27.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 225/200


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Erasmus għal Kulħadd”

2012/C 225/15

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jappoġġja bis-sħiħ iż-żieda baġitarja proposta għall-programm. It-tqassim tal-fondi fost is-setturi differenti tal-edukazzjoni u l-qasam taż-żgħażagħ għandu jsir b’mod li l-oqsma kollha jibbenefikaw miż-żidiet baġitarji;

jenfasizza l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja u għalhekk jisħaq li l-programm għandu jappoġġja bl-istess mod lill-gruppi ta’ età kollha u t-tipi ta’ tagħlim kollha;

huwa tal-fehma li l-għajnuna għandha tkun iżjed sostanzjali fejn l-iżjed hemm bżonnijiet u possibbiltajiet ta’ suċċess; min-naħa tiegħu, dan għandu jwassal biex il-fondi jiġu allokati b’mod li jibbenefikaw biċ-ċar lill-persuni li għandhom biss probabbiltà żgħira li jkollhom aċċess għall-programmi, jiġifieri l-iskejjel, iż-żgħażagħ mhux involuti fl-edukazzjoni formali u l-adulti li qed jitgħallmu jew qed jikkompletaw l-edukazzjoni tagħhom;

huwa tal-fehma li jekk jirnexxilna negħlbu l-isfidi l-kbar fil-livell lokali u reġjonali, l-individwi jkunu lesti għal ġejjieni kkaratterizzat minn tibdil kostanti. Huma jkollhom l-għodod meħtieġa għat-tagħlim tul il-ħajja, u jkun hemm għadd ikbar ta’ persuni li jispiċċaw l-istudji li jkunu bdew, ikomplu bl-edukazzjoni għolja u jikkunsidraw il-possibbiltà li jwettqu parti mill-edukazzjoni tagħhom fi nħawi differenti tal-Ewropa u wkoll jikkunsidraw l-Ewropa kollha bħala suq tax-xogħol potenzjali;

jista’ jara l-vantaġġi tal-kooperazzjoni istituzzjonali, anke fir-rigward tal-proġetti tal-mobbiltà. Meta l-mobbiltà sseħħ fi ħdan qafas istituzzjonali, jista’ jkun hemm kundizzjonijiet aħjar għal kwalità tajba u impatt iżjed sostnut u strateġiku;

għandu esperjenzi tajbin ta’ wħud mill-programmi preċedenti, bħall-Comenius Regio, li jagħmlu possibbli l-parteċipazzjoni ta’ stabbilimenti oħra minbarra dawk edukattivi li jaħdmu biex iħeġġu l-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni fil-livell lokali u reġjonali.

Relatur

is-Sur RENSTRÖM (SE/PSE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Ovanåker

Dokument ta’ referenza

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi “Erasmus għal Kulħadd” – Il-Programm tal-Unjoni għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ, iż-Żgħażagħ u l-Isport

COM(2011) 788 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-isfidi prinċipali

1.

josserva li l-Ewropa qed tiffaċċja sfidi iżjed serji wara l-kriżi finanzjarja u ekonomika. Il-problemi strutturali ħarġu ferm iżjed fid-dieher. Dan jikkonċerna tkabbir baxx fil-produttività, gruppi kbar ta’ persuni li qegħdin barra s-suq tax-xogħol, żieda fid-domanda għas-servizzi soċjali minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni u defiċits fil-finanzi pubbliċi;

2.

josserva li problema bażika li kulma jmur qiegħda ssir dejjem iżjed kritika hija d-disparitajiet ekonomiċi dejjem jikbru, li huma sfida għad-demokrazija. Għadd dejjem ikbar ta’ żgħażagħ qed jitilqu l-iskola mingħajr il-ħiliet meħtieġa biex jipparteċipaw f’soċjetà demokratika u jiksbu ħajja tajba ta’ xogħol ikkaratterizzata mill-varjetà. Il-possibbiltà li kulħadd igawdi mit-tagħlim tul il-ħajja hija prerekwiżit għal demokrazija b’saħħitha u tkabbir futur. Sabiex neħilsu mill-qgħad u l-esklużjoni neħtieġu wkoll neħilsu minn suq tax-xogħol imsejjes fuq is-segregazzjoni tal-ġeneri;

3.

huwa tal-fehma li l-edukazzjoni hija għodda ewlenija biex l-UE tkun tista’ tiffaċċja l-isfidi prinċipali u tiżgura li s-soċjetà tal-għarfien tħaddan lil kulħadd. Huwa ħa nota tal-proposta tal-Kummissjoni għal programm ġdid li jissostitwixxi u jiġbor flimkien il-programmi attwali fl-oqsma tal-edukazzjoni u ż-żgħażagħ. Il-programm għandu jsaħħaħ iċ-ċittadinanza tal-UE billi jenfasizza d-dimensjoni Ewropea u jippromovi wkoll il-koeżjoni soċjali billi jagħmilha possibbli li għadd ikbar ta’ persuni jkollhom aċċess għal taħriġ ta’ kwalità għolja tul ħajjithom kollha. Huwa importanti li l-gruppi mmirati kollha li bbenefikaw mill-programm preċedenti jingħataw biżżejjed opportunitajiet biex ikomplu jirċievu l-appoġġ tal-UE;

4.

jappoġġja bis-sħiħ iż-żewġ miri ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 li huma l-iżjed rilevanti għall-programm ta’ taħriġ propost: 1) li r-rata tal-istudenti li jitilqu mill-iskola qabel il-waqt tinżel taħt l-10 % u 2) li tal-inqas 40 % tal-persuni li għandhom bejn 30 u 34 sena jkunu lestew l-edukazzjoni għolja. Biex dawn l-għanijiet jintlaħqu, jeħtieġ li t-tagħlim jiġi organizzat u pprovdut b’mod differenti minn qabel meta għadd żgħir biss kellhom aċċess għalih. Hemm bżonn ta’ modi ġodda kif l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaħdmu biex iżidu l-kwalità u l-aċċessibbiltà sabiex ikun jista’ jintlaħaq kulħadd;

5.

huwa tal-fehma li l-isfida prinċipali – li hija riflessa wkoll fid-dokument tal-Kummissjoni – hija li biex jintlaħaq kulħadd, jeħtieġ li l-iskejjel jibdew jaħdmu b’mod ġdid. Permezz ta’ edukazzjoni ta’ kwalità tajba li tibda minn sistema edukattiva għal qabel l-età tal-iskola li tkun żviluppata tajjeb, minn età żgħira ħafna l-kurżità u l-kilba tat-tfal għat-tagħlim jistgħu joħorġu fid-dieher u jissaħħu. Għall-promozzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja, hemm bżonn iżjed minn sempliċement opportunitajiet ta’ edukazzjoni, edukazzjoni kontinwa u l-possibbiltà li wieħed ikun jista’ jibdel il-karriera tiegħu tul ħajtu kollha; hemm bżonn ukoll li t-tfal u ż-żgħażagħ ikollhom attitudni pożittiva għat-tagħlim, li tirrappreżenta l-ewwel pass lejn it-tagħlim tul il-ħajja;

6.

