52011DC0021




[pic] | KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 26.1.2011

KUMM(2011) 21 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LlLL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza – Inizjattiva ewlenija taħt l-Istrateġija Ewropa 2020

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LlLL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza – Inizjattiva ewlenija taħt l-Istrateġija Ewropa 2020

1. DAħLA: GħALIEX HIJA IMPORTANTI L-EFFIċJENZA TAR-RIżORSI?

Ir-riżorsi naturali jirfdu l-funzjonament tal-ekonomija Ewropea u globali kif ukoll il-kwalità ta' ħajjitna. Dawn ir-riżorsi jinkludu materja prima bħall-fjuwils, il-minerali u l-metalli kif ukoll l-ikel, il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-bijomassa u l-ekosistemi. Il-pressjonijiet fuq ir-riżorsi qed jiżdiedu. Jekk ix-xejriet ta' bħalissa jibqgħu għaddejjin, huwa mistenni li sal-2050 l-popolazzjoni globali tkun kibret bi 30% għal madwar 9 biljun u li n-nies li jgħixu f'ekonomiji li qed jiżviluppaw jew li qed jitfaċċaw se jkunu qed jaspiraw, b'mod leġittimu, għall-benessri u l-livelli ta' konsum tal-pajjiżi żviluppati. Kif rajna fid-deċenni riċenti, l-użu intensiv tar-riżorsi tad-dinja jitfa' pressjoni fuq il-pjaneta tagħna u jhedded is-sigurtà tal-provvista. Mhux possibbli li nibqgħu sejrin kif aħna fir-rigward tal-użu tar-riżorsi.

B'reazzjoni għal dawn il-bidliet, il-muftieħ biex niżguraw it-tkabbir u l-postijiet tax-xogħol fl-Ewropa se tkun iż-żieda fl-effiċjenza. Din se ġġib magħha opportunitajiet ekonomiċi kbar, se ttejjeb il-produttività, se tbaxxi l-ispejjeż u se tagħti spinta lill-kompetittività. Huwa meħtieġ li niżviluppaw prodotti u servizzi ġodda u li nsibu modi ġodda biex innaqqsu l-inputs, nimminimizzaw l-iskart, intejbu l-ġestjoni tal-istokkijiet tar-riżorsi, nibdlu l-modi kif nikkunsmaw, nottimizzaw il-proċessi tal-produzzjoni, u l-metodi li bihom isiru l-ġestjoni u n-negozju, u ntejbu l-loġistika. Dan se jgħin biex tiġi stimulata l-innovazzjoni teknoloġika, tingħata spinta lix-xogħol fil-qasam tat-'teknoloġija li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent' li qed tiżviluppa b'ritmu mgħaġġel, isostni lill-kummerċ tal-UE, inkluż billi jiftaħ swieq ġodda għall-esportazzjoni, u se jgawdu minnu l-konsumaturi permezz ta' prodotti aktar sostenibbli.

L-użu aktar effiċjenti tar-riżorsi se jgħinna niksbu bosta mill-objettivi tal-UE. Se jkun il-muftieħ biex nimxu 'l quddiem biex nindirizzaw il-bidla fil-klima u biex niksbu l-mira tagħna li nnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet tas-serra b'bejn 80 u 95% sal-2050. Neħtiġuh biex inħarsu l-assi ekoloġiċi ta' valur, is-servizzi li jipprovdu u l-kwalità tal-ħajja għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta' għada. Se jgħinna niżguraw li l-oqsma tal-biedja u tas-sajd ikunu b'saħħithom u sostenibbli u nnaqqsu l-insigurtà relatata mal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Billi nnaqqsu d-dipendenza fuq fjuwils u materjali li qed isiru dejjem aktar skarsi, l-għoti ta' spinta lill-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi jista' jtejjeb ukoll is-sigurtà tal-provvista tal-Ewropa ta' materja prima u jagħmel lill-ekonomija tal-UE iktar kapaċi tistejqer meta fil-ġejjieni tħabbat wiċċha ma' żidiet fil-prezzijiet globaali tal-enerġija u tal-prodotti.

Viżjoni ta' fejn l-Ewropa jeħtieġ li tkun fl-2050 u qafas ta' linji politiċi għal medda twila ta' żmien jistgħu jipprovdu triq ċara 'l quddiem għan-negozji u l-investituri. Huwa importanti li niffukaw b'mod aktar preċiż fuq l-azzjoni li trid tittieħed fl-għaxar snin li ġejjin biex inpoġġu lill-Ewropa fuq il-binarju t-tajjeb u biex ngħaġġlu t-tranżizzjoni.

2. L-ISTRATEġIJA EWROPA 2020 U L-INIZJATTIVA EWLENIJA EWROPA LI TUżA R-RIżORSI B'EFFIċJENZA

Sabiex ingawdu l-beenfiċċji ta' ekonomija li tuża r-riżorsi b'effiċjenza u li tipproduċi livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, jeħtieġ li nissodisfaw tliet kundizzjonijiet:

- L-ewwel , jeħtieġ li nieħdu azzjoni kkoordinata f'firxa wiesgħa ta' oqsma ta' linji politiċi u din l-azzjoni għandha bżonn ta' viżibbiltà u appoġġ politiċi.

- It-tieni, irridu naġixxu b'urġenza minħabba li ż-żmien bejn il-bidu tal-investiment u r-riżultati huwa twil. Filwaqt li xi azzjonijiet se jkollhom impatt pożittiv fuq it-tkabbir u l-postijiet tax-xogħol fuq medda qasira ta' żmien, oħrajn jirrikjedu investiment bil-quddiem u jieħdu ħafna żmien biex jinfdew, iżda se jġibu magħhom benefiċċji ekonomiċi reali għall-ekonomija tal-UE għad-deċenni li ġejjin.

- It-tielet nett , irridu nagħtu lill-konsumaturi s-setgħa li jiċċaqilqu lejn konsum li juża r-riżorsi b'effiċjenza, sabiex nixprunaw innovazzjoni ma taqta' xejn u niżguraw li l-kisbiet fl-effiċjenza ma jintilfux.

Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza hija waħda minn seba' inizjattivi ewlenin bħala parti mill-istrateġija Ewropa 2020 li għandha t-tir li twassal għal tkabbir intellliġenti, sostenibbli u inklussiv[1]. Din issa hija l-istrateġija ewlenija tal-Ewropa għall-ħolqien tat-tkabbir u tal-postijiet tax-xogħol, u għandha l-appoġġ tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew[2]. L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE qed jaħdmu id f'id biex jikkoordinaw l-azzjonijiet sabiex jitwettqu r-riformi strutturali meħtiġin.

Din l-inizjattiva ewlenija hija mmirata biex toħloq qafas biex il-linji politiċi jsostnu ċ-ċaqliqa lejn ekonomija li tuża r-riżorsi b'effiċjenza u li tipproduċi livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, li se tgħinna biex:

- nagħtu spinta lir-riżultati ekonomiċi filwaqt li nnaqqsu l-użu tar-riżorsi;

- nidentifikaw u noħolqu opportunitajiet ġodda għat-tkabbir ekonomiku u għal aktar innovazzjoni, u nagħtu spinta lill-kompetittività tal-UE;

- niżguraw is-sigurta tal-provvista ta' riżorsi essenzjali;

- nissieltu kontra l-bidla fil-klima u nillimitaw l-impatti tal-użu tar-riżorsi fuq l-ambjent.

Sabiex naslu biex ikollna Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza, jeħtieġ li nwettqu titjib teknoloġiku, ngħaddu minn tranżizzjoni sinifikanti fis-sistemi tal-enerġija, industrijali, tal-biedja u tat-trasport, u bidliet f'imġibitna bħala produtturi u konsumaturi. Sabiex lin-negozji nagħtuhom iċ-ċertezza li jeħtieġu biex jinvestu issa, u sabiex niżguraw li l-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni jgawdu minn investiment intelliġenti, jeħtieġ li nibdew nieħdu azzjoni mill-aktar fis, fuq il-bażi ta' qafas regolatorju li jipprovdi stabbilta fuq medda twila ta' żmien. It-titjib tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi jipprovdi wkoll opportunita biex inżommu l-ispejjeż taħt kontroll billi nnaqqsu l-konsum tal-materjal u tal-enerġija u, b'hekk, biex nagħtu spinta lill-kompetittività fil-ġejjieni.

