18.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/45


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja”

2012/C 113/09

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

bi pjaċir jinnota r-rwol iktar attiv li l-Kummissjoni Ewropea tixtieq tieħu fl-appoġġ għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u d-diversi awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali bl-implimentazzjoni tal-aġenda ta’ modernizzar tal-edukazzjoni għolja;

jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li l-investiment globali fl-edukazzjoni għolja fl-Ewropa huwa baxx wisq, u jagħraf li mhux biss l-Istati Membri, iżda ħafna drabi anke l-gvernijiet reġjonali jridu jieħdu r-responsabbiltà biex iżidu l-investiment pubbliku fl-edukazzjoni għolja;

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex, hija u tistabbilixxi l-programmi konkreti u l-linji gwida, tagħti iktar attenzjoni lil waħda mill-prijoritajiet li hi stess tistabbilixxi għall-Istati Membri u għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja: iż-żieda fil-parteċipazzjoni u t-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni għolja għal dan il-għan;

fil-fehma tiegħu, ir-rilevanza tal-edukazzjoni għolja toħroġ fid-dieher ukoll minn kemm l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jissodisfaw il-ħtiġijiet lokali jew reġjonali tipiċi u b’hekk jagħmlu kontribut ġenwin għall-iżvilupp lokali jew reġjonali;

jinnota li għad hemm ħafna xi jsir biex l-opportunitajiet għall-mobbiltà tat-tagħlim u l-kooperazzjoni transkonfinali jitwessgħu u fl-istess ħin ikunu iktar profondi, u biex b’hekk il-valur miżjud ta’ dawn l-opportunitajiet jikber b’mod sinifikanti;

itenni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom kompetenzi ewlenin fir-rigward tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-istess bħall-politika taż-żgħażagħ u l-politika tal-impjieg, u għalhekk jisħaq li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol kruċjali x’jaqdu fl-implimentazzjoni tal-aġenda ta’ modernizzar, bir-rispett sħiħ għall-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Relatur

Mia DE VITS (BE/PSE), Membru tal-Parlament Fjamming

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Insostnu t-tkabbir u l-impjiegi – aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta’ edukazzjoni għolja fl-Ewropa

COM(2011) 567 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.   Kummenti ġenerali

1.

jilqa’ l-Komunikazzjoni “Insostnu t-tkabbir u l-impjiegi – aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta’ edukazzjoni għolja fl-Ewropa”, fejn il-Kummissjoni tfassal l-għanijiet ta’ politika ewlenin għar-riforma tal-edukazzjoni għolja. Il-Kumitat jagħraf li b’dan il-mod, il-Kummissjoni Ewropea trid tagħti spinta lir-riformi li kienu nbdew bil-Proċess ta’ Bologna u bil-ħolqien taż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka, li għad għandhom triq twila quddiemhom; huwa japprezza wkoll li l-Kummissjoni qed tagħti post prominenti lil dawn ir-riformi fil-qafas usa’ tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin tagħha;

2.

jaqbel mal-approċċ fil-Komunikazzjoni, fejn il-Kummissjoni Ewropea minn naħa telenka liema huma l-għanijiet ta’ politika ewlenin li għandhom jitwettqu sal-aħħar tad-deċennju kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u min-naħa l-oħra tgħid kif tista’ tappoġġja lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja fl-implimentazzjoni ta’ din l-aġenda ta’ modernizzar;

3.

jaqbel li r-responsabbiltà prinċipali għat-twettiq tar-riforma fl-edukazzjoni għolja, qasam ta’ politika fejn l-UE għandha kompetenzi ta’ koordinazzjoni u ta’ appoġġ, tingħata lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja stess, għad li l-isfidi u r-reazzjonijiet politiċi jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Barra minn hekk, il-Kumitat itenni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom kompetenzi ewlenin fir-rigward tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-istess bħall-politika taż-żgħażagħ u l-politika tal-impjieg. Il-Kumitat jisħaq li b’hekk l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol kruċjali x’jaqdu fl-implimentazzjoni ta’ din l-aġenda ta’ modernizzar, bir-rispett sħiħ għall-prinċipju tas-sussidjarjetà;

4.

jinnota li l-istrateġija proposta għall-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja tidher li ma tqajjem l-ebda kwistjoni rigward il-konformità tagħha mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

5.

jenfasizza li l-edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni għolja, qabel kollox għandha tipprovdi bażi wiesgħa u ġenerali liċ-ċittadini li fuqha jkunu jistgħu jiżviluppaw it-talenti tagħhom sal-ogħla livell u li b’hekk ikunu jistgħu jikbru kemm jista’ jkun f’nies b’personalitajiet sodi, aperti u multidimensjonali u jkunu jistgħu jassumu r-responsabbiltà fis-soċjetà b’mod sħiħ. M’hemmx dubju li l-edukazzjoni għandha wkoll valur ekonomiku, iżda dan mhuwiex l-uniku valur tagħha. Għaldaqstant, approċċ ekonomiku għall-edukazzjoni – inevitabbilment – qatt ma jista’ jkun wieħed sodisfaċenti. Madankollu, f’ċerti kuntesti approċċ ekonomiku jista’ jkun utli u saħansitra neċessarju;