huwa tal-fehma li l-aċċess għall-università għandu jsir iżjed demokratiku, b’mod li l-universitajiet ikunu aċċessibbli għall-ikbar numru ta’ individwi possibbli. Barra minn hekk, is-suq futur tax-xogħol ser ikollu esiġenzi ġodda, li jfisser li għandhom jitkomplew u jissaħħu l-isforzi bil-għan li jkun hemm rabta aktar b’saħħitha bejn il-ħiliet u l-impjiegi disponibbli, fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri u l-livell lokali u reġjonali. Għalhekk, huwa importanti li jingħaqdu flimkien l-inizjattivi differenti meħudin fil-qafas tal-Istrateġija 2020 u li jkun ċar li l-prijoritajiet tal-programm ta’ taħriġ jappoġġjaw l-inizjattivi rilevanti kollha (1);

7.

huwa tal-fehma li tinħtieġ firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ biex ikun jista’ jintlaħaq kulħadd. Insemmu bħala eżempju l-użu sħiħ tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT), l-istabbilimenti tal-edukazzjoni għolja li jistgħu jilħqu gruppi mmirati fuq skala wiesgħa, il-promozzjoni tal-edukazzjoni informali u mhux formali għaż-żgħażagħ u l-adulti bil-għan li jiġi ffaċilitat id-dħul mill-ġdid tagħhom fit-tagħlim, eċċ. filwaqt li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa li jiżguraw li l-edukazzjoni tintemm u t-tagħlim tul il-ħajja jiġi faċilitat;

Ir-responsabbiltà lokali u reġjonali

8.

josserva li l-livell lokali u reġjonali għandu rwol ewlieni x’jaqdi fl-implimentazzjoni kemm tal-programmi ta’ edukazzjoni tal-UE kif ukoll ta’ inizjattivi Ewropej relatati. Fil-fatt, f’bosta pajjiżi Ewropej, huma l-awtoritajiet lokali u reġjonali li għandhom ir-responsabbiltà għall-edukazzjoni ġenerali u vokazzjonali fil-livell primarju u sekondarju u t-tagħlim tal-adulti;

9.

josserva li l-livell lokali u reġjonali jaqdi rwol ta’ koordinatur għall-iżvilupp u t-tkabbir fil-livell lokali u reġjonali, u għalhekk hemm l-interess li jiżviluppa wkoll il-ħiliet tal-forza tax-xogħol. Huwa fil-livell lokali u reġjonali li naraw bl-iżjed mod bikri u ċar il-ħtiġijiet ġodda marbuta mal-ħiliet fis-suq tax-xogħol u fejn nistgħu nimplimentaw proċedura ta’ “tqabbil” li tinvolvi t-tagħlim kontinwu tal-individwu;

10.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, illum il-ġurnata, f’bosta postijiet jeżistu sħubijiet lokali u reġjonali għall-innovazzjoni u l-għarfien fejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-intrapriżi lokali, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, l-istabbilimenti tal-edukazzjoni għolja u entitajiet oħra li jipprovdu t-tagħlim jiżviluppaw tipi differenti ta’ kooperazzjoni. Sħubijiet ta’ din ix-xorta jistgħu jikkontribwixxu b’mod li l-programmi edukattivi jirriflettu l-ħtiġijiet tas-soċjetà u d-dinja tax-xogħol kif ukoll il-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni li qed jiffaċċjaw sfidi simili. Għalhekk, l-aġenziji nazzjonali għandhom iħabirku biex jikkooperaw ma’ dawn is-sħubijiet għall-implimentazzjoni tal-programmi ta’ edukazzjoni tal-UE minħabba li tali sħubijiet huma ta’ importanza strateġika peress li jinkoraġġixxu kooperazzjoni transkonfinali u t-trasferiment tal-għarfien bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

11.

josserva li raġuni oħra għalfejn għandha tiġi żgurata l-parteċipazzjoni lokali u reġjonali fil-programmi tal-edukazzjoni hija li jeżisti aspett demokratiku importanti, jiġifieri l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni, tkabbir u l-opportunità ta’ appartenenza fis-soċjetà demokratika;

12.

jinnota li l-livell lokali u reġjonali huwa wkoll il-livell li għandu l-iżjed impatt fuq il-barranin li għadhom jaslu u li jappoġġja l-integrazzjoni tagħhom fil-pajjiż ospitanti. F’dan ir-rigward, it-tagħlim jaqdi rwol deċiżiv, kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti. Is-sitwazzjoni tista’ tvarja bil-bosta fi ħdan l-istess pajjiż;

Kummenti ġenerali dwar il-programm propost

13.

josserva li l-programm tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ – Erasmus għal kulħadd – għandu l-għan li, permezz tal-internazzjonalizzazzjoni, itejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni u t-tagħlim, filwaqt li fl-istess ħin jippromovi d-dimensjoni Ewropea. Il-Kumitat tar-Reġjuni japprova dan l-għan globali u huwa tal-fehma li l-proposta tal-Kummissjoni għandha bażi tajba biex tkun tista’ twettaq bidliet konkreti. Żieda fl-iskambji twassal għal aktar tixrid tal-ideat siewja u l-prattiki tajbin u ssaħħaħ ir-riformi meħtieġa għal sistemi edukattivi moderni;

14.

huwa tal-fehma li l-programm jista’ jikkontribwixxi b’mod sostanzjali ħafna fil-qafas tal-isforzi li jittieħdu bil-għan li jiġu mobilizzati l-atturi involuti bil-għan li jitħaffef il-pass tat-tibdil fis-sistema edukattiva u l-mod ta’ ħidma maż-żgħażagħ, bil-għan li jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet tal-ekonomija l-ġdida tal-għarfien u għall-ambizzjonijiet tal-Unjoni biex jiġu żgurati l-parteċipazzjoni u r-responsabbiltà tal-individwi fis-soċjetà;

15.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-perjodi ta’ edukazzjoni ġenerali, taħriġ vokazzjonali u esperjenzi prattiċi barra mill-pajjiż huma metodi partikolarment effettivi li jagħmluha possibbli li l-individwi jiżviluppaw u huma sors ta’ esperjenzi siewja għat-tkomplija tal-edukazzjoni u l-ħajja tax-xogħol. Permezz tal-użu tal-ħiliet tagħhom f’ambjent ġdid, jiġu żviluppati wkoll fl-istess ħin il-ħiliet speċifiċi u ġenerali tagħhom u l-awtonomija u l-kapaċità ta’ komunikazzjoni tagħhom;

16.

huwa konvint li, f’dawn iż-żminijiet meta l-globalizzazzjoni qed tavvanza b’mod dejjem aktar rapidu u l-oqsma kollha tal-ħajja u x-xogħol qed jintrabtu dejjem aktar flimkien fil-livell transkonfinali, il-ħiliet interkulturali, l-għarfien tal-lingwi u l-għarfien internazzjonali qed isiru dejjem aktar importanti;

17.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-mobbiltà għal finijiet edukattivi u l-proġetti internazzjonali jgħinu liż-żgħażagħ jiksbu fehim aktar fil-fond tal-identità Ewropea u taċ-ċittadinanza Ewropea u jgħinu fil-ġlieda kontra l-ksenofobija;

18.

itenni t-twemmin tiegħu li jridu jittieħdu miżuri speċifiċi biex jiġi assigurat aċċess ugwali għall-mobbiltà għall-gruppi mmirati kollha indirizzati mill-programm, irrispettivament minn fejn jinsab ir-reġjun li jiġu minnu (2), u mhux l-anqas għal dawk li jgħixu f’żoni b’popolazzjoni baxxa, fil-gżejjer, fir-reġjuni muntanjużi u fir-reġjuni ultraperiferiċi;

19.

