27.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 225/211


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “In-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej”

2012/C 225/16

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li tfassal Proposta għal Regolament dwar linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej;

jenfasizza li l-prijoritajiet stabbiliti f’dan id-dokument – netwerks ta’ veloċità għolja, servizzi pubbliċi transkonfinali, aċċess għall-informazzjoni tas-settur pubbliku (ISP) u għas-servizzi multilingwi, sikurezza u sigurtà u servizzi intelliġenti ta’ enerġija – huma kollha oqsma li fihom il-bliet u r-reġjuni huma fl-istess waqt atturi, provvedituri u benefiċjarji;

jagħraf l-importanza tan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej għall-kompetittività internazzjonali u l-iżvilupp sostenibbli tal-UE u jenfasizza li l-iskambju tal-esperjenzi u tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u reġjuni oħrajn għandu jiġi intensifikat;

jinnota l-potenzjal tal-qafas il-ġdid għall-finanzjament li jagħti kontribut kbir sabiex tingħeleb il-firda diġitali u jitwettqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, filwaqt li jiġu sodisfatti wħud mill-bżonnijiet ewlenin taċ-ċittadini Ewropej fil-qasam soċjali, kulturali u ekonomiku;

jenfasizza li konnessjonijiet ta’ komunikazzjoni veloċi u affidabbli mil-lat operattiv, flimkien ma’ servizzi mobbli effiċjenti mingħajr fili, jaqdu rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-kompetittività reġjonali, l-aċċessibbiltà u l-ugwaljanza bejn in-nies u jfakkar li infrastruttura effettiva tas-soċjetà tal-informazzjoni għandha tiġi ggarantita lill-membri kollha tal-popolazzjoni irrispettivament minn fejn jgħixu.

Relatur

Alin-Adrian NICA (RO/ALDE), Sindku ta’ Dudeștii Noi

Dokument ta’ referenza

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej u li jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE

COM(2011) 657 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-fehma tal-Kumitat tar-Reġjuni

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li tfassal Proposta għal Regolament dwar linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej;

2.

jenfasizza li l-prijoritajiet stabbiliti f’dan id-dokument – netwerks ta’ veloċità għolja, servizzi pubbliċi transkonfinali, aċċess għall-informazzjoni tas-settur pubbliku (ISP) u għas-servizzi multilingwi, sikurezza u sigurtà u servizzi intelliġenti ta’ enerġija – huma kollha oqsma li fihom il-bliet u r-reġjuni huma fl-istess waqt atturi, provvedituri u benefiċjarji;

3.

jinnota r-rwol ewlieni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni ta’ djalogu infurmat mal-pubbliku ġenerali, fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet ta’ tħassib pubbliku li jikkonċernaw mill-qrib liċ-ċittadini, u fl-iffaċilitar tal-kooperazzjoni bejn l-utenti u l-produtturi tal-innovazzjonijiet tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) f’oqsma differenti ta’ gvern u amministrazzjoni;

4.

jisħaq fuq l-importanza tan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej għal skopijiet kemm kummerċjali u kemm mhux kummerċjali, u tal-investiment fir-riċerka għall-appoġġ ta’ attivitajiet speċifiċi u l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet futuri sabiex jiżdied il-valur tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet;

5.

jagħraf l-importanza tan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej għall-kompetittività internazzjonali u l-iżvilupp sostenibbli tal-UE u jenfasizza li l-iskambju tal-esperjenzi u tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u reġjuni oħrajn għandu jiġi intensifikat;

6.

jindika r-rwol tal-infrastruttura meħtieġa biex jiġi pproċessat l-ammont kbir ta’ data li ser jintuża min-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet u jappella sabiex l-investimenti pubbliċi u privati għaż-żoni rurali, b’densità baxxa ta’ popolazzjoni u r-reġjuni periferiċi jingħataw spinta ’l quddiem;

7.

iqis li għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti ta’ sigurtà f’kull livell sabiex jiġu żgurati l-aħjar livelli ta’ privatezza u protezzjoni tad-data personali u sabiex jiġi evitat kull tip ta’ traċċar mhux awtorizzat ta’ informazzjoni u profiling, inklużi l-preferenzi tax-xiri, is-sitwazzjoni medika, ir-rekords tas-saħħa, eċċ.;