6.

minkejja dan, jaqbel bis-sħiħ li l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jingħataw rwol ċentrali biex jinkiseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-Ewropa u jinnota li l-istituzzjonijiet Ewropej ta’ edukazzjoni għolja għadhom jistgħu jsibu mezzi biex iwettqu l-funzjoni soċjali tagħhom;

2.   Il-miri ta’ politika ewlenin għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja

2.1.   Inżidu l-livelli ta’ kisba biex nipprovdu l-gradwati u r-riċerkaturi li teħtieġ l-Ewropa

7.

jaqbel mal-analiżi li l-livell medju ta’ edukazzjoni fl-Ewropa għandu jilħaq il-mira li, sal-2020, 40 % taż-żgħażagħ ikunu temmew b’suċċess studji fil-livell tal-edukazzjoni għolja jew studji ekwivalenti, biex b’hekk inkunu nistgħu nisfruttaw it-tkabbir previst u meħtieġ fl-impjiegi intensivi fl-għarfien, biex iż-żgħażagħ ikollhom prospetti aħjar ta’ impjieg ta’ kwalità u biex b’hekk anke l-qgħad jonqos, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ;

8.

jinsab konvint li l-użu mifrux ta’ soluzzjonijiet innovattivi fil-qasam tal-ICT min-naħa tal-provvedituri ta’ edukazzjoni għolja jista’ jikkontribwixxi sabiex ikun hemm aċċess aktar faċli għall-edukazzjoni għolja u sabiex jiżdiedu r-rati ta’ parteċipazzjoni, pereżempju għall-istudenti li jgħixu f’żoni b’popolazzjoni skarsa, fil-gżejjer u f’żoni muntanjużi, kif ukoll f’żoni ultraperiferiċi;

9.

jaqbel b’mod partikolari mal-proposta li, għal dan il-għan, l-edukazzjoni għandha ssir attraenti għal firxa usa’ tal-popolazzjoni u jiddispjaċih li diversi gruppi tal-popolazzjoni għadhom mhumiex rappreżentati biżżejjed fl-edukazzjoni għolja. Il-Kumitat jinnota li dan in-nuqqas ta’ rappreżentanza, li b’mod inaċċettabbli u persistenti għadu partikolarment evidenti fost il-lekċerers l-università, mhux biss joħloq problemi soċjali, iżda huwa wkoll, mil-lat ekonomiku, ħela ta’ talent;

10.

għalhekk jipproponi li mhux biss jiġi monitorjat kemm l-Istati Membri jagħmlu sforz biex iżidu l-parteċipazzjoni u s-suċċess – li huwa daqstant ieħor kruċjali – fl-edukazzjoni għolja, iżda anke kemm l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jagħmlu sforz biex jiġbdu lill-istudenti mill-gruppi sottorappreżentati u “mhux tradizzjonali”, b’tali mod li jbiddlu wkoll it-tendenzi klassiċi fejn l-għażliet stereotipiċi u s-segregazzjoni fis-suq tax-xogħol tiġi miġġielda. Fid-dawl tal-evoluzzjoni demografika, il-Kumitat għadu konvint li ż-żieda sostanzjali meħtieġa fil-livell ta’ parteċipazzjoni ma tistax titwettaq b’mod sostenibbli sakemm l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja ma jagħmlux sforz biex din id-dimensjoni soċjali titqiegħed fil-qalba tal-politika tal-edukazzjoni għolja. Il-Kumitat huwa tal-fehma wkoll li huwa inevitabbli li anke f’dan il-livell jitfasslu għanijiet speċifiċi, li naturalment ikunu adatti għall-kuntest partikolari ta’ kull Stat Membri u għad-differenzi bejn ir-reġjuni f’kull Stat Membru; madankollu, jenfasizza li żieda fil-parteċipazzjoni tirrikjedi wkoll żieda fil-finanzjament għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja tal-Ewropa, sabiex jiġu garantiti l-iprem standards ta’ riċerka u taħriġ;

11.

jappoġġja t-talba tal-Kummissjoni Ewropea biex jingħata appoġġ lil studenti potenzjali minn familji bi dħul baxx. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jinsab imħasseb dwar id-deċiżjoni jew il-kunsiderazzjoni ta’ diversi Stati Membri li jgħollu l-miżati tal-istudju, minkejja l-fatt li kull Stat Membru rratifika l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, li fl-Artikolu 13 tiegħu jistabbilixxi li l-edukazzjoni għolja għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd, skont il-kapaċitajiet tiegħu, permezz tal-miżuri adatti kollha, u b’mod speċjali bl-implimentazzjoni gradwali tal-edukazzjoni mingħajr ħlas. Il-Kumitat jibża’ li jekk jiżdiedu l-miżati tal-istudju, jogħla wkoll il-livell limitu għall-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni għolja, u dan fl-istess waqt meta ħafna studenti u l-familji tagħhom qed jiffaċċjaw il-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja u ekonomika;