L-UE diġà wriet li huwa possibbli li jsir progress fuq il-bażi tal-użu aktar effiċjenti tar-riżorsi. Ir-riċiklaġġ beda jsir prattika normali għan-negozji u għad-djar madwar l-UE kollha kemm hi. Mill-1990 'l hawn, naqqasna l-emissjonijiet ta' gassijiet tas-serra b'aktar minn 10% filwaqt li l-ekonomiji tagħna kibru b'madwar 40%. Qed innaqqsu d-dipendenza tagħna fuq il-fjuwils fossili billi nkabbru l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u niżviluppaw alternattivi. Madanakollu, issa jeħtieġ li nżidu r-ritmu tal-progress, nifirxu l-isforzi għal oqsma oħrajn u naħsdu l-benefiċċji li strateġija li tirnexxi tista' ġġib għall-kompetittività, għall-ħolqien tal-postijiet tax-xogħol u għall-prosperità.

Din l-inizjattiva ewlenija se tgħin biex insawru mod strateġiku u integrat ta' kif nagħmlu l-affarijiet li se jiżgura li l-azzjonijiet konkreti li diġà ġew deċiżi għall-2020 iwittu t-triq għal miri fuq medda itwal ta' żmien għall-2050 u li tittieħed azzjoni oħra xierqa sabiex niksbu l-objettivi tagħna. Dan il-mod se jiżgura li nagħmlu l-aħjar użu mis-sinerġiji inerenti f'tali strateġija mibnija fuq sies wiesa', u li nidentifikaw u nindirizzaw il-kompromessi bħala parti minn tfassil fondat sew tal-linji politiċi. Jitlob li ssir analiżi koerenti tar-raġunijiet għaliex xi riżorsi mhumiex użati effiċjentement. Mill-punt tat-tluq, se jkun possibbli li nippruvaw il-ħtieġa li l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tiddaħħal f'firxa wiesgħa ta' linji politiċi, u li niżviluppaw sett ta' għodod li jippermetti lil min ifassal il-linji politiċi jixpruna l-affarijiet 'il quddiem u jissorvelja l-progress. Dan se jgħin biex noħolqu l-appoġġ u involviment ċari tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, ta' dawk li għandhom interess u taċ-ċittadini.

3. NISFRUTTAW IS-SINERġIJI U NINDIRIZZAW IL-KOMPROMESSI

Il-mod ta' kif isiru l-affarijiet li hu meħtieġ biex tinbena Ewropea li tuża r-riżorsi b'effiċjenza, li hu kumpless u magħmul minn partijiet li jillokkjaw f'xulxin, jista' jintlaħaq biss b'taħlita ta' linji politiċi li tagħmel l-aħjar użu mis-sinerġiji u li tindirizza l-kompromessi bejn oqsma u linji politiċi differenti.

Dawn li ġejjin huma eżempji tipiċi ta’ sinerġiji:

- postijiet tax-xogħol maħluqin f'setturi marbutin mat-tkabbir sostenibbli spiss ikunu aktar fiż-żgur, b'potenzjal għoli għall-esportazzjonijiet u għall-ħolqien tal-valur ekonomiku;

- l-azzjoni dwar il-bidla fil-klima u dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jistgħu jkabbru s-sigurta tal-enerġija u jnaqqsu l-vulnerabbiltà għax-xokkijiet taż-żejt;

- teknoloġiji li jipproduċu livell baxx ta' karbonju jnaqqsu l-emissjonijiet u spiss iġibu magħhom benefiċċji fejn jidħlu l-kwalità tal-arja, l-istorbju u s-saħħa pubblika;

- it-taxxi u s-sussidji fuq l-użu tal-enerġija jew ta' riżorsi oħrajn jistgħu jintużaw kemm biex tiġi inkuraġġita mġiba li twassal għal konsum imnaqqas u iktar effiċjenti kif ukoll biex jgħinu ħalli jiġu strutturati mill-ġdid il-finanzi pubbliċi lil hinn mit-tassazzjoni fuq ix-xogħol, li minnhom igawdu l-ħolqien tal-postijiet tax-xogħol u t-tkabbir ekonomiku;

- jekk inżidu r-rati tar-riċiklaġġ inkun qed innaqqsu l-pressjoni fuq id-domanda għall-materja prima, ngħinu biex nużaw mill-ġdid materjali ta' valur li kieku jinħlew, u nnaqqsu l-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra li jirriżultaw mill-estrazzjoni u mill-ipproċessar;

- it-titjib tad-disinn tal-prodotti jista' kemm inaqqas id-domanda għall-enerġija u għall-materja prima kif ukoll jagħmel lil dawk il-prodotti jservu aktar u iktar faċli biex tirriċiklahom. Iservi wkoll bħala stimolu għall-innovazzjoni, u b'hekk jinħolqu opportunitajiet ta' negozju u postijiet ġodda tax-xogħol;

- it-titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija l-ewwel nett inaqqas il-ħtieġa li niġġeneraw l-enerġija u l-ħtieġa tal-infrastruttura. Dan, min-naħa tiegħu, itaffi l-pressjoni fuq ir-riżorsi tal-art. Ngħidu aħna,tnaqqis tal-konsum enerġetiku tal-UE b'1% jkun ifisser li ma jkollniex bżonn tal-ekwivalenti ta' 50 impjant tal-enerġija li jaħdem bil-faħam jew ta' 25 000 turbina tar-riħ.

Jeħtieġ li l-linji politiċi favur l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi jindirizzaw il-kompromessi kif xieraq. Sabiex nagħmlu l-għażliet it-tajbin, kemm għal issa kif ukoll għal medda itwal ta' żmien, jeħtieġ li nqisu ċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-mod kif nużaw ir-riżorsi, inkluża l-katina tal-valur, u l-kompromessi bejn il-prijoritajiet differenti. Id-disponibbiltà tat-tagħrif meħtieġ biex niżnu l-għażliet differenti se tgħin lil min ifassal il-linji politiċi biex jiddeċiedi fejn għandhom jiġu ffokati l-isforzi. Dawn huma ftit eżempji:

- azzjoni biex jitnaqqsu unilateralment l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effet ta' serra domestikament jista' jkollha impatt fuq il-kompetittività tal-industrja li tikkonsma ħafna enerġija u twassal biex il-produzzjoni u l-emissjonijiet assoċjati ta' gassijiet b'effett ta' serra jittieħdu barra mill-pajjiż jek ma jinżammux miżuri korrettivi;

- proċessi ta' produzzjoni li jlestu l-prodott fil-ħin biex jitqassam inaqqsu l-enerġija meħtieġa biex il-prodotti jitħallew fl-imħażen iżda jistgħu wkoll jirrikjedu aktar trasport. Dan jista' jkun il-każ ukoll għall-ġbir tal-iskart u għar-riċiklaġġ;

- l-użu ta' 'vetturi 'nodfa' jnaqqas l-użu tal-fjuwils fossili iżda jżid id-domanda għall-elettriku u għal ċerta materja prima, li wħud minnhom huma suġġetti għal restrizzjonijiet fuq il-provvista u huma kkonċentrati fi ftit inħawi ġeografiċi (e.g. l-elementi rari tal-art għall-komponenti elettroniċi u għaċ-ċelluli tal-fjuwil, il-litju għall-batteriji);

- l-art użata għall-produzzjoni tal-ikel tista' tikkompeti mal-użu tal-art għall-enerġija u t-tnejn li huma jistgħu jikkompetu ma' art li ssostni l-bijodiversità jew tipprovdi servizzi lill-ekosistema bħal, ngħidu aħna, billi tassorbi l-karbonju mill-atmosfera;

- il-materjali biex titjieb l-iżolazzjoni jistgħu jnaqqsu b'mod sinifikanti l-ammont ta' enerġija meħtieġa biex tissaħħan binja, iżda jistgħu jużaw aktar enerġija biex jiġu prodotti;

- l-espansjoni tal-enerġija nukleari tista' tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju iżda din titlob aktar titjib tas-sikurezza nukleari, il-ġestjoni tal-iskart u n-nonproliferazzjoni;

- id-desalinizzazzjoni tista' tipprovdi soluzzjoni fejn hemm problemi ta' provvista tal-ilma iżda tiżda żżid il-konsum tal-fjuwil fossilu u l-emissjonijiet tal-gassijiet tas-serra.