8.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-idea tal-Kummissjoni Ewropea li tesplora mudell ġdid ta’ pprezzar, li jkun jista’ jbaxxi l-prezzijiet ta’ aċċess għar-ram sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni min-netwerks tar-ram għal netwerks tal-fibra, filwaqt li jinnota li huwa importanti li n-netwerks ikunu miftuħa għal operaturi differenti;

9.

jinnota l-potenzjal tal-qafas il-ġdid għall-finanzjament li jagħti kontribut kbir sabiex tingħeleb il-firda diġitali u jitwettqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, filwaqt li jiġu sodisfatti wħud mill-bżonnijiet ewlenin taċ-ċittadini Ewropej fil-qasam soċjali, kulturali u ekonomiku;

10.

itenni l-importanza ta’ sinerġiji bejn il-programm qafas, il-Fondi Stutturali u l-politiki nazzjonali b’relazzjoni mal-objettivi usa’ tal-UE fir-rigward tal-kompetittività u l-koeżjoni;

11.

iqis li huwa essenzjali li jiġu identifikati soluzzjonijiet leġislattivi u proċedurali għall-miżuri ekonomiċi u finanzjarji sabiex jistimulaw l-użu dejjem ikbar tal-infrastruttura eżistenti li tista’ tintegra n-netwerks bil-broadband sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż soċjali, ekonomiċi u ambjentali;

12.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex jitwaqqaf grupp ta’ esperti ta’ livell għoli li jkollu r-responsabbiltà li jiżviluppa strateġija għan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej, u jitlob lill-Kummissjoni żżomm lilha nnifisha infurmata sa minn stadju bikri dwar l-iżviluppi li jsiru f’dan il-grupp, inklużi l-analiżijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tiegħu;

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni

13.

jirrikonoxxi li l-ICT, li jiffurmaw is-sisien ta’ soċjetà ta’ informazzjoni miftuħa għal kulħadd, għandhom jinkludu l-bżonnijiet tal-membri kollha tas-soċjetà, inklużi dawk li jinsabu f’periklu ta’ esklużjoni soċjali;

14.

itenni li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessariji biex jiżguraw il-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ġestjoni ta’ inizjattivi relatati mal-ICT (1);

15.

jipproponi li l-potenzjal sħiħ tal-Ewropa għall-iżvilupp tas-servizzi tal-ICT fis-setturi pubbliċi u privati għandu jiġi sfruttat bis-sħiħ, u li l-ICT għandhom jintużaw bħala mezz biex jittejbu s-servizzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’oqsma bħalma huma l-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-akkwist pubbliku, is-sigurtà u s-servizzi soċjali;

16.

jipproponi l-ħolqien ta’ Osservatorju għall-implimentazzjoni u t-tixrid ta’ netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss fit-territorju Ewropew li jiżviluppa funzjonijiet ta’ analiżi u ġbir ta’ informazzjoni u data statistika dwar xogħlijiet pubbliċi li jistgħu jintużaw parzjalment jew kompletament għall-implimentazzjoni tan-netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss (NGN – Next Generation Networks); il-ġestjoni ta’ bażi tad-data għall-monitoraġġ ta’ dawn ix-xogħlijiet pubbliċi u għall-implimentazzjoni ta’ reġistru Ewropew tan-netwerks tat-telekomunikazzjoni; il-promozzjoni tal-attivitajiet tekniċi u ta’ regolazzjoni; it-twettiq ta’ studji u riċerka u l-akkwist u t-tixrid ta’ dokumentazzjoni teknika u ta’ data;

17.

ifakkar li s-sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) appoġġjati mill-UE bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-SMEs li jiżviluppaw l-ICT fil-qasam tas-servizzi pubbliċi tal-ICT jistgħu jservu ta’ bażi eċċellenti għall-bini ta’ kompetenzi u għarfien fil-livell lokali fl-UE kollha (2);

18.

jipproponi li jintużaw il-PPPs għall-provvista ta’ servizzi ta’ broadband, speċjalment fiż-żoni rurali, u b’hekk jiġi evitat li jintilfu ħafna investimenti privati;

19.

