31.5.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 153/190 |
L-Erbgħa 16 ta’ Novembru 2011
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2010/021 IE/Kostruzzjoni 71 mill-Irlanda
P7_TA(2011)0497
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2010/021/IE/Kostruzzjoni 71 mill-Irlanda) (COM(2011)0619 – C7-0315/2011 – 2011/2254(BUD))
2013/C 153 E/36
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2011)0619 – C7-0315/2011), |
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1) (IIA tas-17 ta' Mejju 2006), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2) (ir-Regolament dwar il-FEG), |
— |
wara li kkunsidra l-proċedura tat-trilogu kif prevista fil-punt 28 tal-IIA tas-17 ta’ Mejju 2006, |
— |
wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0377/2011), |
A. |
billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji u biex tgħin fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, |
B. |
billi l-ambitu tal-FEG twessa’għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi appoġġ għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja b'riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, |
C. |
billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista’ jkun malajr u b’mod effiċjenti, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa tal-IIA tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-FEG, |
D. |
billi l-Irlanda talbet l-għajnuna fir-rigward tal-każ li jikkonċerna 842 sensja, li 554 minnhom tqiegħdeu fil-mira għall-għajnuna, f'230 impriża li joperaw fid-Diviżjoni 71 tan-NACE Reviżjoni 2 ("Attivitajiet ta' arkitettura u inġinerija; ittestjar u analiżi tekniċi") (3) fir-reġjuni NUTS II Border, Midlands and Western (IE01) u Southern and Eastern (IE02) fl-Irlanda. Dawn iż-żewġ reġjuni kontigwi jikkostitwixxu l-Istat tal-Irlanda kollu, |
E. |
billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG, |
1. |
Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex itejbu l-arranġamenti proċedurali u baġitarji sabiex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEG; japprezza f'dan is-sens il-proċedura mtejba li ddaħħlet fis-seħħ mill-Kummissjoni, wara t-talba tal-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, bl-għan li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibilità ta' applikazzjoni tal-FEG tiġi ppreżentata lill-awtorità baġitarja flimkien mal-proposta biex jiġi mobilizzat il- FEG; jittama li jsir aktar titjib fil-proċedura fil-qafas tar-rieżamijiet imminenti tal-FEG u li jinkisbu aktar effiċjenza, trasparenza u viżibilità tal- FEG; |
2. |
Ifakkar fl-impenn tal-istituzzjonijiet li jiżguraw proċedura rapida u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG, biex jiġi pprovdut appoġġ individwali ta’ darba u limitat fiż-żmien immirat biex jgħin lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja b’riżultat tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jenfasizza r-rwol li jista' jkollu l-FEG biex il-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari l-ħaddiema l-aktar vulnerabbli u l-anqas ikkwalifikati; |
3. |
Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEG, għandu jkun żgurat li l-FEG jappoġġa r-reintegrazzjoni fix-xogħol tal-ħaddiema individwali li jkunu ngħataw is-sensja; barra minn hekk jenfasizza li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri attivi għas-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjiegi fit-tul; itenni li l-għajnuna mill-FEG m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas miżuri ta' ristrutturar ta’ kumpaniji jew setturi; jiddeplora l-fatt li l-FEG jista’ jipprovdi inċentivi għall-kumpaniji li jissostitwixxu l-ħaddiema kuntrattwali b’ħaddiema oħra impjegati b’mod aktar flessibbli u għal terminu ta' żmien qasir; |
4. |
Jinnota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-kompatibbiltà u l-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta’ din id-data anki fir-rapporti annwali tagħha; |
5. |
Jilqa' l-fatt li wara t-talbiet ripetuti mill-Parlament, għall-ewwel darba l-baġit 2011 juri approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet ta' EUR 47 608 950 fil-linja baġitarja 04 05 01 tal-FEG; ifakkar li l-FEG inħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu stess u li għalhekk ħaqqu allokazzjoni apposta, filwaqt li jieħu post trasferimenti minn linji baġitarji oħra, bħalma sar fil-passat, li jistgħu jkunu detrimentali għall-ilħuq tad-diversi objettivi politiċi; |
6. |
Jiġbed l-attenzjoni li l-ammont ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet imdaħħal inizjalment fil-linja baġitarja 04 05 01 għandu jintuża kollu bl-applikazzjoni EGF/2010/019/IE/Kostruzzjoni 41, mill-Irlanda; iqis li billi l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet huma disponibbli fl-2011 fil-linja baġitarja 04 02 01 "Ikkompletar tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) – Objettiv 1 (2000 sa 2006)", ammont ta' EUR 1 387 819 meħtieġ għall-applikazzjoni preżenti jista' għalhekk isir disponibbli għal trasferiment; |
7. |
Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni; |
8. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea; |
9. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(2) ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
(3) Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).
L-Erbgħa 16 ta’ Novembru 2011
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l- l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2010/021/IE/Kostruzzjoni 71, mill-Irlanda)
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2011/774/UE.)