52011DC0013

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-Istrateġija Tematika dwar il-Prevenzjoni u r-Riċiklaġġ tal-Iskart SEG(2011) 70 finali /* KUMM/2011/0013 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 19.1.2011

KUMM(2011) 13 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-Istrateġija Tematika dwar il-Prevenzjoni u r-Riċiklaġġ tal-Iskart SEG(2011) 70 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-Istrateġija Tematika dwar il-Prevenzjoni u r-Riċiklaġġ tal-Iskart

INTRODUZZJONI

Il-politika tal-UE dwar l-iskart tikkontribwixxi għaż-żieda fl-effiċjenza tar-riżorsi tal-UE u t-tnaqqis tal-impatti negattivi fuq l-ambjent u s-saħħa matul iċ-ċiklu tal-ħajja tar-riżorsi. L-Istrateġija Tematika għall-Prevenzjoni u r-Riċiklaġġ tal-Iskart (“L-Istrateġija”)[1] adottata fl-2005 tistabbilixxi, bħala għan fit-tul għall-UE, li din issir soċjetà tar-riċiklaġġ li tfittex li tevita l-iskart u li tuża l-iskart bħala riżorsa. Għal dan il-għan, l-Istrateġija tistabbilixxi azzjonijiet prinċipali biex timmodernizza l-qafas legali eżistenti u biex tippromwovi l-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart, bir-rimi tal-iskart biss bħala l-aħħar rimedju.

Din il-Komunikazzjoni tanalizza l-progress lejn l-ilħuq tal-għanijiet tal-Istrateġija u għandha tikkontribwixxi għall-evalwazzjoni tas-Sitt (6) Programm ta’ Azzjoni Ambjentali[2].

Din hija akkumpanjata minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jipprovdi iżjed tagħrif ta’ sfond dwar l-azzjonijiet prinċipali tat-Taqsima 2 u referenzi dettaljati għad-dejta użata fit-Taqsima 3 u għall-biċċiet ta’ leġiżlazzjoni msemmija hawn taħt. Dan jinkludi wkoll sommarju tas-sejbiet prinċipali tal-konsultazzjoni mal-partijiet interessati.

Progress DWAR L-AZZJONIJIET EWLENIN TAL-ISTRATEġIJA

L-Istrateġija identifikat 7 azzjonijiet prinċipali għall-ilħuq tal-objettivi tagħha. Din it-taqsima tivvaluta l-progress li sar bl-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet.

Implimentazzjoni u infurzar tal-leġislazzjoni tal-UE eżistenti dwar l-iskart

Mill-2005, il-Kummissjoni żiedet l-azzjonijiet ta’ appoġġ għat-titjib tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-acquis tal-iskart tal-UE fuq livell nazzjonali. Organizzat iżjed minn 60 laqgħa, matul 40 avveniment ta’ sensibilizzazzjoni u informazzjoni fl-Istati Membri kollha. Ġew ippubblikati 5 linji gwida tal-UE dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-kunċetti prinċipali tal-leġiżlazzjoni tal-iskart, biex jissolvew il-problemi ta’ interpretazzjoni kkontestati.

Twettqu iżjed minn 10 000 ispezzjoni konġunta fuq vjeġġi ta’ skart b’kooperazzjoni mal-korpi tal-ispezzjoni nazzjonali, li nvolvew 22 Stat Membru u pajjiżi ġirien, li wrew li madwar 19% tal-vjeġġi transkonfinali kienu qegħdin jiksru l-leġiżlazzjoni dwar l-iskart. Appoġġ finanzjarju għat-titjib tal-ġestjoni tal-iskart kien disponibbli permezz tal-politika ta’ Koeżjoni. Bejn l-2005 u l-2006 ntefqu madwar EUR 4.1 biljun għall-appoġġ tal-għeluq u r-riabilitazzjoni tal-miżbliet mhux awtorizzati, l-iżvilupp ta’ infrastruttura għall-ġestjoni tal-iskart u l-appoġġ tal-iskemi ta’ ġbir u riċiklaġġ tal-iskart.

Rapport tal-Kummissjoni riċenti jikkonferma li n-nuqqas ta’ implimentazzjoni xierqa qiegħed ikompli jikkawża nuqqas, fuq livell wiesa', fl-ilħuq tal-għanijiet miftehma ta’ protezzjoni ambjentali fil-prattika u juri diskrepanzi sinifikanti bejn l-Istati Membri. Fl-aħħar tal-2009, l-iskart kien jirrappreżenta medja ta’ 20% tal-każijiet kollha ta’ ksur ambjentali.

Semplifikazzjoni u Modernizzazzjoni

Mill-adozzjoni tal-Istrateġija, il-Kummissjoni ħadet azzjoni kontinwa biex tagħmel il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart tal-UE iżjed kosteffikaċi sabiex tipprovdi l-bażi għal tkabbir sostenibbli.