ifakkar li huwa kruċjali li l-istituzzjonijiet pubbliċi fil-livell reġjonali u lokali jkollhom kapaċità interna adegwata u riżorsi finanzjarji sostenibbli għad-diġitalizzazzjoni. Il-PPPs u l-iżvilupp ta’ swieq tat-tagħlim elettroniku (e-learning) jipprovdu tassew alternattivi li jiffinanzjaw id-diġitalizzazzjoni tal-kontenut. L-informazzjoni tas-settur pubbliku tista’ toħloq flussi ta’ dħul li jsostnu lilhom infushom u li jgħinu fl-isforzi għall-ħolqien tad-data u d-diġitalizzazzjoni. Barra minn hekk, in-netwerks u l-komunitajiet interattivi huma importanti wkoll minħabba li jippermettu tnaqqis fl-ispejjeż, bħal fil-każ tal-iżvilupp ta’ software miftuħ (3);

20.

jitlob lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali għall-iżvilupp ta’ politika ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ġlieda kontra l-firda bejn l-operaturi diġà stabbiliti u l-kompetituri ġodda tagħhom, speċjalment fil-kuntest ta’ sforz immirat lejn titjib fin-negozju tal-broadband b’veloċità għolja fl-Ewropa;

21.

jindika li l-implimentazzjoni tal-Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa” m’għandhiex issir għad-detriment tal-objettivi tal-politika ta’ koeżjoni, li t-tqegħid fil-prattika tal-miżuri proposti m’għandu jwassal għall-ebda żieda fil-burokrazija u fil-piż amministrattiv u li għandhom jiġu pprovduti aktar tagħrif u aktar kjarifiki dwar l-użu tal-istrumenti finanzjarji l-ġodda u l-effett ta’ lieva tagħhom u għandha tiġi eżaminata l-effettività tagħhom. L-obbligu tad-dixxiplina baġitarja, il-projbizzjoni tad-dejn u ċ-ċarezza baġitarja m’għandhomx jiġu evitati. Ir-responsabbiltà tal-Unjoni għandha tibqa’ limitata għall-kontribut oriġinali. M’għandha tinħoloq l-ebda obbligazzjoni kontinġenti;

22.

iħeġġeġ li, meta r-reġjuni jużaw il-Fondi Strutturali, ikun hemm bidla sinifikanti bil-għan li tiġi stimulata d-domanda għar-riċerka u l-innovazzjoni b’mod partikolari, u li titrawwem innovazzjoni miftuħa mmexxija mill-utenti stess bħala potenzjal reġjonali (4);

23.

ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol ewlieni x’jaqdu billi jikkontribwixxu sabiex jiġi żgurat aċċess ugwali u bi prezz aċċessibbli għall-broadband f’oqsma fejn is-suq ma jkunx biżżejjed, billi jmexxu proġetti pilota bil-għan li tingħeleb il-firda fl-aċċessibbiltà elettronika, u billi jiżviluppaw approċċi ġodda lejn servizzi elettroniċi pubbliċi ċċentrati fuq in-nies (5);

24.

itenni li l-fondi u miżuri oħra ta’ appoġġ għandhom jiffavorixxu l-implimentazzjoni ta’ netwerks tal-broadband b’aċċess miftuħ ibbażati fuq struttura ta’ netwerk bi strati orizzontali u jenfasizza l-ħtieġa ta’ mudell ta’ negozju li jissepara l-aċċess fiżiku għan-netwerk mill-provvista tas-servizzi (6);

25.

jenfasizza li konnessjonijiet ta’ komunikazzjoni veloċi u affidabbli mil-lat operattiv, flimkien ma’ servizzi mobbli effiċjenti mingħajr fili, jaqdu rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-kompetittività reġjonali, l-aċċessibbiltà u l-ugwaljanza bejn in-nies u jfakkar li infrastruttura effettiva tas-soċjetà tal-informazzjoni għandha tiġi ggarantita lill-membri kollha tal-popolazzjoni irrispettivament minn fejn jgħixu (7);

26.

jitlob li ssir enfasi akbar fuq is-sensibilizzazzjoni fil-livell reġjonali u lokali u fuq it-tħeġġiġ tal-modernizzazzjoni tal-infrastruttura, bħala elementi neċessarji għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej;

27.

jisħaq fuq il-bżonn li jkun hemm investimenti pubbliċi għal infrastrutturi ta’ backhaul, li jipprovdu konnessjonijiet bejn il-modi tan-netwerks fi bliet ta’ daqs medju u rħula żgħar jew muniċipalitajiet rurali u jservu ta’ katalizzatur għall-investiment sabiex in-netwerk ta’ aċċess jiġi modernizzat;

28.