4. KOMPONENTI BIEX INWETTQU L-INIZJATTIVA EWLENIJA EWROPA LI TUżA R-RIżORSI B'EFFIċJENZA

Għan ewlieni ta' din l-inizjattiva ewlenija huwa li nżidu ċ-ċertezza għall-investiment u għall-innovazzjoni billi nsawru ftehima dwar il-viżjoni għal medda twila ta' żmien u billi niżguraw li l-linji politiċi rilevanti kollha jidħlu fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi b'mod ibbilanċjat. Hija tipprovdi qafas għall-azzjoni għal medda twila ta' żmien f'bosta oqsma ta' linji politiċi, u tappoġġa aġendi ta' linji politiċi għall-bidla fil-klima, l-enerġija, it-trasport, l-industrija, il-materja prima, il-biedja, is-sajd, il-bijodiversità u l-iżvilupp reġjonali. Dawn il-komponenti differenti jridu jkunu kkoordinati tajjeb.

Il-komponenti ewlenin għall-qafas għal medda twila ta' żmien se jkunu fl-għamla ta' damma ta' pjani direzzjonali kkoordinati sabiex[3]:

- Jippreżentaw fuq fuq x'inhu li l-UE trid tagħmel biex tinħoloq ekonomija li tipproduċi livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju fl-2050, billi taqta' l-emissjonijiet tal-gassijiet tas-serra b'bejn 80 u 95 %, bħala parti mill-isforzi globali biex tiġi missielta l-bidla fil-klima, filwaqt li ttejjeb is-sigurta enerġetika u tippromwovi t-tkabbir sostenibbli u l-postijiet tax-xogħol;

- Janalizzaw kif sal-2050 l-UE tista' toħloq sistema ta' enerġija li tkun tipproduċi livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, tkun tuża r-riżorsi b'effiċjenza, tkun fiż-żgur u tkun kompetittiva. Dan għandu jipprovdi ċ-ċertezza meħtieġa għall-investituri, ir-riċerkaturi, dawk li jfasslu l-linji politiċi u r-regolaturi;

- Jippreżentaw viżjoni għal sistema ta' trasport li tipproduċi livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, tuża r-riżorsi b'effiċjenza, fiż-żgur u kompetittiva sal-2050, li twarrab ix-xkiel kollu għas-suq intern għat-trasport, tippromwovi teknoloġiji ndaf u timmodernizza n-netwerks tat-trasport;

- Jiddefinixxu objettivi għal medda medja u twila u l-mezzi biex jinkisbu, bl-għan ewlieni li t-tkabbir ekonomiku jiġi ddiżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi u l-impatt ambjentali.

Miżuri għal medda medja ta' żmien għandhom ikunu konsistenti ma' dan il-qafas fuq medda twila ta' żmien. Għadd ta' miżuri bħal dawn diġà ġew identifikati. Dawn jinkludu:

- Pjan għall-użu effiċjenti tal-enerġija biż-żmien previst għall-proġetti ta' investiment ikun l-2020, li se jidentifika miżuri sabiex jiġu ffrankati 20% tal-enerġija fl-oqsma kollha, u li se jiġi segwit b'leġiżlazzjoni sabiex jiġi żgurat li jkun hemm l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-iffrankar;

- Proposti biex jiġu rriformati l-Politika Agrikola Komuni, il-Politika Komuni dwar is-Sajd, il-Politika ta' Koeżjoni, l-infrastruttura tal-enerġija u n-netwerks trans-Ewropej għat-trasport fil-kuntest tal-baġit li jmiss tal-UE sabiex dawn l-oqsma jiġu allinjati mar-rekwiżiti ta' eknomija li tuża r-riżorsi b'effiċjenza u li tipproduċi livelli baxxi ta' karbonju;

- Strateġija ġdida tal-UE dwar il-bijodiversità għall-2020 sabiex jittwaqqaf it-telf u jiddaħħlu mill-ġdid is-servizzi tal-bijodiversita u tal-ekosistema fil-kuntest tal-pressjonijiet fuq l-ekosistemi;

- Miżuri biex jiġu indirizzati l-isfidi fis-swieq komoditarji u dwar il-materja prima[4] li, fost affarijiet oħra, se tevalwa perjodikament il-materja prima kruċjali u tiddefinixxi linja politika kummerċjali sabiex jiġu żgurati fornimenti sostenibbli ta' materja prima mis-swieq globali. Dawn il-miżuri se jgħinu biex tiġi żgurata l-koerenza bejn il-materja prima u l-linji politiċi esterni tal-UE, inklużi l-promozzjoni tal-gvernanza tajba, it-trasparenza tal-attivitajiet u l-ħolqien ta' valur miżjud lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dan se jippromwovi l-estrazzjoni, ir-riċiklaġġ, ir-riċerka, l-innovazzjoni u s-sostituzzjoni fl-UE;

- Stareġija biex l-UE ssir 'ekonomija ċirkulari', imsejsa fuq soċjetà li tirriċikla bl-għan li titnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart u li l-iskart jintuża bħala riżorsa;

- Azzjoni bikrija dwar l-adattament għall-bidla fil-klima sabiex jiġu mnaqqsin kemm jista' jkun it-theddidiet għall-ekosistemi u għas-saħħa tal-bniedem, jiġi sostnut l-iżvilupp ekonomiku u jiġi megħjun l-aġġustament tal-infrastrutturi tagħna sabiex ikampaw mal-bidla fil-klima li ma tistax tiġi evitata;

- Linja politika dwar l-ilma li tpoġġi lill-miżuri għall-iffrankar tal-ilma u ż-żieda tal-effiċjenza fl-użu tal-ilma fuq nett tal-lista tal-prijoritajiet, sabiex jiġi żgurat li l-ilma jkun disponibbli fi kwantità biżżejjed, ikun ta' kwalità xierqa, jintuża b'mod sostenibbli u bl-inqas input ta' riżorsi possibbli, u fl-aħħar mill-aħħar jiġi rritornat fl-ambjent bi kwalità aċċettabbli.

Aktar tagħtif dwar l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-livell tal-UE u fil-livell tal-Istati Membri huwa inkluż fid-deskrizzjoni tal-inizjattiva ewlenija Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Istrateġija Ewropa 2020[5]. Il-kaxxa li ġejja fiha eżempji speċifiċi ta' azzjonijiet tal-UE li diġà qed jittieħdu: Aktar eżempji ta' miżuri għall-użu effiċjenti tar-riżorsi meħudin mill-Istati Membri u mis-sħab internazzjonali kif ukoll għadd ta' azzjonijiet meħudin min-negozji f'firxa ta' setturi sabiex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi huma pprovduti fis-sit tal-Kummissjoni fuq l-internet[6].