Ir-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart[3] daħal fis-seħħ fl-2007, u saħħaħ u ssemplifika l-proċeduri eżistenti għall-kontroll tal-vjeġġi tal-iskart u għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Id-Direttivi dwar l-iskart mill-industrija tad-dijossidu tat-titanju ġew inklużi fid-Direttiva ġdida dwar l-Emissjonijiet Industrijali[4] li tnaqqas il-piż amministrattiv fil-livell tal-UE bi EUR 32 miljun għall-attivitajiet fl-ambitu tagħha.

Fl-2008, il-Kummissjoni pproponiet li timmodernizza u li tarmonizza iżjed id-Direttivi dwar l-Iskart elettroniku (WEEE[5] u RoHS[6]) u tiżgura l-koerenza ma’ leġislazzjoni iżjed riċenti bħal REACH[7] u d-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Iskart[8], (WFD). Il-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni fl-ambitu tal-WEEE jistgħu jwasslu għal tnaqqis fil-piż amministrattiv li jilħaq EUR 66 miljun.

Il-WFD immodernizzat u ssemplifikat iżjed l-acquis tal-iskart. Pereżempju, id-Direttivi dwar Skart Perikoluż u Żjut Użati ġew inkorporati fil-WFD u r-rekwiżiti għall-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-iskart nazzjonali ġew issemplifikati. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta iżjed il-possibbiltà li ttejjeb il-konsistenza tal-acquis tal-iskart tal-UE permezz ta’ evalwazzjoni ex-post li għandha tiġi mnedija fl-2011. Fl-aħħar, ħafna mir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Partijiet Interessati Indipendenti għall-Piżijiet Amministrattivi ġew ikkunsidrati.

Introduzzjoni tal-filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja fil-politika dwar l-iskart

Il-filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja tħares lejn l-impatti ambjentali permezz taċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-prodott, mill-estrazzjoni tar-riżorsi sal-fażi tar-rimi tagħhom. Il-ġerarkija tal-iskart tiffavorixxi l-prevenzjoni tal-iskart, segwita bl-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ, u l-irkupru, bir-rimi tal-iskart bħala l-aħħar rimedju. Madankollu, minħabba li l-metodi differenti ta’ trattament tal-iskart jista’ jkollhom riżultati ambjentali u tas-saħħa differenti, l-Istati Membri jistgħu jiddevjaw mill-ġerarkija tal-iskart jekk dan ikun iġġustifikat bil-filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja. Il-Kummissjoni għandha tuża din l-għodda biex tivvaluta l-pjanijiet nazzjonali ta’ ġestjoni tal-iskart u fl-2011 għandha tippubblika sett ta’ dokumenti ta’ gwida dwar l-użu ta’ din l-għodda fil-politiki dwar l-iskart.

Il-WFD immodernizzat ukoll il-kunċett ta’ ‘skart’ biex tinkoraġġixi l-approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja, pereżempju, billi ċċarat id-distinzjoni bejn skart u ‘prodotti sekondarji’ u introduċiet ‘kriterji tat-tmiem tal-iskart’ li ċċaraw meta l-iskart ma jibqax skart. Id-definizzjoni ta’ ‘rkupru ta’ enerġija’ ġiet issemplifikata u mmodernizzata bl-introduzzjoni ta’ limitu massimu ċar ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija, ħaġa li tiffaċilita l-funzjonament tas-suq intern. Id-Direttiva dwar l-Ekodisinn[9] tapplika l-filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja meta tistabbilixxi miżuri ta’ ekodisinn għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti.

Prevenzjoni ta’ Skart

Il-prevenzjoni tal-iskart tibqa’ prijorità ċara fil-ġestjoni tal-iskart. Mill-adozzjoni tal-Istrateġija, il-WFD tintroduċi għadd ta’ dispożizzjonijiet ġodda li għandhom bħala għan il-massimizzazzjoni tal-isforzi ta’ prevenzjoni, b’mod partikolari, permezz ta’ programmi nazzjonali għall-prevenzjoni tal-iskart. Il-Kummissjoni se tippubblika linji gwida dwar il-prevenzjoni u se taġġorna s-sett ta’ eżempji tal-aħjar prattika minn madwar l-UE.

Leġiżlazzjoni oħra bħad-Direttiva dwar Batteriji[10] u d-Direttiva dwar l-immaniġġjar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni[11] - it-tnejn adottati fl-2006 - REACH, id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali u dwar l-Ekodisinn ukoll għandha l-potenzjal li ttejjeb il-prevenzjoni tal-iskart. Inizjattivi addizzjonali li jindirizzaw l-aspetti ta’ disinn, produzzjoni u konsum ġew varati permezz tal-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli[12] fl-2008.

Fl-2009, il-Ġimgħa Ewropea għall-Prevenzjoni tal-Iskart ġiet varata fl-UE bl-appoġġ tal-Kummissjoni.

