatti tal-innovazzjoni fil-proposti ta' evalwazzjoni. Barra minn hekk, se jingħata finanzjament ieħor kemm għal proġetti speċifiċi tal-SMEs kemm għal suġġetti li huma attraenti għall-SMEs jew organizzazzjonijiet li għadhom "ġodda" f'dak li għandu x'jaqsam l-FP7.

2.5. Jeħtieġ qabża kbira fis-simplifikazzjoni....

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-ħtieġa li jkun hemm iktar semplifikazzjoni. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni[12] dwar is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi qafas tar-riċerka, li tippreżenta sett ta' alternattivi fuq perjodu ta' żmien qasir u fuq perjodu itwal, qajmet dibattitu intensiv interistituzzjonali. Filwaqt li hemm appell kbir għall-istabbiltà u l-kontinwità fir-rigward tar-regoli applikabbli għall-FP7, joħroġ kunsens wiesa' dwar il-fatt li għandu jsir progress malajr fi tliet oqsma ta' suċċess potenzjali li diġà jinsabu fl-FP7:

- Definizzjoni mill-ġdid tal-kriterji għall-aċċettazzjoni tal-metodoloġiji tal-kostijiet medji tal-persunal, li tneħħi l-kriterji għal devjazzjonijiet aċċettabbli bejn il-kostijiet medji f'kategorija tal-persunal u l-kostijiet attwali marbutin mal-persuni individwali li jaħdmu fuq il-proġetti. Dan jagħti lok għall-aċċettabbiltà tal-biċċa l-kbira tal-metodoloġija tal-kostijiet medji tal-persunal li jiġu applikati fil-verità bħala prattika normali tal-kontabbiltà mill-benefiċjarji, b'mod partikolari fl-industrija, inklużi l-metodi msejsa fuq iċ-ċentru tal-kostijiet;

- Għoti ta' possibbiltà lis-sidien tal-SMEs u lill-persuni fiżiċi li ma jirċevux salarju reġistrat fil-kontijiet sabiex ikun rimburżat il-valur tal-ħidma tagħhom fuq il-proġetti FP7 permezz ta' rata fissa msejsa fuq il-konċessjonijiet għall-boroż ta' studju Marie Curie fil-programm speċifiku Nies;

- Twaqqif ta' kumitat ta' awtorizzazzjoni bejn id-Direttorati Ġenerali fil-Kummissjoni li jimplimenta l-programmi kwadri fil-qasam tar-riċerka, sabiex ikun hemm interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tar-regoli u l-proċeduri għall-implimentazzjoni tal-għotjiet tar-riċerka;

Fl-24 ta' Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni meħtieġa sabiex tiffissa l-miżuri ta' simplifikazzjoni li qed jitħaddmu li huma msemmijin iktar 'il fuq mingħajr iktar dewmien u b'effett retroattiv għall-għotjiet tal-FP7 li għadhom għaddejjin. Il-kwistjoni ta' interess dwar il-prefinanzjament hija indirizzata fil-proposta tal-Kummissjoni COM(2010)815 għar-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju. Ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzarju, kif propost mill-Kummissjoni, hija essenzjali wkoll sabiex tinkiseb simplifikazzjoni iktar radikali ("qabża kbira") fil-programmi ta' finanzjament ta' riċerka u innovazzjoni tal-ġejjieni.

2.6. It-taħlita tal-miżuri ta' finanzjament fl-FP7 u l-programmi suċċessuri għandhom iżommu bilanċ differenti bejn l-approċċ li jimxi minn isfel għal fuq u l-approċċ li jimxi minn fuq għal isfel fir-riċerka....

Partijiet sinifikanti tal-FP7 diġà jipprovdu approċċi li jimxu minn isfel għal fuq fir-riċerka. Dawn jinkludu l-Azzjonijiet Marie Curie (MCA) għat-taħriġ u l-mobbiltà tar-riċerkaturi u l-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (KER) għal riċerka li tkun ispirata mill-kurżità. Wieħed għandu jinnota wkoll l-iskema ta' Teknoloġiji Futuri u Emerġenti (FET) li, permezz ta' sejħiet tematiċi minn fuq għal isfel flimkien ma' sejħiet miftuħa minn isfel għal fuq qed tappoġġa riċerka esploratorja multidixxiplinari fl-ICT.