Eżempji konkreti ta' azzjoni tal-UE li diġà għaddejja Kif irrikonoxxut mill-inizjattiva ewlenija tal-Unjoni dwar l-Innovazzjoni, Ewropea 2020, miri ambjentali aktar stretti u standards li jistabbilixxu objettivi ta' sfida u jiżguraw possibbilta ta' tbassir fuq medda twila ta' żmien, jipprovdu spinta kbira għall-ekoinnovazzjoni. Il-Protokoll ta' Kjoto huwa eżempju ta' dan. Analiżi mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi u mill-UNEP uriet li r-rati tal-ħruġ tal-privattivi fit-teknoloġiji tal-enerġija nadifa għadda b'mod sinifikanti lil dawk marbutin mat-teknoloġiji fossili wara l-adozzjoni tal-Protokoll fl-1997[7]. Fil-livell tal-UE, il-pakkett tal-Klima u l-Enerġija mar pass aktar 'il quddiem: it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet tas-serra billi l-prezzijiet ikunu tajbin, billi tiġi ggwidata aktar azzjoni, billi jiġu inkuraġġiti teknoloġiji ġodda u billi tiġi ddiversifikata l-fornitura tal-enerġija. Il-European Emission Trading system hija eżempju ta' kif il-qawwiet tas-suq jistgħu jintużaw biex jingħataw inċentivi għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi. L-jnnovazzjoni u l-opportunitajiet għal tkabbir futur huma inkuraġġiti mill-prezzijiet li jirriżultaw tal-karbonju, li jinternalizzaw l-ispejjeż ta' riżorsi li jipproduċu livelli għoljin ta' karbonju. Fl-2008, l-UE rrevediet il-qafas legali għall-iskart ibbażat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja kollu kemm hu mill-ġenerazzjoni sar-rimi, b'enfasi fuq il-prevenzjoni tal-iskart, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-irkupru ('ġerarkija tal-iskart'). L-Istati Membri jridu jħejju pjanijiet għall-ġestjoni tal-iskart li jkopru t-tip, il-kwantità u l-għejun tal-iskart kif ukoll is-sistemi tal-ġbir. Iridu wkoll jitħejjew pjanijiet għall-prevenzjoni tal-iskart bil-ħsieb li titkisser ir-rabta bejn it-tkabbir eknomiku u l-ġenerazzjoni tal-iskart. Titjib fil-ġestjoni tal-iskart tista' tnaqqas b'mod sinifkanti l-memissjonijiet tad-CO2. Ngħidu aħna, kull sena l-UE tiddisponi minn b'kemm jiswew 5.25 biljun ewro prodotti riċiklabbli bħal karta, ħġieġ, plastiks, aluminju u ħadid. Kieku dan jiġi rriċiklat, kull sena jiġu evitati l-ekwivalenti ta' 148 miljun tunellata ta' emissjonijiet tad-CO2. Ġestjoni aħjar tal-iskart muniċipali tista' twassal biex fl-2020 jiġu evitati 92 miljun tunellata ta' emissjonijiet ta' gassijiet tas-serra meta wieħed iqabbel mal-1995. Jinħolqu mill-inqas 500 000 post ġdid tax-xogħol fl-Ewropa kieku l-pajjiżi jirriċiklaw 70% tal-iskart tagħhom. Fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, huwa mistenni li sal-2020 l-ewwel disa' miżuri taħt id-Direttiva dwar l-Ekodisinn inaqqsu l-konsum tal-elettriku b'madwar 340 TWh i.e. l-ekwivalenti tal-output ta' 77 impjant tipiku tal-enerġija. Huwa mstenni li sal-2020 id-Direttiva mfassla mill-ġdid dwar ir-riżultati tal-binjiet rigward l-enerġija, li daħlet fis-seħħ f'Lulju 2010, twassal għal tnaqqis tal-konsum finali tal-enerġija fl-UE b'madwar 5%. Linji politiċi oħrajn tal-UE, notevolment l-aċċess għall-finanzjament għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija taħt il-Fondi ta' Koeżjoni u Strutturali, ukoll qed ikollhom riżultati pożittivi. Franza, ngħidu aħna, se tuża l-fondi disponibbli tal-UE biex tnaqqas b'aktar min-nofs il-konsul tal-elettriku kull metru kwadru tal-binjiet fit-territorju tagħha. |

Ir-riżorsi spiss jintużaw b'mod ineffiċjenti għax l-informazzjoni dwar il-prezzijiet veri li tħallas is-soċjetà biex tikkunsmahom mhux disponibbli, bir-riżultat li n-negozji u l-individwi ma jistgħux jadattaw imġibithom skontha. Miżuri permezz ta' linji politiċi biex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-kompetittività ekonomika inġenerali għandhom jagħmlu enfasi ikbar fuq li 'jinstabu l-prezzijiet tajbin' u li jsiru trasparenti għall-konsumaturi, ngħidu aħna fl-użu tat-trasport, tal-enerġija u tal-ilma, sabiex il-prezzijiet ikunu jirriflettu l-kostijiet kollha tal-użu tar-riżorsi għas-soċjetà (e.g. f'termini tal-ambjent u tas-saħħa) u ma joħolqux inċentivi perversi. F'dan ir-rigward, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni jista' jkollhom sehem deċiżiv permezz, ngħidu aħna, ta' miters intelliġenti.

Barra minn hekk, madwar l-UE kollha kemm hi, se jkun importanti li jkun hemm sostenn pubbliku kkoordinat għar-riċerka u l-iżvilupp u għall-innovazzjoni sabiex jiżdiedu d-disponibbiltà u r-riżultati tat-teknoloġiji neċessarji. Bħalma hu l-każ rigward it-teknoloġiji l-ġodda kollha, hemm bżonn li l-ewwel ħaġa jiġi analizzat kif se tiġi żgurata l-ġestjoni xierqa ta' kwalunkwe impatti negattivi li jista' jkun hemm.

Jeħtieġ li l-linji politiċi biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi filwaqt li tiġi sostnuta l-kompetittività tal-industriji tal-UE jkunu bbilanċjati tajjeb u jindirizzaw kemm in-naħa tad-domanda, e.g. permezz ta' akkwist pubbliku favur l-ambjent u informazzjoni aħjar lill-konsumaturi, kif ukoll in-naħa tal-provvista flimkien. Barra minn hekk, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi spiss se tkun wieħed mill-elementi tal-qalba tal-istrateġiji settorjali, iżda mhux l-uniku wieħed. F'kull qasam ta' linja politika u għal kull strument ta' linja politika, għandha titwettaq analiżi xierqa li tagħmel użu minn proċessi ta' evalwazzjoni u ta' valutazzjoni tal-impatti. Jeħtieġ li l-kostijiet u l-benefiċċji rispettivi tal-azzjoni jiġu analizzati fil-find sabiex jiġu ddeterminat l-aktar linji politiċi xerqin każ b'każ.

5. NIBNU L-BAżI TA' KONOXXENZA U APPROċċ ANALITIKU KONSISTENTI

L-analiżi ta' inizjattivi taħt din l-inizjattiva ewlenija għandha tkun imsejsa, fejn ikun possibbli, fuq suppożizzjonijiet, parametri u linji bażi komuni, kif ukoll fuq viżjonijiet komuni għal medda medja u twila ta' żmien. Dan se jgħin biex jiġi żgurat li l-analiżijiet jipprovdu bażi konsistenti għad-deċiżjonijiet rigward linji politiċi sabiex jinkiseb tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet tas-serra u miri rilevanti oħrajn b'mod kosteffiċjenti fis-setturi rilevanti kollha.

Bħala l-ewwel pass, kmieni fl-2011 il-Kummissjoni se tippreżenta xenarji mudell konġunti sal-2050 dwar linji politiċi rigward il-klima, l-enerġija u t-trasport. L-Anness 2 jippreżenta suppożizzjonijiet u parametri komuni għax-xenarju ta' referenza u firxa ta' varjazzjonijiet possibbli li qed jiġu eżaminati u li jistgħu jkunu rilevanti għal kwistjonijiet speċifiċi dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. Ir-riżultati preliminari tal-immudellar jissuġġerixxu li huwa possibbli li sal-2050 jinkiseb tnaqqis domestiku ta' 80% fl-emissjonijiet tal-gassijiet tas-serra, meta wieħed iqabbel mal-livelli tal-1990, bl-użu ta' teknoloġiji bħall-ġbir u l-ħżin tal-karbinju, l-enerġiji li jiġġeddu, l-enerġija u elettriċizzar nukleari, jekk ikunu jistgħu jinkisbu prezzijiet xerqin tal-karbonju, u infrastrutturi u swieq li jiffunzjonaw tajjeb, u jkunu jista' jsir użu wiesa' mit-teknoloġiji meħtiġin. Suġġett għall-ksib tal-iżviluppi meħtiġin fil-linja politika, fl-infrastruttura, fit-teknoloġija u fis-suq, dawn ir-riżultati preliminari tal-immudellar jissuġġerixxu li: il-ġenerazzjoni tal-elettriku għas-setturi residenzjali u industrijali għandhom ikunu kapaċi jnaqqsu l-emissjonijiet b'aktar minn 80%, is-settur tat-trasport b'madwar 60% u s-settur tal-biedja b'madwar 40%.