Titjib tal-bażi tal-għarfien

Il-politika bbażata fuq l-evidenza tibqa’ wieħed mill-prinċipji tal-Kummissjoni, anke fil-qasam kumpless ta’ politiki dwar il-ġestjoni tal-iskart. Il-kompetenzi meħtieġa fil-filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja u l-valutazzjoni qegħdin jiġu pprovduti minn pjattaforma speċifika taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC). Il-Kummissjoni qiegħda tikkoopera wkoll mal-Eurostat, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), u Organizzazzjonijiet Internazzjonali. L-Eurostat tospita Ċentru ta’ Dejta tal-Iskart bħala l-punt tad-dħul ċentrali għar-rapportar u l-aċċess għad-dejta tal-iskart. L-EEA tippubblika regolarment dwar l-iżviluppi fl-iskart u r-riċiklaġġ, b’appoġġ miċ-Ċentru Topiku tagħha.

Sabiex ittejjeb il-kwalità tar-rappurtar nazzjonali, il-Kummissjoni varat eżerċizzju fl-2010 li jiffoka fuq id-Direttiva dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw[13]. Eżerċizzji simili jistgħu jiġu varati fil-futur għall-obbligi ta’ rappurtar taħt biċċiet oħrajn ta’ leġiżlazzzjoni dwar l-iskart.

Żvilupp ta’ standards għar-riċiklaġġ

L-Istrateġija tipproponi għadd ta’ miżuri li jistabbilixxu standards minimi tal-UE għall-attivitajiet tar-riċiklaġġ sabiex tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern għar-riċiklaġġ u għat-tifrix tal-prattiki tajba madwar l-UE, b’mod partikolari għall-prodotti derivati mill-iskart bijoloġiku.

Dokument ta’ referenza dwar l-aħjar tekniki disponibbli għall-Industrija tat-Trattament tal-Iskart ġie ppubblikat fl-2006[14]. Il-proposta tal-Kummissjoni fuq id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali[15] tal-2007 tinkludi speċifikazzjonijiet dettaljati dwar l-awtorizzazzjoni ta’ installazzjonijiet għat-trattament tal-iskart.

Il-Kummissjoni bdiet tiżviluppa “kriterji għat-tmiem tal-iskart” għall-iskart li – wara l-irkupru - ma jibqax skart, u bdiet mill-iskart tal-azzar u tal-aluminju li għandu jiġi segwit mir-ramm, il-ħġieġ, il-karta, u l-kompost.

Elaborazzjoni ulterjuri tal-politika dwar ir-riċiklaġġ tal-UE

Mill-2005, miri ġodda jew riveduti ta’ ġbir u riċiklaġġ fil-livell tal-UE rawmu iżjed is-suq intern għar-riċiklaġġ.

Il-miri ta’ 85% użu mill-ġdid, riċiklaġġ u rkupru tad-Direttiva dwar il-vetturi li m’għadhomx jintużaw, li huma kkumplimentati mir-rekwiżiti ta’ disinn leġiżlattiv dwar ir-riċiklabbiltà u l-użu mill-ġdid tal-vetturi mpoġġija fis-suq[16], ġew eżaminati fl-2006 u nżammu fil-livelli ambizzjużi tagħhom. Id-Direttiva dwar il-Batteriji adottata fl-2006 inkludiet miri ta’ ġbir u riċiklaġġ għat-tipi kollha ta’ batteriji.

Fl-2008, il-WFD riveduta introduċiet mira ta’ 50% għar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali li jinkludi għallinqas karti, metall, plastik u ħġieġ; u mira ta’ 70% għall-iskart tal-kostruzzjoni u t-twaqqigħ ta’ bini (it-tnejn għandhom jintlaħqu sal-2020). Fl-istess sena, il-Kummissjoni pproponiet li tirrevedi l-miri tal-ġbir u r-riċiklaġġ għall-iskart elettroniku, inkluża mira għall-użu mill-ġdid.

L-applikazzjoni tal-miri tad-Direttiva dwar il-Miżbliet[17] għenet biex tippromwovi l-irkupru tar-riżorsi mill-iskart permezz tat-tbegħid progressiv ta’ ċertu skart mill-miżbliet: sal-2006 (jew 4 snin wara għal ċerti Stati Membri li għandhom deroga), l-ammont ta’ skart bijodegradabbli li kien qed imur fil-miżbliet kellu jitnaqqas sa 75% tal-livelli tal-1995 u sa 50% sal-2009. Il-ġestjoni tal-iskart bijoloġiku fl-UE għadha ma laħqitx il-potenzjal sħiħ tagħha. Għalhekk, il-Komunikazzjoni tal-2010 dwar il-ġestjoni tal-iskart bijoloġiku fl-UE[18] tipproponi azzjoni ulterjuri b’mod partikolari l-produzzjoni ta’ linja gwida dwar il-prevenzjoni tal-iskart u dwar l-applikazzjoni tal-filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja għall-ġestjoni tal-bijoskart. Ġie varat studju għall-analiżi ulterjuri tal-possibbiltà li jiġu stabbiliti objettivi tal-UE għall-ġbir u/jew ir-riċiklaġġ tal-bijoskart. L-inizjattivi li jmiss jinkludu standards għall-kompost permezz tal-kriterji tat-tmiem tal-iskart u standards tal-kwalità għall-applikazzjoni tal-kompost fuq l-art permezz ta’ reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħama tad-Drenaġġ[19].