Il-pass lejn iktar finanzjament minn isfel għal fuq għandu jibqa' għaddej, permezz tal-proposta tal-Kummissjoni għal iktar sejħiet miftuħa għal proposti, imqanqlin mill-isfidi fis-snin finali tal-FP7. Barra minn hekk, l-Unjoni tal-Innovazzjoni impenjat ruħha li ssaħħaħ ir-rwol tal-KER u l-kwistjoni li tħaddem approċċi li jimxu minn isfel għal fuq minflok minn fuq għal isfel se tidher sew fid-dibattitu ta' orjentazzjoni fl-FP li jmiss.

Madankollu, l-iktar importanti għall-FP b'mod ġenerali hu li jiżgura bilanċ xieraq bejn l-approċċi li jimxu minn isfel għal fuq u minn fuq għal isfel. Barra l-kummenti msemmijin hawn fuq (il-punti 2.1 u 2.4) fir-rigward tal-attività tal-ġejjieni li hi ffukata sew fuq l-isfidi ewlenin, hu importanti li niftakru li din tirnexxi biss jekk tagħti lok għall-iżvilupp tal-kreattività u l-inġenjożità fil-livelli tal-proġetti u tar-riċerkaturi.

Il-Kummissjoni tirriafferma l-appoġġ tagħha għall-kunċett imsejjes fuq trijangolu ta' għarfien u tħares lejn ix-xogħol li għaddej bħalissa taħt l-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija kif ukoll tagħti spinta kbira lill-komponent tal-edukazzjoni. Se jkunu wkoll ta' importanza l-forum dwar "l-industrija tal-università" u l-"alleanzi ta' għarfien" imħabbra fil-Komunikazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, kif ukoll l-iżvilupp tal-ħiliet xierqa għar-riċerkaturi sabiex jinnovaw kif ipprovdut mill-azzjonijiet ta' Marie Curie (MCA).

2.7. Għandu jitqies moratorju fuq strumenti ġodda....

Il-bqija tal-programm FP7 se jkompli jitħaddem bil-bażi legali attwali u permezz tas-sett eżistenti ta' strumenti.

Madankollu, il-Kummissjoni se teżamina l-portafoll attwali tal-istrumenti sabiex tidentifika oqsma għas-semplifikazzjoni, affarijiet żejda possibbli u nuqqasijiet potenzjali. Approċċi ġodda bħal premjijiet jew skemi ta' akkwist innovattivi għandhom jitqiesu wkoll.

Din il-ħidma se tkun appoġġata b'diversi modi li jinkludu diskussjonijiet fi ħdan il-Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (KŻER) u l-"Komunikazzjoni dwar is-Sħubijiet" li għad trid toħroġ. L-ideat li joħorġu se jkunu riflessi fil-proposti tal-Kummissjoni għall-FP li jmiss.

Sabiex isir l-aqwa użu possibbli tal-baġit tal-UE se jkun meħtieġ finanzjament li jimmira lejn iktar valur miżjud Ewropew, impatt iktar qawwi u xprunar imtejjeb. Kwadru strateġiku komuni kif issemma qabel se jimmira biex jiżgura li l-finanzjament kollu għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE jitħaddem għal miri komuni u skont strateġija kondiviża. Dan fih innifsu jkun jeħtieġ żvilupp ta' portafoll koerenti u effiċjenti ta' strumenti.

2.8. Għandhom jittieħdu passi oħra sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-FP7 fis-snin li ġejjin....

Il-Kummissjoni tagħti importanza kbira lil din il-kwistjoni għalkemm tinnota, li minħabba li l-FP hu biss parti żgħira mill-attività kollha tar-riċerka Ewropea, il-limiti safejn tista' tasal waħidha. Progress reali jeħtieġ approċċ komuni li jkun appoġġat b'mod attiv mill-aġenziji tal-finanzjament u r-riċerkaturi madwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni taċċetta l-isfida li tieħu rwol prinċipali.

Minbarra l-attivitajiet attwali – speċjalment il-mira ta' 40%; attivitajiet ta' monitoraġġ, għarfien u promozzjoni; u suċċessi skont l-Azzjonijiet Marie Curie - qed tiġi proposta sensiela ta' attivitajiet ulterjuri. Il-Kummissjoni sejra:

- timplimenta bis-sħiħ il-mira li tintlaħaq parteċipazzjoni tan-nisa li tlaħħaq 40% fil-kumitati kollha ta' evalwazzjoni u ta' konsulenza – se tfittex ukoll l-appoġġ tal-Istati Membri biex tintlaħaq din il-mira għall-Kumitati tal-Programmi;

