52011PC0025

/* KUMM/2011/0025 finali */ KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI NAFFRONTAW L-ISFIDI FIS-SWIEQ TAL-PRODOTTI BAŻIĊI U DAWK MARBUTA MAL-MATERJA PRIMA


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 2.2.2011

KUMM(2011) 25 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

NAFFRONTAW L-ISFIDI FIS-SWIEQ TAL-PRODOTTI BAŻIĊI U DAWK MARBUTA MAL-MATERJA PRIMA

1. Introduzzjoni

F’dawn l-aħħar snin is-swieq tal-prodotti bażiċi żdiedu fil-volatilità u kien hemm kambjament fil-prezzijiet mingħajr preċedenti. Il-prezzijiet fis-swieq kollha l-kbar tal-prodotti, inklużi dawk tal-enerġija, il-metalli u l-minerali, l-agrikoltura u l-ikel, żdiedu sostanzjalment fl-2007 sakemm laħqu massimu fl-2008, reġgħu naqsu ħafna mit-tieni nofs tas-sena 2008 u mis-sajf 2009 reġa' hemm it-tendenza li jiżdiedu. Dawn il-bidliet fil-prezzijiet, bi gradi differenti, ġew riflessi fil-prezzijiet għall-konsumatur, u xi drabi qed iwasslu għal ferment soċjali u tiċħid.

Fil-qalba tal-iżviluppi attwali, hemm serje ta' bidliet fil-fornitura globali u fit-tendenzi għad-domanda, u kif ukoll taqlib ta’ qasir żmien fis-swieq prinċipali tal-prodotti u tal-materja prima. Is-snin mill-2002 sal-2008 kienu kkaratterizzati minn żieda kbira fid-domanda għall-materja prima, li kienet immexxija minn tkabbir ekonomiku globali b’saħħtu, b'mod partikolari fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw bħaċ-Ċina. Din iż-żieda fid-domanda se tissaħħaħ iktar permezz ta’ industrijalizzazzjoni mgħaġġla ulterjuri u urbanizzazzjoni f’pajjiżi bħaċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil. Iċ-Ċina diġà hija l-ikbar konsumatur dinji ta’ metalli - pereżempju, is-sehem tagħha fil-konsum tar-ram żdied minn 12% għal madwar 40% f'dawn l-aħħar għaxar snin[1]. Il-bidliet fil-prezzijiet komplew jiggravaw minħabba diversi problemi strutturali fil-ktajjen ta’ provvista u ta' distribuzzjoni ta’ prodotti differenti, inkluża d-disponibilità ta’ infrastruttura u servizzi ta' trasport. Dawn l-iżviluppi qed iseħħu fi żmien meta l-kompetittività tal-industrija Ewropea teħtieġ aċċess effiċjenti u sigur għall-materja prima.

Barra minn hekk, is-swieq qed jesperjenzaw l-impatt li dejjem qed jiżdied tal-finanzi, b’żieda sinifikanti f’dawn l-aħħar snin fl-andamenti tal-investiment finanzjarju fis-swieq tal-prodotti derivattivi. Pereżempju, bejn l-2003 u l-2008, l-investituri istituzzjonali żiedu l-investimenti tagħhom fi swieq ta' prodotti minn 13-il biljun Euro fl-2003 għal bejn 170 u 205 biljun Euro fl-2008. Filwaqt li l-kriżi finanzjarja interrompiet it-tendenza ta' żieda, fl-2010 l-qagħdiet finanzjari laħqu jew anki qabżu l-valuri massimi tagħhom tal-2008 f’ħafna swieq u b’mod partikolari żdied ħafna l-investiment minn negozjanti tal-indiċi tal-borża Filwaqt li d-dibattitu dwar l-importanza relattiva tad-diversi fatturi li jinfluwenzaw il-prezzijiet tal-prodotti għadu miftuħ, jidher ċar li l-movimenti fil-prezzijiet fi swieq differenti ta’ prodotti saru iktar marbuta, fis-sens li s-swieq tal-prodotti bażiċi sar għandhom rabta iktar mill-qrib mas-swieq finanzjarji[2].

Dawn l-iżviluppi wasslu għal iktar sejħiet għal tfassil ta’ politiki li jtaffu l-effetti negattivi ta' movimenti bħal dawn kemm fuq il-produtturi kif ukoll fuq il-konsumaturi, speċjalment dawk l-iktar vulnerabbli. Attiraw l-attenzjoni fl-iktar livell politiku għoli, anki fl-aħħar samit tal-G20.

L-isfidi imposti mill-prezzijiet tal-prodotti u mill-materja prima huma relatati mill-qrib u jaffettwaw politiki fl-oqsma tas-swieq finanzjarji, tal-iżvilupp, tal-kummerċ, tal-industrija u tar-relazzjonijiet esterni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni Ewropea ħadet għadd ta’ inizjattivi. Fl-2008 diġà ġibdet l-attenzjoni lejn l-importanza strateġika li jiġu definiti politiki xierqa għall-materja prima billi nediet inizjattiva dwar il-materja prima[3]. Minn dakinhar, ħadet inizjattivi f’dan il-qafas biex tindirizza l-aċċess sostenibbli għall-materja prima kemm fi u barra mill-UE, kif ukoll fil-qasam tal-effiċjenza tar-riżorsi u r-riċiklaġġ. Bdiet ukoll riflessjoni fil-fond dwar is-swieq tal-prodotti bażiċi b’mod ġenerali u dwar il-prezzijiet tal-ikel u b’mod partikolari s-sigurtà tal-provvista tal-ikel[4]. Bi tweġiba għall-kriżi finanzjarja, nediet għadd ta’ miżuri maħsubin biex itejbu r-regolamentazzjoni, l-integrità u t-trasparenza tas-swieq finanzjarji, u reċentement għamlet proposta sabiex ikun hemm regolament dwar is-swieq tal-enerġija.

Din il-Komunikazzjoni tagħti ħarsa ġenerali lejn dak li nkiseb f'kull wieħed minn dawn l-oqsma u lejn il-passi li hemm ippjanati biex imexxu l-ħidma 'l quddiem. Din il-ħidma hija parti mill-istrateġija Ewropa 2020 li tiżgura tkabbir b’mod intelliġenti, sostenibbli u inklussiv u hija marbuta mill-qrib mal-inizjattiva prinċipali għal Ewropa effiċjenti fir-riżorsi[5]. Se tinkludi l-ħidma tal-G20 li ġie mifthiem fis-samit ta’ Pittsburgh "biex itejjeb ir-regolamentazzjoni, il-funzjonament u t-trasparenza tas-swieq finanzjarji u tal-prodotti bażiċi biex tiġi indirizzata l-volatilità eċċessiva tal-prezzijiet tal-prodotti”[6]. Dan l-impenn issaħħaħ f'Novembru 2010 waqt is-samit G20 f'Seoul li wiegħed li jindirizza l-volatilità tas-suq alimentari u l-volatilità eċċessiva tal-prezz tal-karburanti fossili[7].

2. żviluppi fis-Swieq Dinjin tal-Prodotti Bażiċi

Affarijiet fundamentali, inklużi l-bidliet mhux mistennija fil-kundizzjonijiet ekonomiċi globali marbuta ma’ żieda kbira fid-domanda tal-ekonomiji tas-suq emerġenti, kellhom rwol prinċipali fit-tmexxija tal-iżviluppi fis-swieq tal-prodotti bażiċi.[8] Fatturi oħra li ukoll kellhom rwol huma n-nuqqas ta' provvista u l-politika monetarja, u f'dawn l-aħħar snin, interventi varji ta’ politika ad hoc. Ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, il-miżuri fuq il-fruntieri u ċ-ċaqliq fil-politika tal-ħżin kellhom impatt fuq il-prezzijiet tal-ikel fil-perjodu ta' qabel il-kriżi tal-prezzijiet tal-ikel tal-2008. Iż-żieda fl-użu ta’ art agrikola għall-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli, saħħet ir-rabta bejn l-iżviluppi fl-agrikoltura u l-prezzijiet tal-enerġija. Il-bidliet fil-prezzijiet komplew jiggravaw ukoll minħabba diversi problemi strutturali fil-ktajjen ta’ provvista u ta' distribuzzjoni ta’ prodotti differenti[9].

Kull suq ta’ prodott bażiku jaħdem b’mod differenti, u dan jiddependi fuq in-natura tal-prodott, il-ħtiġijiet tal-kummerċjanti u l-iżviluppi storiċi. M’hemmx mudell uniku għall-organizzazzjoni ta’ swieq ta’ prodotti bażiċi u għalhekk lanqas dwar kif jinbidlu l-prezzijiet. Xi kummerċ ta' prodotti juri grad għoli ta' standardizzazzjoni, filwaqt li l-metodu ta’ kummerċ fi swieq oħrajn jista' jinbidel skont il-ħtiġijiet partikolari tal-parteċipanti individwali fis-suq. Is-swieq tal-prodotti bażiċi derivattivi[10] msejsa fuq prodotti bażiċi ilhom jeżistu u għandhom rwol fil-hedging ta' skoperturi kemm tal-produtturi kif ukoll tal-utenti ta’ prodotti varji. Bl-istess mod li l-prodotti sottostanti jistgħu jiġu negozjati b'modi differenti, id-derivati jistgħu jiġu negozjati b’mod bilaterali, ġeneralment imsejjaħ bejgħ barra l-Borża jew OTC, jew permezz ta’ skambji organizzati. Barra minn hekk, l-irwol tal-istituzzjonijiet finanzjarji, kif ukoll l-importanza tad-derivati, huma differenti minn suq għall-ieħor. Fit-taqsimiet li ġejjin qed jiġu eżaminati l-iżviluppi speċifiċi fis-swieq tal-enerġija u l-prodotti agrikoli u l-interdipendenza li dejjem qed tiżdied fis-swieq tal-prodotti bażiċi u fis-swieq finanzjarji relatati.

2.1. Żviluppi fis-swieq fiżiċi

2.1.1. Enerġija (żejt, elettriku, gass)

Is-swieq taż-żejt u taż-żejt mhux raffinat li huma integrati, likwidi u globali, huma meqjusa b’mod wiesa’ li huma notevolment immexxija minn prinċipji ekonomiċi fundamentali, imma anki minn konsiderazzjonijiet ġeopolitiċi, mill-irwol tal-Organizzazzjoni tal-Pajjiżi li Jesportaw iż-Żejt (OPEC), u minn kummerċ mhux fiżiku. Kien hemm żviluppi sinifikanti f’termini ta’ strumenti ta’ investiment finanzjarju u tad-derivati u ta’ teknoloġiji tal-kummerċ. Fis-samit ta’ Seoul il-G20 enfasizza l-importanza, għat-tkabbir ekonomiku, ta’ swieq tal-enerġija trasparenti u li jaħdmu tajjeb. Saret ħidma dwar it-trasparenza tas-suq fiżiku, il-volatilità tal-prezz tal-karburanti fossili, u l-eliminazzjoni gradwali ta’ sussidji ineffiċjenti għall-karburanti fossili.

Is-suq tal-gass, li huwa dejjem iktar influwenzat mill-iżvilupp ta’ għejun mhux konvenzjonali, kien tradizzjonalment imsejjes fuq kuntratti fit-tul ta’ bejgħ barra l-Borża (OTC). Bħala riżultat tal-proliferazzjoni tal-Gass Naturali Likwifikat (LNG), il-gass qed jiġi dejjem aktar negozjat fuq suq globali u likwidu li qed jieħu sura ta’ prodott. Is-suq tal-elettriku huwa l-inqas wieħed globalizzat peress li t-trasportazzjoni tiegħu fuq distanzi twal hija ristretta għal raġunijiet fiżiċi ta' inkapaċità li jinħażen u ta’ telf ta’ enerġija. L-ambitu ġeografiku tas-suq huwa għalhekk iżgħar minn dak ta’ prodotti oħra tal-enerġija.