12.

jenfasizza li, minbarra l-kapaċità finanzjarja, hemm fatturi oħra (bħall-attenzjoni biex jingħażel il-kors ta’ studju, taħriġ ta’ tħejjija u rimedju adatt fin-nuqqas ta’ dan, pariri dwar l-istudju u l-karriera, riorjentazzjoni f’waqtha lejn karriera iktar adatta jew taħriġ iktar adatt biex jiġi evitat it-tluq bikri mill-edukazzjoni għolja, eċċ.) li jistgħu jaqdu rwol deċiżiv fl-aċċess għall-edukazzjoni għolja u fil-livell ta’ suċċess, u jitlob li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jagħtuhom l-attenzjoni meħtieġa. Il-Kumitat jiddispjaċih li l-informazzjoni dwar il-politika ftit li xejn qed tinġabar b’mod sistematiku u titqassam fl-Istati Membri kif isir għal aspetti oħra tal-edukazzjoni għolja, u huwa tal-fehma li l-Osservatorju għad-Dimensjoni Soċjali fl-Edukazzjoni Għolja, li qed jiġi żviluppat bħalissa fil-qafas tal-proċess ta’ Bologna, għandu jingħata l-appoġġ meħtieġ;

13.

jilqa’ l-miżuri proposti mill-Kummissjoni Ewropea, bħall-iżvilupp ta’ oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki b’rabtiet ċari, u fejn ikun meħtieġ addizzjonali, bejn id-diversi livelli ta’ kwalifiki, jew l-enfasi fuq ir-riżultati tat-tagħlim u fuq l-għarfien u l-ħiliet prattiċi (fost oħrajn permezz tar-rikonoxximent ta’ kwalifiki u kompetenzi li jkunu nkisbu qabel xi mkien ieħor, anke fil-qasam tat-tagħlim informali u mhux formali) minflok fuq kriterji iktar tradizzjonali u formali bħat-tul tal-istudju u l-għadd ta’ sigħat ta’ preżenza fi programm ta’ taħriġ. Il-Kumitat huwa tal-fehma li miżuri simili jistgħu jkunu strumenti effettivi biex jivvalutaw aħjar il-ħiliet u biex in-nies jiġu allokati l-livell ta’ kwalifika t-tajjeb, jew biex jiġu offruti triq adatta u fattibbli lejn kwalifika ogħla;

14.

iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni Ewropea biex iżżomm l-approċċ progressiv tagħha rigward it-toroq tat-tagħlim flessibbli u l-forom flessibbli tat-tagħlim, anke fl-implimentazzjoni attwali tad-Direttiva l-ġdida dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u fl-abbozzar tad-direttiva l-ġdida f’dan il-qasam;

2.2.   It-titjib fil-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni għolja

15.

jaqbel li l-edukazzjoni għolja tibbenefika sew minn kuntatt iktar intensiv fil-livell prattiku u fl-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol, meta dan ikun maħsub biex jipprovdi l-għarfien u l-kompetenzi essenzjali trasferibbli li huma meħtieġa għall-professjonijiet bi kwalifiki għoljin. Fl-istess ħin, il-Kumitat huwa tal-fehma li anke l-post tax-xogħol għandu jkun jista’ jieħu iktar responsabbiltà fir-rigward tal-edukazzjoni għolja, fost affarijiet oħra billi joffri apprendistati suffiċjenti u ta’ kwalità għall-istudenti u l-għalliema, filwaqt li jsiru riflessjonijiet, fil-kuntest ta’ djalogu mal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, fuq il-karrieri tal-futur u fuq il-ħtiġijiet ta’ taħriġ relatati, u li ma jiġux sottovalutati l-kompetenzi trasferibbli ġenerali tal-lekċerers; għandha wkoll tiġi stabbilita firxa aktar wiesgħa ta’ sħubijiet ta’ riċerka bejn il-kumpaniji u l-universitajiet;

16.

jinsab konvint li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li normalment ikollhom kuntatti eċċellenti kemm mal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja kif ukoll mal-post tax-xogħol, jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jistimulaw u jimmoderaw dan id-djalogu;

17.

fil-fehma tiegħu, ir-rilevanza tal-edukazzjoni għolja toħroġ fid-dieher ukoll minn kemm l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jissodisfaw il-ħtiġijiet lokali jew reġjonali tipiċi u b’hekk jagħmlu kontribut ġenwin għall-iżvilupp lokali jew reġjonali. Il-Kumitat iqis l-għeruq twal fir-reġjun bħala waħda mid-dimensjonijiet li għaliha l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jistgħu jadattaw il-missjoni u l-prijoritajiet strateġiċi tagħhom bħala sforz għall-eċċellenza u għalhekk jenfasizza u jappoġġja d-diversità u l-karattru oriġinali tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja Ewropej;

