5.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 33/231


It-Tlieta 5 ta’ Lulju 2011
Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2011: eċċess tas-sena baġitarja 2010

P7_TA(2011)0308

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2011 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2011 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, Taqsima III – Il-Kummissjoni (11630/2011 – C7-0166/2011 – 2011/2075(BUD))

2013/C 33 E/32

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 310 u 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (1) ("ir-Regolament Finanzjarju"), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(3) u l-Artikoli 37 u 38 tiegħu,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, adottat b'mod definittiv fil-15 ta' Diċembru 2010 (2),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (3),

wara li kkunsidra l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2011 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, ippreżentat mill-Kummissjoni fil-15 ta' April 2011 (COM(2011)0219),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2011, li ġietstabbilita mill-Kunsill fis-16 ta' Ġunju 2011 (11630/2011 - C7-0166/2011),

wara li kkunsidra l-Artikoli 75b u 75e tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0254/2011),

A.

billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2011 għandu l-għan li jdaħħal fil-baġit tal-2011 il-bilanċ favorevoli mis-sena finanzjarja 2010, li jammonta għal EUR 4 539 394 283,

B.

billi l-elementi prinċipali ta' dan il-bilanċ favorevoli huma eżitu pożittiv fuq in-naħa tal-introjtu ta' iktar minn EUR 1,8 biljun, sottoeżekuzzjoni ta' EUR 2,72 biljun fl-infiq u differenza pożittiva fir-rata tal-kambju li tammonta għal EUR 22,3 miljun,

C.

billi l-parti l-kbira tan-naħa tal-introjtu (EUR 1,28 biljun minn EUR 1,8 biljun) ġejja minn imgħax fuq ħlasijiet li saru tard u multi,

D.

billi d-differenza bejn il-baġit mogħti għall-2011 (EUR 122,96 biljun) u l-approprjazzjonijiet implimentati jew riportati (EUR 120,97 biljun) tirriżulta minn approprjazzjonijiet ikkanċellati (EUR 740 miljun), l-iktar minħabba n-nuqqas ta' adattament tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 10/2010,

E.

billi l-ammont mhux minfuq ta' EUR 2,72 biljun ġejja mis-sottoeżekuzzjoni tal-programmi, mis-sottoeżekuzzjoni ta' riżervi mhux mobilizzati, mis-sottoeżekuzzjoni f'taqsimiet oħra tal-Baġit, u mis-sottoeżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet riportati mill-2009 u mill-2010,

1.

Jieħu nota tal-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2011 iddedikat biss għall-ibbaġitjar tal-bilanċ favorevoli tal-2010, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Finanzjarju;

2.

Huwa konvint b'mod qawwi li l-parti tal-introjtu kkalkulata mill-imgħax fuq ħlasijiet li saru tard u multi m'għandhiex titqies bħala bilanċ favorevoli u għalhekk m'għandhiex titnaqqas mill-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri (riżorsi proprji abbażi tal-ING);

3.

Iqis, għall-kuntrarju, li dan l-introjtu, li ġej mill-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE, għandu jitqiegħed lura direttament fil-baġit tal-UE u jerġa' jiġi investit fih; huwa determinat li jippromwovi u jiddefendi dan il-prinċipju fin-negozjati li jmiss dwar il-baġits annwali u multiannwali;

4.

Japprova madankollu l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2011 mingħajr emendi u jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 3/2011 ġie definittivament adottat u jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali


(1)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2010)0475.

(3)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.