Is-swieq tal-elettriku (u tal-gass) fl-UE qed jiġu dejjem iktar integrati bħala riżultat tas-suq intern. Kienu xhieda tal-iżvilupp tal-iskambji ta’ enerġija jew ta’ swieq oħra organizzati u ta’ swieq ta’ bejgħ barra l-Borża ffaċilitati minn intermedjarji finanzjarji li jistgħu jkunu użati kemm għall-konsenja u kemm għall-hedging. Jibqa’ dejjem il-każ li l-prezzijiet tas-suq huma sensittivi ħafna għad-disponibilità tal-ġenerazzjoni attwali jew ta' dik mistennija peress li l-elettriku ma jistax jinħażen fuq skala industrijali.

2.1.2. L-agrikoltura u s-sigurtà tal-provvista tal-ikel

Ħafna mill-prodotti agrikoli, b’mod partikolari l-uċuħ tar-raba’, huma suġġetti għal xejriet ta’ produzzjoni li jiddependu ħafna mill-istaġuni, u l-provvista tagħhom mhux dejjem tkun tista’ tiġi addattata malajr għall-bidliet fil-prezzijiet jew fid-domanda. Dan ifisser li s-swieq agrikoli huma kkaratterizzati minn ċertu grad ta' varjabilità. Fatturi strutturali bħat-tkabbir demografiku, il-pressjoni fuq l-art agrikola u l-impatti tal-bidla fil-klima jistgħu jżidu t-tensjoni li dejjem qed tikber fis-swieq agrikoli. Madankollu, reċentement il-volatilità tal-prezzijiet tal-prodotti agrikoli żdiedet u laħqet livelli ġodda li qatt ma ntlaħqu qabel. Dan huwa każ kemm fis-swieq fl-UE kif ukoll fis-swieq internazzjonali, u fis-swieq ta’ konsenja immedjata u ta’ xiri fil-futur . Fl-UE, ir-riformi suċċessivi tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) naqqsu b'mod sinifikanti l-prezzijiet ta' sostenn u l-miżuri marbuta magħhom. B’riżultat, il-produtturi u n-negozjanti tal-prodotti huma iktar esposti għal żviluppi fil-prezzijiet tas-suq u, għalkemm dan mhux il-każ fl-oqsma kollha tal-agrikoltura, hemm iktar tendenza li s-swieq tax-xiri fil-futur jintżaw bħala lqugħ għar-riskji. Qed jiżdied ukoll in-negozju fl-opzjonijiet u f’derivati ta’ bejgħ barra l-Borża. Dawn il-fatturi sa ċertu punt jispjegaw iż-żieda fl-attività fi skambji fuq bażi Ewropea u b’mod partikolari jqajmu żewġ kwistjonijiet: is-sigurtà tal-provvista tal-ikel u l-ħtieġa li jkun hemm iktar trasparenza fis-swieq tad-derivati agrikoli.

Is-sigurtà tal-provvista tal-ikel ġiet identifikata bħala wieħed mill-fatturi ewlenin li għandu jmexxi r-riforma tal-PAK fil-futur[11]. Settur agrikolu b’saħħtu huwa vitali għall-industrija alimentari, li għandha kompetittività għolja, biex tibqa’ tifforma parti importanti mill-ekonomija u l-kummerċ tal-UE u biex tibqa' wieħed mill-ikbar kontributuri fis-swieq internazzjonali. Huwa għalhekk li fil-kuntest tar-Rawnd ta' Doha għall-Iżvilupp l-UE laħqet ftehim dwar pakkett agrikolu importanti, bil-kundizzjoni li jintlaħaq ftehim ġenerali ambizzjuz, ibbilanċjat u komprensiv.

Il-volatilità eċċessiva tal-prezzijiet tal-ikel taffettwa lill-produtturi u l-konsumaturi bl-istess mod, u għandha effetti serji fuq is-sigurtà tal-provvista tal-ikel għall-pajjiżi li jimpurtaw l-ikel u li għadhom qed jiżviluppaw. Meta l-prezzijiet tal-ikel jilħqu quċċata - bħal fl-2007-08 - ħafna mill-foqra fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw naqqsu l-konsum tagħhom tal-ikel[12]. Iż-żidiet fil-prezzijiet tal-ikel fl-2010 jistgħu jwasslu għal żieda oħra fil-malnutrizzjoni, fil-ħtiġijiet umanitarji u fit-tensjoni u l-ferment soċjali fost l-aktar konsumaturi dgħajfa fid-dinja. Filwaqt li prezzijiet globali ogħla jistgħu jistimulaw il-produzzjoni agrikola, spiss il-mekkaniżmi tat-trażmissjoni tal-prezzijiet mhumiex perfetti. F’ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, is-swieq tal-prodotti bażiċi spiss huma distakkati mis-swieq dinjin, jew fl-aħjar ipotesi, l-indikazzjonijiet tal-prezzijiet dinjin jieħdu ħafna żmien biex jiġu trażmessi lejn is-swieq domestiċi u għalhekk ir-reazzjoni tal-provvista domestika spiss tittardja.

Għadd kbir ta’ analiżi li saru mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u tal-Agrikoltura (FAO), l-OECD, il-Kummissjoni u oħrajn iffukaw dwar l-iżviluppi fil-provvista u fid-domanda, li fuq perjodu qasir iggravaw minħabba fatturi ekonomiċi u ta' politika (inklużi r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni) li jagħtu spjegazzjoni għal parti mill-volatilità estrema fil-prezzijiet li ġiet osservata, inklużi fatturi speċifiċi għas-swieq finanzjarji li setgħu amplifikaw il-bidliet fil-prezzijiet. Minkejja li għad baqa dubji, jidher ċar li hemm tliet konklużjonijiet dwar il-prodotti agrikoli, u dan fuq il-bażi tal-qagħda ġenerali tal-prodotti agrikoli li ġiet stabbilita minn diversi organizzazzjonijiet, inklużi l-aħħar projettazzjonijiet tal-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien medju:

- Il-prezzijiet tal-prodotti agrikoli huma mistennija li jibqgħu għoljin iktar mill-medja storika, b’hekk titreġġa' lura t-tendenza tagħhom li jitbaxxew fuq perjodu ta' żmien twil, u dan mill-inqas fil-futur prevedibbli.

- Huwa mistenni wkoll li l-volatilità tal-prezzijiet tibqa' għolja, minkejja li għad hemm dubji fir-rigward tar-raġunijiet u d-dewmien tagħha.

- Huwa wkoll mistenni li l-livell tal-prezzijiet tad-dħul fl-agrikoltura jibqgħu iktar għoljin mit-tendenzi storiċi.

Dawn il-fatturi ta’ hawn fuq kollha flimkien jimplikaw li l-prezzijiet iktar għoljin għall-prodotti agrikoli mhux neċessarjament se jirriżultaw f’iktar dħul għall-bdiewa, speċjalment jekk il-marġni tagħhom jitnaqqsu minħabba żieda fl-ispejjeż. Barra minn hekk, minħabba l-impatt tal-prezzijiet fuq l-inflazzjoni tal-ikel, huma evidenti l-problemi potenzjali għall-pajjiżi li jimpurtaw l-ikel iżjed milli jesportawu b’mod iktar ġenerali għall-konsumaturi l-iktar vulnerabbli. Filwaqt li ċertu grad ta’ varjabilità huwa parti intrinsika tas-swieq agrikoli, il-volatilità eċċessiva mhix ta’ benefiċċju la għall-produtturi u lanqas għall-utenti.

2.1.3. Materja prima

Il-materja prima tinkludi l-minerali metalliċi, il-minerali industrijali, il-materjali għall-kostruzzjoni, l-injam, il-gomma naturali. B’differenza mill-elettriku, il-materja prima hija negozjata globalment. Fir-rigward tal-prezzijiet u s-swieq, hemm distinzjoni ewlenija bejn dawk li huma negozjati fil-borża u dawk li mhumiex. Pereżempju, il-metalli bażiċi bħall-aluminju, ir-ram, iċ-ċomb, in-nikil, il-landa u ż-żingu huma negozjati fil-borża, b'mod partikolari fil-London Metals Exchange (LME) li hija l-mexxejja globali f'dan il-qasam. Madankollu, ħafna mill-materja prima kritika tal-UE, bħall-kobalt, il-gallju, l-indju u l-fdalijiet tal-elementi metalliċi rari ma jiġux negozjati fil-LME. Is-suq ta' dawn il-materjali huwa inqas trasparenti u l-volumi negozjati huma żgħar ħafna meta mqabbla ma' ta' materjali oħrajn.

Is-swieq globali tal-metall u l-minerali ġeneralment isegwu tendenza ċiklika msejsa fuq il-provvista u d-domanda. Madankollu, il-perjodu mill-2002 sal-2008 kien ikkaratterizzat minn żieda kbira fid-domanda għall-materja prima li kienet immexxija minn tkabbir ekonomiku globali b’saħħtu, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dan kien rifless f'livelli għoljin ta' prezzijiet li qatt ma kienu ntlaħqu qabel. It-tendenzi riċenti jindikaw li d-domanda għall-materja prima se tkun immexxija mill-ġdid mill-iżvilupp futur tal-ekonomiji li għadhom qed jiżviluppawemerġenti u mit-tixrid rapidu tat-teknoloġiji prinċipali li jagħmlu żviluppi oħra possibbli.

F’dawn is-swieq hemm tħassib li dejjem jikber marbut mal-miżuri imposti minn xi pajjiżi biex jiżguraw li jkollhom aċċess privileġġat għall-materja prima għall-industrija domestika tagħhom, inklużi permezz ta' restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni. Dawn il-miżuri joħolqu tagħwiġ fis-swieq dinjin u inċertezza fil-flussi regolari ta' prodotti bażiċi. Miżuri bħal dawn jistgħu jaffettwaw bl-istess mod il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw peress li virtwalment, l-ebda ekonomija mhi awtosuffiċjenti għall-materja prima kollha. B’mod partikolari, il-pajjiżi l-inqas żviluppati jistgħu jkunu partikolarment dipendenti fuq l-importazzjoni ta' prodotti u għalhekk jistgħu jkunu affettwati b’mod negattiv min-nuqqas jew mill-inadegwatezza ta’ regoli multilaterali f’xi oqsma, bħad-dazji. Barra minn hekk, il-kumpaniji jirreaġixxu għall-bidliet fil-prezzijiet b’modi differenti, pereżempju billi jaħżnu l-istokk, jinnegozjaw kuntratti fit-tul jew permezz ta' hedging tal-prezzijiet taħt forma ta' kuntratti ta' bejgħ fil-futur. Uħud minn dawn ir-reazzjonijiet jistgħu jiggravaw ir-restrinzjoni tad-domanda.

2.2. Interdipendenza li dejjem tikber fuq il-prodotti u s-swieq finanzjarji relatati magħhom

Id-derivati tal-prodotti bażiċi jippermettu lill-produtturi u lill-utenti li jilqgħu għar-riskji marbuta mal-produzzjoni fiżika u l-inċertezza tal-prezzijiet. Qed jiġu kkunsidrati wkoll dejjem iktar bħala investimenti finanzjarji biss. F’dan il-kuntest, il-flussi tal-investiment finanzjarju fis-swieq tal-prodotti bażiċi derivattivi żdiedu b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin (ara t-tabella 1).

Is-swieq tal-prodotti bażiċi u s-swieq finanzjarji huma għalhekk dejjem iktar marbuta flimkien u jaqsmu għadd li dejjem qed jikber ta' parteċipanti li qed ifittxu għodda għall-immaniġġjar tar-riskji u opportunitajiet ta' investiment. Il-likwidità, l-effiċjenza u l-aċċessibilità tas-swieq ta’ konsenja immedjata huma msaħħa permezz ta’ swieq ta’ derivati li jaħdmu tajjeb, u viċe versa. Sabiex ikun hemm trasparenza u formazzjoni ta’ prezzijiet b’mod organizzat kemm fis-swieq ta’ konsejna immedjata kif ukoll fis-swieq tad-derivati, huwa meħtieġ li jkun hemm informazzjoni xierqa u affidabbli dwar l-affarijiet fundamentali fis-suq bħall-volum tal-produzzjoni u l-konsum, in-netwerk u l-kapaċità tal-pajplajn eċċ, kif ukoll il-kwantità ta’ kummerċ tal-prodott. Madankollu, is-swieq tad-derivati mhux biss huma użati mill-kumpaniji kummerċjali għal skopijiet ta’ mmaniġġjar tar-riskji, imma wkoll mill-istituzzjonijiet finanzjarji bħala parti mill-istrateġiji tagħhom ta’ allokazzjoni tar-riskju. Barra minn hekk, il-prezzijiet ta’ xiri ta’ prodotti fil-futur (jiġifieri derivati kkwotati f’postijiet organizzati għall-kummerċ) iservu bħala punt ta’ riferiment, pereżempju, biex jinfluwenzaw il-prezzijiet bl-imnut tal-enerġija u tal-ikel għall-konsumaturi tal-UE.