jinnota li l-aċċess għal servizzi tal-broadband ta’ kwalità għolja u bi prezzijiet raġonevoli jista’ jżid l-aċċessibbiltà u l-kwalità tas-servizzi pprovduti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali u jiffaċilita l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti (8);

29.

ifakkar fis-sinifikat u l-ħtieġa ta’ regoli u prattiki komuni li jirregolaw l-użu mill-ġdid u l-isfruttar tal-informazzjoni tas-settur pubbliku sabiex jiġi żgurat li l-istess kundizzjonijiet bażiċi jkunu applikati lill-atturi kollha fis-suq Ewropew tal-informazzjoni, li l-kundizzjonijiet dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni bħal din ikunu aktar trasparenti, u li jiġu eliminati d-distorsjonijiet fis-suq intern (9);

30.

jenfasizza li l-potenzjal sħiħ tal-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku jista’ jintlaħaq billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti aktar mill-qrib, peress li dawn jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikattiv għall-promozzjoni tal-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku sabiex tiżdied il-kompetittività u jinħolqu l-impjiegi (10);

31.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jieħdu sehem f’kooperazzjoni wiesgħa sabiex itejbu l-interoperabbiltà tal-amministrazzjoni pubblika u l-effettività tal-provvista tas-servizzi pubbliċi (11);

32.

jindika li, fil-qafas tal-kooperazzjoni internazzjonali, l-importanza tar-reġjuni toħroġ fid-dieher permezz tal-ipprogrammar ta’ sostenn, kif ukoll permezz tal-kundizzjonijiet tal-qafas strutturali u leġislattiv fil-kuntest tal-politiki tagħhom dwar ir-riċerka;

33.

iqis li l-azzjonijiet ippjanati fil-Proposta għal Regolament, kif inhuma bħalissa, ma jidhrux li qed iqajmu xi kwistjoni dwar il-konformità tagħhom mal-prinċipji kemm tas-sussidjarjetà kif ukoll tal-proporzjonalità.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

Emenda 1

Preambolu

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(21)

Sabiex jiġu kkunsidrati l-iżviluppi fl-oqsma tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, is-setgħa sabiex tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-Anness għal dan ir-Regolament. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. L-għan ta’ din id-delega huwa li tindirizza żviluppi teknoloġiċi u tas-suq ġodda, prijoritajiet politiċi emerġenti jew opportunitajiet għall-isfruttament ta’ sinerġiji bejn infrastrutturi differenti, inklużi dawk fl-oqsma tat-Trasport u tal-Enerġija. L-ambitu tad-delega huwa limitat għall-modifikazzjoni tad-deskrizzjoni tal-proġetti ta’ interess komuni, iż-żieda ta’ proġett ta’ interess komuni jew it-tneħħija ta’ proġett obsolet ta’ interess komuni skont il-kriterji stabbiliti minn qabel li huma ċari u trasparenti.

(21)

Sabiex jiġu kkunsidrati l-iżviluppi fl-oqsma tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, is-setgħa sabiex tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-Anness għal dan ir-Regolament. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti . L-għan ta’ din id-delega huwa li tindirizza żviluppi teknoloġiċi u tas-suq ġodda, prijoritajiet politiċi emerġenti jew opportunitajiet għall-isfruttament ta’ sinerġiji bejn infrastrutturi differenti, inklużi dawk fl-oqsma tat-Trasport u tal-Enerġija. L-ambitu tad-delega huwa limitat għall-modifikazzjoni tad-deskrizzjoni tal-proġetti ta’ interess komuni, iż-żieda ta’ proġett ta’ interess komuni jew it-tneħħija ta’ proġett obsolet ta’ interess komuni skont il-kriterji stabbiliti minn qabel li huma ċari u trasparenti.

Raġuni

Tkun ħaga tassew utli li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fil-proċess ta’ konsultazzjoni peress li dawn jikkontribwixxu għall-proċess ta’ governanza u jservu ta’ pont bejn l-amministrazzjoni pubblika ċentrali, iċ-ċittadini u l-kumpaniji privati.