18.

jappella sabiex jiġu introdotti b’mod wiesa’ soluzzjonijiet fil-qasam tal-ICT fl-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja kollha tal-Ewropa; l-iżvilupp ta’ pjattaforma komuni tal-IT mill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali rilevanti jaf iwassal għal żieda fir-rata ta’ ksib ta’ suċċess;

2.3.   It-tisħiħ tal-kwalità permezz tal-mobbiltà u l-kooperazzjoni transkonfinali

19.

jisħaq fuq l-importanza tal-mobbiltà pjanata sew u l-kooperazzjoni transkonfinali għall-kwalità tal-edukazzjoni u għall-iżvilupp personali, minn diversi perspettivi, li l-persuni jistgħu jibbenefikaw minnhom. Il-Kumitat jipproponi li, fost oħrajn, permezz tal-ixprun li qed jagħti l-programm Erasmus, u bit-tisħiħ addizzjonali tal-proċess ta’ Bologna, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja għamlu progress enormi f’dan il-qasam. Il-Kumitat huwa tal-fehma li dawn il-programmi u din l-kooperazzjoni huma imprezzabbli peress li jagħtu lil ħafna nies immaġni konkreta u pożittiva tal-“Ewropa”;

20.

madankollu, jinnota li għad hemm ħafna xi jsir biex l-opportunitajiet għall-mobbiltà tat-tagħlim u l-kooperazzjoni transkonfinali jitwessgħu u fl-istess ħin ikunu iktar profondi, u biex il-valur miżjud jikber. Il-Kummissjoni Ewropea tagħmel sew li telenka għadd ta’ ostakli, li jinsabu f’diversi livelli ta’ politika u ħafna drabi jkunu integrati f’kuntest nazzjonali speċifiku. Il-Kumitat huwa tal-fehma li din il-kumplessità m’għandhiex iżżomm lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja milli jindirizzaw dawn il-problemi mingħajr dewmien, skont il-kompetenzi partikolari tagħhom;

21.

iħeġġeġ l-introduzzjoni tas-Supplementi ta’ Diploma fl-istituzzjonijiet kollha ta’ edukazzjoni għolja, billi dawn jirrappreżentaw pass importanti ħafna lejn il-paragunabbiltà tad-diplomi u jgħinu biex ir-rikonoxximent tad-diplomi jkun ħafna iżjed faċli;

22.

jiġbed l-attenzjoni għal xi inizjattivi eżistenti biex tiġi garantita l-kwalità transkonfinali fl-edukazzjoni għolja; u, fid-dawl tal-impatt strutturali tagħhom fuq is-sistema tal-edukazzjoni għolja tal-Istati Membri u r-reġjuni involuti, jipproponi li dawn jiġu promossi bħala mudell għall-kooperazzjoni transkonfinali;

23.

jappella lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, li f’ħafna każi huma l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, biex iħaffu r-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi u jagħmluha iżjed faċli sabiex ikun hemm tnaqqis sinifikanti tal-piż fuq il-mobbiltà tal-istudenti u l-akkademiċi; din il-proċedura m’għandiex tpoġġi spejjeż kbar wisq fuq min jagħmel it-talba u m’għandhiex iddum iżjed minn erba’ xhur;

2.4.   Inħaddmu t-trijangolu tal-għarfien

24.

jirrikonoxxi bis-sħiħ il-bżonn li jiġi żviluppat u użat aħjar it-“trijangolu tal-għarfien” imsawwar mill-edukazzjoni, ir-riċerka u l-kumpaniji u jaqbel għalkollox mal-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea li l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u l-istituti ta’ riċerka jistgħu jixprunaw l-iżvilupp ekonomiku fir-reġjuni fejn ikunu bbażati, jisfruttaw il-vantaġġi reġjonali globalment jew inkella jservu bħala l-intermedjarji ta’ netwerk tal-għarfien għall-ekonomija u s-soċjetà lokali;

25.

jagħraf li dan huwa tassew minnu jekk l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaġixxu b’mod strateġiku billi jipprovdu appoġġ u b’mod konxju jagħżlu għadd ta’ oqsma prijoritarji bbażati fuq il-vantaġġi u l-bżonnijiet individwali ta’ kull reġjun; għandha titħeġġeġ bil-qawwa l-formazzjoni ta’ clusters tal-għarfien u tal-innovazzjoni li jinvolvu l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-universitajiet u l-intrapriżi lokali, inklużi negozji li jkunu għadhom kemm fetħu;

26.