Tabella 1:Transazzjonijiet fuq is-swieq tad-derivati ta’ prodotti (Għadd totali ta’ kuntratti ta' xiri fil-futur u ta’ opzjonijiet qabel il-ftuħ tal-borża)

[pic]

Fonti:Commodity Futures Trading Commission (via Reuters Ecowin)

Essenzjalment, in-natura ta’ kuntratt ta’ derivati hija li l-valur tiegħu jiddependi fuq il-valur tas-suq sottostanti u li għalih jagħmel referenza. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari meta s-suq sottostanti jkun suq fiżiku. Il-prezzijiet tad-derivati ta’ prodotti u l-prodotti fiżiċi sottostanti huma għalhekk marbuta flimkien. Għalhekk, is-swieq tad-derivati tal-prodotti ma jistgħux jitqiesu separatament mis-swieq tal-prodotti bażiċi u viċe versa.

Madankollu, l-identifikazzjoni ta’ liema direzzjoni tieħu l-kawżalità fl-interazzjoni bejn is-swieq finanzjarji u fiżiċi hija kwistjoni kumplessa. L-istabbiliment ta’ dawn il-korrelazzjonijiet huwa kkumplikat bil-fatt li mhux is-swieq fiżiċi kollha għandhom l-istess fatturi. L-impatt huwa r-riżultat ta’ varjetà ta’ fatturi, li wħud minnhom huma speċifiċi għal swieq individwali u bħala riżultat ikun hemm dinamiċi tas-suq differenti f'setturi differenti. F’dan l-istadju, il-valutazzjoni tan-natura u l-estensjoni eżatta tar-rabtiet bejn il-proċess tal-formazzjoni tal-prezz fis-swieq tal-prodotti bażiċi u l-importanza li dejjem qed tikber tas-swieq tad-derivati ssir iktar diffiċli minħabba n-nuqqas ta' trasparenza f'dawn is-swieq.

Filwaqt li huwa ċar li hemm korrelazzjoni qawwija bejn il-pożizzjonijiet fis-swieq tad-derivati u l-prezzijiet immedjati, xorta huwa diffiċli li ssir valutazzjoni sħiħa tal-interazzjonijiet u l-impatt tal-movimenti fis-swieq tad-derivati fuq il-volatilità tas-swieq fiżiċi sottostanti. L-istabbiliment ta’ dawn il-korrelazzjonijiet huwa kkumplikat ulterjorment bil-fatt li mhux is-swieq fiżiċi kollha għandhom l-istess fatturi u minħabba li jkun hemm dinamiċi tas-suq differenti fis-setturi differenti. Għaldaqstant jeħtieġ li tiżdied il-ħidma biex ikun hemm komprensjoni iktar fil-fond ta' dawn l-iżviluppi[13].

Madankollu, f’dan l-istadju huwa diġà ċar li jeħtieġ li jitjieb il-grad tat-trasparenza u tal-obbligi ta’ rappurtar kemm fis-swieq fiżiċi sottostanti kif ukoll fis-swieq tad-derivati. Permezz ta’ żieda fit-trasparenza u aċċessibilità ffaċilitata għall-informazzjoni dwar is-swieq fiżiċi, l-investituri se jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati, jikkontribwixxu lejn proċess xieraq ta’ tiftix ta’ prezzijiet u jiffaċilitaw l-identifikazzjoni u l-prevenzjoni ta' kwalunkwe abbuż. Barra minn hekk, il-volatilità riċenti tal-prezzijiet uriet li l-parteċipanti fis-swieq fiżiċi għandu jibqa' jkollhom il-possibilità li jilqgħu għar-riskji tagħhom fil-prezzijiet, filwaqt li jibqa' jiġi żgurat monitoraġġ effiċjenti mill-qrib tal-iżviluppi fis-suq. Dan huwa ta’ importanza partikolari għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li jimpurtaw l-ikel. F’dan il-kuntest jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll miżuri oħra regolatorji b’mira speċifika bħall-introduzzjoni ta’ limiti ta’ pożizzjonijiet fejn ikun meqjus meħtieġ.

3. Ir-Reazzjoni Politika tal-UE għall-Iżviluppi fis-Swieq tal-prodotti bażiċi

Fuq livell tal-UE, kien hemm inizjattiva biex jiżdiedu s-sorveljanza, l-integrità u t-trasparenza tal-kummerċ fis-swieq tal-enerġija[14]. Kien hemm ukoll għadd ta’ inizjattivi biex jittejjeb il-funzjonament tal-katina alimentari u t-trasparenza fis-swieq tal-prodotti bażiċi agrikoli. Bħala parti mir-riformi li għaddejjin bħalissa tal-qafas regolatorju għas-swieq finanzjarji, il-Kummissjoni identifikat ukoll miżuri li jżidu l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tad-derivati ta’ prodotti.

3.1. Swieq fiżiċi

3.1.1. Enerġija (żejt, elettriku, gass)

Fil-proposta tagħha għall-istabbiliment ta' regoli ċari li jipprojbixxu l-abbuż tas-suq tal-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku u tas-swieq tal-gass, il-Kummissjoni wriet li hija lesta li tieħu azzjoni biex tiżgura li s-swieq tal-enerġija jaħdmu tajjeb, bl-appoġġ ta' qafas tal-monitoraġġ tas-swieq madwar l-UE kollha u ta' setgħat ta’ infurzar ġodda għar-regolaturi tal-enerġija[15]. Dan il-metodu se jgħin biex ikun żgurat li l-benefiċċji tas-suq intern ikunu mwettqa għan-negozji u ċ-ċittadini tal-Ewropa, u jipprovdi mudell tajjeb ta' kif għandhom jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw mill-interdipendenza li dejjem qed tikber tas-swieq tal-prodotti bażiċi u tas-swieq finanzjarji relatati. Ir-Regolament propost dwar l-Integrità u t-Trasparenza tas-suq tal-Enerġija[16] se jipprovdi lill-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali bl-għodda biex jidentifikaw il-każijiet ta’ abbuż tas-suq fis-swieq ta’ kummerċ tal-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku u l-gass:

- L-Aġenzija Ewropea għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) se tkun responsabbli mill-monitoraġġ biex jinkixfu xi każijiet possibbli ta' abbuż.

- Se jkun projbit li n-negozjanti jużaw informazzjoni miksuba minn ġewwa biex jibbenefikaw mit-tranżazzjonijiet tagħhom jew biex jimmanipulaw is-suq billi jgħollu l-prezzijiet b’mod artifiċjali sa livell li ma jkunx iġġustifikat mid-disponibilità, l-ispejjeż tal-produzzjoni jew il-kapaċità ta' ħażna jew l-enerġija għat-trasport.

- Se tittejjeb il-koperazzjoni bejn ir-regolaturi tas-suq fiżiku (ACER) u tas-suq finanzjarju (AETS).

Il-Kummissjoni ħadet impenn biex tiżgura li r-rekwiżiti ta' trasparenza fir-rigward tad-dejta fundamentali fis-swieq tal-gass u tal-elettriku jkunu effettivi u jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq.

3.1.2. L-agrikoltura u s-sigurtà tal-provvista tal-ikel

Peress li hemm ħafna raġunijiet għall-volatilità tal-prezzijiet, m’hemmx soluzzjoni waħda sempliċi biex jiġu identifikati l-problemi. Dan huwa iktar il-każ minħabba li l-ispeċifiċità tal-produzzjoni agrikola (b'rabta mas-sigurtà tal-provvista tal-ikel, l-ambjent, u dan tal-aħħar jinkludi d-dipendenza tal-produzzjoni agrikola fuq iċ-ċikli tal-ħajja, it-temp u l-istaġuni, il-kundizzjonijiet sanitarji u tal-annimali u l-insetti li jeqirdu l-pjanti) li tikkomplika iktar l-impatt potenzjali tal-alternattivi ta’ politiki.

Madankollu, qasam wieħed prinċipali ta' ħidma jikkonċerna t-titjib tal-informazzjoni dwar is-suq. Is-settur agrikolu jibbenifika minn minjiera ta’ informazzjoni dwar il-produzzjoni agrikola, il-konsum u l-istokk minn għejun pubbliċi (Bank Dinji, FAO/OECD, Dipartiment tal-Agrikoltura tal-Istati Uniti - USDA, UE, ABARE) jew minn korpi li jitrattaw il-prodotti (speċjalment il-Kunsill Internazzjonali taż-Żrieragħ). Dan huwa f’kuntrast ċar mal-informazzjoni dwar prodotti bħall-metalli, il-minerali u l-enerġija, fejn l-informazzjoni dwar is-suq hija suġġetta għad-drittijiet tal-proprjetarju u hija prinċipalment disponibbli mill-industrija. Madankollu, il-kwalità u l-informazzjoni f'waqtha dwar il-ħażna nazzjonali u reġjonali tal-ikel, u l-projettazzjonijiet għall-produzzjoni u l-konsum tal-ikel jistgħu jittejbu iktar. Il-G20 talab lill-“Bank Dinji biex jaħdem ma’ aġenziji internazzjonali rilevanti oħra biex jiġu żviluppati miżuri li jtejbu l-informazzjoni dwar il-ħażna ta' ikel nazzjonali u reġjonali u l-projettazzjonijiet tal-produzzjoni tal-ikel" u l-Kummissjoni se tappoġġja bis-sħiħ din il-ħidma.

Minħabba li l-Politika Agrikola Komuni tagħha hija dejjem iktar orjentata lejn is-suq, l-informazzjoni u t-trasparenza dwar l-iżviluppi fis-swieq tal-prodotti bażiċi saru fatturi prinċipali fl-isforzi biex jiġi żgurat funzjonament xieraq tal-katina agroalimentari:

- B'mod regolari, l-Istati Membri jgħaddu medda wiesgħa ta' dejta lill-Kummissjoni li tiġi ppubblikata fuq l-internet[17] u diskussa mal-kumitati konsultattivi tal-partijiet interessati.

- L-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Kummissjoni nieda għodda għall-monitoraġġ tal-prezzijiet tal-ikel bil-għan li tiżdied it-trasparenza[18] fil-prezzijiet u bħalissa qed isiru diskussjonijiet biex din l-għodda tittejjeb.

- Is-servizzi tal-Kummissjoni jipproduċu u jippubblikaw b’mod regolari ħarsa ġenerali għal perjodu ta' żmien medju fir-rigward tal-ikbar swieq tal-prodotti bażiċi agrikoli[19].

Il-Kummissjoni stabbiliet Forum ta’ Livell Għoli bil-għan li l-Katina tal-Provvista Alimentari taħdem aħjar[20]. Filwaqt li ma jitrattax il-volatilità tal-prezzijiet, dan il-forum jindirizza t-trażmissjoni tal-iżvilupp tal-prezzijiet tul il-katina tal-provvista, billi jeżamina r-relazzjonijiet bejn in-negozji, il-kompetittività tal-industrija alimentari, il-loġistika agroalimentari u l-għodda għall-monitoraġġ tal-prezzijiet tal-ikel.

Iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel enfasizzat li f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin kien hemm nuqqas ta’ investiment fl-agrikoltura f’ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw[21]. Il-politika tal-iżvilupp tal-UE rrikonoxxiet il-ħtieġa li treġġa’ lura din it-tendenza. Fil-Green Paper dwar il-Politika tal-Iżvilupp tal-UE [22] ġie indikat li jista' jkollha rwol importanti fit-tnaqqis tal-impatt tal-volatilità tal-prezzijiet fuq dawk li huma l-iktar vulnerabbli. Il-Kummissjoni diġà adottat qafas ta' politika dwar is-sigurtà tal-provvista tal-ikel[23], li jindika li l-UE u l-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu lejn il-funzjonament imtejjeb tas-suq alimentari fuq il-livelli globali, reġjonali u nazzjonali, u dan ukoll permezz ta' titjib fit-trasparenza tas-suq. Dan ikun jikkonsisti fl-għoti ta' appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex isaħħu l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa, biex itejbu t-trasparenza tal-prezzijiet, iżidu l-produttività agrikola fuq bażi sostenibbli u jiżviluppaw u japplikaw oqfsa regolatorji. L-iżvilupp tal-produzzjoni agrikola għandha żżid il-kapaċità ta’ rkupru mgħaġġel u l-addattabilità għal trawmi alimentari.

Fl-aħħar, minħabba li l-azzjonijiet unilaterali ta’ xi gvernijiet huma wkoll fattur li jista’ jaffettwa s-swieq fiżiċi u jikkawża volatilità fil-prezzijiet, jeħtieġ li jkun hemm tmexxija aħjar u djalogu internazzjonali f’dan il-qasam.

3.2. Regolamentazzjoni ta’ swieq finanzjarji

Hemm kunsens wiesa’ li hija mixtieqa ż-żieda fl-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-prodotti bażiċi derivati. B’konformità mal-prinċipji u l-konklużjonijiet tal-G20, il-Kummissjoni nediet għadd ta’ inizjattivi għal dan il-għan:

- Adottat proposta għal regolament dwar il-kummerċ fid-derivati barra l-Borża[24], li għandu l-għan li jnaqqas ir-riskju sistematiku u jtejjeb it-trasparenza għar-regolaturi fid-derivati kollha, inklużi d-derivati tal-prodotti.

- Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq[25] tas-Suq fir-rebbiegħa 2011 se jkollha l-għan li tiċċara liema huwa l-kummerċ fis-swieq tal-prodotti bażiċi li jitqies bħala abbuż, u li tiżgura li l-postijiet u t-tranżazzjonijiet kollha fejn jistgħu jitwettqu abbużi jkunu koperti kif xieraq minn regoli pan-UE.

- Ir-reviżjoni tal-Prodotti ta' Investiment Mhux Professjonali Offruti Flimkien (PRIPS)[26] se teżamina l-ħtieġa li jkun hemm iktar dixxiplina u kwalità tal-informazzjoni imtejba meta l-investituri bl-imnut jiġu offruti prodotti ta’ investimentstrutturati fuq prodotti bażiċi.

- Id-Direttiva dwar il-Ġestjoni ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattiv[27] se żżid it-trasparenza ta’ dawn il-fondi għall-investituri u għas-superviżuri nazzjonali, u se tagħti ħarsa iktar fil-fond lejn l-impatt ta’ dawn il-fondi fis-swieq tad-derivati ta’ prodotti.

- Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji[28] fir-rebbiegħa tal-2011 se jkollha l-għan li ttejjeb iktar it-trasparenza tal-kummerċ u l-prezzijiet tad-derivati ta' prodotti billi tistipula kundizzjonijiet għall-każijiet meta d-derivati ta' prodotti għandhom jiġu nnegozjati esklussivament f'postijiet organizzati għall-kummerċ. Se tesplora wkoll il-ħtieġa għal informazzjoni iktar sistematika u dettaljata dwar l-attivitajiet ta’ negozju ta’ tipi differenti ta’ parteċipanti fis-suq tad-derivati ta’ prodotti, kif ukoll il-ħtieġa għal ħarsa iktar komprensiva min-naħa tar-regolaturi tal-pożizzjonijiet tad-derivati, inkluża l-ħtieġa li jiġu imposti limiti meta dan jitqies meħtieġ.

- Fl-aħħar, il-ħolqien ta’ Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) se jiżgura konsistenza fir-regoli tekniċi applikabbli għal dawn is-swieq u se jkun strumentali fit-tisħiħ tal-kollaborazzjoni mar-regolaturi fis-swieq fiżiċi sottostanti[29].

3.3. L-interazzjoni bejn is-swieq fiżiċi tal-prodotti bażiċi u dawk finanzjarji

Il-miżuri deskritti hawn fuq se jgħinu biex ikun żgurat li l-flussi tal-investiment li dejjem qed jiżdiedu jkunu iktar trasparenti, li jingħata rendikont aħjar tagħhom u li jkunu inqas kapaċi li jtellfu l-funzjonament tas-swieq tal-prodotti bażiċi. Madankollu, il-Kummissjoni tikkonferma li jeħtieġ li jkun hemm iktar fehim tal-interazzjoni bejn is-swieq fiżiċi tal-prodotti u dawk finanzjarji. Fid-dawl ta' dan, il-Kummissjoni:

- se twettaq analiżi ulterjuri tal-iżviluppi fis-swieq fiżiċi tal-prodotti u dawk finanzjarji biex ittejjeb il-fehim tar-relazzjonijiet ta' bejniethom, se tappoġġja sforzi simili li qed isiru fuq il-livell globali (G20, IOSCO, IEA, FAO, UNCTAD, OECD, IMF eċċ).

- se tippromwovi titjib ulterjuri fit-trasparenza u l-aċċessibilità għal informazzjoni fis-swieq fiżiċi tal-prodotti, ukoll permezz tar-regolaturi u l-istituzzjonijiet rilevanti, biex tiżgura l-funzjonament xieraq ta’ dawn is-swieq.

4. L-Inizjattiva Ewropea dwar il-Materja Prima

Lil hinn mill-iżviluppi marbuta mal-volatilità tal-prezzijiet u l-interazzjoni bejn is-swieq fiżiċi tal-prodotti u s-swieq finanzjarji, tibqa’ essenzjali l-kwistjoni tal-provvista fiżika tal-materja prima. Fl-2008 il-Kummissjoni nediet l-“Inizjattiva dwar il-Materja Prima”[30] (RMI) li stabbilixxiet strateġija integrata biex isservi ta' reazzjoni għall-isfidi differenti marbuta mal-aċċess għal materja prima mhux għall-enerġija u lanqas għall-agrikoltura.

L-Inizjattiva dwar il-Materja Prima hija msejsa fuq tliet pilastri: li tiżgura livell ekwu fl-aċċess għal riżorsi f'pajjiżi terzi; li trawwem provvista sostenibbli ta’ materja prima minn għejun Ewropej, u li tagħti spinta lill-effiċjenza fir-riżorsi u tippromwovi r-riċiklaġġ. Wieħed mill-elementi ta’ din l-istrateġija huwa l-ħtieġa li jkun hemm “diplomazija fil-materja prima” msejsa sew f’politiki usa’ fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, bħall-politiki favur il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, it-tmexxija tajba, ir-riżoluzzjoni tal-konflitti, in-nuqqas ta’ tixrid u l-istabbilità reġjonali. Din it-taqsima teżamina r-riżultati miksuba s’issa fl-identifikazzjoni ta’ materja prima kritika, u fl-oqsma tal-kummerċ, l-iżvilupp, ir-riċerka u l-effiċjenza tar-riżorsi u r-riċiklaġġ. It-taqsima 5 tagħti ħarsa lejn il-passi li jmiss.

4.1. L-identifikazzjoni ta' materja prima kritika

Flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet interessati, il-Kummissjoni identifikat 14-il materja prima kritika fuq il-livell tal-UE (ara l-anness) u żviluppat sistema metodoloġika trasparenti, innovattiva u prammatika għad-definizzjoni ta' "kritikalità"[31].

Il-materja prima kritika hija dik li partikolarment turi l-ikbar riskju ta’ nuqqas ta’ provvista fl-għaxar snin li ġejjin u li hija ta’ importanza partikolari għall-katina tal-valur. Ir-riskju tal-provvista huwa marbut mal-konċentrazzjoni tal-produzzjoni fi ftit pajjiżi, u l-istabilità politiko-ekonomika baxxa ta’ wħud mill-fornituri. F'ħafna każijiet dan ir-riskju jista' jiġi amplifikat minħabba rati baxxi ta' sostitwibilità u ta' riċiklaġġ. F’ħafna każijiet, provvista stabbli hija importanti għall-għanijiet tal-politika dwar il-klima u għat-teknoloġija tal-innovazzjoni. Pereżempju, il-fdalijiet tal-elementi metalliċi rari huma essenzjali għall-produzzjoni ta' kalamiti permanenti ta’ prestazzjoni għolja li jintużaw fit-turbini tar-riħ jew f’vetturi elettriċi, f’konvertituri katalittiċi għall-karozzi, fi pjanċi ta’ ċirkuwiti stampati, fil-fibri ottiċi u f’superkondutturi ta’ temperatura għolja. L-UE hija kompletament dipendenti fuq l-importazzjoni, u ċ-Ċina hija responsabbli għal 97% tal-produzzjoni dinjija fl-2009. Fl-istess ħin, s’issa għad ma hemmx proċessi, vijabbli mil-lat kummerċjali, ta’ riċiklaġġ jew sostituzzjoni ta’ fdalijiet tal-elementi metalliċi rari.

Il-ħidma fuq l-identifikazzjoni ta’ materja prima kritika kixfet ukoll il-ħtieġa li jkun hemm dejta u għarfien aħjar, u l-ħtieġa li l-lista tal-materja prima tiġi aġġornata b’mod regolari biex tqis l-iżviluppi fis-suq, l-iżviluppi teknoloġiċi (pereżempju, il-litju, l-afnju u n-nikil), jew xi informazzjoni ġdida dwar l-impatt ambjentali ta' xi materjal. Ġie konkluż ukoll li l-azzjonijiet ta' politika m’għandhomx ikunu limitati għall-materja prima kritika biss.

4.2. L-implimentazzjoni tal-istrateġija kummerċjali tal-UE għall-materja prima

Mill-2008 kien hemm għadd ta’ riżultati fil-kapitolu tal-politika dwar il-kummerċ. Ġiet definita strateġija kummerċjali tal-UE għall-materja prima u ġie ppubblikat l-ewwel rapport annwali[32]. S’issa, jistgħu jissemmew ir-riżultati li ġejjin fit-tliet oqsma prinċipali:

- l-UE pproponiet dixxiplini kummerċjali fir-rigward tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni (inklużi projbizzjonijiet, kwoti, dazji u liċenzji tal-esportazzjoni mhux awtomatiċi) fin-negozjati kollha rilevanti, dawk bilaterali jew multilaterali (pereżempju fil-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles mal-Korea) u fid-dispożizzjonijiet dwar id-dazji fuq l-esportazzjoni fuq ċerta materja prima, inkluż l-injam, fil-kuntest tas-sħubija tar-Russja fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

- f'dak li jirrigwarda l-infurzar, il-Kummissjoni kompliet tittratta l-ostakli primarjament permezz tad-djalogu, imma meta deher li ma sar l-ebda progress, kienet lesta li tuża għodod oħra inkluża s-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO.

- F’termini ta’ involviment, il-Kummissjoni indirizzat il-kwistjoni dwar il-materja prima f’għadd ta’ djalogi bilaterali u fl-OECD. Wara l-organizzazzjoni konġunta ta’ workshop iddedikat għal din il-kwistjoni, li sar fl-aħħar tal-2009, is-suġġett tpoġġa fuq il-programm ta’ ħidma tal-OECD għas-snin 2011 - 2012.

4.3. Strumenti ta’ żvilupp

Tnedew azzjonijiet taħt l-għaxar EDF, prinċipalment fi ħdan il-metodu ta' tmexxija tajba ("it-tisħiħ tal-istati"). Xi proġetti ġew iffinanzjati wkoll mill-Fond tal-UE-Afrika għall-Infrastruttura, permezz ta’ self mill-BĊE għal proġetti ta’ minjieri jew għas-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp għall-istħarriġ ġeoloġiku. Il-Kummissjoni qed tappoġġja wkoll ambjent sod ta' investiment permezz ta' inizjattivi bħall-għajnuna teknika speċifika għal kull pajjiż biex ikun hemm iktar trasparenza f'dak li jirrigwarda d-dħul permezz tal-Inizjattiva ta' Trasparenza tal-Industriji Estrattivi, u permezz ta’ ħidma li tippromwovi tmexxija tajba fi kwistjonijiet fiskali[33].