- tvara analiżi ġdida bl-appoġġ tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tar-riċerka sabiex tidentifika, sal-aħħar tal-2011, il-fatturi kulturali u sitwazzjonali li jgħinu fl-iffissar tal-parteċipazzjoni tar-riċerkaturi nisa, kif ukoll miżuri li jegħlbu dawn;

- tirrinforza l-monitoraġġ fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett;

- skont l-Azzjonijiet Marie Curie, tirrinforza r-rwol ta' Panil (Career Restart Panel) li l-għan tiegħu hu li jgħin lil dawk li jkunu jridu jerġgħu jaqbdu l-karriera fir-riċerka wara li jkunu waqfu għal xi perjodu, pereżempju minħabba liv ta' wara t-tqala.

2.9. Li titwitta t-triq għal iktar parteċipazzjoni minn Stati Membri li ma jkunux irrappreżentati biżżejjed (permezz ta') konnessjonijiet imtejba bejn il-Fondi Strutturali u l-FP....

Eżempju speċifiku tal-progress li diġà qed isir huwa l-Grupp ta' Esperti dwar is-Sinerġiji (SEG), imwaqqfa biex isibu sinerġiji bejn l-FP7, il-Fondi Strutturali u l-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni. Minħabba li l-membri ġejjin minn oqsma akkademiċi, politiċi u prattiċi, kif ukoll mill-angolu tal-edukazzjoni tat-trijangolu tal-għarfien dan se jagħti pariri dwar il-perjodu attwali ta' pprogrammar (2011-2013) u l-perjodu ta' pprogrammar li jmiss, kif ukoll dwar l-azzjonijet reġjonali tal-FP7. Is-SEG se jibbenefika minn analiżi riċenti ta' sinerġiji mwettqa mill-Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (KŻER).

L-inizjattivi ewlenin tal-Ewropa 2020 tal-Unjoni tal-Innovazzjoni u l-Aġenda Diġitali għandhom implikazzjonijiet sinifikanti għall-ksib ta' allinjament aħjar tal-politiki u l-attivitajiet tal-UE, inkluż ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-finanzjament tal-koeżjoni.

Il-Fondi Strutturali għandhom japoġġaw il-bini tal-kapaċità, bħal pereżempju għall-infrastrutturi tar-riċerka u l-azzjonijiet sabiex ikun hemm aċċess għal internet b'veloċità għolja madwar l-Ewropa, jiġifieri t-twessigħ tal-bażi tar-riċerka tal-UE u l-innovazzjoni u l-bini tal-kapaċitajiet għal soċjetà msejsa fuq l-għarfien.

2.10. Il-ftuħ tal-FP7 għal kooperazzjoni internazzjonali....

L-FP7 diġà hu miftuħ ħafna għall-kollaborazzjoni internazzjonali u jinvolvi parteċipanti minn iktar minn 160 pajjiż. Madankollu, f'termini ta' finanzi u l-għadd totali ta' parteċipanti, l-iskala ta' din il-kollaborazzjoni hija relattivament żgħira, b'mod partikolari meta dan jitqabbel man-nazzjonijiet emerġenti u li jinsabu minn ta' quddiem fil-qasam tar-riċerka. Din hija opportunità serja li qed tintilef u li għandha tiġi indirizzata.

Meta wieħed jibni fuq l-esperjenza tal-inizjattivi eżistenti bħalma huma l-ftehimiet bilaterali tal-UE dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija u s-sejħiet ikkoordinati, jidher li hemm ħtieġa urġenti għal approċċ iktar strateġiku.

Għalhekk il-Kummissjoni se twettaq analiżi ewlenija – sabiex tħejji rapport sal-aħħar tal-2011 – dwar l-istrateġija tagħha għall-kollaborazzjoni internazzjonali. Din se teżamina kif għandha tinbena l-massa kritika u l-ispeċjalizzazzjoni, f'oqsma fejn hemm ħtiġijiet Ewropej u vantaġġ komparattiv, filwaqt li titqies il-proposta msemmija hawn fuq (il-punt 2.1) biex fil-ġejjieni wieħed jiffoka fuq sfidi ewlenin. F'dan il-kuntest, ikun essenzjali wkoll sabiex ikunu ddefiniti aħjar ir-rwoli komuni u rispettivi tal-Istati Membri u tal-Programm Kwadru kif ukoll il-mezzi, bħal pereżempju permezz tal-Forum Strateġiku għall-Kooperazzjoni Internazzjonali dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija, sabiex ikunu identifikati oqsma ta' interess u approċċi komuni.