jinnota li f’din il-Komunikazzjoni l-Kummissjoni Ewropea tiffoka ħafna fuq il-kumpaniji, fuq il-potenzjal għall-prodotti u s-servizzi li jistgħu jinbiegħu, kif ukoll is-suq tal-għarfien; jenfasizza li l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u l-istituti ta’ riċerka għandhom ukoll dmir soċjali fir-rigward tal-entitajiet pubbliċi u tas-settur mingħajr skop ta’ qligħ, bħal pereżempju l-edukazzjoni (obbligatorja), is-settur mediku u paramediku u l-faċilitajiet soċjali u tal-benesseri, fost oħrajn;

2.5.   It-titjib fit-tmexxija u l-finanzjament

27.

jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li l-investiment globali fl-edukazzjoni għolja fl-Ewropa huwa baxx wisq u għalhekk jagħraf li mhux biss l-Istati Membri, iżda ħafna drabi anke l-gvernijiet reġjonali jridu jieħdu r-responsabbiltà biex iżidu l-investiment pubbliku fl-edukazzjoni għolja. Il-Kumitat għalhekk jitlob lill-Istati Membri, u fejn huwa adatt anke lill-gvernijiet reġjonali, biex minkejja l-pressjoni baġitarja, ma jiħdux riskju fuq il-futur u jinvestu iktar fit-tkabbir fuq perjodu twil, minflok ma jnaqqsu l-investimenti fis-setturi li huma s-sisien tat-tkabbir t’għada. Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Kummissjoni Ewropea tista’ tieħu azzjoni konkreta f’dan ir-rigward billi tuża s-Semestru Ewropew biex tiżgura li l-iffrankar ma jaffettwax lis-setturi li huma kruċjali għat-twettiq tal-Istrateġija Ewropa 2020;

28.

billi tieħu l-approċċ li l-edukazzjoni hija parti mill-ġid pubbliku, jaqbel mal-Kummissjoni li l-investiment pubbliku huwa - u għandu jibqa’ mingħajr kundizzjonijiet - il-bażi ewlenija għal edukazzjoni għolja sostenibbli;

29.

jaċċetta l-ħidma biex jiġu diversifikati l-mezzi finanzjarji, pereżempju permezz ta’ sħubijiet pubbliċi-privati għall-finanzjament tal-infrastruttura, iżda jwissi wkoll li l-aċċess għal wieħed mis-sorsi alternattivi potenzjali – jiġifieri ż-żieda fil-finanzjament privat billi jiżdiedu l-miżati tal-istudju – tista’ żżid il-pressjoni fuq il-familji. Il-Kumitat jibża’ li din il-pressjoni fuq il-familji, fost affarijiet oħra, tista’ twassal għal inqas parteċipanti, għal bidla fil-koeżjoni soċjali tal-popolazzjoni tal-istudenti u għal flussi ta’ mobbiltà iktar żbilanċjati bejn l-Istati Membri jew ir-reġjuni. Għaldaqstant, bil-għan li jinħolqu opportunitajiet indaqs għal kulħadd u biex tinkiseb l-eċċellenza, il-Kumitat jirrakkomanda li tittejjeb il-politika dwar għotjiet ta’ flus u self għall-istudju abbażi ta’ kriterji ta’ introjtu u prestazzjoni akkademika;

30.

jaqbel mal-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament ġodda jew eżistenti li huma bbażati fuq il-prestazzjoni, jappoġġja l-għażliet strateġiċi li jvarjaw u d-diversità fil-profili istituzzjonali u jħeġġeġ l-eċċellenza fid-dimensjonijiet kollha tagħha. Fl-istess ħin, il-Kumitat jixtieq jenfasizza wkoll li l-esperjenza wriet li l-introduzzjoni ta’ tali mekkaniżmi għandha ssir bir-reqqa u bl-attenzjoni meħtieġa, speċjalment biex il-formuli u l-indikaturi użati verament jappoġġjaw l-għanijiet mixtieqa u jqisu b’mod adegwat id-diversità bejn l-istituzzjonijiet u fi ħdanhom;

31.

jinnota li l-awtonomija ikbar tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja ma tfissirx li teħlishom mill-obbligi jew mir-responsabbiltà tagħhom fir-rigward tal-ambjent li jkunu jinsabu fih. Madankollu, il-Kumitat jirrikonoxxi li ż-żieda fl-awtonomija tal-istituzzjonijiet fil-biċċa l-kbira jkollha influwenza pożittiva biex jiżdied il-kapital privat, u b’hekk tikkontribwixxi biex jiżdied, kif inhu mixtieq, l-investiment fl-edukazzjoni għolja;

3.   Il-kontribuzzjoni tal-UE: Inċentivi għat-trasparenza, id-diversifikazzjoni, il-mobbiltà u l-kooperazzjoni

32.

bi pjaċir jinnota r-rwol iktar attiv li l-Kummissjoni Ewropea tixtieq tieħu fl-appoġġ għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u d-diversi awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali bl-implimentazzjoni tal-aġenda ta’ modernizzar tal-edukazzjoni għolja. Il-Kumitat iqis li dan l-appoġġ, ikun ta’ liema xorta jkun, huwa kruċjali biex jinkisbu l-konverġenza meħtieġa bejn id-diversi awtoritajiet u istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja kif ukoll id-diversità u l-ispeċjalizzazzjoni mixtieqa;

33.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex, hija u tistabbilixxi l-programmi konkreti u l-linji gwida, tagħti iktar attenzjoni lil waħda mill-prijoritajiet li hi stess tistabbilixxi għall-Istati Membri u għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja: iż-żieda fil-parteċipazzjoni u t-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni għolja għal dan il-għan;

3.1.   Is-sostenn għar-riforma permezz tal-evidenza, l-analiżi u t-trasparenza tal-politika

34.