4.4. Opportunitajiet ġodda ta’ riċerka, innovazzjoni u ħiliet

L-UE ħadet passi lejn it-titjib tal-għarfien tagħha dwar depożiti attwali jew futuri ta’ ħafna mill-materja prima importanti u lejn l-istimulazzjoni tal-industrija estrattiva biex twassal prodotti ġodda lill-industrija tal-manifattura permezz tas-Seba' Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp. Il-proġett ProMine, imniedi fl-2009 b’baġit ta’ €17-il miljun, se jiżviluppa l-ewwel bażi ta’ dejta pan-Ewropea bbażata fuq is-satellita dwar ir-riżorsi minerali u sistema ta’ tfassil bil-kompjuter 4D biex jgħinu fil-valutazzjoni tar-riżorsi minerali Ewropej. Ġie pprovdut finanzjament għal proġetti dwar teknoloġiji avvanzati ta' taħt l-art li jiggarantixxu tħaffir intelliġenti fil-minjieri, dwar is-sostituzzjoni ta’ materja prima kritika bħall-fdalijiet tal-elementi metalliċi rari u l-grupp ta’ metalli tal-platinu u dwar il-koordinazzjoni ta' attivitajiet fl-Istati Membri fil-qasam tat-trattament industrijali tal-materja prima permezz tal-ERA-NET. Ingħata appoġġ għall-iżvilupp tal-kunċett ta' bijoraffinerija, li se jikkontribwixxi lejn il-provvista ta’ prodotti ġodda ta’ valur miżjud għoli, u l-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej dwar ir-Riżorsi Minerali Sostenibbli u t-Teknoloġija tas-Settur Forestali se jkunu fattur importanti fl-isforzi dwar riċerka ġdida fir-rigward tal-materja prima.

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jipprovdi wkoll finanzjament għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-miżuri ta’ appoġġ għan-negozju tal-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-materja prima, filwaqt li l-Programm dwar il-Minerali u l-Ambjent Erasmus Mundus (2009-2013) jappoġġja l-iżvilupp ta’ ħiliet ġodda fil-qasam tal-materja prima.

4.5. Linjigwida dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni marbuta ma’ Natura 2000

B’reazzjoni għad-dubji dwar kif għandhom jiġu mmaniġġjati l-għanijiet, li xi kultant jikkompetu ma' xulxin, ta’ garanzija ta’ livell għoli ta’ ħarsien ambjentali fiż-żoni Natura 2000 u l-iżvilupp ta' attivitajiet kompetittivi ta' estrazzjoni, il-Kummissjoni żviluppat linjigwida dwar kif għandu jiġi applikat il-qafas ta' teħid ta’ deċiżjonijiet tan-Natura 2000. Pereżempju, dan jenfasizza li fiż-żoni Natura 2000 jew madwarhom m’hemmx esklużjoni awtomatika ta’ attivitajiet li ma jikkonċernawx l-estrazzjoni ta' enerġija[34]. Il-Kummissjoni pprovdiet ukoll gwida li tagħti eżempji ta’ prattiki tajba għall-esplojtazzjoni tar-riżorsi tal-injam filwaqt li tiżgura l-immaniġġjar sostenibbli tal-foresti[35].

4.6. Iktar effiċjenza tar-riżorsi u kundizzjonijiet imtejba għar-riċiklaġġ

Il-kunċett ta’ użu sostenibbli tar-riżorsi naturali qiegħed jiddaħħal dejjem iktar fl-inizjattivi ta’ politika tal-UE biex ikunu promossi t-tkabbir u l-kompetittività[36]. L-Istati Membri implimentaw politiki u strumenti prattiċi varji biex itejbu l-effiċjenza fir-riżorsi. Il-ħtieġa ta’ ċarezza legali għad-definizzjoni tal-każijiet meta jkun possibbli li l-iskart ipproċessat mill-ġdid jerġa' jiġi kklassifikat bħala prodott hija kwistjoni politika importanti. Taħt id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, il-Kummissjoni qed tiżviluppa kriterji dwar it-‘Tmiem tal-Iskart’ għal kategoriji speċifiċi ta’ skart, u l-ħidma miexja ‘l quddiem fir-rigward tar-regoli dwar il-metalli li fihom il-ħadid u l-aluminju, ir-ram, il-karta rkuprata u l-ħġieġ.

Sa mill-2008, il-Kummissjoni ħadmet biex tevita l-esportazzjoni illegali jew id-dumping tal-iskart billi appoġġjat l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-Regolament dwar it-Trasportazzjoni tal-Iskart. Qed tikkunsidra linjigwida għat-trasportazzjoni ta’ vetturi użati u għar-rimi. Fir-rigward tal-fluss tal-iskart minn tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE), il-Kummissjoni pproponiet mira ġdida ambizzjuza ta’ ġbir li għandha tiżgura li 85% tal-fluss WEEE jkun disponibbli għall-irkupru tal-materja prima ta’ valur li jkun hemm fih minflok ma din tinħela minħabba trattament mhux xieraq. Barra minn hekk, ipproponiet regoli iktar stretti għall-kategorizzazzjoni tat-trasportazzjoni ta’ prodotti tal-elettronika u elettriċi ‘użati’ li jkunu jeħtieġu li l-esportaturi ta’ tagħmir bħal dan jipprovdu prova tal-funzjonalità ta’ kull oġġett esportat bil-għan li jintuża mill-ġdid.

5. Orjentazzjonijiet Futuri tal-Inizjattiva dwar il-Materja Prima

Minkejja li sar progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-RMI, jeħtieġ li jsir iktar progress. Huwa essenzjali li jkun hemm metodu integrat imsejjes fuq it-tliet pilastri, peress li kull wieħed jikkontribwixxi lejn l-għan li jkun hemm provvista ġusta u sostenibbli ta’ materja prima fl-UE.

5.1. Il-monitoraġġ ta' materja prima kritika

Is-sigurtà tal-provvisti tal-materja prima hija essenzjalment il-kompitu tal-kumpaniji u l-irwol tal-awtoritajiet pubbliċi huwa li jiżguraw li jkun hemm kundizzjonijiet ta’ qafas tajbin li jippermettu lill-kumpaniji li jwettqu dan il-kompitu. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tesplora, flimkien mal-industriji tal-estrazzjoni, tar-riċiklaġġ u tal-utenti, il-potenzjal għal azzjonijiet immirati, notevolment fir-rigward tar-riċiklaġġ. Flimkien mal-Istati Membri u l-industrija, hija wkoll lesta li teżamina l-valur miżjud u l-fattibilità tal-possibilità li jkun hemm programm ta’ kumulazzjoni ta’ stokk ta’ materja prima. Fuq il-livell tal-UE, il-progamm ta’ kumulazzjoni ta’ stokk taż-żejt għandu l-għan li jipproteġi s-sigurtà pubblika għall-Istati Membri u l-UE[37]. Il-Kummissjoni se:

- Tagħmel monitoraġġ tal-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-materja prima kritika biex tidentifika azzjonijiet ta’ prijorità u teżaminhom flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet interessati.

- Taġġorna b’mod regolari l-lista ta’ materja prima kritika mill-inqas kull 3 snin.

5.2. Provvista ġusta u sostenibbli ta’ materja prima mis-swieq globali (pilastru 1)

L-UE se ssegwi attivament “diplomazija fil-materja prima” bil-għan li tiżgura li jkun hemm aċċess għall-materja prima, b’mod partikolari għal dik kritika, permezz ta’ sħubijiet strateġiċi u djalogi dwar il-politika.

5.2.1. Politika għall-iżvilupp u provvista sostenibbli ta’ materja prima

L-estrazzjoni sostenibbli mill-minjieri tista' u għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli. Madankollu, ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw - speċjalment l-Afrika - għadhom ma rnexxilhomx jibdlu l-patrimonju ta’ riżorsi tagħhom fi tkabbir sostenibbli u inklussiv, spiss minħabba kwistjonijiet ta’ tmexxija marbuta mal-oqfsa regolatorji jew mat-tassazzjoni. It-titjib tat-tmexxija u tat-trasparenza, kif ukoll tal-klima tal-kummerċ u tal-investiment fil-qasam tal-materja prima, huwa essenzjali għall-ksib ta’ tkabbir inklussiv u ta' żvilupp sostenibbli f’pajjiżi li huma għonja mil-lat tar-riżorsi. Permezz tal-politika għall-iżvilupp tagħha u s-sħubija ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-UE jista’ jkollha rwol kruċjali fil-ħolqien ta’ sitwazzjonijiet ta’ benefiċċju reċiproku fejn kemm il-pajjiżi żviluppati kif ukoll dawk li qed jiżviluppaw jibbenefikaw minn provvista sostenibbli ta' materja prima, u fl-użu ta’ riżorsi finanzjarji domestiċi mis-settur tal-minjieri sabiex l-iżvilupp sostenibbli jappoġġja l-għanijiet ta’ tkabbir inklussiv u l-istrateġiji għat-tnaqqis tal-faqar.

Il-Kummissjoni se tkompli tqis dawn il-kwistjonijiet fil-kuntest tal-proċess ta’ konsultazzjoni rigward il-Green Paper dwar il-futur tal-politika tal-UE għall-iżvilupp u l-appoġġ tal-baġit kif ukoll fil-konsultazzjoni pubblika tagħha dwar ir-rappurtar għal kull pajjiż[38]. L-UE se tinkoraġġixxi l-gvernijiet imsieħba biex jiżviluppaw programmi komprensivi ta’ riforma li jidentifikaw b’mod ċar għanijiet bħat-titjib tas-sistemi ta’ tassazzjoni tal-minjieri jew it-titjib tat-trasparenza f'dak li jirrigwarda d-dħul u l-kuntratti, jew it-tisħiħ tal-kapaċità li d-dħul jintuża biex jiġu appoġġjati l-għanijiet tal-iżvilupp. Iktar trasparenza se tkun ta' għajnuna għas-soċjetà ġenerali u għall-korpi ta' sorveljanza nazzjonali biex jitolbu lill-gvernijiet u lill-kumpaniji biex jagħtu spjegazzjoni għall-ħlasijiet fuq id-dħul u l-irċevuti, u b’hekk jitnaqqsu l-frodi u l-korruzzjoni u tkun żgurata klima iktar prevedibbli ta’ kummerċ u investiment.