Progress LEJN L-GħANIJIET FIT-TUL

Waħda mill-kisbiet ewlenin mistennija tal-Istrateġija kienet li jsir progress lejn soċjetà tar-riċiklaġġ tal-UE li tfittex li tevita l-iskart u li tuża l-iskart bħala riżorsa. Iżjed riċiklaġġ u riċiklaġġ ta’ kwalità aħjar, inqas skart imur lejn il-miżbliet u iżjed kompost u rkupru ta’ enerġija mill-iskart kienu mistennija li jwasslu għal benefiċċji ambjentali, ekonomiċi u soċjali sinifikanti. Din it-taqsima tivvaluta l-progress li sar lejn dawn l-għanijiet fit-tul tal-istrateġija.

Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-ġenerazzjoni totali tal-iskart tidher li qiegħda tiġi stabbilizzata jew li qiegħda tiżdied. Madankollu, minħabba tnaqqis b’saħħtu f’4 Stati Membri il-ġenerazzjoni totali annwali tal-iskart fl-UE 27 naqset b’10% bejn l-2006 u l-2008 . Hemm bżonn ta’ analiżi addizzjonali biex jiġi vverifikat sa liema punt dan it-tnaqqis huwa dovut għall-impatti tal-kriżi ekonomika, il-metodi ta’ rappurtar immodifikat u/jew il-progress f’termini ta’ prevenzjoni. Il-ġenerazzjoni tal-iskart solidu muniċipali (MSW) (7% tal-iskart totali) issa ġiet stabbilizzata għal madwar 524 kg fis-sena per capita (2008) fl-UE-27. Hemm diżakkoppjar relattiv bejn il-ġenerazzjoni tal-iskart u l-konsum (li żdied b’16.3 % bejn l-1999 u fl-2007. Jeżistu differenzi kbar bejn l-Istati Membri – minn madwar 400 għal 800 kg per capita. Dan huwa paragunabbli ma’ 750 kg fl-Istati Uniti tal-Amerika u 400 kg fil-Ġappun.

Għalkemm jidher li sar biss ftit progress tanġibbli fil- prevenzjoni kwantitattiva tal-iskart, inkisbu ċerti riżultati fil- prevenzjoni kwalitattiva tal-iskart. Pereżempju, l-applikazzjoni tal-projbizzjoni tas-sustanzi tad-Direttiva RoHS mill-2006 naqset l-ammont ta’ sustanzi potenzjalment perikolużi fl-elettronika mpoġġija fis-suq tal-UE b’madwar 110 000 tunnellati fis-sena.

L-iskart perikoluż (3% tal-iskart totali) qed ikompli jonqos fl-UE-12, b’mod partikolari minħabba l-introduzzjoni ta’ teknoloġija iżjed nadifa u l-għeluq tal-minjieri għalkemm fil-livell tal-UE-27 xorta tista' tiġi osservata żieda annwali ta’ 0.5%. Dan jirrappreżenta wkoll diżakkoppjar relattiv mat-tkabbir tal-PDG.

Il-ġenerazzjoni tal- iskart tal-manifattura (12% tal-iskart totali) naqset b’5.4% bejn l-2004 u l-2006. L-iskart mill- minjieri u l-barrieri (25% tal-iskart totali) żdied b’14% matul l-istess perjodu. Probabbilment li dan huwa l-konsegwenza tal-miżuri ta’ effiċjenza fl-industrija jew bħala riżultat tat-tibdil fl-ekonomija fi ħdan l-UE li jiffavorixxu lill-industriji tas-servizzi aktar milli l-attivitajiet industrijali bħall-manifattura u x-xogħol fil-minjieri. Fl-istess ħin, l-iskart mis-setturi ekonomiċi l-oħrajn ( servizzi ) żdied b’6.2%.

F’għadd ta’ oqsma, is-swieq tal- użu mill-ġdid huma appoġġati mill-awtoritajiet pubbliċi. Definizzjoni ċara ta’ “użu mill-ġdid” ġiet introdotta fil-WFD, kif ukoll miri ġodda ta’ użu mill-ġdid fil-proposta dwar ir-riformulazzjoni tad-Direttiva WEEE. Għalhekk, id-dejta għandha ssir disponibbli fis-snin li ġejjin. L-użu mill-ġdid jiġġenera wkoll benefiċċji oħrajn f’termini ta’ ħolqien ta’ impjiegi, tnaqqis ta’ konsum żejjed u provvista ta’ prodotti użati bi prezzijiet aċċessibbli.

Filwaqt li r-rati ta’ riċiklaġġ ivarjaw minn fluss tal-iskart wieħed għal ieħor, ir- riċiklaġġ tal-iskart totali fl-UE żdied. Fl-2008, ir-riċiklaġġ tal-iskart ġie stmat għal 38%, progress ta’ 5% meta mqabbel mal-2005 u 18 % meta mqabbel mal-1995. 40% tal-iskart muniċipali ġie riċiklat jew magħmul kompost fl-2008, progress ta’ 11.4 % bejn l-2005 u l-2008, b’diskrepanzi sinifikanti bejn l-Istati Membri (minn perċentwal żgħir għal 70%).