Huwa tal-fehma li, fost affarijiet oħra, fis-segwitu tal-proċess ta’ Bologna ntwera li l-ħidma b’tabelli ta’ tqabbil relattivament sempliċi biex jiġi monitorjat l-istatus ta’ aġenda ta’ riforma tista’ tkun effettiva ħafna billi tipprovdi l-informazzjoni u tiġġenera l-interess, u jipproponi li tali strument għandu jibda jintuża iktar. F’dan il-kuntest, il-Kumitat josserva li ħafna drabi, tabella fil-livell nazzjonali ma tkunx tista’ tiġbor id-dinamiki differenti tad-diversi reġjuni u għalhekk mhux dejjem tirrifletti sew il-politika tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-iktar fejn l-oqsma jkunu kompiti parzjali jew totali tagħhom;

35.

jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea fil-pjan tagħha biex bis-saħħa ta’ “U-Map” tagħti iktar dettalji dwar id-diversi profili tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u bil-“U-Multirank”, ibbażata fuq il-prestazzjoni, ħolqot strument ta’ informazzjoni multidimensjonali u ta’ klassifikazzjoni. Għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li dan ma jwassalx għal iżjed burokrazija sproporzjonata għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja. Il-Kumitat iqis li huwa ovvju li l-involviment u l-parteċipazzjoni fil-livell lokali hija waħda mid-dimensjonijiet li fuq il-bażi tagħha l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għandhom ikunu klassifikati;

36.

bi pjaċir jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tikkoopera mal-Eurostat għall-ġbir ta’ informazzjoni aħjar dwar il-mobbiltà għal finijiet edukattivi u r-riżultati tal-impjiegi fl-edukazzjoni għolja. Il-Kumitat jenfasizza li tali informazzjoni mhijiex biss ta’ interess għall-istudenti u l-gradwati tal-edukazzjoni għolja, iżda tista’ wkoll tgħin lill-istudenti huma u jagħmlu l-għażliet għall-istudju;

37.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra sew liema għanijiet trid tilħaq bil-ħolqien tar-Reġistru Ewropew għall-Edukazzjoni Terzjarja u sa liema punt dawn mhumiex diġà indirizzati minn inizjattivi oħra, qabel ma tibda tiżviluppa strument ta’ dan it-tip;

3.2.   Il-promozzjoni tal-mobbiltà

38.

jaqbel għalkollox mal-importanza tal-promozzjoni tal-mobbiltà u f’dan il-kuntest jirreferi lill-Kummissjoni Ewropea għall-kummenti li għadhom validi fil-punt dwar “L-inizjattivi marbuta mal-mobilità” fl-opinjoni tal-Kumitat tas-27 u t-28 ta’ Jannar 2011 dwar l-inizjattiva ewlenija “iż-Żgħażagħ Attivi” (1);

39.

barra minn hekk, jinsab konvint ukoll li l-isforz biex jittejjeb l-għarfien tal-lingwi m’għandux biss il-potenzjal li jżid il-volum tal-iskambju iżda anke biex iżid il-kwalità, huwa tal-fehma li l-Kummissjoni Ewropea tista’ taqdi rwol ta’ appoġġ f’dan ir-rigward u jfakkar fl-objettiv tal-politika Ewropea dwar il-multilingwiżmu li kull Ewropew għandu jkollu l-għarfien ta’ żewġ lingwi barra mil-lingwa materna tiegħu;

40.

jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea fix-xewqa tagħha li l-istudenti, irrispettivament mill-isfond soċjali tagħhom, jingħataw aċċess aħjar għall-edukazzjoni ta’ Masters fi Stat Membru ieħor u jikkonferma li jeħtieġ li jkun hemm iktar għajnuna finanzjarja għal din il-kategorija ta’ studenti. Il-Kumitat jieħu nota tas-suġġeriment tal-Kummissjoni Ewropea biex, flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment, tinħoloq faċilità ta’ garanzija għas-self lill-istudenti fil-livell Ewropew. Il-Kumitat jenfasizza li dan m’għandux iwassal biex l-aċċess għall-mobbiltà jsir prodott kummerċjali. Il-ħolqien ta’ faċilità bħal din għandu jikkomplementa s-sistemi ta’ programmi tal-għotjiet bħall-Erasmus, li huma apprezzati ħafna u li ilhom juru l-valur tagħhom (2);