F’Ġunju 2010, f’Addis Ababa, il-Kummissjoni laħqet ftehim mal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana (AUC) biex tiġi stabbilita koperazzjoni bilaterali dwar il-materja prima u l-kwistjonijiet marbuta mal-iżvilupp, imsejsa fuq il-politika tal-RMI u tal-AUC dwar it-tħaffir fil-minjieri u l-minerali, jiġifieri l-‘Viżjoni dwar it-Tħaffir fil-Minjieri fl-Afrika’ tal-2009. Din il-koperazzjoni se tiffoka fuq tliet oqsma: it-tmexxija, l-investiment u l-għarfien/ħiliet ġeoloġiċi. Skont l-Istrateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE 2011-2013, li dwarha ntlaħaq ftehim fis-samit bejn l-Afrika u l-UE li sar f’Novembru 2010, l-azzjonijiet meħuda fir-rigward tal-materja prima huma previsti fis-Sħubija dwar il-Kummerċ, l-Integrazzjoni Ekonomika Reġjonali u l-Infrastruttura. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jaħdmu fuq dawn il-kwistjonijiet b’mod konġunt. Il-Kummissjoni tipproponi li:

- ittejjeb l-appoġġ finanzjarju u politiku Ewropew għall-Inizjattiva dwar it-Trasparenza tal-Industriji tal-Estrazzjoni (EITI) u tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jimplimentawha;

- taqsam l-aħjar prattika mal-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Bank Dinji, l-FMI u l-Bank Afrikan għall-Iżvilupp;

- teżamina metodi ta’ kif tista’ tittejjeb it-trasparenza f'kull parti tal-katina tal-provvista u tiffaċċja, b'koordinazzjoni mal-imsieħba prinċipali fil-kummerċ, dawk is-sitwazzjonijiet fejn id-dħul mill-industrija tal-estrazzjoni jintuża biex jiġu ffinanzjati gwerer u kunflitti interni;

- tippromwovi li jkun hemm aktar divulgazzjoni ta’ informazzjoni finanzjarja dwar l-industrija tal-estrazzjoni, inkluża l-possibilità li jiġi adottat ir-rekwiżit ta' rappurtar għal kull pajjiż. Il-Kummissjoni se tqis il-progress li sar mill-Bordijiet tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità dwar Standard Internazzjonali ta' Rappurtar Finanzjarju għall-industriji tal-estrazzjoni, kif ukoll il-qagħda attwali tal-leġiżlazzjoni ta' pajjiżi terzi li huma attivi fir-reġjun[39];

- tippromwovi l-applikazzjoni ta' standards tal-UE minn kumpaniji tal-UE li joperaw f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-applikazzjoni tad-Dokument ta' Referenza tal-Aħjar Tekniki Disponibbli u billi tiżviluppa kodiċi ta’ mġieba għall-kumpaniji tal-UE li joperaw f’pajjiżi terzi; u

- tappoġġja l-ħidma tal-OECD dwar l-għaqal mistħoqq fis-settur tat-tħaffir fil-minjieri;

- flimkien mal-pajjiżi Afrikani tkompli tevalwa l-fattibilità li tkompli tingħata għajnuna lill-koperazzjoni bejn l-istħarriġ ġeoloġiku taż-żewġ kontinenti u tippromwovi l-koperazzjoni f'dan il-qasam f'fora multilaterali bħall-Programm Geosciences tal-UNESCO.

Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw imma li huma għonja bir-riżorsi spiss ibatu min-nuqqas ta' infrastruttura tat-trasport, tal-enerġija u tal-ambjent li jillimita l-kapaċità tagħhom li jisfruttaw il-patrimonju ta' minerali tagħhom għall-ġid tal-popolazzjonijiet tagħhom.

Il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u istituzzjonijiet Ewropej oħra ta’ finanzjament għall-iżvilupp, b’koperazzjoni mal-awtoritajiet Afrikani nazzjonali u reġjonali, se jkomplu jevalwaw kif jistgħu jippromwovu l-infrastruttura l-iktar xierqa, u l-kwistjonijiet marbuta mat-tmexxija li jistgħu jikkontribwixxu għall-użu sostenibbli tar-riżorsi ta’ dawn il-pajjiżi u jiffaċilitaw il-provvista tal-materja prima, bl-użu tad-djalogi settorjali rispettivi biex imexxu dan il-proċess. B’mod partikolari, il-Kummissjoni Ewropea se tevalwa (a) il-fattibilità li jiżdied is-self (li jista’ jinkludi elementi ta’ għotjiet u ta' self) lill-industrija, inkluż għall-proġetti ta’ tħaffir fil-minjieri u raffinerija u b’mod partikolari l-industriji ta’ wara l-estrazzjoni u (b) se tinvestiga l-possibilità li tippromwovi strumenti finanzjarji li jnaqqsu r-riskju għall-operaturi fuq il-bażi ta’ garanziji pprovduti mill-UE, inkluż mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp. Il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Infrastruttura fl-Afrika[40] li diġà jeżisti jista' wkoll jgħin lill-pajjiżi Afrikani f’dan il-kompitu.

Il-politika għall-iżvilupp għandha timmira wkoll lejn il-ħolqien ta' rabtiet bejn l-industrija tal-estrazzjoni u l-industrija lokali, billi ttejjeb il-katina tal-valur u timmassimizza d-diversifikazzjoni. Għaldaqstant, għandu jitrawwem l-iżvilupp tal-bini tal-kapaċitajiet tan-negozji u l-ftehimiet kummerċjali għandhom jipprovdu l-flessibilità meħtieġa biex jintlaħaq dan l-għan. L-UE tista’ tgħin ukoll lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex iżidu l-għarfien ġeoloġiku tagħhom[41] sabiex ikunu jistgħu jagħmlu stima aħjar tar-riżervi nazzjonali ta’ minerali, jippjanaw aħjar il-baġit imsejjes fuq id-dħul mistenni minn dawn ir-riżervi u jagħtu iktar poter ta' negozjar fir-rigward tal-kumpaniji tat-tħaffir fil-minjieri.

5.2.2. It-tisħiħ tal-istrateġija kummerċjali dwar il-materja prima

Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li ssaħħaħ l-Istrateġija Kummerċjali dwar il-Materja Prima [42] kif stipulat fit-taqsima 4.2 skont l-għanijiet ta' żvilupp u ta' tmexxija tajba. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-UE għandha:

- tkompli tiżviluppa djalogi tematiċi bilaterali dwar il-materja prima mal-imsieħba kollha rilevanti u ssaħħaħ id-dibattiti kurrenti f’fora plurilaterali u multilaterali (inklużi pereżempju l-G20, l-UNCTAD, il-WTO, l-OECD); twettaq iktar studji biex ikun hemm komprensjoni aħjar tal-impatt tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni fis-swieq tal-materja prima, u trawwem djalogu dwar l-użu tagħhom bħala għodda ta’ politika.

- tkompli tintegra l-kwistjonijiet ta’ materja prima, bħar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u l-aspetti ta’ investiment, f’negozjati kummerċjali tal-UE attwali u dawk futuri f'oqfsa bilaterali, plurilaterali u multilaterali.

- tfittex li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ monitoraġġ għar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni li jostakolaw il-provvista sostenibbli ta' materja prima, u tkompli tindirizza l-ostakli li jfixklu s-swieq tal-materja prima u s-swieq suċċessivi permezz tal-użu tad-djalogu bħala l-metodu ppreferut, imma bl-użu ta' soluzzjoni ta' tilwim meta dan ikun iġġustifikat.

- tinkoraġġixxi li fl-attivitajiet tal-OECD jiġu inklużi anki dawk li mhumiex membri tal-OECD iżda li huma rilevanti fil-ħidma dwar il-materja prima, u tesplora iktar id-dixxiplini multilaterali u plurilaterali inkluża l-konsiderazzjoni tal-aħjar prattiki.

- tuża l-istrumenti ta’ politika dwar il-kompetizzjoni biex tiżgura li ma jkunx hemm anomaliji fil-provvista ta’ materja prima minħabba ftehimiet antikompetittivi, amalgamazzjonijiet jew azzjonijiet unilaterali min-naħa tal-kumpaniji involuti.

- tmexxi 'l quddiem l-azzjonijiet imsemmija hawn fuq, u tkompli tanalizza l-prijoritajiet għall-materja prima fir-rigward ta' pajjiżi terzi permezz ta' miżuri awtonomi, oqfsa bilaterali u multilaterali u d-djalogu; u tkompli ssegwi politika kummerċjali tal-UE konsistenti fir-rigward ta’ dawn il-prijoritajiet.

5.3. It-trawwim ta' provvista sostenibbli fl-UE (pilastru 2)

L-istrateġija Ewropa 2020 tenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi teknoloġiji li jżidu l-investiment fl-assi naturali tal-UE. L-industriji estrattivi jaqgħu taħt din il-kategorija imma l-iżvilupp tagħhom huwa mxekkel minn qafas regolatorju kumpless u mill-kompetizzjoni ma’ użi oħrajn tal-art. Ħafna kwistjonijiet regolatorji f’dan il-qasam huma fil-kompetenza tal-Istati Membri. Għalhekk, il-Kummissjoni taġixxi prinċipalment bħala faċilitatur għall-iskambju tal-aħjar prattiki.

Fl-istess ħin, l-estrazzjoni fl-UE trid issir f’kundizzjonijiet siguri. Dan huwa importanti kemm għall-impressjoni li jagħti s-settur u kemm bħala kundizzjoni meħtieġa minn qabel għall-kunsens tal-pubbliku. Il-Kummissjoni tqis li l-prattiki li ġejjin[43] huma ta’ importanza partikolari fil-promozzjoni tal-investiment fl-industriji estrattivi:

- id-definizzjoni ta’ Politika Nazzjonali dwar il-Minerali, biex ikun żgurat li r-riżorsi minerali jiġu sfruttati b’mod li jkun vijabbli mil-lat ekonomiku, b’armonizzazzjoni mal-politiki nazzjonali l-oħrajn, imsejjes fuq prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli u li jinkludi impenn li jiġi pprovdut qafas legali u informattiv xieraq;

- it-twaqqif ta’ politika tal-ippjanar tal-użu tal-art għall-minerali li tinkludi bażi ta’ għarfien ġeoloġiku diġitali, metodoloġija trasparenti għall-identifikazzjoni tar-riżorsi minerali, stimi fuq tul ta’ żmien tad-domanda reġjonali u lokali u l-identifikazzjoni u s-salvagwardja tar-riżorsi minerali (billi jitqiesu użi oħrajn tal-art) inkluż il-ħarsien tagħhom mill-effetti ta' diżastri naturali;

- it-twaqqif ta’ proċess biex jiġu awtorizzati l-esplorazzjoni u l-estrazzjoni ta’ minerali li jkun ċar, jinftiehem, jipprovdi ċertezza u jgħin fis-simplifikazzjoni tal-proċess amministrattiv (pereżempju, l-introduzzjoni ta’ termini ta’ żmien, l-applikazzjonijiet paralleli għal permessi u one-stop-shop).

B’rispett sħiħ lejn il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, il-Kummissjoni qed tipproponi li tevalwa flimkien mal-Istati Membri, il-fattibilità li jiġi stabbilit mekkaniżmu li jissorvelja l-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam imsemmi hawn fuq, inkluż l-iżvilupp ta’ indikaturi.

Huwa importanti wkoll li titjieb iktar il-bażi ta’ għarfien meħtieġa biex ikun hemm strateġija effiċjenti dwar il-materja prima. Fuq perjodu ta’ żmien qasir, il-Kummissjoni qed tipproponi li flimkien mal-Istati Membri, tevalwa l-iskop li jkun hemm iktar sinerġiji bejn l-istħarriġ nazzjonali ġeoloġiku li jippermettu li jkun hemm ekonomiji ta' skala, tnaqqis fl-ispejjeż u żieda fil-potenzjal li jitnedew proġetti konġunti (pereżempju bażi ta’ dejta dwar il-minerali armonizzata, Annwarju Ewropew dwar il-Materja Prima). Fuq tul ta’ żmien medju, is-sinerġiji kollha għandhom jikkontribwixxu b’mod ikkoordinat għal bażi ta’ għarfien Ewropea dwar il-materja prima, b’mod partikolari billi jitqiesu l-opportunitajiet fil-futur fi ħdan il-programm GMES. Fir-rigward ta’ xi materja prima bħall-injam, il-kompetizzjoni dejjem qed tiżdied minħabba li qed tikber id-domanda għall-enerġija rinnovabbli. Mhux dejjem ikun hemm żieda fil-provvista li tikkorrispondi ma' żieda fid-domanda, u b'hekk dan iwassal għal prezzijiet ogħla.

Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li:

- tippromwovi l-ħidma tal-UNECE fil-qasam tal-istandardizzazzjoni fir-rigward tar-rappurtar dwar ir-riżervi u r-riżorsi fuq il-livell tal-UE;

- twettaq analiżi xierqa dwar id-disponibilità tal-injam u tal-karta rkuprata billi tqis id-domanda potenzjali kemm mill-industriji forestali kif ukoll mis-settur tal-enerġija rinnovabbli (bijomassa);

- tkompli tappoġġja l-ħolqien ta' kunsilli settorjali tal-ħiliet fil-livell Ewropew meta jkun hemm inizjattiva min-naħa tal-partijiet interessati bħall-imsieħba soċjali jew l-osservatorji rilevanti;

- tippromwovi r-riċerka u l-iżvilupp fil-katina ta’ valur tal-materja prima inkluż fl-estrazzjoni, fl-ipproċessar u fis-sostituzzjoni.