huwa tal-fehma li jekk jirnexxilna negħlbu l-isfidi l-kbar fil-livell lokali u reġjonali, l-individwi jkunu lesti għal ġejjieni kkaratterizzat minn tibdil kostanti. Ikollhom l-għodod meħtieġa għat-tagħlim tul il-ħajja, u jkun hemm għadd ikbar ta’ persuni li jispiċċaw l-istudji li jkunu bdew, ikomplu bl-edukazzjoni għolja u jikkunsidraw il-possibbiltà li jwettqu parti mill-edukazzjoni tagħhom fi nħawi differenti tal-Ewropa u wkoll jikkunsidraw l-Ewropa kollha bħala suq tax-xogħol potenzjali;

L-għanijiet differenti u r-rwol importanti tal-edukazzjoni

20.

japprova bis-sħiħ l-għan li jittejbu l-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenzi tal-individwi bil-għan li jkollhom aċċess iżjed faċli għas-suq tax-xogħol u jżidu l-impjegabbiltà tagħhom. Fl-istess ħin, il-Kumitat josserva li l-għan tal-edukazzjoni mhuwiex biss li ttejjeb l-impjegabbiltà; l-għan prinċipali tagħha għandu jkun li tiżviluppa l-personalità sħiħa tal-individwu. Jenfasizza wkoll l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja u għalhekk jisħaq li l-programm għandu jappoġġja bl-istess mod lill-gruppi ta’ età kollha u t-tipi ta’ tagħlim kollha;

21.

jenfasizza wkoll li l-edukazzjoni għandha tistimola l-kreattività u l-potenzjal għall-innovazzjoni tal-individwi, u ssaħħaħhom kemm intellettwalment kif ukoll soċjalment. Huwa faċli li, fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika u livell għoli ta’ qgħad, issir enfasi iżjed bil-qawwa fuq ir-rwol tal-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-impjegabbiltà. Huwa jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, anke fi żminijiet ta’ kriżi, hemm bżonn li jiġi garantit żvilupp tajjeb fit-tul għal Ewropa tal-ġejjieni iżjed b’saħħitha. Għalhekk, jeħtieġ li nippromovu edukazzjoni inklużiva li jkollha l-għan li tqis l-individwu kollu kemm hu u tiżviluppa sistemi ta’ tagħlim tul il-ħajja;

22.

jisħaq fuq l-importanza li t-taħriġ vokazzjonali jiġi kkunsidrat b’mod ċar bħala parti mit-tagħlim tul il-ħajja. Għalhekk, il-kunċetti ta’ għarfien u edukazzjoni jsiru elementi importanti u, dan ifisser li fil-ħajja tax-xogħol tal-lum hemm esiġenzi ikbar, pereżempju l-għarfien tal-lingwi. Huwa importanti nfakkru li l-qasam tat-taħriġ vokazzjonali huwa wiesa’ ħafna u li jaqdi rwol ewlieni kemm rigward l-integrazzjoni tal-persuni f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni u għall-eċċellenza fi ħdan l-oqsma professjonali differenti;

23.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li wieħed mill-kompiti essenzjali tal-atturi lokali u reġjonali huwa l-promozzjoni tal-kreattività taż-żgħażagħ u l-potenzjal tagħhom għall-innovazzjoni u li jingħataw l-opportunità li jiżviluppaw intellettwalment u soċjalment. Dan huwa fattur importanti ħafna għall-emanċipazzjoni individwali u l-integrazzjoni soċjali taż-żgħażagħ. Dan jitlob ukoll miżuri li jagħmluha possibbli li ż-żgħażagħ isibu bilanċ bejn it-tagħlim, l-impjieg u l-familja;

24.

josserva li l-istabbilimenti tal-edukazzjoni għolja mhumiex biss organizzazzjonijiet għat-tagħlim iżda wkoll jagħmlu parti importanti mill-iżvilupp reġjonali u huma xprun essenzjali tal-innovazzjonijiet futuri. Dan jitlob li tiġi modernizzata l-edukazzjoni għolja. Il-fehma tal-Kumitat dwar it-tibdil fil-qasam tal-edukazzjoni għolja tressqu quddiem il-Kummissjoni fi Frar 2012 (3). Huwa importanti li jkun hemm rabta ċara bejn it-tliet aspetti tat-trijangolu tal-għarfien: l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni. Rabta ta’ din ix-xorta mhux biss issaħħaħ il-livell reġjonali iżda min-naħa tagħha tissaħħaħ ukoll minnu. Dan jitlob kooperazzjoni bejn il-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u dak tal-UE, mhux l-anqas permezz tas-sħubijiet lokali u reġjonali;

25.

huwa tal-fehma li l-edukazzjoni tal-adulti tagħti lill-individwi l-possibbiltà li jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom tul ħajjithom kollha, tappoġġja direzzjoni ġdida fil-ħajja professjonali minħabba suq tax-xogħol iżjed u iżjed flessibbli u suxxettibli għat-tibdil, u barra minn hekk tipprovdi valur miżjud sostanzjali għall-ħajja soċjali, professjonali, ċivili, kulturali u ekonomika tal-parteċipanti. Programmi tat-tagħlim għall-adulti, ibbażati fuq proċessi ta’ sħubija huma wieħed mill-iżjed mezzi importanti għaż-żieda fil-poter individwali u tal-komunitajiet lokali. Għalhekk, huwa partikolarment importanti li l-programm Ewropew tal-edukazzjoni jkun jista’ jappoġġja l-iżvilupp tal-edukazzjoni tal-adulti fl-Istati Membri u r-reġjuni;

Kummenti speċifiċi dwar il-proposta

Bażi fit-trattat u s-sussidjarjetà

26.

jaqbel mal-Kummissjoni meta tgħid li l-programm propost huwa bbażat fuq l-għanijiet stabbiliti fl-Artikoli 165 u 166 tat-TFUE u li għandu jiġi implimentat b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Għalhekk, huwa tal-ikbar importanza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali u dawk responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet jipparteċipaw fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-miżuri mressqa. B’konformità mal-Artikolu 174 dwar il-koeżjoni territorjali, jisħaq fuq il-ħtieġa li jitqiesu bis-sħiħ id-differenzi reġjonali fl-Unjoni u l-fatt li l-kundizzjonijiet biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 huma differenti minn reġjun għal ieħor;

Struttura tal-programm

27.

jenfasizza li l-attivitajiet individwali inklużi fit-tliet inizjattivi ewlenin (mobbiltà, kooperazzjoni istituzzjonali u żvilupp tal-politiki) għandhom jiġu organizzati b’mod li jinħolqu opportunitajiet tajbin għall-parteċipazzjoni tal-gruppi mmirati kollha biex jintlaħqu l-għanijiet tal-programm. L-istruttura proposta għandha timmira li tiffaċilita kooperazzjoni transsettorjali iktar mill-qrib u li jkun hemm żieda fit-tixrid tal-prattiki u r-riżultati tajbin b’mod iżjed adegwat milli sar fil-programm preċedenti, li kien iffokat fuq il-gruppi mmirati. Madankollu, il-Kumitat jinnota li l-ispeċifiċitajiet tat-tagħlim extrakurrikulari u t-tagħlim informali għaż-żgħażagħ għandhom bżonn jitqiesu aktar, u għaldaqstant jipproponi ż-żieda ta’ kapitolu separat għaż-Żgħażagħ, kif inhu l-każ għall-Isport;

28.