L-irkupru tal-enerġija mill-iskart żdied (minn 96 kg għal kull ras fl-2005 għal 102kg fl-2008), li wassal għal żieda fil-produzzjoni tal-enerġija: madwar 1.3% tal-produzzjoni totali tal-enerġija tal-UE 27 tiġi mill-inċinerazzjoni tal-MSW. Ġie stmat li 50 sa 60% tal-inċineraturi tal-iskart muniċipali fl-UE għandhom jissodisfaw il-kriterji ġodda tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-WFD.

Minn meta ġiet adottata l-Istrateġija, intbagħat inqas skart fil- miżbliet: madwar 40% fl-2008, meta mqabbel mal-49% fl-2005, u 65% fl-1995. Il-modernizzazzjoni u s-semplifikazzjoni tal-acquis tal-iskart jagħmluh iżjed. Madankollu, għad baqa’ differenzi kbar ta’ implimentazzjoni u infurzar bejn l-Istati Membri. Skont il-miri u l-flussi tal-iskart, ċerti Stati Membri marru lil hinn mill-ilħuq tal-miri minimi Ewropej ta’ riċiklaġġ jew ta’ tbegħid mill-miżbliet, għalkemm oħrajn iridu jagħmlu sforzi addizzjonali biex jirrispettaw ir-rekwiżiti tal-UE. Minbarra governanza tajba u rieda politika b’saħħitha, l-Istati Membri avvanzati ħolqu kundizzjonijiet aħjar għas-swieq tar-riċiklaġġ billi użaw fl-aħjar mod strumenti legali u ekonomiċi bħal projbizzjoni tal-miżbliet, l-applikazzjoni ta’ taxxi u imposti konsistenti mal-ġerarkija tal-iskart u l-applikazzjoni tal-kunċett tar-responsabbiltà tal-produttur lil diversi flussi tal-iskart. Dan wassal għal internalizzazzjoni progressiva tal-ispejjeż tal-ġestjoni tal-iskart fil-prezz tal-prodotti u s-servizzi.

It-titjib fil-ġestjoni tal-iskart inaqqas l-effetti negattivi fuq l-ambjent u s-saħħa minħabba l-emissjonijiet fl-arja, fil-ħamrija u fl-ilma kif ukoll l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) mir-rimi tal-iskart. L-emissjonijiet tal-GHG diretti mis-settur tal-iskart fl-UE-27 – li jirrappreżentaw 2.8% tal-emissjonijiet totali fl-2007 – naqsu b’iżjed minn 30% bejn l-1995 u l-2007.

Minn meta ġiet adottata l-Istrateġija, l-għeluq ta’ miżbliet u l-inċineraturi li ma jissodisfawx l-istandards wassal għal tnaqqis sinifikati tat-tniġġis tal-ilma, tal-ħamrija u tal-arja. Numru għoli ta’ miżbliet li ma jissodisfawx l-istandards ingħalqu (madwar 3 300 bejn l-2004 u l-2006). Madankollu, il-Kummissjoni identifikat madwar 1000 miżbla li ma jissodisfawx l-istandards biex jiġu aġġornati jew inkella jingħalqu kemm jista’ jkun malajr.

Ir-riċiklaġġ jipprovdi opportunitajiet ekonomiċi ġodda. Dan jikkontribwixxi f’livelli differenti għaż-żieda fil-provvista ta’ materja prima ta’ valur meħtieġa għall-ekonomija tal-UE. Pereżempju, l-iskart tal-metall issa jikkontribwixxi bejn 40% u 56% tal-input tal-produzzjoni tal-massa tal-metall tal-UE. Madankollu, ir-riċiklaġġ fl-UE ta’ metalli speċifiċi li huma essenzjali għal ċerti applikazzjonijiet prinċipali jibqa’ baxx. Fl-2009, ġie stmat li l-industriji tal-ġestjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart fl-UE għandhom introjtu ta’ EUR 95 biljun. Is-settur jipprovdi bejn 1,2 u 1,5 miljun impjieg li jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-objettiv tal-2020 tal-UE ta’ rata ta’ impjieg ta’ 75% u jirrappreżenta madwar 1% tal-PDG. Minbarra l-evitar tal-iskart, l-użu mill-ġdid jiġġenera benefiċċji oħrajn f’termini ta’ ħolqien ta’ impjiegi, tnaqqis ta’ konsum eċċessiv u jipprovdi prodotti użati għal prezzijiet aċċessibbli.