Emenda 2

Artikolu 4(a)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(a)

l-użu ta’ netwerks tal-broadband ultraveloċi li jassiguraw il-veloċità ta’ trażmissjoni tad-dejta ta’ 100 Mbps u aktar;

(a)

l-użu ta’ netwerks tal-broadband ultraveloċi li jassiguraw il-veloċità ta’ trażmissjoni tad-dejta ta’ 100 Mbps u aktar;

Raġuni

L-investiment f’netwerks ta’ broadband ultraveloċi huwa qasam riskjuż ħafna. L-istatistika turi li l-użu tal-internet b’veloċità għolja għadu sostanzjalment lura meta mqabbel mal-kopertura attwali tal-broadband. Għalhekk, l-għażla tat-teknoloġija u tal-proġetti li jridu jiġu ffinanzjati għandha tikkunsidra d-domanda attwali għall-aċċess għall-broadband.

Emenda 3

Artikolu 4(b)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(b)

l-użu ta’ netwerks tal-broadband biex jillinkjaw il-gżejjer, ir-reġjuni mingħajr kosta tal-ilma kif ukoll dawk periferiċi mar-reġjuni ċentrali tal-Unjoni fejn jiżguraw li f’dawk ir-reġjuni l-veloċitajiet tat-trażmissjoni tad-dejta huma suffiċjenti biex jippermettu konnettività tal-broadband ta’ 30 Mbps u aktar;

(b)

l-użu ta’ netwerks tal-broadband biex jillinkjaw il-gżejjer, ir-reġjuni mingħajr kosta tal-ilma kif ukoll dawk periferiċi mar-reġjuni ċentrali tal-Unjoni fejn jiżguraw li f’dawk ir-reġjuni l-veloċitajiet tat-trażmissjoni tad-dejta huma suffiċjenti biex jippermettu konnettività tal-broadband ta’ 30 Mbps u aktar;

Raġuni

L-istess raġuni bħal ta’ hawn fuq.

Emenda 4

Artikolu 5(3)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(3)   L-Istati Membri u/jew entitajiet oħra responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni jew li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tagħhom għandhom jieħdu l-miżuri legali, amministrattivi, tekniċi u finanzjarji neċessarji f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet korrispondenti ta’ dan ir-Regolament.

(3)   L-Istati Membri u/jew entitajiet oħra responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni jew li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tagħhom għandhom jieħdu l-miżuri legali, amministrattivi, tekniċi u finanzjarji neċessarji f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet korrispondenti ta’ dan ir-Regolament.

Raġuni

Ikun utli li jissemmew l-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-istess raġuni msemmija hawn fuq.

Emenda 5

Artikolu 5(8c)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(8c)

jesebixxi valur miżjud Ewropew.

(8c)

jesebixxi valur miżjud Ewropew.

Raġuni

Valutazzjoni tal-fattibbiltà tkun l-aħjar għodda biex turi l-valur miżjud.

Emenda 6

Artikolu 7(4)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

F’dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni għandha tevalwa wkoll jekk l-ambitu tal-proġetti ta’ interess komuni jibqax jirrifletti l-prijoritajiet politiċi, l-iżviluppi teknoloġiċi jew is-sitwazzjoni fis-swieq rilevanti. Għal proġetti kbar, dawn ir-rapporti għandhom jinkludu analiżi tal-impatt ambjentali, fejn jiġu kkunsidrati l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-ħtiġijiet ta’ mitigazzjoni, u r-reżiljenza għad-diżastri. Reviżjoni bħal din tista’ titwettaq ukoll fi kwalunkwe żmien ieħor meta din tidher li tkun xierqa.

F’dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni għandha tevalwa wkoll jekk l-ambitu tal-proġetti ta’ interess komuni jibqax jirrifletti l-prijoritajiet politiċi, l-iżviluppi teknoloġiċi s-sitwazzjoni fis-swieq rilevanti. Għal proġetti kbar, dawn ir-rapporti għandhom jinkludu analiżi tal-impatt ambjentali, fejn jiġu kkunsidrati l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-ħtiġijiet ta’ mitigazzjoni, u r-reżiljenza għad-diżastri. Reviżjoni bħal din tista’ titwettaq ukoll fi kwalunkwe żmien ieħor meta din tidher li tkun xierqa.

   

Raġuni

L-istess raġuni bħal ta’ hawn fuq.

Brussell, 4 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  CdR 283/2008 fin.

(2)  CdR 156/2009 fin.

(3)  CdR 247/2009 fin.

(4)  CdR 263/2007 fin.

(5)  CdR 5/2008 fin.

(6)  CdR 104/2010 fin.

(7)  CdR 104/2010 fin.

(8)  CdR 252/2005 fin.

(9)  CdR 247/2009 fin.

(10)  CdR 247/2009 fin.

(11)  CdR 10/2009 fin.