jinnota li huwa importanti immens li fil-programm il-ġdid jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet ta’ appoġġ għall-gruppi mmirati differenti, bil-għan li dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw. Programm koerenti jkun iżjed faċli u trasparenti għall-applikanti. Madankollu, huwa importanti li l-attivitajiet jiġu organizzati b’mod li jkunu jistgħu jiġu implimentati bl-iżjed mod rilevanti għal kull grupp immirati. Japplikaw kundizzjonijiet differenti għall-parteċipazzjoni fil-mobbiltà u l-proġetti kollaborattivi, skont liema forma ta’ tagħlim jew ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ ikunu qed jieħdu sehem fiha l-parteċipanti. Għandhom jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet ta’ dawn il-gruppi mmirati differenti rigward l-informazzjoni, il-proċeduri relatati mal-applikazzjoni, ir-regoli baġitarji u l-kriterji tal-attivitajiet, pereżempju billi tiġi allokata parti mill-fondi għall-parteċipazzjoni tal-gruppi mmirati differenti, jinħolqu strutturi speċjali għall-gruppi mmirati differenti, jiġu introdotti attivitajiet li huma partikolarment rilevanti għal ċerti gruppi mmirati, eċċ. Huwa importanti wkoll li jkunu jistgħu jipparteċipaw organizzazzjonijiet żgħar. Dawn jinvolvu l-iżjed l-iskejjel, il-qasam taż-żgħażagħ u t-tagħlim tal-adulti. Il-Kumitat jappoġġja b’mod partikolari miżuri li jippromovu l-parteċipazzjoni ta’ persuni żvantaġġati;

29.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-għan espliċitu li l-programm ikun iżjed effettiv u faċli, b’mod partikolari għall-utenti. Huwa tal-ikbar importanza li s-semplifikazzjonijiet amministrattivi jibbenefikaw lill-utenti;

30.

jista’ jara l-vantaġġi tal-kooperazzjoni istituzzjonali, anke fir-rigward tal-proġetti tal-mobbiltà. Meta l-mobbiltà sseħħ fi ħdan qafas istituzzjonali, jista’ jkun hemm kundizzjonijiet aħjar għal kwalità tajba u impatt iżjed sostnut u strateġiku. Dan jista’ jagħmilha wkoll iżjed faċli għall-individwi, pereżempju permezz tas-semplifikazzjoni tal-akkreditazzjoni. Madankollu, huwa importanti li t-tfassil ta’ dan il-qafas istituzzjonali jqis it-tipi kollha tal-organizzazzjonijiet li jipparteċipaw fil-programm;

31.

huwa tal-fehma li hemm bżonn li, bl-iżjed mod wiesa’ possibbli, fil-ħidma marbuta mal-proġetti fil-qasam tal-mobbiltà il-qagħda tal-preparattivi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali tagħmilha possibbli li tappoġġja l-kontinwazzjoni tal-mobbiltà anke wara li jitlesta l-proġett, b’mod li l-istrutturi u l-kuntatti li nbdew mill-proġett jinżammu. Il-proġetti għandhom jikkontribwixxu għat-tneħħija tal-ostakli u jistimulaw skambju permanenti, sabiex il-mobbiltà ssir parti mill-attivitajiet regolari wara li jintemm il-proġett;

32.

jemmen li huwa importanti li l-forom ta’ finanzjament tal-istudji eżistenti fil-pajjiżi jagħmluha possibbli li parti mill-edukazzjoni ssir fi Stati Membri oħra;

33.

ħa nota tal-proposta tal-Kummissjoni li, bil-kooperazzjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment, tinħoloq sistema Ewropea ta’ self għall-istudenti, li tikkomplementa s-sistemi eżistenti fl-Istati Membri; jisħaq li dan is-self ma għandux iwassal għall-kummerċjalizzazzjoni tal-mobbiltà u jistaqsi jekk huwiex għaqli li l-programm jappoġġja l-iżjed dan il-grupp, fid-dawl tal-fatt li l-ispejjeż tal-garanzija huma konsiderevoli u l-bżonnijiet ivarjaw ħafna minn pajjiż għal ieħor;

34.

jenfasizza, fir-rigward tal-kooperazzjoni fil-qasam tat-tfassil tal-politiki, il-bżonn ta’ pjattaformi għad-djalogu, flimkien ma’ partijiet interessati importanti kemm fi ħdan il-qasam tal-edukazzjoni kif ukoll fis-settur tan-negozju, u l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-programm;

Edukazzjoni informali u mhux formali – iż-Żgħażagħ u l-isport

35.

huwa tal-fehma li huwa importanti li l-mobbiltà tkun possibbli fis-sitwazzjonijiet kollha ta’ tagħlim. Dan l-approċċ ser jiġi implimentat, fost l-oħrajn, billi tiġi enfasizzata l-importanza tal-forom kollha ta’ tagħlim, inkluż dak formali, informali u mhux formali. Il-Kumitat jieħu nota tal-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tinkludi l-forom kollha ta’ tagħlim fi ħdan l-istess programm. Madankollu jenfasizza li, minħabba li l-organizzazzjoni tat-tagħlim informali u mhux formali barra mill-istituzzjonijiet edukattivi għandu rekwiżiti totalment differenti, dan għandu jiġi rifless b’mod adegwat fl-istruttura tal-programm. F’dan il-kuntest, jenfasizza l-importanza tal-miżuri li jispiraw u jinkoraġġixxu s-sens ta’ inizjattiva fost iż-żgħażagħ;

36.

huwa favur b’mod partikolari miżuri li jippromovu l-parteċipazzjoni ta’ persuni żvantaġġati; sabiex jippromovi l-inklużjoni soċjali, sports għad-dilettanti, volontarjat, opportunitajiet indaqs u attività fiżika li ttejjeb is-saħħa permezz taż-żieda fil-parteċipazzjoni fl-isport, b’enfasi fuq gruppi żvantaġġati bħal persuni bi bżonnijiet speċjali intellettwali jew fiżiċi;

37.

huwa tal-fehma li l-istruttura tal-programm tista’ tkun utli għat-tipi kollha ta’ tagħlim. Huwa jenfasizza l-importanza li jkun possibbli li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jipparteċipaw fit-tfassil tal-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-proġett sabiex il-partijiet li huma problematiċi fil-kuntest lokali jkunu jistgħu jinbidlu bl-aħjar mod possibbli;

38.

huwa tal-fehma li l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni permezz ta’ organizzazzjonijiet iżgħar u kooperazzjoni fuq skala iżgħar hija eżempju ta’ qasam li għandu bżonn jinbidel u jiġi ċċarat, u dan huwa rilevanti l-iżjed għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-istabbilimenti tal-edukazzjoni tal-adulti, iżda wkoll, f’għadd ta’ każijiet, għall-iskejjel u l-kindergartens;

39.

jiġbed l-attenzjoni għall-firxa wiesgħa ta’ tagħlim informali u mhux formali li jsir fl-isport. Hemm ukoll kwistjonijiet speċifiċi għall-isport, u li huma partikolarment riflessi fil-kooperazzjoni fil-qasam tal-politika, bħall-ġlieda kontra d-doping, il-vjolenza u r-razziżmu, kif ukoll appoġġ lill-organizzazzjonijiet sportivi li jaħdmu tajjeb.