Il-fatt li l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tirrikjedi azzjoni f'firxa daqstant wiesgħa ta' oqsma jfisser li l-immudellar huwa partikularment kumpless. Il-mudelli eżistenti jiffukaw fuq oqsma ta' linji politiċi u setturi speċifiċi bħall-enerġija u t-trasport. Ma jistgħux jaħkmu għal kollox l-impatt tal-użu tar-riżorsi fuq l-ekosistemi, l-impriżi, l-ekonomija u s-soċjeta kollha kemm huma, u lanqas l-interdipendenza tal-miżuri ta' linji politiċi. Il-Kummissjoni se twettaq aktar ħidma analitika sabiex tistma l-impatti li jolqtu lill-ekonomija kollha, u biex ittejjeb il-kapaċità tagħha li timmudella f'oqsma oħrajn li huma rilevanti għall-effiċjenza tar-riżorsi, bħall-biedja, l-industrija u l-ambjent.

Il-bini tal-bażi ta' konoxxenza se titlob ukoll aktar ħidma biex jiġu evalwati l-linji politiċi u biex tinġabar dejta dwar iċ-ċiklu tal-ħajja sabiex ikomplu jiġu żviluppati l-linji politiċi u sabiex jitħejjew valutazzjonijiet tal-impatt li jserrħu, fost affarijiet oħrajn, fuq l-attivitajiet fid-diversi setturi taħt il-Programm Qafas dwar ir-Riċerka. F'dan il-kuntest, se jkun meħtieġ ukoll li jiġu żviluppati modi aktar armonizzati u trasparenti biex jitqiesu l-impatti ambjentali.

6. L-EFFIċJENZA FL-UżU TAR-RIżORSI BħALA TħASSIB GLOBALI LI QED JIKBER

Meta wieħed iqis id-dimensjoni globali ta' kwistjonijiet ambjentali ewlenin bħall-bidla fil-klima, il-bijodiversità, l-użu tal-art, il-qerda tal-imsaġar, l-impatti esterni tal-mod kif nikkunsmaw u nipproduċu, is-sigurtà tal-provvista u l-aċċess, jeħtieġ li l-UE tindirizza kwistjonijiet marbutin mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija internazzjonalment u li tikkopera mill-qrib ma' sħab ewlenin, inkluż ma' pajjiżi kandidati u dawk fil-viċinat tagħna. Hemm raġunijiet tajbin biex nagħmlu dan:

L-ewwel nett , hemm għarfien internazzjonali li qed jiżdied dwar l-importanza strateġika ta' li nevitaw ir-riskji għall-provvista ta' riżorsi bħall-elementi rari tal-art, il-postijiet tas-sajd, l-art, l-enerġija u l-ilma. L-iżviluppi teknoloġiċi, bħal-litju għall-batteriji elettriċi tal-karozzi, spiss ikunu marbutin ma' materja prima importanti li tinġieb minn madwar il-globu.

It-tieni nett , azzjoni flimkien fil-livell globali tista' tgħin biex tittaffa ż-żieda fid-domanda globali. L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għalhekk hemm bżonn li tkun element ewlieni tar-relazzjoniet esterni tagħna, notevolment ma' konsumaturi kbar tar-riżorsi bħalma huma l-ekonomiji li qed jitfaċċaw. Ngħidu aħna, waħda mill-aktar konsegwenzi importanti tal-pożizzjoni li qed tikber tal-ekonomiji li qed jitfaċċaw bħala konsumaturi tal-enerġija hija li aktar ma jmur aktar se jiddeterminaw kif tintuża l-enerġija fuq skala globali. L-istess ħaġa tgħodd għal komoditajiet ewlenin oħrajn. Dan għandu l-konsegwenzi għall-mod kif isiru l-provvisti globalment, kif ukoll għall-interessi tal-manifatturi, l-investituri u l-konsumaturi Ewropej fl-ekonomiji li qed jitfaċċaw.

It-tielet nett , il-koperazzjoni internazzjonali tista' twassal għal tpartit ta' kapaċitajiet, teknoloġija u l-aħjar prattika. Sħabna qed jagħmlu sforzi kbar biex ikabbru l-effiċjenza tagħhom fl-użu tar-riżorsi. Eżempji huma l'hekk imsejjaħ '3Rs-concept' ta' 'reduce, reuse, recycle' fil-Ġappun; L-abbozz tal-pjan taċ-Ċina għal 5 snin u investimenti massiċċi f''teknoloġiji nodfa'; u l-pożizzjoni fuq quddiem nett tal-Korea t'Isfel rigward it-'tkabbir li jirrispetta lill-ambjent'. Jeħtieġ li l-UE tissokta żżid ħidmietha f'dawn l-oqsma sabiex tirfed il-pożizzjoni kompetittiva tagħha u tgawdi mill-opportunitajiet li dan joħloq. Hemm ħafna ambitu għall-koperazzjoni internazzjonali f'dawn l-oqsma. Ngħidu aħna, il-Kummissjoni Ewropea qed tmexxi 'l quddiem il-koperazzjoni maċ-Ċina dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi f'oqsma bħall-grilji, il-ġenerazzjoni tal-elettriku u s-settur tal-bini permezz ta' djalogi fil-livell ministerjali, programi ta' riċerka konkreta u koperazzjoni fil-livell tal-esperti.

Jeħtieġ li permezz tar-relazzjonijiet kummerċjali esterni tagħha, l-UE tissokta bl-isforzi biex tipprovdi ambjent ekwu għall-industrija, biex ittejjeb il-kundizzjonijiet għal provvista sostenibbli ta' materja prima u biex tippromwovi l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fi prodotti u servizzi ambjentali sabiex tiżgura l-kompetittività internazzjonali tal-industrija. Tusigħ aħjar ta' teknoloġiji li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent jiżgura benefiċċji ambjentali u jtejjeb l-effiċjenza tal-proċessi tal-produzzjoni u b'hekk jgħin biex isir l-aktar użu effiċjenti possibbli ta' riżorsi naturali skarsi madwar id-dinja kollha.

L-UE għandha interess qawwi f'li tfannad il-koperazzjoni dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi flimkien ma' sħab internazzjonali. Dan jikkonribwixxi għall-objettiv tal-UE li jkollna żvilupp sostenibbli u strateġiji b'impatt kbir biex jitnaqqas il-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li jserrħu ħafna fuq ir-riżorsi. Tgħin ukoll biex titnaqqas id-domanda, li qed tikber b'pass mgħaġġel, għal riżorsi globali billi tinkoraġġixxi l-qalba għal modi aktar indaf tal-ġenerazzjoni u t-trażmissjoni tal-elettriku. Il-konferenza internazzjonali Rio+20 dwar l-iżvilupp sostenibbli fl-2012 se tiffoka fuq l-'ekonomija ekoloġika' u fuq il-gvernanza ambjentali, u se tipprovdi opportunità tajba biex l-UE tindirizza flimkien mas-sħab globali tagħha l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi.

7. GVERNANZA U MMONITERJAR TAL-PROGRESS

L-UE teġtieġ għodod biex timmoniterja u tkejjel il-progress rigward l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. Xi punti ewlenin ta' riferiment huma diġà pprovduti fil-miri ewlenin tal-Ewropa 2020 ta' 20% tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet tas-serra (30% jekk il-kundizzjonijiet ikunu tajbin), 20% għejun ta' enerġija li tiġġedded, u 20% titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Madanakollu, jeħtieġ li jkun hemm indikaturi biex ikopru kwistjonijiet bħad-disponibbiltà tar-riżorsi naturali, fejn jinsabu, kemm jistgħu jintużaw b'mod effiċjenti, ir-rati tal-ġenerazzjoni tal-iskart u tar-riċiklaġġ, l-impatti fuq l-ambjent u l-bijodiversità. Il-Kummissjoni qed taħdem biex tiżgura li jkunu disponibbli indikaturi xerqin għal skopijiet ta' moniteraġġ u ta' analiżi fuq il-bażi, ngħidu aħna, tal-indikaturi tal-iżvilupp sostenibbli.

Huwa essenzjali li jkun hemm gvernanza u moniteraġġ effettivi sabiex jiġi żgurat li l-UE tikseb effiċjenza ikbar fl-użu tar-riżorsi fil-produzzjoni u l-konsum tagħha. L-azzjonijiet taħt l-inizjattiva ewlenija Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza għandhom rabtiet mill-qrib ma' inizjattivi ewlenin oħrajn taħt l-istrateġija Ewropa 2020, b'mod partikolari dawk dwar il-linja politika industrijali, l-unjoni tal-innovazzjoni, l-aġenda diġitali u l-aġenda għal kapaċitajiet u postijiet tax-xogħol ġodda[8] u azzjonijiet relatati min-naħa tal-Istati Membri.