5.4. Spinta lill-effiċjenza fir-riżorsi u l-promozzjoni tar-riċiklaġġ (pilastru 3)

Peress li d-domanda dinjija għall-materja prima qed tiżdied, iridu jsiru iktar sforzi fil-qasam tar-riċiklaġġ. Rati ogħla ta’ riċiklaġġ għandhom inaqqsu l-pressjoni tad-domanda għall-materja prima ewlenija, jgħinu biex jiġu użati mill-ġdid materjali ta’ valur li li kieku kienu jiġu moħlija, u jnaqqsu l-konsum tal-enerġija u tal-emissjonijiet ta' gassijiet b’effett tas-serra mill-estrazzjoni u l-ipproċessar. Fil-qafas tal-inizjattiva prinċipali Ewropa 2020 dwar l-effiċjenza tar-riżorsi, fl-2011 il-Kummissjoni se tippreżenta pjan ta’ azzjoni għal Ewropa effiċjenti fir-riżorsi. Se tistabbilixxi viżjoni ta’ bidliet strutturali u teknoloġiċi li huma meħtieġa biex sal-2050 isir tqarrib lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta’ karbonju, li tkun effiċjenti fir-riżorsi u li tadatta għall-bidliet fil-klima u se turina kif tista’ sseħħ din it-tranżizzjoni permezz ta’ politiki li joffru ħafna mill-benefiċċji għat-tkabbir, għall-impjiegi u għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE.

It-‘tħaffir fil-minjieri urbani’ ("Urban mining"), li huwa l-proċess ta’ estrazzjoni ta’ materjali utli mill-iskart urban, huwa wieħed mill-għejun prinċipali ta’ metalli u minerali għall-industrija Ewropea. L-użu ta’ materja prima sekondarja jikkontribwixxi għall-effiċjenza fir-riżorsi, it-tnaqqas ta’ emissjonijiet ta' gassijiet b’effett tas-serra u l-preservazzjoni tal-ambjent. Madankollu, il-potenzjal komplet ta' ħafna minn dawn ir-riżorsi mhux qed jiġi sfruttat u minkejja li fi żmien għaxar (10) snin ir-riċiklaġġ tal-iskart fl-ibliet fl-UE rdoppja, għad hemm differenzi kbar fis-sitwazzjoni bejn l-Istati Membri. Minħabba l-pressjoni li qed issir biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju, titħares is-saħħa tal-bniedem u titnaqqas id-dipendenza esterna, jeħtieġ li jiġu indirizzati iktar l-ostakli li hemm għar-riċiklaġġ. Il-Kummissjoni tqis li dawn l-ostakli jaqgħu fi tliet kategoriji wesgħin: ‘telf’ ta’ skart li jiġi dirett lejn trattament ta' standard inferjuri fi jew barra l-UE; ostakli għall-iżvilupp tal-industrija tar-riċiklaġġ; u insuffiċjenza tal-innovazzjoni fir-riċiklaġġ.

Huwa essenzjali li jkun hemm implimentazzjoni u infurzar aħjar tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE fil-qasam tal-iskart biex issir promozzjoni ta' Ewropa iktar effiċjenti fir-riżorsi. Għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li:

- fl-2012 issir reviżjoni tal-Istrateġija Tematika dwar il-prevenzjoni tal-iskart u r-riċiklaġġ biex jiġu żviluppati l-aħjar prattiki fil-ġbir u t-trattament tal-flussi prinċipali tal-iskart, b’mod partikolari dawk li jkun fihom materja prima li għandha impatt negattiv fuq l-ambjent. Meta jkun neċessarju, se tittejjeb id-disponibilità tal-istatistika dwar ir-riċiklaġġ;

- tappoġġja r-riċerka u l-azzjonijiet pilota dwar l-effiċjenza tar-riżorsi u l-inċentivi ekonomiċi għal sistemi ta’ riċiklaġġ jew ta' rimborż;

- twettaq valutazzjoni ex-post tal-acquis tal-UE dwar l-iskart, inkluża l-valutazzjoni tal-oqsma fejn il-leġiżlazzjoni applikabbli għal diversi flussi ta' skart tista' tiġi allinjata bil-għan li tittejjeb il-koerenza tagħha. Dan ikun jinkludi l-effettività tad-deterrenti u l-penali għal ksur tar-regoli tal-UE dwar l-iskart;

- fl-2012 tagħmel reviżjoni tal-pjan ta’ azzjoni dwar il-konsum sostenibbli u l-produzzjoni biex tidentifika liema inizjattivi addizzjonali huma meħtieġa f’dan il-qasam;

- tanalizza l-fattibilità li jiġu żviluppati strumenti b’ekodisinn (i) biex jitrawwem l-użu effiċjenti tal-materja prima (ii) tiġi żgurata r-riċiklabbiltà u d-dewmien tal-prodotti u (iii) jiġi promoss l-użu ta’ materja prima sekondarja fil-prodotti, notevolment fil-kuntest tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn; u

- tiżviluppa inizjattivi ġodda biex ittejjeb il-kompetittività tal-industriji ta’ riċiklaġġ tal-UE notevolment permezz tal-introduzzjoni ta' strumenti ġodda msejsa fuq is-suq li jiffavorixxu l-materja prima sekondarja.

Il-problema tad-dumping ambjentali tal-iskart titfaċċa wkoll f'każijiet ta’ trasportazzjoni illegali ta’ skart lejn pajjiżi terzi. Biex jissaħħaħ iżjed l-infurzar tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart, il-Kummissjoni tipproponi li:

- ikun żgurat li fl-2011 ikun hemm standards ta’ spezzjoni preċiżi u fattibbli għall-iskart madwar l-UE. Dan jippermetti li jkun hemm sforzi ulterjuri fl-2012 biex jiġi ffaċilitat il-kontroll tat-trasportazzjoni mill-awtoritajiet doganali;

- jiġi kkunsidrat l-użu tal-fondi għar-riċerka FP7 biex tingħata għajnuna fit-titjib tat-teknoloġiji ta’ skoperta, identifikazzjoni, ittraċċar u lokalizzazzjoni ta' trasportazzjonijiet illegali;

- teżamina l-fattibilità li tiġi applikata skema globali ta’ ċertifikazzjoni għall-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ għall-esportazzjoni ta’ flussi ta’ skart, billi tibni fuq kriterji ta’ ġestjoni li jirrispettaw l-ambjent;

- tibni fuq l-IMPEL[44], taħdem mal-Istati Membri biex tevalwa l-fattibilità ta’ mekkaniżmu formali fuq il-livell tal-UE għall-infurzar tal-acquis tal-UE.

5.5 L-innovazzjoni: kwistjoni trażversali

Il-materja prima hija input essenzjali għall-kompetittività u għal ħafna applikazzjonijiet teknoloġiċi nodfa li jirrispettaw l-ambjent. L-innovazzjoni hija ċentrali għall-potenzjal tal-UE f’dan il-qasam u jista’ jkollha rwol fl-indirizzar tal-isfidi tat-tliet pilastri tal-RMI. Hemm bżonn ta’ innovazzjoni tul il-katina ta' valur kollha, inklużi l-estrazzjoni, l-ipproċessar sostenibbli, l-ekodisinn, ir-riċiklaġġ, il-materjali l-ġodda, is-sostituzzjoni, l-effiċjenza fir-riżorsi u l-ippjanar tal-użu tal-artijiet. Il-Kummissjoni se tevalwa jekk għandhiex tniedi Sħubija tal-Innovazzjoni dwar il-materja prima fi ħdan l-Inizjattiva Prinċipali Ewropa 2020 dwar l-Unjoni tal-Innovazzjoni[45].

6. It-triq 'il Quddiem

L-aċċess għall-prodotti u l-materja prima huwa essenzjali biex tinżamm il-kapaċità produttiva tal-ekonomija u biex jiġi żgurat il-ġid taċ-ċittadini. Dawn il-prodotti u l-materja prima jaslu minn madwar id-dinja kollha kif ukoll minn ġewwa l-Ewropa. L-isfida tikkonsisti fl-iżgurar li l-ħtiġijiet ta’ prodotti u ta’ materja prima jiġu sodisfatti b’mod li jappoġġja għanijiet iktar wiesa’ għall-iżvilupp f’pajjiżi ta' oriġini, fil-ħarsien ambjentali, fil-kummerċ ħieles u fi swieq stabbli li ma jkunux ta' riskju għall-ekonomija b'mod ġenerali.

Kien hemm żieda fl-attività finanzjarja f’kull klassi ta’ prodotti u ta' materja prima. Għalhekk, kemm fuq livell Ewropew kif ukoll fuq dak internazzjonali, il-politika hija l-iktar ikkonċernata b’li tiżgura li dan l-iżvilupp jappoġġja u ma jxekkilx l-aċċess għall-prodotti u l-materja prima u lanqas inaqqas l-istabbilità tal-ekonomija Ewropea jew tal-ekonomiji ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dawn is-swieq għandhom ikomplu jaqdu l-ekonomija vera billi jgħinu fil-formazzjoni tal-prezzijiet u jippermettu li jsir hedging mir-riskji tas-suq.

Il-prezzijiet tad-derivati ta’ prodotti u l-prodotti fiżiċi sottostanti huma marbuta flimkien. Id-dinamika tagħhom hija paradigma stabbilita u li toffri sfida u qed isir dejjem iktar diffiċli li wieħed jifhem il-prezzijiet tal-prodotti. Jeħtieġ li jittejbu l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tad-derivati ta' prodotti u l-Kummissjoni tqis li huwa neċessarju li ssir promozzjoni biex dawn l-iżviluppi jkunu iktar mifhuma. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni nediet diversi inizjattivi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, kif imsemmi fit-taqsima 3.2, u se teżamina sa liema punt se jkun hemm bżonn ta’ iktar titjib fit-trasparenza u l-aċċessibilità għal informazzjoni dwar is-swieq fiżiċi tal-prodotti bażiċi. Din iż-żieda fit-trasparenza tal-attivitajiet finanzjarji kif ukoll ta’ attivitajiet kummerċjali fiżiċi, għandha tippermetti lir-regolaturi u lill-parteċipanti fis-suq li jifhmu aħjar l-interazzjoni bejn is-swieq finanzjarji u s-swieq tal-prodotti bażiċi fiżiċi, u dan jgħin fil-prevenzjoni ta' prattiki abbużivi.

Il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll alternattivi ta’ politiki oħrajn biex issaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-ikel. Se tagħti kontribut bil-ħidma tagħha għal kull waħda minn dawn il-kwistjonijiet fl-attivitajiet tal-G20 ta’ din is-sena, b’mod partikolari fid-dawl tal-prijorità mogħtija mill-presidenza Franċiża lill-indirizzar tal-prezzijiet tal-prodotti u tas-sigurtà tal-ikel.

Peress li s-sostenibbiltà tad-domanda u l-provvista ta’ materja prima hija sfida kbira kontinwa, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb ukoll li ssaħħaħ l-implimentazzjoni tal-inizjattiva tagħha dwar il-materja prima fi strateġija integrata msejsa fuq it-tliet pilastri tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se torganizza diskussjonijiet pubbliċi b’mod regolari permezz ta’ avveniment tematiku annwali li jippromwovi s-sensibilizzazzjoni għall-isfidi fil-futur waqt li jevalwa l-progress li jkun sar.

Anness

Konċentrazzjoni tal-produzzjoni ta’ materja prima kritika, u r-rati ta’ riċiklaġġ u ta’ sostituzzjoni

L-14-il materja prima elenkati hawn taħt huma kritiċi minħabba r-riskju li l-provvista tagħhom tkun skarsa u minħabba li l-impatt tagħhom fuq l-ekonomija huwa ogħla meta mqabbel ma’ ta' ħafna mill-materja prima l-oħra. Ir-raġuni tar-riskju ta' provvista għolja tagħhom hija prinċipalment il-fatt li parti kbira mill-produzzjoni dinjija tiġi prinċipalment minn għadd żgħir ta' pajjiżi: Iċ-Ċina (antimonju, fluworitospar, gallju, ġermanju, grafit, indju, manjeżju, elementi metalliċi rari, tungstenu), ir-Russja (metalli tal-grupp tal-platinu), ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (kobalt, tantalju) u l-Brażil (nijobju u tantalju). F'ħafna każijiet din il-konċentrazzjoni ta’ produzzjoni tiġi amplifikata minħabba rati baxxi ta' sostitwibilità u ta' riċiklaġġ.