3. PROSPETTI

Fl-aħħar kapitolu ta' dan ir-rapport, il-Grupp ta' Esperti għall-evalwazzjoni Interim tal-FP7 jiddiskuti l-implikazzjonijiet tas-sejbiet u l-evidenza tiegħu, għall-miri u l-implimentazzjoni tal-programmi ta' finanzjament fil-ġejjieni. Jenfasizza li dan jeħtieġ jappoġġa l-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020, inkluż il-miri ambizzjużi fl-Unjoni tal-Innovazzjoni u l-inizjattivi ewlenin relatati.

Il-Grupp ta' Esperti jressaq it-tliet kwistjonijiet ta' eċċellenza, kompetittività u miri marbuta mas-soċjetà bħala essenzjali għall-aġenda tar-riċerka u l-prijoritajiet tal-FP li jmiss. Dawn jikkoinċidu sew mal-orjentazzjonijiet wesgħin imressqa mill-Unjoni tal-Innovazzjoni.

Ir-riżultati li joħorġu minn din l-evalwazzjoni se jkollhom impatt dirett fuq il-politika tar-riċerka tal-ġejjieni, b'mod partikolari fil-Green Paper li għad trid toħroġ il-Kummissjoni, skedata għall-adozzjoni fil-bidu tal-2011, sabiex tvara dibattitu pubbliku wiesa' dwar il-kwistjonijiet ewlenin għar-riċerka tal-ġejjieni u l-programmi ta' finanzjament għall-innovazzjoni.

4. FAċILITÀ TA' FINANZJAMENT GħALL-KONDIVIżJONI TAR-RISKJI (RSFF)

4.1. Introduzzjoni għall-RSFF u l-kuntest tal-Evalwazzjoni Interim tiegħu

L-RSFF ġiet żviluppata fuq talba tal-Kunsill tal-UE f'Diċembru 2005 meta dan talab lill-Kummissjoni Ewropea (KE) u lill-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) jipproponu faċilità ta' finanzjament b'elementi ta' kondiviżjoni tar-riskji għall-appoġġ ta' investimenti ulterjuri fl-RDI għall-perjodu bejn l-2007 u l-2013. Billi jiġbru flimkien massimu ta' EUR 2 biljun (massimu ta' EUR 1 biljun mill-FP7; massimu ta' EUR 1 biljun mir-riżorsi proprji tal-BEI) sabiex ikopru telf potenzjali u self ipprovdut mill-BEI u/jew l-intermedjarji finanzjarji tiegħu, il-mira tal-RSFF hi li jiġu allokati madwar EUR 10 biljun f'self għall-attivitajiet tal-RDI implimentati minn kumpaniji privati jew istituzzjonijiet pubbliċi li jkollhom profil ta' riskju finanzjarju ogħla.

Skont l-Anness II tal-FP7, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE hija maqsuma f'żewġ partijiet: l-ewwel parti tammonta għal EUR 500 miljun għall-perjodu bejn l-2007 u l-2010; u l-possibbiltà ta' parti oħra li tammonta għal EUR 500 miljun għall-perjodu bejn l-2011 u l-2013, soġġetta għal Evalwazzjoni Interim.

4.2. Evalwazzjoni Interim RSFF

Billi jimplimenta l-ħidma tiegħu fl-ewwel nofs tas-sena 2010, il-Grupp ta' Esperti Indipendenti (IEG) maħtur sabiex iwettaq Evalwazzjoni Interim jikkonkludi fir-rapport tiegħu[13] li l-RSFF tidher bħala strument finanzjarju innovattiv, antiċikliku, immexxi mid-domanda li ġie introdott b'suċċess fl-iskema ta' finanzjament tar-riċerka tal-Unjoni Ewropea li għenet drastikament l-espansjoni tal-finanzjament għall-RDI. Filwaqt li jenfasizza li nkisbu riżultati konsiderevoli ħafna fuq skala tal-UE minn meta ġiet varata, saħansitra aqwa minn dak li kien mistenni inizjalment[14], l-IEG enfasizzat ukoll li l-implimentazzjoni tal-RSFF twettqet b'mod effiċjenti u effettiv ħafna, minħabba li bniet għarfien enormi fil-BEI u fil-KE fil-ġestjoni ta' strument finanzjarju ġdid u vvalutat b'mod konġunt, u jservi ta' lezzjoni liema bħalha u ta' inkoraġġiment għal dak li jista' jinkiseb mill-kombinazzjoni ġudizzjarja tal-kapital imsejjes fuq ir-riskji mill-baġit tal-UE u tar-riżorsi finanzjarji u l-esperti tal-BEI.