Il-gvernanza u l-moniteraġġ se jsiru fil-qafas tal-istrateġija Ewropa 2020 u se jintegraw l-elementi rilevanti tal-Istrateġija tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli sabiex jiġi żgurat li jkun hemm koerenza ġenerali. Dan se jkun imsejjes fuq analiżi tal-linji politiċi tal-UE u ta' dawk ta' Stati Membri individwali fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom bħala parti mill-eżerċizzju tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir[9]. Dan se jsir bħala parti mis-Semestru Ewropew għall-2012.

8. KONKLUżJONI

L-iffukar fuq l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi fit-tfassil tal-linji politiċi huwa kemm neċessità kif ukoll opportunita għall-UE. Din l-inizjattiva ewlenija tippreskrivi qafas biex tgħin ħalli jiġi żgurat li l-istrateġiji fuq medda twila ta' żmien f'oqsma bħal-linji politiċi dwar l-enerġija, il-bidla fil-klima, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-industrija, it-trasport, il-biedja, is-sajd u l-ambjent jipproduċu riżultati fejn għandha x'taqsam l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi.

Bħala l-pass li jmiss, il-Kummissjoni se tagħmel proposti konkreti għal strateġiji sabiex ittejjeb l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi fid-diversi oqsma ta' linji politiċi kif spjegat fuq fuq fl-Anness 1.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-parlamenti nazzjonali, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-pajjiżi kandidati u lil dawk li għandhom interess biex jikkontribwixxu għal aktar żvilupp ta' dawn l-istrateġiji u għall-promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi.

Anness 1: Inizjattivi maħsubin fl-2011 sabiex jinkisbu r-riżultati rigward l-inizjattiva ewlenija Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza[10] |

L-1el kwart 2011 | Pjan direzzjonali 2050 dwar l-ekonomija b'livelli baxxi ta' emissjonijiet ta' karbonju | Dan se jippreżenta toroq li nistgħu nieħdu biex naslu għal ekonomija b'livell baxxi ta' emissjonijiet ta' karbonju sabiex sal-2050 innaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet tas-serra b'bejn 80 u 95% filwaqt li ntejbu s-sigurtà tal-enerġija tal-UE u nippromwovu t-tkabbir sostenibbli u aktar postijiet tax-xogħol, inklużi l-kisbiet importanti, il-kontribuzzjonijiet settorjali u l-implikazzjonijiet għal-linji politiċi għall-ftit snin li ġejjin |

L-1el kwart 2011 | Pjan Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika 2020 | Dan se jidentifika miżuri sabiex jiġu ffrankati 20% tal-enerġija fis-setturi kollha meħudin flimkien u warajh se jkun hemm direttiva dwar l-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar tal-enerġija fit-3et kwart tal-2011 |

L-1el kwart 2011 | White Paper dwar il-ġejjieni tat-trasport | Din se tippreżenta viżjoni għal sistema ta' trasport li tipproduċi livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, tuża r-riżorsi b'effiċjenza, fiż-żgur u kompetittiva sal-2050, li twarrab ix-xkiel kollu għas-suq intern għat-trasport, tippromwovi teknoloġiji ndaf u timmodernizza n-netwerks tat-trasport |

L-1el kwart 2011 | Komunikazzjoni dwar linja politika u strateġija tal-UE dwar il-bijodiversità fl-2020 | Din se tippreżenta l-impenji li l-UE għandha tikkunsidra meta tqis il-kuntest tal-isforzi internazzjonali u fid-dawl tal-pressjoni fuq l-ekosistemi. L-istrateġija se tistabbilixxi għadd ta' sottomiri li jirfdu l-azzjoni |

L-1el kwart 2011 | Komunikazzjoni li tindirizza l-isfidi fis-swieq tal-komoditajiet u dwar il-materja prima | Din, fost affarijiet oħrajn, se tidentifika l-materja prima kruċjali u tiddefinixxi miżuri integrati sabiex tgħin ħalli tiġi żgurata provvista sostenibbli ta' materja prima lejn l-UE, minn għejun domestiċi kif ukoll minn swieq globali, b'mod li jenfasizza l-irwol tal-linja politika kummerċjali f'dan il-qasam. Se tippromwovi l-estrazzjoni, ir-riċiklaġġ, ir-riċerka, l-innovazzjoni u s-sostituzzjoni fl-UE. Finalment, se ttejjeb il-koerenza bejn il-materja prima u l-linji politiċi esterni tal-UE |

L-1el kwart 2011 | Reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija. | Din se timmodernizza l-qafas għat-tassazzjoni tal-enerġija sabiex issostni aħjar l-objettiv ta' prijorità għolja tat-tkabbir sostenibbli, b'mod li jippromwovi ekonomija li tuża r-riżorsi b'mod aktar effiċjenti, li tkun aktar kompetittiva u li tagħmel inqas ħsara lill-ambjent |

It-2ni kwart 2011 | Pjan direzzjonali għal Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza | Dan se jibni fuq inizjattivi oħrajn u jikkumplimentahom, bl-għan ewlieni jkun li tiżdied il-produttività tar-riżorsi u li t-tkabbir ekonomiku jiġi ddiżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi u mill-impatt ambjentali tiegħu |

It-2ni/it-3et kwart 2011 | Il-Politika Agrikola Komuni Il-Politika Komuni tas-Sajd Il-Politika ta' Koeżjoni L-istrument tal-infrastruttura tal-enerġija Reviżjoni tat-TEN-T | Proposti biex jiġu rriformati dawn il-linji politiċi se jgħinu biex jiġu allinjati mal-prijoritajiet ta' bħalissa rigward il-linji politiċi, b'mod partikulari mal-istrateġija Ewropa 2020 u ma' din l-inizjattiva ewlenija |

Ir-4 kwart 2011 | Pjan Direzzjonali dwar l-Enerġija 2050 | Dan se jesplora toroq li jistgħu jittieħdu lejn sistema tal-enerġija tal-UE li tipproduċi livelli baxxi ta' emissjonijiet tal-karbonju u li tuża r-riżorsi b'effiċjenza u l-isfidi marbutin ma' dan li huma relatati mal-linji politiċi |

2011 | Grilji intelliġenti | Dan se jipprovdi qafas għall-implimentazzjoni ta' grilji intelliġenti fl-Istati Membri sabiex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, jiġi sostnut l-użu ta' enerġija li tiġġedded u tinbena infrastruttura għall-vetturi elettriċi |

2011 | Sigurtà tal-provvista tal-enerġija u koperazzjoni internazzjonali | Din se tkun analiżi komprensiva tad-dimensjoni esterna tal-linja politika tal-UE dwar l-enerġija |

2011 | Reviżjoni tas-sustanzi prijoritarji msemmijin fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma | Din se tirrevedi s-sustanzi prijoritarji li jippreżentaw riskji lill-ambjent akkwatiku jew pemezz tiegħu fil-livell tal-UE |

2011 | Strateġija għall-kompetittività sostenibbli tas-settur tal-bini tal-UE | Din se tidentifika modi biex tissaħħaħ il-kompetittività tas-settur filwaqt li jiġu ssodisfati l-isfidi ta' bħalissa u tal-ġejjieni li għandhom x'jaqsmu mas-soċjetà sal-2020 |

2011 | Strateġija u Pjan ta' Azzjoni Ewropej lejn ekonomija sostenibbli fuq bażi bijoloġika sal-2020 | Dan se jinkludi l-ikkompletar ta' Żona Ewropea tar-Riċerka u t-twettiq ta' Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni fis-setturi tal-bijoekonomija Se jippromwovi l-integrazzjoni ta' setturi u linji politiċi differenti fil-bijoekonomija, itejjeb il-kundizzjonijiet qafas għall-innovazzjoni u jistimula r-riforma fis-sistemi tar-riċerka u l-iżvilupp u tal-innovazzjoni tal-Istati Membri |