41.

jiddispjaċih li n-nuqqas ta’ mobbiltà ta’ self nazzjonali joħloq ostaklu għall-mobbiltà tal-istudenti; jisħaq fuq l-obbligu li jingħataw self u għotjiet mingħajr l-ebda diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità;

42.

jagħraf li ċerti flussi tal-mobbiltà jistgħu jfissru sfida għal ċerti pajjiżi u kultant din l-isfida tkun akbar għal ċerti reġjuni. Il-Kumitat huwa favur l-introduzzjoni ta’ regoli ta’ aċċess għal dawk l-istudji, bħall-mediċina, li jintitolaw lil dak li jkun joffri ċerti servizzi, b’kunsiderazzjoni tal-livell reġjonali, sabiex tiġi żgurata l-kura medika reġjonali. Barra minn hekk, il-Kumitat jinsab lest li jikkoopera f’analiżi dettaljata ta’ din il-problema biex jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli fejn il-partijiet kollha konċernati jkunu jistgħu jaqblu u li jirrispettaw l-acquis Ewropew;

43.

fl-istess ħin huwa konvint li għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi sabiex jiggarantixxu li l-mobbiltà għal finijiet edukattivi tkun aċċessibbli bl-istess kundizzjonijiet għall-istudenti kollha, irrispettivament mill-qagħda soċjoekonomika tagħhom jew mill-pożizzjoni ġeografika tar-reġjun fejn ikunu joqogħdu;

44.

jagħraf ukoll li hemm xi tħassib dwar il-kwalità ta’ ċerti tipi ta’ edukazzjoni transkonfinali pprovduti fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (franchise agreements) u jitlob lill-Istati Membri kollha biex jieħdu l-miżuri kollha, pereżempju l-garanzija tal-kwalità tat-taħriġ li jiġi offrut mill-istituzzjonijiet tagħhom ta’ edukazzjoni għolja lill-barannin, sabiex bejn l-Istati Membri jibqa’ jkun hemm bażi ta’ fiduċja sħiħa fl-istituzzjonijiet ta’ xulxin;

45.

jaqbel li għad hemm wisq ostakli għall-mobbiltà transkonfinali tar-riċerkaturi u jappella lill-Istati Membri biex jaħdmu b’mod attiv għal regolamentazzjoni aħjar tal-kundizzjonijiet tax-xogħol sekondarji u d-drittijiet soċjali, sabiex ir-riċerkaturi jkollhom iktar sigurtà dwar dawn l-aspetti meta jsiefru u b’hekk isibuha inqas bi tqila biex jieħdu sehem fil-mobbiltà transkonfinali;

3.3.   Inpoġġu l-edukazzjoni għolja fiċ-ċentru tal-innovazzjoni, tal-ħolqien tal-impjiegi u tal-impjegabbiltà

46.

bi pjaċir jantiċipa l-approvazzjoni tal-Aġenda għall-Innovazzjoni Strateġika u jittama li tista’ tiġi implimentata bil-pass meħtieġ għall-espansjoni tal-prijoritajiet fl-iżvilupp tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u fit-tnedija ta’ Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoni ġodda;

47.

b’interess jinnota l-iżvilupp ta’ “alleanzi tal-għarfien” bejn l-edukazzjoni għolja u l-kumpaniji, iżda fl-istess ħin jistaqsi jekk dawn l-alleanzi jistgħux ikunu utli u bżonjużi anke bejn l-edukazzjoni għolja u l-korpi u l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ. Il-Kumitat qed jikkunsidra, fost oħrajn, l-isfidi li qed tiffaċċja l-Ewropa fir-rigward tat-tixjiħ u t-tnaqqis fl-għadd ta’ żgħażagħ fil-popolazzjoni, is-soċjetà multikulturali, it-tibdil fil-klima, eċċ.

48.

jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiżviluppa qafas ta’ kwalità għall-apprendistati, u huwa konvint li l-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali jridu jagħtu importanza prijoritarja lill-monitoraġġ attiv tal-implimentazzjoni ta’ dan il-qafas; it-twaqqif propost ta’ pjattaforma ċentralizzata għall-offerta ta’ apprendistati fl-Ewropa jista’ jkun mezz eċċellenti biex jingħata aċċess faċli għal offerti ta’ apprendistat u biex iż-żgħażagħ jitħeġġu japplikaw għal apprendistati fi Stati Membri oħra;

3.4.   Is-sostenn tal-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja Ewropea

49.

jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li l-internazzjonalizzazzjoni u l-kooperazzjoni transkonfinali ma jistgħux jibqgħu limitati għall-ambitu tal-Unjoni Ewropea u li barra minn dan l-ambitu hemm id-dinja kollha x’tinkiseb. Għalhekk, il-Kumitat jenfasizza b’mod speċjali li jeżisti potenzjal enormi għall-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni li għandhom fruntiera komuni ġewwa u barra l-UE. F’dan ir-rigward, l-UE għandha tħeġġeġ il-kooperazzjoni tal-universitajiet Ewropej maċ-ċentri tal-edukazzjoni għolja f’pajjiżi terzi bil-għan li, fost affarijiet oħra, issaħħaħ il-governanza u l-programmi edukattivi tagħhom permezz tal-esperjenza miksuba miċ-ċentri tagħna. Għal dan il-għan, jeħtieġ li jiġu promossi l-azzjonijiet tal-mobbiltà u l-iskambju tal-istudenti u l-lekċerers tal-universitajiet tar-reġjuni tal-fruntiera u dawk ta’ pajjiżi terzi ġirien, bħala għajnuna għall-esportazzjoni tal-prattiki tajbin;

50.

jistenna li jsiru proposti iktar konkreti dwar il-mod kif il-Kummissjoni Ewropea beħsiebha tappoġġja l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ internazzjonalizzazzjoni mill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u jistenna li l-Kummissjoni Ewropea ser tidħol fi djalogu mal-partijiet kollha konċernati. Il-Kumitat jenfasizza li anke l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti f’tali djalogu, billi l-istrateġiji tal-internazzjonalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja ħafna drabi jaħdmu mill-qrib mal-istrateġiji tal-iżvilupp tar-reġjun fejn ikunu bbażati;

3.5.   It-tisħiħ tal-impatt fit-tul u l-komplementarjetà tal-finanzjament mill-UE

51.

jilqa’ l-proposta li mill-2014, il-programmi attwali għall-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ ser ikomplu jissaħħu mil-lat finanzjarju u ser ikomplu jiġu semplifikati mil-lat amministrattiv fil-qafas tal-programm “Erasmus għal Kulħadd”. Il-Kumitat jittama li dan il-programm ġdid mhux biss iwassal għall-espansjoni fid-diversi forom ta’ skambju u kooperazzjoni, iżda anke għal iktar kwalità;

52.

jinsab daqstant entużjast dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex il-programmi Ewropej li hemm bħalissa għar-riċerka u l-innovazzjoni jingħaqdu fil-programm il-ġdid “Horizon 2020”;

53.

fid-dawl tar-relazzjoni stretta li għandhom mal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, joffri lill-Kummissjoni Ewropea l-appoġġ tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja biex ikunu jistgħu jisfruttaw għalkollox il-possibbiltajiet li joffru “Erasmus għal Kulħadd” u “Horizon 2020”;

54.

jenfasizza li, l-istess kif qal f’opinjonijiet preċedenti, l-inklużjoni tal-programmi eżistenti f’dawn il-programmi l-ġodda għandha ssir bil-galbu, sabiex l-elementi siewja mill-programmi attwali ma jintilfux b’dan it-tibdil;

55.

jissottolinja r-rabta li l-Kummissjoni Ewropea tagħmel bejn l-edukazzjoni (għolja) minn naħa, u min-naħa l-oħra l-politika ta’ koeżjoni tal-UE, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew. Sabiex dawn il-mezzi jiġu sfruttati kemm jista’ jkun b’mod effettiv u effiċjenti mill-benefiċjarji, il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex b’mod attiv tidentifika l-prattiki tajba mid-diversi Stati Membri u reġjuni u xxerridhom fuq firxa kbira;

3.6.   Il-passi li jmiss lejn edukazzjoni għolja Ewropea intelliġenti, sostenibbli u inklużiva

56.

iqis li meta tkun qed tistabbilixxi programmi konkreti u linji gwida sostenibbli, il-Kummissjoni Ewropea ser iżżomm id-djalogu ferm apprezzat mal-atturi involuti kollha, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

57.

jieħu nota tal-proposta biex jitwaqqaf grupp ta’ livell għoli biex janalizza l-iktar elementi importanti tal-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja u jassumi li l-Kummissjoni Ewropea, meta tkun qed twaqqaf dan il-grupp, ser tqis b’mod sħiħ l-isfidi partikolari li semmiet fil-Komunikazzjoni; jitlob li l-KtR ikun rappreżentat f’dan il-grupp ta’ livell għoli;

58.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex, hija u twettaq l-aġenda ta’ modernizzar, tagħti attenzjoni lis-sinerġija meħtieġa bejn l-inizjattivi ewlenin kollha rilevanti għal din l-aġenda, u biex tikkunsidra wkoll l-opinjonijiet li l-Kumitat ħareġ dwar dawn l-inizjattivi ewlenin.

Brussell, 16 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  CdR 292/2010 fin.

(2)  Ara l-punt 20 tal-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-inizjattiva ewlenija “Iż-Żgħażagħ Attivi” (CdR 292/2010 fin), adottata fit-88 sessjoni plenarja tal-Kumitat tar-Reġjuni fis-27 u t-28 ta’ Jannar 2011.