Abbażi tal-fatt li l-RSFF titqies bħala eżempju mudell biex ikun żviluppat iktar u intensifikat, l-IEG għamel 10 rakkomandazzjonijiet li jistgħu jiġu raggruppati mill-ġdid kif ġej:

- Għall-perjodu attwali ta’ programmazzjoni 2011-2013.

- Rilaxx immedjat tal-kontribuzzjoni tal-UE sa massimu ta' EUR 500 miljun għall-RSFF skont il-kundizzjonijiet kif previst fil-bażi legali tal- FP7 tal-KE - ( Rakkomandazzjoni 1 );

- Kontribuzzjoni addizzjonali tal-UE sa mhux iktar minn EUR 500 miljun għall-RSFF għall-2011-2013 li jiġi mill-Programm Speċifiku FP7 tal-KE "Kooperazzjoni" u/jew riżorsi li ma jaqgħux taħt l-FP7 ( Rakkomandazzjoni 5 );

- Natura rinnovabbli tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE sabiex jintlaħaq il-livell tad-domanda sal-aħħar tal-2013 – ( Rakkomandazzjoni 7 );

- Titjib possibbli li jiġi implimentat għal xi gruppi fil-mira diġà appoġġati (b'mod partikolari SMEs, Infrastrutturi tar-Riċerka) permezz tal-introduzzjoni tal-approċċi speċifiċi u bdil fil-kondiviżjoni tar-riskji - ( Rakkomandazzjonijiet 2, 3 u 4 ).

- Il-perjodu li jmiss ta' programmazzjoni wara l-2013:

- Kontinwazzjoni u espansjoni tal-iskala u l-ambitu tal-RSFF ("RSFF imġedda") b'kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE rinnovabbli ta' mhux inqas minn EUR 5 biljun – ( Rakkomandazzjonijiet 7, 9 u 10 );

- Ċertu grad ta' razzjonalizzazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tal-UE eżistenti/tal-ġejjieni għandhom ikunu mmirati (billi tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u jiġu żgurati s-sinerġiji) – ( Rakkomandazzjoni 6 );

- Monitoraġġ regolari li għandu jiġi żgurat – ( Rakkomandazzjoni 8 ).

4.3. Ir-reazzjoni tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tilqa' l-analiżi dettaljata u bir-reqqa tal-IEG.

Minħabba li evalwazzjoni interim pożittiva tal-RSFF hija prerekwiżit għar-rilaxx tat-tieni parti ta' EUR 500 miljun tal-finanzjament FP7 lill-RSFF għall-perjodu 2011-2013, il-Kummissjoni tinnota li dan ir-rilaxx hu rrakkomandat sew kemm mill-RSFF u kemm mill-IEG (rakkomandazzjoni 1) u l-Grupp ta' Esperti dwar l-Evalwazzjoni Interim FP7. Bil-votazzjoni għall-baġit tal-UE għall-2011, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew diġà qablu mal-prinċipju dwar ir-rilaxx tat-tieni parti (baġit ta' EUR 250 miljun għall-2011). Il-Kummissjoni madankollu tistedinhom jagħtu tweġiba iktar formali iktar tard matul l-2011, dwar il-perjodu kollu (2011-2013). jekk ikun jidhrilhom xieraq.

Il-Kummissjoni tapprova bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet 2, 3 u 4 tal-IEG sabiex tindirizza l-ħtiġijiet tal-gruppi li bħalissa mhumiex irrappreżentati biżżejjed fl-RSFF (jiġifieri SMEs, universitajiet/organizzazzjonijiet tar-riċerka u infrastrutturi tar-riċerka). Diġà qed isiru negozjati tekniċi bejn il-Kummissjoni u l-BEI dwar is-sejbien ta' soluzzjonijiet konkreti u approċċi ġodda dwar kif jinkisbu dawn il-miri, inkluż b'mod partikolari tibdil fil-kondiviżjoni tar-riskji, l-approċċi tal-portafolli, iż-żieda fil-livelli tar-riskji u l-introduzzjoni ta' finanzjament ta' ekwità. Din il-ħidma għandha twassal għal emenda tal-ftehim KE/BEI dwar l-implimentazzjoni tal-RSFF saħansitra fl-ewwel nofs tal-2011.