2011 | Pjan Strateġiku dwar it-Teknoloġija tat-Trasport | Dan se jippreżenta aġenda strateġika fuq medda medja ta' żmien għar-riċerka, l-innovazzjoni u t-tusigħ, b'mod li jippreżenta fil-qosor kif teknoloġija avvanzata tat-trasport tista' tikkontribwixxi għall-objettivi tal-White Paper dar il-ġejjieni tat-trasport, inkluża l-implimentazzjoni ta' Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-Mobbiltà Intelliġenti |

2011 | Reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-moniteraġġ u r-rappurtaġġ tal-emissjonijiet tal-gassijiet tas-serra | Dan se jtejjeb il-moniteraġġ tal-mira ewlenija dwar il-klima tal-Ewropa 2020 filwaqt li jimmira għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv li mhux meħtieġ |

Anness 2: Suppożizzjonijiet ewlenin tal-UE dwar l-immudellar u varjazzjonijiet possibbli tal-parametri (li juru l-valuri tat-truf ta' fuq u ta' isfel tal-firxa għall-modulazzjoni ta' kull suppożizzjoni jew parametru individwalment jew flimkien sabiex jiġu stabbiliti s-sensittivitajiet u jiġu żviluppati xenarji ta' linji politiċi. Il-varjazzjonijiet rilevanti ntgħażlu skont l-enfasi tal-analiżi speċifika.) |

Parametru | Xenarju ta’ referenza (Xejriet u linji politiċi ta' bħalissa) | Varjazzjoni t'isfel | Varjazzjoni ta' fuq |

Linji politiċi | Il-linji politiċi u miżuri ta' bħalissa, inklużi l-ETS, l-20% RES u l-miri tat-tnaqqis tal-gassijiet tas-serra mhux tal-ETS, biss | Azzjoni frammentata dwar il-bidla fil-klima – Qbil ta' Kopenħagen għal parteċipanti mhux tal-UE. | Azzjoni kkoordinata dwar il-bidla fil-klima f'livell globali konsistenti ma' 2°C. |

Tkabbir tal-PDG | medda medja ta' żmien kif definita fl-'istrateġija Ewropa 2020' 'Irkupru kajman' – L-ewropa se tbati minn telfien permanenti tal-ġid imma se terġa' tibda' tikber b'rati ta' tkabbir konsistenti mal-projjezzjonijiet tal-PDG fuq medda twila ta' żmien magħmulin fir-Rapport tal-2009 tad-DĠ ECFIN dwar Popolazzjoni li qed Tixjieħ. | 'Deċennju mitluf' - L-Ewropa tkun batiet minn telfa permanenti fil-ġid u fil-potenzjal għal tkabbir fil-ġejjieni | 'Irkupru sostenibbli' - L-Ewropa jkollha l-ħila tirritorna bis-sħiħ fit-triq tat-tkabbir li kienet fiha qabel filwaqt li żżid il-potenzjal tagħha biex timxi aktar 'il quddiem. |

Prezzijiet tal-importazzjoni tal-fjuwils fossili | Il-prezz taż-żejt madwar 105 USD (2008)/bbl fl-2030; 125 USD (2008)/bbl fl-2050; żvilupp konsistenti tal-prezzijiet tal-gass u tal-faħam. | Il-prezzijiet tal-fjuwils fossili bħalma jidhru fir-referenza; riskju sinifikanti ta' xokkijiet taż-żejt (e.g. l-irduppjar tal-prezz taż-żejt) f'każ li jiġu fuq quddiem restrizzjonijiet tar-riżorsi. | Prezzijiet baxxi għall-importazzjoni taż-żejt ta' 80 USD/bbl. fl-2030 u 70 USD fl-2050, b'konsistenza mal-azzjoni globali dwar il-klima. |

Qbid u Ħżin tal-Karbonju | Dimostrazzjoni fuq skala kbira lesta b'suċċess sal-2020; l-użu kummerċjali jibda wara l-2020 skont is-sitwazzjoni kompetittiva bil-prezzijiet prevalenti tal-karbonju. | Dewmien sinifikanti fl-użu u tnaqqis sussegwenti fl-ispejjeż kaġun ta' dewmien biex ikun hemm dimostrazzjoni b'suċċess u/jew nuqqas ta' aċċettazzjoni pubblika tat-teknoloġija. | Tusigħ iktar mgħaġġel b'riżultat ta' inċentivi ta' prezz ogħla tal-karbonju. Applikazzjoni mifruxa, anki għall-gass u għall-proċessi industrijali. |

Ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari | Il-bdil ta' impjanti nukleari qodma b'oħrajn ġodda f'siti eżistenti. Impjanti nukleari ġodda fil-Polonja u l-Italja. L-enerġija nukleari fil-Belġju u fil-Ġermanja tinqata' bil-mod il-mod skont il-leġiżlazzjoni kif speċifikat fix-xenarju. | Inqas kapaċità nukleari kaġun ta' aċċettazzjoni pubblika baxxa tal-enerġija nukleari. | Wara li jsolvu t-tħassib dwar is-sikurezza u l-iskart, li jwassal għal aċċettazzjoni pubblika akbar, l-Istati Membri jimplimentaw il-bidliet ippjanati għal-linji politiċi dwar in-nukleari. |

Għejun ta' enerġija rinnovabbli (Renewable energy sources, RES) | It-tagħlim dwar it-teknoloġija u t-tnaqqis tal-ispejjeż kif osservat f'dawn l-aħħar snin flimkien mat-tneħħija tax-xkiel amministrattiv. Tneħħija gradwali tas-sussidji għat-teknoloġiji maturi u investiment konsiderevoli fi grilji ġodda u intelliġenti. | Il-linji politiċi dwar ir-RES jibqgħu bħalma jidhru fix-xenarju ta' referenza, l-ebda linja politika ġdida dwar ir-RES wara l-2020. Ftit li xejn tagħlim teknoloġiku mill-progress li jsir band'oħra fit-teknoloġija tar-RES. | Linji politiċi aktar stretti dwar il-klima, tisħiħ tal-linji politii nazzjonali dwar l-iffaċilitar tar-RES u tal-qafas Ewropew, e.g. sostenn iktar qawwi u ffaċilitar rinforzat tal-espansjoni tal-grilji (intelliġenti), li jwasslu għal aċċellerament tat-tnaqqis tal-ispejjeż u għat-tagħlim tat-teknoloġija; parità bikrija tal-grilji tal-enerġija solari u integrazzjoni effettiva tal-enerġija solari fis-suq. |

Effiċjenza fl-użu tal-enerġija | Żieda moderata fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Id-diżakkoppjar tat-tkabbir ekonomiku u tal-użu tal-enerġija qed iseħħ, iżda 'l bogħod milli jisfrutta l-iffrankar ekonomiku potenzjali li jeżisti. | Restrizzjonijiet finanzjarji jillimitaw l-użu tal-possibbiltajiet eżistenti ta' ffrankar tal-enerġija fl-oqsma ewlenin tal-konsum. | ix-xenarju tat-'Tkabbir sostenibbli' huwa megħjun b'investiment qawwi fit-teknoloġiji u soluzzjonijiet tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, li jiġġenera ffrankar kbir tal-enerġija. |

Trasport | Kontinwazzjoni tax-xejriet ta' bħalissa fejn id-domanda għat-trasport tal-merkanzija tikber skont il-PDG u t-trasport tal-passiġġieri jkun ftit inqas mit-tkabir fil-PDG, primarjament ikomplu jintużaw it-teknoloġiji tal-karozzi li jeżistu bħalissa. | Ix-xejriet tax-xenarju ta' referenza kkombinati ma' dewmien u limiti sinifikanti fil-progress tekniku u tfit-tnaqqis tal-ispejjeż tat-teknoloġiji li jipproduċu livelli baxxi ta' emissjonijiet tal-karbonju bħalma huma l-vetturi elettriċi, in-nuqqas ta' qafas favorevoli ta' linji politiċi. | Trasformazzjoni b'suċċess lejn il-ġestjoni tad-domanda, 'inġibu l-prezzijiet tajbin' u innovazzjoni teknoloġika aċċellerata, li tippermetti elettriċizzar mifrux. |