ASPETTI INTERNAZZJONALI

Il-kuntest internazzjonali sar dejjem iżjed importanti. Iż-żieda fil-globalizzazzjoni u l-bidliet fl-ekonomija tal-UE waslu għal żieda fl-importazzjonijiet ta’ materja prima u materjali semi-manifatturati. Fl-istess ħin, l-esportazzjonijiet ta' skart li jista' jinbidel f’materja sekondarja, u għaldaqstant inaqqsu id-domanda tagħna għal materja primarja, żdied wkoll. Dan iqajjem mistoqsijiet dwar il-provvista tal-materja prima għall-UE u l-esportazzjoni potenzjali tal-problemi ambjentali lil terzi pajjiżi fil-każijiet fejn ir-riżorsi jew il-materjali semi-manifatturati jiġu importati minn faċilitajiet ta' produzzjoni li ma jissodisfawx l-istandards jew fejn l-iskart esportat jispiċċa f’faċilitajiet ta' ġestjoni tal-iskart li ma jissodisfawx l-istandards.

Il-Kummissjoni ħadet diversi inizjattivi biex tippromwovi ġestjoni tajba tal-iskart, b’mod partikolari permezz tal-Programm Tematiku għall-Ambjent u r-Riżorsi Naturali. Bosta azzjonijiet li jappoġġaw l-approssimazzjoni għall-acquis tal-UE relatat mal-iskart ġew iffinanzjati wkoll fil-Ġirien Ewropej.

Il-Kummissjoni qiegħda tindirizza wkoll dawn il-kwistjonijiet permezz tal-Inizjattiva tas-Swieq tal-Materja Prima[20], fejn il-politiki tar-riċiklaġġ jilagħbu rwol importanti, kif ukoll permezz tal-appoġġ għal infurzar aħjar tar-Regolament tal-UE dwar Vjeġġi ta’ Skart. Minkejja dawn l-isforzi, l-esportazzjoni illegali tal-iskart hija problema kontinwa li hija, fl-essenza tagħha, diffiċli sabiex tiġi kkwantifikata. Il-Kummisjoni qiegħda tipparteċipa wkoll b’mod attiv fid-diskussjonijiet internazzjonali dwar il-projbizzjoni ta’ Basel li tipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ skart perikoluż lil pajjiżi mhux fl-OECD.

Minn meta ġiet adottata l-Istrateġija, pajjiżi terzi qiegħdin jintroduċu politiki simili għal dawk tal-UE dwar l-iskart u r-riċiklaġġ, li joħloq vantaġġi biex l-industrija tal-UE tibqa’ minn ta’ quddiem nett. Pereżempju ċ-Ċina, l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Indja introduċew dispożizzjonijiet simili dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ sustanzi perikolużi fl-apparat elettroniku.

TENDENZI FUTURI

Biż-żieda kontinwa tal-popolazzjoni dinjija, ikkombinata ma’ ekonomiji emerġenti iżjed b’saħħithom, il-konsum totali huwa mistenni li jiżdied b’mod sinifikanti. Dan għandu jwassal għal żieda fil-pressjoni fuq l-użu tar-riżorsi bl-impatti assoċjati fuq l-ambjent u s-saħħa, b’mod partikolari dawk relatati mal-materjali bijotiċi, il-minerali u l-metalli. Hekk kif id-domanda għall-materja prima fl-UE tkompli tikber, u minħabba d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjoni ta’ ħafna materja prima differenti, ir-rwol tar-riċiklaġġ għandu jsir dejjem iżjed importanti.

Il-projezzjonijiet ta’ tendenzi futuri fil-ġenerazzjoni u t-trattament tal-iskart jindikaw li mingħajr politiki addizzjonali ta’ prevenzjoni tal-iskart, il-ġenerazzjoni tal-iskart hija mistennija li tiżdied b’7% mill-2008 sal-2020. L-applikazzjoni ta’ REACH ikkombinata ma’ politiki ta’ prevenzjoni nazzjonali hija mistennija li tikkontribwixxi għat-tnaqqis fil-ġenerazzjoni tal-iskart perikoluż. Bl-implimentazzjoni sħiħa tal-acquis eżistenti, ir-riċiklaġġ għandu jiżdied minn 40% fl-2008 għal 49% fl-2020. Ir-rimi tal-iskart fil-miżbliet għandu jonqos b’10% u jistabbilizza ruħu għal 28%. L-iskart bijoloġiku m’għandux jibqa’ jintrema fil-miżbliet matul is-snin li ġejjin u din toffri perspettivi ġodda ta’ tkabbir għall-produzzjoni tal-kompost u tal-gass.

Minbarra l-effetti mistennija tad-Direttiva dwar il-Miżbliet, iżjed prevenzjoni u riċiklaġġ għandhom iwasslu għal benefiċċji addizzjonali sinifikanti. L-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart u ż-żieda fil-prevenzjoni u r-riċiklaġġ jistgħu jwasslu għal tnaqqis addizzjonali fl-emissjonijiet ta' GHG li jikkorrispondi għal parti sinifikanti tal-miri Ewropej għat-tnaqqis fit-tibdil tal-klima sal-2020. Ir-riċiklaġġ għandu jkompli joffri opportunitajiet ekonomiċi filwaqt li jikkontribwixxi għal effiċjenza fir-riżorsi tal-ekonomija tal-UE. Huwa stmat li l-ħolqien tal-impjiegi fis-settur tar-riċiklaġġ tal-iskart jista' jammonta sa nofs miljun impjieg .