ll-Kummissjoni tilqa' l-miri tar-rakkomandazzjonijiet tal-IEG fir-rigward tal-perjodu li jmiss ta' pprogrammar (wara l-2013). Tinnota li huma konformi mal-miri tal-Komunikazzjoni[15] dwar l-Unjoni tal-Innovazzjoni sabiex jitjieb l-aċċess għall-finanzi; jattiraw żieda kbira fil-finanzjament privat; u jagħmlu użu iktar estensiv tal-istrumenti ta' inġinerija finanzjarja b'appoġġ favur l-innovazzjoni[16]. L-analiżi dwar kif għandha tkun iffinanzjata konkretament espansjoni tal-ambitu tal-RSFF sabiex tagħti lok għal żieda fil-kondiviżjoni tar-riskji għadha għaddejja kemm għar-Riċerka u l-Iżvilupp kemm għall-proġetti ta' innovazzjoni u wkoll dwar kif l-UE għandha tkun tista' tiffinanzja u tappoġġa l-implimentazzjoni tal-miri l-ġodda ambizzjużi (bħall-Pjan SET), inkluż l-Inizjattivi Ewlenin Ewropa 2020 bħal Aġenda Diġitali jew Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza. Bħalissa, il-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI qed jaħdmu dwar id-disinn ta' użu effikaċi, effiċjenti u razzjonali tal-istrumenti finanzjarji, b'mod partikolari fil-qasam tal-RDI, flimkien ma' perspettiva ta' politiki trasversali.

Finalment, il-Kummissjoni taqbel mar-rakkomandazzjoni tal-IEG dwar monitoraġġ regolari tal-implimentazzjoni tal-RSFF u timpenja ruħha li twettaq azzjoni konkreta fl-2011.

[1] ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

[2] "L-ixprunar tal-Kompetittività f'Dinja Globalizzata" [titlu mhux uffiċjali] – Rapport tal-Panil tal-evalwazzjoni interim tal-FP7 ICT; evalwazzjonijiet rilevanti oħra fid-dominju tal-ICT jinkludu l-valutazzjonijiet interim tal-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (ITK) ARTEMIS u ENIAC u l-evalwazzjoni interim tal-Programm Konġunt Għajxien Megħjun Kuntestwalment (AAL). http://ec.europa.eu/dgs/information_society/evaluation/rtd/index_en.htm

[3] C/2009/8412-1

[4] http://ec.europa.eu/research/evaluations

[5] Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill - 18 ta’ Diċembru 2006 – Anness II

[6] Id-Deċiżjoni Nru 2006/971/KE tal-Kunsill – 19 ta' Diċembru 2006 – Anness III

[7] Id-Deċiżjoni Nru 2006/974/KE tal-Kunsill – 19 ta' Diċembru 2006 – Anness III

[8] Anness II għad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE, p 38.

[9] http://ec.europa.eu/research/evaluations

[10] L-intestatura ta' kull rakkomandazzjoni tinsab hawn, għalkemm it-test kollu jista' jiġi kkonsultat fir-rapporti ta' evalwazzjoni rilevanti.

[11] http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm

[12] COM(2010) 187, 29.4.2010.

[13] Ir-rapport tal-IEG ġie ppreżentat mis-Sinjura Erika MANN (President tal-IEG) u s-Sur Luc SOETE (Rapporteur tal-IEG) lill-Kumitat ITRE tal-Parlament Ewropew, lill-Grupp ta' Ħidma fil-qasam tar-Riċerka tal-Kunsill, kif ukoll lill-Kumitati tal-Programm FP7 rilevanti.

[14] Sa tmiem l-2009, ġie approvat is-self tal-RSFF li kien jammonta għal EUR 6.3 biljun u l-investimenti kollha fl-RTDI li ammontaw għal EUR 16.2 biljun ġew appoġġati, għalhekk inkiseb effett ta' ingranaġġ sinifikanti ta' 15 (sorsi tal-baġit tal-UE/BEI vs investimenti totali fir-Riċerka u l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni appoġġati); Il-proġetti tal-RSFF jinsabu fit-18-il Stat Membru u 2 Pajjiżi Assoċjati. Iċ-ċifri għall-RSSF sa Settembru 2010 huma: EUR 8.1 biljun ta' self approvat għal 82 proġett; EUR 5.3 biljun ta' self iffirmat għal 54 proġett;

[15] COM (2010) 546, 6.10.2010.

[16] Kif inhu enfasizzat ukoll fil-Komunikazzjoni "Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020" COM (2010)553, 6.10.2010.