40.

jagħraf ir-riżultati pożittivi ħafna tal-miżuri ta’ appoġġ għall-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ fil-programm attwali “Żgħażagħ fl-Azzjoni” b’mod partikolari d-djalogu strutturat u s-seminars taż-żgħażagħ dwar il-kwistjonijiet soċjali, kulturali u politiċi li jolqtu liż-żgħażagħ; jenfasizza kemm huma importanti u jitlob li dawn ikomplu għaddejjin u jiġu żviluppati aktar fil-qafas tal-ġenerazzjoni li jmiss tal-programm;

41.

għalhekk, huwa tal-fehma li bħala parti mill-edukazzjoni informali u mhux formali, il-programm għandu jippromovi bil-bosta l-mobbiltà għall-mexxejja u l-edukaturi fuq il-bażi ta’ standards li dwarhom intlaħaq ftehim komuni u abbażi ta’ rikonoxximent reċiproku bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri;

42.

jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll l-appoġġ għal proġetti ta’ kollaborazzjoni transnazzjonali f’termini ta’ miri għall-isport u jqis li l-opportunità għal proġetti transkonfinali fl-oqsma kollha koperti mill-programm hija element essenzjali mill-valur miżjud Ewropew tiegħu;

43.

jilqa’ b’sodisfazzjon is-semplifikazzjoni introdotta anke rigward id-dimensjoni internazzjonali; jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa għal appoġġ fil-bini tal-kapaċità fil-pajjiżi terzi, inklużi pajjiżi tat-tkabbir; madankollu, jenfasizza li l-istrumenti finanzjarji tal-UE maħsuba għall-kooperazzjoni esterna jridu jintużaw b’mod sħiħ;

Kwistjonijiet baġitarji

44.

jappoġġja bis-sħiħ iż-żieda baġitarja proposta għall-programm. L-iskala tal-baġit ser tagħti xhieda tal-importanza li l-Kummissjoni tagħti liż-żieda fil-kwalità tal-edukazzjoni, li hija fattur deċiżiv fir-rigward ta’ kemm l-UE tista’ tilħaq l-għanijiet orizzontali tagħha b’mod tajjeb. It-tqassim tal-fondi fost is-setturi differenti tal-edukazzjoni u l-qasam taż-żgħażagħ għandu jsir b’mod li l-oqsma kollha jibbenefikaw miż-żidiet baġitarji;

45.

jemmen li l-fondi tal-UE għandhom jintużaw b’mod effiċjenti, bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-programm. Huwa tal-fehma li hemm bżonn ta’ opportunitajiet biex il-fondi jiġu allokati f’oqsma fejn l-iżjed huma utli u jintużaw bl-aqwa mod possibbli, fuq il-bażi ta’ kriterji kwantitattivi u kwalitattivi trasparenti. Għaldaqstant jenfasizza li l-monitoraġġ regolari tal-programm fil-livelli kollha huwa meħtieġ biex jiġi deċiż kif għandu jsir it-tqassim tal-fondi. Barra minn hekk, huwa importanti li titqies il-perspettiva lokali u reġjonali tat-tqassim mill-ġdid, sabiex jiġi kkunsidrat it-tqassim mill-ġdid fi ħdan pajjiż partikolari. Huwa importanti wkoll li jkun hemm opportunitajiet għat-tqassim mill-ġdid tal-fondi fi ħdan Stat Membru, sabiex ikunu jistgħu jintużaw bl-iżjed mod effettiv possibbli skont iċ-ċirkustanzi lokali u reġjonali;

46.

huwa tal-fehma li l-istruttura tal-agenziji nazzjonali għandha titħalla f’idejn l-Istati Membri, peress li l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-azzjonijiet deċentralizzati tal-programm fil-livell nazzjonali hija l-kompetenza tal-Istati Membri;

47.

f’dan il-kuntest, huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tispjega kif beħsiebha tkejjel l-effettività tiegħu u liema indikaturi ser jintużaw għal dan l-iskop f’biżżejjed żmien qabel ma jiġi introdott il-programm. L-indikaturi u l-kriterji relatati għandhom jiġu ċċarati bil-quddiem sabiex l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-parteċipanti jkollhom l-informazzjoni kollha meħtieġa. Fil-fehma tal-Kumitat, dawn l-indikaturi għandhom jinvolvu elementi kwantitattivi u kwalitattivi;

48.

jieħu nota tal-fehma tal-Kummissjoni li wħud minn dawn l-attivitajiet li qabel kienu jagħmlu parti mill-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja għandhom fil-ġejjieni jiġu pprovduti permezz tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Sabiex dan jirnexxi, huwa importanti li r-regoli tal-FSE jippermettu dan, u li l-Istati Membri u r-rappreżentanti lokali u reġjonali jkunu konxji ta’ dan it-tibdil u japprovawh;

49.

huwa tal-fehma li l-obbligi amministrattivi u ta’ kontabilità għandhom ikunu proporzjonali għad-daqs tal-konċessjoni. Il-proġetti fuq skala iżjed żgħira ma għandhomx ikunu soġġetti għal kontrolli eżawrjenti u li jinvolvu ħafna ħidma bħalma jitolbu proġetti ikbar;

50.

josserva fl-istess ħin li l-kundizzjonijiet u l-kapaċità relatati mal-parteċipazzjoni fil-programm ivarjaw, u dan jista’ jkollu impatt fuq l-ispejjeż. Dan jista’ jintrabat, pereżempju, ma’ nuqqas ta’ familjarità mal-istudji, id-diżabbiltà, il-possibbiltà li jiġu koperti l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u dawk tas-sussistenza jew kundizzjonijiet reġjonali varji;

Kompetenzi ewlenin bħala bażi

51.

huwa tal-fehma li, sabiex titkompla l-ħidma, huwa importanti ħafna li l-proposta tal-Kummissjoni jkollha t-tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd fil-qalba tagħha, u jenfasizza l-importanza li kulħadd jingħata ċ-ċans jikseb il-ħiliet bażiċi deskritti fir-rakkomandazzjoni dwar il-kompetenzi ewlenin (4);

52.

Il-punt tat-tluq tal-programm għandu jkun li jiġu appoġġjati l-isforzi ta’ kulħadd biex jiksbu dawn il-kompetenzi ewlenin. Dan ifisser li t-tfal u l-għalliema fl-iskejjel, iż-żgħażagħ li mhumiex involuti fl-edukazzjoni formali, u l-adulti li jixtiequ tagħlim addizzjonali jew kontinwu huma lkoll gruppi mmirati;

Konklużjonijiet

Żieda fl-isforzi favur intervent bikri u t-tixrid tal-informazzjoni

53.

ifakkar f’opinjoni preċedenti tal-KtR (5) li fiha enfasizza li r-rieda li wieħed isiefer għal skopijiet edukattivi għandha titħeġġeġ minn stadju bikri. It-tfal u ż-żgħażagħ għandhom jiġu motivati minn età żgħira biex jieħdu interess f’kulturi oħra, u jingħataw l-opportunità jaraw il-vantaġġi li jitgħallmu minn xulxin. Meta jkun hemm kuntatt bikri mal-programmi Ewropej, jiġu ffaċilitati r-rieda u l-abbiltà li dak li jkun jistudja u jaħdem barra minn pajjiżu, u dan il-fatt jippromovi suq tax-xogħol komuni, tkabbir u ċittadinanza Ewropea. Josserva li t-tfal iż-żgħar jitgħallmu l-lingwi barranin b’mod iżjed faċli u effettiv;

54.