Differenzi kbar fl-implimentazzjoni u fl-infurzar huma mistennija li jkomplu jippersistu bejn l-Istati Membri, sakemm ma jittieħdux miżuri addizzjonali fil-livell tal-UE biex jappoġġaw lill-Istati Membri u biex jiżguraw kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd, b’mod partikolari fil-qasam tal-ispezzjonijiet nazzjonali. Il-konformità mal-miri tal-UE dwar il-ġbir, ir-riċiklaġġ u t-tbegħid mill-miżbliet għandha tibqa’ prijorità u xi Stati Membri jkollhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jissodisfaw dawk il-miri tal-UE.

KONKLUżJONIJIET

L-Istrateġija kellha rwol importanti fl-iżvilupp tal-politika ta’ gwida. Sar progress sinifikanti fuq għadd ta’ fronti, b’mod partikolari fit-titjib u s-semplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, fl-istabbiliment u d-diffużjoni tal-kunċetti prinċipali bħall-ġerarkija tal-iskart u l-filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja, fl-iffukar fuq il-prevenzjoni tal-iskart, fil-koordinazzjoni tal-isforzi għat-titjib tal-għarfien, u fl-istabbiliment ta’ miri Ewropej ġodda ta’ ġbir u riċiklaġġ.

B’mod ġenerali, ir-rati tar-riċiklaġġ tjiebu, l-ammont tal-iskart li jmur fil-miżbliet naqas u l-użu ta’ sustanzi perikolużi f’ċerti flussi tal-iskart naqas. Il-politiki attwali wasslu għal tnaqqis tal-impatti ambjentali relatati għal kull tunnellata ta’ skart trattat. Madankollu, dan huwa kkumpensat bl-impatti negattivi ambjentali kkawżati biż-żieda mistennija fil-ġenerazzjoni tal-iskart.

Mingħajr inizjattivi oħrajn u kumplimentari, sejrin jintiflu l-opportunitajiet għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tal-impatti ambjentali b’mod ġenerali, għall-ħolqien ta’ xogħol u biex jiġu ssodisfati d-domandi għar-riżorsi.

Hemm bżonn ta’ sforzi kontinwi għat- titjib tal-bażi tal-għarfien: hemm bżonn ta’ indikaturi ġodda biex jitkejjel il-progress lejn soċjetà ta’ riċiklaġġ u biex jiġu ntraċċati l-flussi tal-iskart u tal-materjali u l-flussi tar-riżorsi. Għandha tiġi żviluppata informazzjoni kif ukoll tbassir aħjar tal-impatti fuq l-ambjent u s-saħħa bbażati fuq iċ-ċiklu tal-ħajja tal-politiki tal-iskart b’attenzjoni speċifika fuq il-politiki dwar ir-riżorsi u l-klima.

Implimentazzjoni u infurzar xierqa tal-acquis eżistenti tal-UE dwar l-iskart għandhom jibqgħu prijorità, b’mod partikolari biex tiġi żgurata l-konformità mal-miri prinċipali tal-UE u għall-implimentazzjoni sħiħa tal-WFD u l-WSR. F’dan il-kuntest, għandha tiġi żviluppata proċedura ta’ verifika proattiva kkombinata ma’ sistema ta’ twissija bikrija dwar il-konformità mal-miri prinċipali tal-UE abbażi tal-pjanijiet nazzjonali ta’ ġestjoni tal-iskart. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri biex tappoġġja iżjed lill-politiki nazzjonali għall-prevenzjoni tal-iskart, inkluż il-prevenzjoni tal-iskart bijoloġiku u t-tnaqqis fil-ħela tal-ikel.

Il-Kummissjoni għandha tesplora għodda ġdida biex tappoġġa l-attivitajiet ta’ implimentazzjoni u infurzar, b’mod partikolari fid-dawl tal-inċident riċenti fl-Ungerija. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-koordinazzjoni tal-UE tal-attivitajiet nazzjonali ta’ spezzjoni biex tkun ibbażata fuq strateġiji orjentati lejn ir-riżultati u fuq il-promozzjoni ta’ spezzjonijiet ta’ reviżjoni minn pari u skemi ta’ awditjar indipendenti, b’mod partikolari għal faċilitajiet b’impatt li jista’ jkun transkonfinali.

Għad hemm marġni sinifikanti għall-progress lil hinn mill-miri minimi attwali tal-UE ta’ ġbir u riċiklaġġ. Għal dan il-għan, l-introduzzjoni ta’ strumenti wżati minn Stati Membri bi prestazzjoni tajba għandha tiġi mħeġġa b’mod partikolari fl-Istati Membri bl-agħar prestazzjoni. Il-kombinazzjoni ottimali tal- istrumenti ekonomiċi u legali għandha tiġi promossa b’mod partikolari permezz ta’ projbizzjoni tal-miżbliet u bl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ responsabbiltà tal-produttur għal flussi addizzjonali tal-iskart abbażi ta’ approċċ komuni Ewropew.