Il-kwalità tal-arja | L-issikkar progressiv tal-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja lil hinn mil-livelli preskritti fid-Direttiva dwar il-kwalità tal-arja (2008/50/KE), b'mod partikulari limiti (ġodda) għall-PM10, limiti (ġodda, li jorbtu) għall-PM2.5 (livelli indikattivi pprovduti għall-2020 fid-Direttiva dwar il-kwalità tal-arja), u valuri limitu (ġodda) għall-ożonu bil-ħsieb li l-infurzar jibda fl-2020 u li tintlaħaq il-konformità fl-Istati Membri fl-2030. Wara dan, issikkar bil-mod u progressiv tal-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja iżda xorta waħda ma naslux biex nimplimentaw il-livelli ta' kwalità tal-arja li ma jkun fihom l-ebda impatti negattivi sinifikanti għas-saħħa jew għall-ambjent mill-Istati Membri kollha sal-2050. | Kollox bħas-soltu, li jfisser l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-istandards tal-kwalità tal-arja (SO2, NOx, CO, PM, ożonu, benzo(a)piren, metalli tqal), bl-Istati membri jimplimentawhom sal-2020. Wara dan, issikkar tal-leġiżlazzjoni dwar il-kwalita tal-arja iżda x'aktarx tkun għadha tilħaq livelli ta' kwalità tal-arja b'xi impatti negattivi sinifikanti għas-saħħa jew għall-ambjent fl-2050. | Standards tal-kwalità tal-arja li ntlaħaq qbil dwarhom għall-2020 u għal wara, biex b'hekk gradwalment naslu għal livelli ta' kwalita tal-arja bl-ebda impatti negattivi sinifikanti għas-saħħa jew għall-ambjent (e.g. kif ippreżentat fil-qosor fil-linji gwida tal-WHO dwar il-kwalita tal-arja) u għall-implimentazzjoni mill-Istati Membri sal-2050. |

Il-bijodiversità | Implimentazzjoni sħiħa tan-Natura 2000 fl-UE, flimkien ma' żieda fl-inħawi marittimi fin-netwerk b'konnettività bejn is-siti u l-fazzjonijiet tal-protezzjoni għall-bijodiversità taħt il-Politika Agrikola Komuni. | Implimentazzjoni dgħajfa tar-rekwiżiti tan-netwerk tan-Natura 2000 fl-UE b'konnettività dgħajfa bejn is-siti tan-Natura 2000. | L-istess bħal fir-referenza, iżda bi protezzjoni sħiħa tal-bijodiversità kollha fl-UE, it-treġġigħ lura tas-servizzi tal-bijodiversità u tal-ekosistema bħalma hemm fil-mira tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità, u l-implimentazzjoni tal-kunċett tal-Infrastruttura Li Ma Tagħmilx Ħsara lill-Ambjent. |

Immaniġġjar tal-iskart | Implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-iskart, notevolment f'termini ta' ksib ta' miri tar-riċiklaġġ u tat-tnaqqis tal-iskart. | Nuqqas ta' ksib tal-miri tal-UE dwar ir-riċiklaġġ minn ftit Stati Membri, tnaqqis baxx tal-iskart. | Nissodisfaw ir-riżultati ta;-aktar Stati Membri avvanzati dwar il-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart, u mmorru lil hinn mill-miri minimi tal-UE, tnaqqis ta' 15% tal-iskart. L-ebda rdim tal-iskart fl-Istati Membri kollha. |

Ilma ħelu | Parti li qed tikber mill-UE qed tbati minn nuqqas ta' ilma u n-nuqqas ta' xita huwa iżjed frekwenti u mifrux. Impronta ikbar tal-enerġija kaġun tal-użu tal-ilma minħabba li proporzjon ikbar se jkollu jiġi minn provvisti alternattivi tal-ilma bħad-desalinizzazzjoni. Ir-rekwiżiti tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma huma implimentati u nkiseb stejtus ekoloġiku tajjeb fil-biċċa l-kbira tat-taħfir fejn jinġabar l-ilma. | Parti kbira mill-UE qed tbati minn nuqqas ta' ilma u n-nuqqas ta' xita huwa iżjed frekwenti u mifrux. L-għargħar ukoll huwa aktar spiss u/jew intensiv. Impronta enerġetika kbira tal-użu tal-ilma. Ir-rekwiżiti tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma huma implimentati biss parzjalment u ma nkisibx stejtus ekoloġiku tajjeb fit-taħfir kollu fejn jinġabar l-ilma. | Hemm ġestjoni tad-domanda għall-ilma biex tiżgura allokazzjoni xierqa tar-riżorsi disponibbli għall dawk li jużaw l-ilma u għall-ambjent. L-impronta enerġetika tal-konsum tal-ilma hija baxxa minħabba li l-ilma qed jiġi ġestit b'mod sostenibbli. |

Il-biedja u l-użu tal-art | Il-produzzjoni agrikola tiżdied sostanzjalment, iżda tkabbir moderat tal-produzzjoni b'riżultat tal-implimentazzjoni gradwali tat-teknoloġiji moderni fin-nazzjonijiet li qed jiżviluppaw. Il-bażi tal-pajjiż tal-esportazzjoni hija mkabbra, iżda d-domanda għall-ikel/għall-enerġija tista' xorta waħda tagħmel pressjoni fuq art addizzjonali, u dan iwassal għal xi deforestazzjoni u biex inħawi ġodda (primarjament artijiet bil-ħaxix jew art agrikola marġinali) jiġu kkultivati, bir-rilaxxi miżjuda ta' emissjonijiet ta' gassijiet tas-serra li jirriżultaw u b'telf tal-bijodiversità li jirriżultaw. | Il-produzzjoni agrikola tikber sostanzjalment sabiex tintema' popolazzjoni globali ikbar u aktar għanja. Produzzjoni staġnata minħabba progress teknoloġiku bil-mod u agrikoltura estensiva, li tirriżulta fi produzzjoni baxxa tal-qmugħ fil-pajjiżi li l-aktar li jesportaw meta mqabbla mad-domanda tas-suq u għal produzzjoni kkonċentrata f'għadd relattivament żgħir ta' pajjiżi esportaturi. Jista' jkun li l-affetti tal-bidla fil-klima perjodikament inaqqsu l-produzzjoni fi nħawi wesgħin, u jikkawżaw żidiet qawwijin fil-prezzijiet tal-ikel li jaggravaw it-tħassib dwar is-sigurtà tal-ikel. B'rispons għal pressjonijiet qawwijin tad-domanda għall-ikel, tissokta d-deforestazzjoni hekk kif oqsma sostanzjali ta' art tiġi kkultivata. Intensifikazzjoni tal-produzzjoni agrikola u tad-deforestazzjoni titfa' aktar pressjoni fuq il-bijodiversità u tirriżulta f'aktar rilaxxi ta' emissjonijiet ta' gassijiet tas-serra. | Il-produzzjoni agrikola tikber sostanzjalment, iżda jkun hemm tkabbir ta' malajr fil-produzzjoni b'riżultat ta' e.g. teknoloġiji li jtejbu ż-żrieragħ/l-għeruq, spot-irrigation, eċċ. Għalhekk, id-domanda ikbar għall-ikel/għall-enerġija titfa' inqas pressjoni fuq art addizzjonali, u dan iwassal għal inqas deforestazzjoni u biex inqas inħawi ġodda (primarjament artijiet bil-ħaxix jew art agrikola marġinali) jiġu kkultivati. |

.

[1] COM(2010) 2020, EWROPA 2020 - Strateġija ġdida għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv.

[2] Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010; Dokument EUCO 13/10. http://ec.europa.eu/eu2020/pdf/council_conclusion_17_june_en.pdf.

[3] Ħarsa ġenerali għall-2011 hija pprovduta fl-Anness 1 imsejjes fuq il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni.

[4] COM(2011) 25

[5] COM(2010) 2020, p. 14-15

[6] http://ec.europa.eu/resource-efficient-europe

[7] http://www.epo.org/topics/issues/clean-energy/study.html

[8] COM(2010) 614, COM(2010) 546, COM(2010) 245, COM(2010) 682

[9] COM(2011) 11, Ewropa 2020 Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: L-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi

[10] Ara l-Programm ta' Ħidma tal-Kummisjoni għall-2010 u għall-2011 (COM(2010) 135 u COM(2010) 623)