fil-fehma tal-Kumitat, waħda mill-kwistjonijiet prijoritarji marbuta mal-iżvilupp – u qasam li fih il-programm jista’ jkollu importanza primordjali – hija l-integrazzjoni soċjali. Il-persuni kkonċernati jirrappreżentaw gruppi kbar u eteroġeni ta’ studenti li għandhom bżonn tipi differenti ta’ appoġġ minħabba diffikultajiet marbutin mat-tagħlim, vulnerabbiltà soċjali u esklużjoni u studenti li jaslu f’pajjiżi u kulturi li huma ġodda għalihom. Illum, grupp kbir ta’ żgħażagħ qed iwaqqfu jew jabbandunaw l-edukazzjoni obbligatorja b’nuqqasijiet fil-ħiliet bażiċi. Għandu jkun possibbli li jiġu sostnuti l-iżvilupp metodoloġiku u t-trasferiment tal-kapaċitajiet bil-għan li jiġu appoġġjati dawk responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali f’dan il-qasam;

55.

jenfasizza li, f’dan il-kuntest, li jintlaħqu l-gruppi tal-popolazzjoni li mhumiex imdorrijin bl-istudju u għandhom diffikultajiet ekonomiċi hija sfida enormi, li tenfasizza l-importanza li l-proġetti Ewropej jiġu implimentati fl-iskejjel tal-primarja u l-kindergartens. B’hekk ikunu jistgħu jintlaħqu t-tfal tal-iskola kollha u l-programm ikun jista’ jaqdi l-funzjoni ta’ kumpens tiegħu u jsaħħaħ id-dimensjoni Ewropea;

56.

jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-importanza li jiġu involuti persuni bi rwol strateġiku u persuni li huma f’pożizzjoni li jxerrdu l-informazzjoni u l-prattiki tajbin. Dawn jistgħu jkunu għalliema, edukaturi, animaturi tal-gruppi taż-żgħażagħ, konsulenti rigward karriera, persuni li ħadu sehem f’attivitajiet ta’ mobbiltà, kapijiet ta’ skejjel u dawk responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet. Dawn jaqdu lkoll rwol deċiżiv biex iħeġġu l-mobbiltà, u għalhekk il-Kumitat huwa tal-fehma li għandhom jissemmew b’mod ċar;

57.

għandu esperjenzi tajbin ta’ wħud mill-programmi preċedenti, bħall-Comenius Regio, li jagħmlu possibbli l-parteċipazzjoni ta’ stabbilimenti oħra minbarra dawk edukattivi li jaħdmu biex iħeġġu l-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni fil-livell lokali u reġjonali. Il-parteċipanti msieħba jistgħu jikkooperaw fi kwistjonijiet ta’ interess komuni, jaqsmu l-esperjenzi u jiżviluppaw strutturi ta’ kooperazzjoni;

Gruppi mmirati u orjentazzjonijiet prijoritarji

58.

huwa tal-fehma li għandu jsir monitoraġġ regolari tal-programm fil-livelli kollha, biex jiġi żgurat li jkun qed jappoġġja l-għanijiet ġenerali. Fl-istess ħin, fil-ġenerazzjoni l-ġdida tal-programmi għandu jkun possibbli wkoll li jiġu appoġġjati miżuri li diffiċilment titkejjel l-effettività tagħhom jew li jistgħu jitkejlu biss fuq perjodu ta’ żmien li hu itwal mill-iskadenza tal-programm, iżda li għalihom jeżistu indikaturi oħra tal-valur tagħhom. Pereżempju, permezz tar-riċerka nafu tajjeb l-importanza li l-implimentazzjoni ssir fi żmien bikri, u fil-fehma tagħna dan jista’ jiġi applikat ukoll għall-promozzjoni tad-dimensjoni Ewropea;

59.

għandu ċerti riżervi fil-konfront tal-baġit attwali, li huwa ffukat iżżejjed fuq il-proġetti tal-mobbiltà, li huwa rifless ukoll f’isem il-programm. Huwa tal-fehma li huma l-proġetti ta’ kooperazzjoni u l-kooperazzjoni istituzzjonali li l-iżjed jappoġġjaw b’mod ċar it-titjib tal-kwalità fl-edukazzjoni u jagħtu l-ikbar valur miżjud Ewropew, u dan għandu jiġi rifless fil-baġit b’mod iżjed ċar. B’hekk, ikun possibbli li jiġu appoġġjati proġetti ta’ kooperazzjoni fuq skala iżgħar, li huma iżjed adatti għal ċerti gruppi mmirati jew li jistgħu jikkostitwixxu l-ewwel pass lejn proġett ta’ kooperazzjoni fuq skala ikbar;

60.

huwa tal-fehma li l-isfidi deskritti fl-introduzzjoni huma riflessi tajjeb fil-viżjoni ppreżentata mill-Kummissjoni fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tagħha, iżda fit-tqassim propost tal-baġit mhumiex riflessi bl-istess ċarezza. Għall-kuntrarju, hemm enfasi partikolari fuq finanzjament sostanzjali tal-proġetti u l-mobbiltà fi ħdan l-istabbilimenti tal-edukazzjoni għolja. Il-programmi Ewropej għandhom jappoġġjaw l-iżvilupp mixtieq u livell ogħla ta’ kwalità, li jfisser li l-għajnuna għandha tkun iżjed sostanzjali fejn l-iżjed hemm bżonnijiet u possibbiltajiet ta’ suċċess; min-naħa tiegħu, dan għandu jwassal li l-fondi jiġu allokati b’mod li jibbenefikaw biċ-ċar lill-persuni li għandhom biss probabbiltà żgħira li jkollhom aċċess għall-programmi, jiġifieri l-iskejjel, iż-żgħażagħ mhux involuti fl-edukazzjoni formali u l-adulti li qed jitgħallmu jew qed jikkompletaw l-edukazzjoni tagħhom;

61.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni li jkomplu jiġu promossi l-attivitajiet ta’ Jean Monnet fil-qasam tat-tagħlim u r-riċerka akkademika dwar l-integrazzjoni Ewropea anki fil-futur. Madanakollu huwa tal-fehma li dan l-appoġġ speċifiku m’għandux ikun limitat biss għaż-żewġ istituzzjonijiet imsemmija fil-proposta tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kumitat jenfasizza l-fatt li hemm bżonn li jkomplu jiġu kkunsidrati iktar is-sitt istituzzjonijiet ta’ tagħlim superjuri li huma appoġġjati mill-Programm Jean Monnet 2007-2013, jiġifieri l-Akkademja tal-Liġi Ewropea, il-Kulleġġ tal-Ewropa, l-Istitut Universitarju Ewropew, iċ-Ċentru Internazzjonali għat-Taħriġ Ewropew, l-Istitut Ewropew tal-Amministrazzjoni Pubblika u l-Aġenzija Ewropea għall-Iżvilupp fl-Edukazzjoni dwar il-Ħtiġijiet Speċjali sabiex jittejbu t-tqassim ġeografiku u d-diversità kulturali ta’ dawn iċ-ċentri ta’ eċċellenza li huma ta’ interess Ewropew;

62.

jixtieq jenfasizza r-rabta stretta bejn il-prestazzjoni dgħajfa fl-iskola u l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi żvantaġġużi, li huma elementi determinanti ewlenin għal dawk iż-żgħażagħ li la huma impjegati u lanqas ma qed jirċievu tagħlim. Li dan iċ-ċiklu jispiċċa huwa sfida għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Ewropa kollha u għandu jitqies bħala wieħed mill-prijoritajiet tal-programm, li parzjalment jissodisfa l-għan edukattiv u parzjalment l-għan tal-impjieg, u li huwa wkoll appoġġjat minn għadd ta’ inizjattivi ewlenin. Il-Kumitat jixtieq li din il-perspettiva jkollha iżjed piż fit-tqassim tal-baġit;

