2.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 296/144


It-Tlieta 5 ta’ April 2011
Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: Il-Polonja - Podkarpackie - Manifattura ta’ makkinarju

P7_TA(2011)0120

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ April 2011 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2010/013 PL/makkinarju ta’ Podkarpackie mill-Polonja) (COM(2011)0062 – C7-0056/2011 – 2011/2045(BUD))

2012/C 296 E/23

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2011)0062– C7-0056/2011),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1) (Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2) (ir-Regolament FEAG),

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0059/2011),

A.

billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi ta’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali globali u biex tgħinhom jerġgħu jiġu integrati fis-suq tax-xogħol,

B.

billi l-ambitu tal-FEAG twessa’ temporanjament għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn għall-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali,

C.

billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ġew issensjati għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista’ jkun malajr u b’mod effiċjenti kemm jista’ jkun, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta’ konċiljazzjoni fis-17 ta’ Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 rigward l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-FEAG,

D.

billi l-Polonja talbet għajnuna fir-rigward ta’ każijiet li jikkonċernaw 594 sensja (li 200 minnhom tqiegħdu fil-mira ta’ għajnuna) fi tliet intrapriżi li joperaw fid-Diviżjoni 28, Reviżjoni 2 tan-NACE (manifattura ta’ makkinarju u tagħmir) fir-reġjun NUTS II ta’ Podkarpackie fil-Polonja,

E.

billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta’ eliġibilità stabbiliti mir-Regolament FEAG,

1.

Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEAG; japprezza f'dan is-sens il-proċedura mtejba li bdiet titħaddem mill-Kummissjoni, wara t-talba tal-Parlament għar-rilaxx aċċellerat tal-għotjiet, bl-għan li tiġi ppreżentata lill-awtorità baġitarja l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibilità ta’ applikazzjoni tal-FEAG flimkien mal-proposta biex jiġi mmobilizzat il-FEAG; jittama li jsir aktar titjib fil-proċedura fil-qafas tar-rieżamijiet imminenti tal-FEAG;

2.

Ifakkar fl-impenn li għandhom l-istituzzjonijiet li jassiguraw proċedura mgħaġġla u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG, biex jiġi pprovdut appoġġ individwali ta’ darba u limitat fiż-żmien immirat biex jgħin lill-ħaddiema li ġew issensjati bħala riżultat tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jiġbed l-attenzjoni fuq ir-rwol li jista' jwettaq il-FEAG biex il-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol; jitlob, madankollu, li ssir evalwazzjoni dwar l-integrazzjoni fiż-żmien twil ta’ dawn il-ħaddiema fis-suq tax-xogħol bħala riżultat dirett tal-miżuri ffinanzjati mill-FEAG;

3.

Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament FEAG, għandu jkun żgurat li l-FEAG jappoġġa r-reintegrazzjoni fix-xogħol tal-ħaddiema individwali ssensjati; itenni li għajnuna mill-FEAG m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas miżuri ta’ ristrutturar ta’ kumpaniji jew setturi;

4.

Jinnota li t-tagħrif pprovdut dwar il-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEAG jinkludi tagħrif dwar il-komplementarjetà ma’ azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta valutazzjoni kumparattiva ta’ din id-data anki fir-rapporti annwali;

5.

Jilqa' l-fatt li wara talbiet ripetuti mill-Parlament, għall-ewwel darba l-baġit tal-2011 juri approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet (ta' EUR 47 608 950) fil-linja baġitarja tal-FEAG 04 05 01; ifakkar li l-FEAG nħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u bl-iskadenzi tiegħu stess u li għalhekk jistħoqqlu allokazzjoni ddedikata, li tevita trasferimenti minn linji baġitarji oħra, kif ġara fl-imgħoddi, li hija xi ħaġa li tista' tkun ta’ ħsara għall-ilħuq tal-bosta objettivi tal-politika;

6.

Japprova d-deċiżjoni mehmuża ma’ din il-riżoluzzjoni;

7.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

8.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.


It-Tlieta 5 ta’ April 2011
ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2010/013 PL/Podkarpackie - manifattura ta’ makkinarju)

(It-test ta’ dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2011/249/UE.)