It-titjib fil-kompetittività tal-industriji tal-UE tar-riċiklaġġ huwa essenzjali għall-ġenerazzjoni tal-impjiegi fl-UE. F’dak il-kuntest, l-iżgurar li l-kompetizzjoni sseħħ f’qafas li jżomm l-ogħla livelli ta’ ħarsien ambjentali huwa prijorità prinċipali għall-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tħares lejn prevenzjoni aħjar tal-esportazzjonijiet illegali ta’ skart u għandha tiżgura li l-iskart esportat lejn pajjiżi terzi jiġi trattat f’faċilitajiet bi standards għoljin, b’mod partikolari l-iżmantellar tal-vapuri.

Il-politiki dwar l-iskart jistgħu jgħinu fl-iżvilupp tas- swieq tal-materja prima sekondarja u jsaħħu l-provvista tagħhom fl-UE, u b’hekk itejbu l-effiċjenza tar-riżorsi tal-ekonomija tal-UE. Mekkaniżmi ġodda tas-suq li jiffavorixxu materja prima sekondarja għandhom jiġu esplorati, inklużi inċentivi ekonomiċi, b’mod partikolari biex tingħata kunsiderazzjoni aħjar tal-potenzjal sinifikanti f’termini ta’ tnaqqis fl-emissjoni tal-GHG permezz tar-riċiklaġġ. Id-definizzjoni ta’ miri ġodda u iżjed ambizzjużi ta’ prevenzjoni u riċiklaġġ kif ukoll l-avvanz għal miri speċifiċi għall-materjali jistgħu jikkontribwixxu direttament biex jintlaħaq l- għan ta’ Ewropa 2020 ta’ “promozzjoni ta’ ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi” u l- Inizjattiva Ewlenija . F’dak is-sens, il-materjali li għandhom impatti negattivi fuq l-ambjent u s-saħħa matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tagħhom, inkluż l-użu tal-enerġija u t-tibdil fil-klima għandhom jiġu mmirati aħjar. Dawn il-miri għandhom jiġu nkorporati fil-monitoraġġ tal-progress tal-Istati Membri lejn iż-żieda fl-użu effiċjenti tar-riżorsi fir-rappurtar nazzjonali għal Ewropa 2020. Minħabba li l-ilħuq ta’ miri ambizzjużi ta’ riċiklaġġ u prevenzjoni jeħtieġ il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili kollha, għandhom isiru sforzi kontinwi għat-titjib tal-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati u għas- sensibilizzazzjoni pubblika.

Inizjattivi ġodda li jappoġġaw l-innovazzjoni permezz tal-Programm ta’ Qafas u Sħubiji għall-Innovazzjoni u biex tiġi inkorporata aħjar il-filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja fl-iżvilupp tal-politiki jkun jistħoqqilhom attenzjoni partikolari. Dan għandu jimplika konsistenza aħjar bejn politiki dwar l- iskart u d-disinn tal-prodotti , inkluż kunsiderazzjoni ta’ regoli dwar l-assorbiment tal-kontenut minimu ta’ materjali ta’ riċiklaġġ fil-prodotti ta’ prijorità, ir-riċiklabbiltà u d-durabilità tal-prodotti u t-tnaqqis tal-użu ta’ sustanzi perikolużi. Se jiġi mħeġġe l-użu ta’ fondi strutturali u ta’ koeżjoni tul il-ġerarkija tal-iskart u għall-adozzjoni tal-aħjar teknoloġiji disponibbli.

Wara 5 snin, l-għanijiet ewlenin tal-Istrateġija jibqgħu validi. L-intervent iffoka fuq implimentazzjoni u infurzar aħjar, aktar ma’ jitla’ l-ġerarkija tal-iskart, filwaqt li ppromwova l-prevenzjoni fl-aspetti kollha tagħha u ċ-ċaqliq lejn politiki dwar ir-riżorsi iżjed olistiċi u kkonsolidati li jinkludu l-ġestjoni tal-iskart bħala element essenzjali ta’ stampa usa’. Il-Kummissjoni tara l-bżonn għal iżjed konsolidazzjoni tal-politiki tagħha dwar l-iskart u għandha tagħmel iżjed proposti fl-2012, inkluż passi konkreti li għandha l-intenzjoni li tieħu sabiex tiċċaqlaq iżjed lejn soċjetà tal-UE li tirriċikla u li hija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

[1] COM (2005) 666

[2] Deċiżjoni 1600/2002/KE

[3] Regolament 1013/2006.

[4] COM (2007) 843.

[5] 2002/96/KE.

[6] 2002/95/KE.

[7] Regolament 1907/2006.

[8] 2008/98/KE.

[9] 2009/125/KE.

[10] 2006/66/KE.

[11] 2006/21/KE.

[12] COM/2008/0397.

[13] 2000/53/KE.

[14] Ara: http://eippcb.jrc.es/reference/wt.html

[15] COM/2007/0844.

[16] Direttiva 2005/64/KE.

[17] 99/31/KE.

[18] COM/2010/235.

[19] 86/278/KE.

[20] COM/2008/699.