63.

jappoġġja bis-sħiħ l-ambizzjoni tal-Kummissjoni kif indikata fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni dwar programm ġdid għall-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, fi kliem ieħor ir-rieda li jiġu inklużi bosta gruppi ta’ persuni li, f’perjodi differenti ta’ ħajjithom, jistgħu jiżviluppaw bħala individwi u jkollhom il-possibbiltà jibbenefikaw minn tagħlim ta’ kwalità għolja. Għalhekk, huwa importanti li l-komunikazzjoni dwar l-għanijiet tal-programm tkun ċara sabiex il-gruppi mmirati kollha jħossuhom involuti. Iżda, l-isem tal-programm – Erasmus għal kulħadd – jagħti l-impressjoni li l-enfasi hija prinċipalment fuq l-edukazzjoni għolja. Peress li dan ma jikkonformax mal-ambizzjoni wiesgħa espressa u bil-għan li jkunu jistgħu jintlaħqu bl-aqwa mod possibbli l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, il-Kumitat tar-Reġjuni jirrakkomanda aġġustament fil-baġit u f’isem il-programm.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

Emenda 1

Titolu

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi “ERASMUS GĦAL ”

Il-Programm tal-Unjoni għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ, iż-Żgħażagħ u l-Isport

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi “”

Il-Programm tal-Unjoni għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ, iż-Żgħażagħ u l-Isport

Raġuni

Il-konnotazzjonijiet tal-programm Erasmus attwali joħolqu rabta mill-qrib mal-edukazzjoni għolja u l-mobbiltà. Il-Programm il-ġdid tal-UE għandu ambitu ħafna aktar mifrux u t-titolu “Erasmus għal Kulħadd” jista’ joħloq impressjoni żbaljata.

Emenda 2

Preambolu

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

3.

Ir-rikonoxximent mifrux fost il-pubbliku ġenerali fl-Istati Membri u l-pajjiżi terzi parteċipanti tal-marka kummerċjali “Erasmus” bħala sinonimu tal-mobilità ta’ dawk li qed jitgħallmu fl-Unjoni jitlob għal użu aktar estensiv ta’ din il-marka mis-setturi prinċipali tal-edukazzjoni koperti mill-Programm.

Raġuni

Konsistenti mat-talba li jinbidel isem il-Programm.

Emenda 3

Preambolu

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

27.

Il-ħtieġa li jiġu stabbiliti kriterji ta’ eżekuzzjoni li fuqhom l-allokazzjoni tal-baġit bejn l-Istati Membri għall-azzjonijiet ġestiti mill-Aġenziji Nazzjonali għandha tkun ibbażata fuq l-indikaturi ta’ eżekuzzjoni stabbiliti fir-Regolament.

27.

Il-ħtieġa li jiġu stabbiliti kriterji ta’ eżekuzzjoni li fuqhom l-allokazzjoni tal-baġit bejn l-Istati Membri għall-azzjonijiet ġestiti mill-Aġenziji Nazzjonali għandha tkun ibbażata fuq l-indikaturi ta’ eżekuzzjoni stabbiliti fir-Regolament.

Raġuni

Id-diverġenzi reġjonali jista’ jkollhom impatt kbir fuq il-prestazzjoni u b’hekk jiddeterminaw l-allokazzjoni baġitarja.

Emenda 4

Preambolu

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

30.

Il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-politika ta’ Sigurtà, fil-Komunikazzjoni konġunta tagħhom dwar reazzjoni ġdida għall-Viċinat (6) li qed jinbidel iddeskrivew, b’mod partikolari, il-mira li jiffaċilitaw aktar il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi tal-Viċinat fil-mobilità tal-Unjoni u fl-azzjonijiet ta’ bini ta’ kapaċità fl-edukazzjoni għolja u l-ftuħ fil-ġejjieni tal-programm ta’ edukazzjoni għall-pajjiżi tal-Viċinat.

30.

Il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-politika ta’ Sigurtà, fil-Komunikazzjoni konġunta tagħhom dwar reazzjoni ġdida għall-Viċinat (6) li qed jinbidel iddeskrivew, b’mod partikolari, il-mira li jiffaċilitaw aktar il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi tal-Viċinat fil-mobilità tal-Unjoni u fl-azzjonijiet ta’ bini ta’ kapaċità fl-edukazzjoni għolja u l-ftuħ fil-ġejjieni tal-programm ta’ edukazzjoni għall-pajjiżi tal-Viċinat.

Raġuni

Il-Komunikazzjoni konġunta tipprevedi b’mod espliċitu għall-kooperazzjoni bejn l-iskejjel permezz tal-programm eTwinning.

Emenda 5

Preambolu

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

33.

Sabiex tiġi żgurata reazzjoni ta’ malajr għall-ħtiġijiet li jinbidlu matul il-Programm kollu, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikoluo290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet mal-kriterji tar-rendiment u mal-azzjonijiet immexxija mill-Aġenziji Nazzjonali. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fuq livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal atti ddelegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

33.

Sabiex tiġi żgurata reazzjoni ta’ malajr għall-ħtiġijiet li jinbidlu matul il-Programm kollu, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikoluo290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet mal-kriterji tar-rendiment u mal-azzjonijiet immexxija mill-Aġenziji Nazzjonali. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fuq livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal atti ddelegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Raġuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jipparteċipa wkoll fil-proċess ta’ konsultazzjonijiet, b’konformità mal-Artikolu 307 tat-TFUE.

Emenda 6

Artikolu 1.1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Dan ir-Regolament jistabbilixxi Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-Edukazzjoni, it-Taħriġ, iż-Żgħażagħ u l-Isport li jismu “Erasmus għal kulħadd” (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Programm”).

Dan ir-Regolament jistabbilixxi Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-Edukazzjoni, it-Taħriġ, iż-Żgħażagħ u l-Isport li jismu (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Programm”).

Raġuni

Konsistenti mat-talba li jinbidel isem il-Programm.

Emenda 7

Artikolu 5c

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Li jippromwovi t-tfaċċar ta’ qasam Ewropew tat-tagħlim tul il-ħajja, iħeġġeġ riformi politiki fuq livell nazzjonali, jappoġġa l-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ, li jinkludu t-tagħlim mhux formali, u jappoġġa l-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ, notevolment permezz ta’ politika ta’ kooperezzjoni mkabbra, użu aħjar ta’ għodod ta’ rikonoxximent u trasparenza u t-tixrid ta’ prattiki tajbin;

Indikatur relatat: Għadd ta’ Stati Membri li jagħmlu użu mir-riżultati tal-Metodi Miftuħa ta’ Koordinazzjoni fl-iżviluppi politiċi nazzjonali tagħhom

Li jippromwovi t-tfaċċar ta’ qasam Ewropew tat-tagħlim tul il-ħajja, iħeġġeġ riformi politiki fuq livell nazzjonali, jappoġġa l-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ, li jinkludu t-tagħlim mhux formali, u jappoġġa l-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ, notevolment permezz ta’ politika ta’ kooperezzjoni mkabbra, użu aħjar ta’ għodod ta’ rikonoxximent u trasparenza u t-tixrid ta’ prattiki tajbin;

Indikatur relatat: Għadd ta’ Stati Membri li jagħmlu użu mir-riżultati tal-Metodi Miftuħa ta’ Koordinazzjoni fl-iżviluppi politiċi nazzjonali tagħhom

Raġuni

Din hija konsistenti mad-definizzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja (Artikolu 2.1).