Materja prima | Produtturi ewlenin (2008, 2009) | Għejun prinċipali tal-importazzjoni fl-UE (2007, jew 2006) | Rata ta’ dipendenza fuq l-importazzjoni | Sostitwibilità | Rata ta’ riċiklaġġ |

Antimonju | Iċ-Ċina 91% | Il-Bolivja 77% | 100% | 0,64 | 11% |

Il-Bolivja 2% | Iċ-Ċina 15% |

Ir-Russja 2% | Il-Perù 6% |

L-Afrika t’Isfel 2% |

Berillju | L-Istati Uniti tal-Amerika 85% | L-Istati Uniti tal-Amerika, il-Kanada, iċ-Ċina, il-Brażil (*) | 100% |

Iċ-Ċina 14% |

Il-Możambik 1% |

Kobalt | Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo 41% | Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo 71% | 100% | 0,9 | 16% |

Il-Kanada 11% | Ir-Russja 19% |

Iż-Żambja 9% | It-Tanzanja 5% |

Spatofluworu | Iċ-Ċina 59% | Iċ-Ċina 27% | 69% | 0,9 | 0% |

Il-Messiku 18% | L-Afrika t’Isfel 25% |

Il-Mongolja 6% | Il-Messiku 24% |

Gallju | M/A | L-Istati Uniti tal-Amerika, ir-Russja (*) | (*) | 0,74 | 0% |

Ġermanju | Iċ-Ċina 72% | Iċ-Ċina 72% | 100% | 0,8 | 0% |

Ir-Russja 4% | L-Istati Uniti tal-Amerika 19% |

L-Istati Uniti tal-Amerika 3% | Ħong Kong 7% |

Grafit | Iċ-Ċina 72% | Iċ-Ċina 75% | 95% | 0,5 | 0% |

L-Indja 13% | Il-Brażil 8% | M/A |

Il-Brażil 7% | Il-Madagaskar 3% |

Il-Kanada 3% |

Indju | Iċ-Ċina 58% | Iċ-Ċina 81% | 100% | 0,9 | 0,30% |

Il-Ġappun 11% | Ħong Kong 4% |

Il-Korea 9% | L-Istati Uniti tal-Amerika 4% |

Il-Kanada 9% | Is-Singapor 4% |

Manjeżju | Iċ-Ċina 56% | Iċ-Ċina 82% | 100% | 0,82 | 14% |

It-Turkija 12% | L-Iżrael 9% |

Ir-Russja 7% | In-Norveġja 3% |

Ir-Russja 3% |

Nijobju | Il-Brażil 92% | Il-Brażil 84% | 100% | 0,7 | 11% |

Il-Kanada 7% | Il-Kanada 16% |

Grupp tal-Platinu | L-Afrika t’Isfel 79% | lL-Afrika t’Isfel 60% | 100% | 0,75 | 35% |

metalli | Ir-Russja 11% | Ir-Russja 32% |

Iż-Żimbabwe 3% | In-Norveġja 4% |

Elementi metalliċi rari | Iċ-Ċina 97% | Iċ-Ċina 90% | 100% | 0,87 | 1% |

L-Indja 2% | Ir-Russja 9% |

Il-Brażil 1% | Il-Kazakistan 1% |

Tantalju | L-Awstralja 48% | Iċ-Ċina 46% | 100% | 0,4 | 4% |

Il-Brażil 16% | Il-Ġappun 40% |

Ir-Rwanda 9% | Il-Kazakistan 14% |

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo 9% |

Tungstenu | Iċ-Ċina 78% (6.1) | Ir-Russja 76% | 73% | 0,77 | 37% |

Ir-Russja 5% (6.5) | Il-Bolivja 7% |

Il-Kanada 4% | Ir-Rwanda 13% |

(*) suġġett għal varjazzjonijiet qawwijin |

Nota: id-dipendenza fuq l-importazzjoni hija kkalkulata b'dan il-mod: "importazzjonijiet netti / (importazzjonijiet netti + produzzjoni fl-UE)"

Fonti: miġbura fuq il-bażi tar-Rapport “Materja prima kritika għall-UE” mill-grupp ta’ ħidma Ad hoc dwar id-definizzjoni ta’ materja prima kritika tal-Grupp dwar il-Provvista tal-Materja Prima. Ġunju 2010

[1] Uffiċċju Dinji tal-Istatistika dwar il-Metall - Annwarju 2009

[2] Rapport tas-CFTC "Staff report on commodity swap dealers and index traders with Commission recommendations" , Washington 2008. American Economic Review; Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2008) 821 “Il-Prezz tal-Ikel fl-Ewropa” u d-dokument ta’ ħidma li jakkumpanjaha SEC(2008) 2971 “Grupp ta’ ħdima dwar l-irwol tal-ispekulazzjoni fil-bidliet tal-prezzijiet tal-prodotti agrikoli - Hemm ambjent spekulattiv fis-swieq tal-prodotti bażiċi?”

[3] COM(2008) 699 “L-inizjattiva dwar il-materja prima – nilħqu l-ħtiġijiet kritiċi tagħna għat-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa”.

[4] COM(2009) 591 "Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar" u COM(2010) 127 "Qafas ta' politika tal-UE għall-għajnuna ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jindirizzaw l-isfidi tas-sigurtà tal-ikel".

[5] COM(2010) 2020, “Ewropa 2020”, u COM(2011) 21 “Ewropa effiċjenti fir-riżorsi: inizjattiva prinċipali skont l-istrateġija Ewropa 2020”.

[6] Ara http://www.pittsburghsummit.gov/mediacenter/129639.htm

[7] Ara http://www.g20.org/Documents2010/11/seoulsummit_declaration.pdf

[8] Ara, pereżempju, IOSCO, Grupp ta’ Ħidma dwar il-Futures tal-Prodotti Bażiċi (Task Force on Commodity Futures), Rapport tal-G20. Novembru 2010.

[9] COM(2009) 591 "Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar",

[10] Prodott derivattiv jista’ jkun definit bħala assi finanzjarju, li ġeneralament ikun kuntratt bejn żewġ partijiet jew aktar, li jakkwista l-valur tiegħu minn assi, titoli jew anki indiċijiet oħrajn.

[11] COM(2010) 672 “Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020”.

[12] FAO, PDI, L-Istat tan-Nuqqas ta’ Sigurtà tal-ikel fid-Dinja, Ottubru 2010.

[13] Parti minn din il-ħidma diġà qed isseħħ (ara t-taqsima 3.2) b’koperazzjoni mill-qrib mal-kontropartijiet rilevanti internazzjonali u b’mod partikolari mal-Istati Uniti, bil-għan li jkun żgurat li jkun hemm konsistenza regolatorja.

[14] Din il-Komunikazzjoni ma titrattax is-swieq ta' kwoti fi ħdan is-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti ta' Emissjonijiet tal-UE peress li l-kwoti mhumiex prodotti fis-sens li ġeneralment jinftiehem. Il-Kummissjoni ħejjiet Komunikazzjoni dwar din il-kwistjoni: COM(2010) 796 “Lejn qafas imtejjeb ta’ sorveljanza tas-suq għas-Sistema ta’ Skambju ta’ Kwoti ta' Emissjonijiet tal-UE.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

[15] Din it-taqsima ma tindirizzax kwistjonijiet oħra marbuta mal-enerġija, bħas-sikurezza u s-sigurtà jew il-konsistenza u l-effettività globali tal-politika esterna tal-UE dwar l-enerġija. Dawn jiġu ttrattati fil-Komunikazzjoni "Enerġija 2020 Strateġija għal enerġija kompetittiva, sostenibbli u sigura" [traduzzjoni mhux uffiċjali] - (COM(2010) 639.

[16] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-integrità u t-trasparenza tas-suq tal-enerġija - COM(2010) 726, Diċembru 2010.

[17] Ara, pereżempju, http://ec.europa.eu/agriculture/markets/prices/monthly_en.pdf

[18] Ara http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/hicp/methodology/prices_data_for_market_monitoring

[19] http://ec.europa.eu/agriculture/publi/caprep/prospects2010/index_en.htm

[20] Ara http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/food/competitiveness/forum_food/index_en.htm

[21] Inqas minn għaxar Stati Afrikani laħqu l-mira ta’ Maputo stabbilita fl-2003 ta’ għaxra fil-mija tal-investiment pubbliku fl-agrikoltura.

[22] COM(2010) 629 “Politika tal-iżvilupp tal-UE favur it-tkabbir inklussiv u l-iżvilupp sostenibbli. Żieda fl-Impatt tal-politika tal-iżvilupp tal-UE”.

[23] COM(2010) 127 - Qafas ta' Politika tal-UE biex tingħata għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jindirizzaw l-isfidi tas-sigurtà tal-ikel.

[24] COM(2010) 484, 15.9.2010

[25] Direttiva 2003/6/KE (ĠU L 96, 12.4.2003).

[26] Tnediet konsultazzjoni pubblika dwar il-PRIPS fis-26 ta’ Novembru 2010, http://ec.europa.eu/internal_market/finservices-retail/investment_products_en.htm#consultation

[27] COM(2009)207, 30.4.2009.

[28] Direttiva 2004/39/KE (ĠU L 145, 30.4.2004).

[29] Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea, u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

[30] COM(2008) 699 “L-inizjattiva dwar il-materja prima – nilħqu l-ħtiġijiet kritiċi tagħna għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa”.

[31] “Materja prima kritika għall-UE”. Rapport tal-grupp ta’ ħidma ad hoc tal-RMSG dwar id-definizzjoni ta’ materja prima kritika, Ġunju 2010.

[32] DĠ għall-Kummerċ - Politika dwar il-materja prima - rapport annwali 2009

[33] COM(2010) 163, “Kooperazzjoni ma' Pajjiżi li qed Jiżviluppaw dwar il-Promozzjoni ta' Tmexxija Tajba fi Kwistjonijiet Fiskali”.

[34] http://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/management/guidance_en.htm

[35] Gwida dwar prattiki tajba fir-rigward tal-mobilizzazzjoni sostenibbli tal-injam fl-Ewropa. Il-Kummissjoni Ewropea, Forest Europe, FAO 2010.

[36] Ara COM(2011) 21 “Ewropa effiċjenti fir-riżorsi: inizjattiva prinċipali skont l-istrateġija Ewropa 2020”

[37] Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE tal-14 ta' Settembru 2009.

[38] http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2010/financial-reporting_en.htm

[39] Pereżempju, dwar ir-rekwiżiti ta’ għaqal mistħoqq u ta' rappurtar minn kumpaniji li jagħmlu parti mill-katina ta’ provvista tal-materja prima, pereżempju r-Riforma Dodd Frank Wall Street tal-Istati Uniti u l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Konsumatur.

[40] L-iskop tal-Fond Fiduċarju huwa li jkun ta’ benefiċċju għall-proġetti ta’ infrastruttura transkonfinali u reġjonali fl-Afrika tas-Sub-Saħara.

[41] Pereżempju, il-proġett AEGOS jgħaqqad flimkien l-istħarriġ ġeoloġiku tal-UE u tal-Afrika biex jittejbu l-livell u l-kwalità tad-dejta disponibbli dwar ir-riżorsi fl-Afrika.

[42] DĠ għall-Kummerċ - Politika dwar il-Materja Prima - Rapport annwali 2009.

[43] “It-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ qafas għall-estrazzjoni ta’ minerali għall-UE". Rapport tal-grupp ta’ ħidma Ad hoc tal-RMSG dwar l-iskambju tal-aħjar prattiki għall-ippjanar tal-użu tal-artijiet, il-permessi tal-artijiet u l-qsim tal-għarfien ġeoloġiku. Ġunju 2010.

[44] In-netwerk tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali.

[45] COM(2010)546