Emenda 8

Artikolu 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, il-Programm se jsegwi l-objettivi tiegħu permezz tat-tliet tipi ta’ azzjonijiet li ġejjin:

(a)

Mobilità tat-tagħlim tal-individwi,

(b)

Kooperazzjoni għall-innovazzjoni u prattiki tajbin,

(c)

Appoġġ għar-riforma politika.

Fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, il-Programm se jsegwi l-objettivi tiegħu permezz tat-tliet tipi ta’ azzjonijiet li ġejjin:

(a)

Mobilità tat-tagħlim tal-individwi

(b)

Kooperazzjoni għall-innovazzjoni u prattiki tajbin,

(c)

Appoġġ għar-riforma politika.

Raġuni

L-UE għandha tiggarantixxi l-aċċess għall-azzjonijiet ta’ mobbiltà għaċ-ċittadini b’termini indaqs, irrispettivament mill-pajjiż ta’ oriġini. Id-distanza enormi mill-pajjiż tillimita l-opportunitajiet għall-mobbiltà tal-istudenti mir-reġjuni l-iktar imbiegħda tal-UE. Għalhekk, hemm bżonn li jinħolqu miżuri abbażi tal-Artikolu 349 tat-TFUE biex titħeġġeġ il-mobbiltà sabiex iż-żgħażagħ kollha jkunu jistgħu jaċċessaw dawn l-azzjonijiet, li ser jirċievu 63 % tal-fondi b’termini indaqs irrispettivament minn fejn jgħixu. B’konformità mar-rapport dwar l-iktar reġjuni mbiegħda tal-Ewropa u s-suq intern: l-influwenza tal-UE fid-dinja, li nħareġ fuq talba tal-Kummissarju Barnier mis-Sur Solbes, li qabel kien il-Ministru Spanjol għall-Agrikoltura u l-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi u li kien ukoll Kummissarju, qed nagħmlu appell għar-rinfurzar tal-politiki għall-mobbiltà taż-żgħażagħ u l-istudenti universitarji billi jiġu supplementati l-fondi tal-programm Erasmus sabiex jiġu koperti l-ispejjeż addizzjonali tal-ivvjaġġar tal-istudenti mir-reġjuni l-iktar imbiegħda lejn il-belt kapitali tal-Istat Membru tagħhom u, għall-istudenti minn Stati Membri oħra li jixtiequ jmorru fuq scholarship ta’ Erasmus f’wieħed mill-istabbilimenti tal-edukazzjoni għolja tar-reġjuni l-iktar imbiegħda, bejn il-belt kapitali tal-Istat Membri konċernat u r-reġjuni l-iktar imbiegħda sabiex jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-proġetti ta’ mobbiltà għall-istudenti mir-reġjuni l-iktar imbiegħda fi stadji iktar avvanzati ta’ taħriġ u biex fil-livell nazzjonali jiġi mħeġġeġ it-tagħlim tal-lingwi u l-iskambji f’etajiet iżgħar.

Emenda 9

Artikolu 10c

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

c)

jappoġġaw l-istituzzjonijiet akkademiċi Ewropej li ġejjin, li jsegwu l-mira ta’ interess Ewropew:

(i)

l-Istitut Universitarju Ewropew ta’ Firenze;

(ii)

il-Kulleġġ tal-Ewropa (il-kampus ta’ Bruges u dak ta’ Natolin);

c)

jappoġġaw l-istituzzjonijiet akkademiċi Ewropej li ġejjin, li jsegwu l-mira ta’ interess Ewropew:

(i)

l-Istitut Universitarju Ewropew ta’ Firenze;

(ii)

il-Kulleġġ tal-Ewropa (il-kampus ta’ Bruges u dak ta’ Natolin);

Raġuni

Is-sitt istituzzjonijiet Ewropej ta’ edukazzjoni għolja appoġġjati mill-Programm Jean Monnet 2007-2013 għandhom jibqgħu jipparteċipaw sabiex tittejjeb id-distribuzzjoni ġeografika u d-diversità kulturali ta’ dawn iċ-ċentri ta’ eċċellenza Ewropej.

Emenda 10

Artikolu 16.4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-korpi pubbliċi u privati fis-setturi prinċipali tal-edukazzjoni koperti mill-Programm għandhom jużaw il-marka kummerċjali “Erasmus” għall-fini ta’ komunikazzjoni u tixrid ta’ informazzjoni marbuta mal-programm; il-marka kummerċjali għandha tkun assoċjata mas-setturi prinċipali tal-edukazzjoni li ġejjin:

“Edukazzjoni għolja Erasmus”, assoċjata ma’ kull tip ta’ edukazzjoni għolja fl-Ewropa u internazzjonalment

“Taħriġ Erasmus”, assoċjat mal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali u tagħlim tal-adulti

“Skejjel Erasmus”, assoċjati mal-edukazzjoni fl-iskola

“Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ Erasmus”, assoċjata mat-tagħlim mhux formali taż-żgħażagħ.

Il-korpi pubbliċi u privati fis-setturi prinċipali tal-edukazzjoni koperti mill-Programm għandhom jużaw il-marka kummerċjali “Erasmus” għall-fini ta’ komunikazzjoni u tixrid ta’ informazzjoni marbuta mal-programm; il-marka kummerċjali għandha tkun assoċjata mas-setturi prinċipali tal-edukazzjoni li ġejjin:

“Edukazzjoni għolja ”, assoċjata ma’ kull tip ta’ edukazzjoni għolja fl-Ewropa u internazzjonalment

“Taħriġ ”, assoċjat mal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali u tagħlim tal-adulti

“kejjel ”, assoċjati mal-edukazzjoni fl-iskola

“Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ ”, assoċjata mat-tagħlim mhux formali taż-żgħażagħ.

Raġuni

Konsistenti mat-talba li jinbidel isem il-Programm.

Emenda 11

Artikolu 18.3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-Programm għandu jappoġġa l-kooperazzjoni mal-imsieħba minn pajjiżi terzi, notevolment imsieħba minn pajiiżi tal-viċinat, f’azzjonijiet u attivitajiet kif imsemmija fl-Artikolio6 u 10.

Il-Programm għandu jappoġġa l-kooperazzjoni mal-imsieħba minn pajjiżi terzi, notevolment imsieħba minn pajiiżi tal-viċinat, f’azzjonijiet u attivitajiet kif imsemmija fl-Artikolio6 10 .

Raġuni

Biex ikun possibbli li msieħba minn pajjiżi ġirien jipparteċipaw fl-attivitajiet sportivi.

Brussell, 4 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  F’dan il-kuntest, l-iżjed inizjattivi ewlenin rilevanti fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 huma: “Żgħażagħ attivi”, “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi”, “Unjoni għall-innovazzjoni” u “Strateġija diġitali għall-Ewropa”.

(2)  CdR 290/2011 fin.

(3)  CdR 290/2011.

(4)  Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (2006/962/KE).

(5)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-Green Paper dwar il-promozzjoni tal-mobilità taż-żgħażagħ għal finijiet edukattivi”, CdR 246/2009 fin.

(6)  COM(2011) 303 final, 25.5.2011.