2.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 259/34


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi”

2011/C 259/07

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

iħeġġeġ bis-sħiħ lill-Istati Membri kollha sabiex jistabbilixxu miri nazzjonali kwantitattivi għall-miri ewlenin kollha tal-Ewropa 2020, b’mod partikolari dawk li huma relatati direttament mal-Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi, sabiex jipprovdu sjieda akbar tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, juru ambizzjoni politika fil-politiki li qed jippromovu u jippermettu valutazzjoni trasparenti tal-effettività tal-politiki;

jirrakkomanda approċċ lejn il-ħiliet u l-impjiegi li: (a) jagħti s-saħħa lill-imsieħba lokali/reġjonali li jfasslu interventi u jiddedikaw ir-riżorsi sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-impjegaturi lokali/reġjonali u jiffukaw fuq gruppi mmirati identifikati fil-forza tax-xogħol; u (b) jistabbilixxi qafas għat-tagħqid tas-servizzi huma u jingħataw u għat-tfassil ta’ soluzzjonijiet adatti sabiex jiġu ttrattati problemi lokali/reġjonali speċifiċi;

ifakkar fl-Artikolu 174 (TFUE) dwar il-koeżjoni territorjali u jenfasizza l-ħtieġa li d-differenzi bejn ir-reġjuni jiġu kkunsidrati bis-sħiħ, peress li jeżistu diskrepanzi sinifikanti madwar l-Unjoni Ewropea u li l-isfidi li jiffaċċjaw ir-reġjuni biex jilħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 ivarjaw b’mod konsiderevoli. Dawn iċ-ċirkostanzi ta’ sfida ġew stabbiliti b’mod ċar fil-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali (jekk jogħġbok ara punt 6 fil-paġni 3-4);

jappella sabiex tingħata kunsiderazzjoni akbar lill-iskeda ta’ żmien għat-tneħħija gradwali tal-miżuri attwali maħsuba għas-suq tax-xogħol b’relazzjoni mal-kriżi u l-implikazzjonijiet ta’ dan għall-fiduċja fis-suq, il-finanzi pubbliċi, il-prospetti individwali tal-impjieg ta’ ħaddiema vulnerabbli u l-livelli globali ta’ qgħad fit-tul; iqis li l-Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi ser ikollha jew ma jkollhiex suċċess bikri skont l-effettività u l-impatt fit-tul tal-miżuri kontra l-kriżi fl-għajnuna li jagħtu lis-suq tax-xogħol biex jaffronta l-kriżi ekonomika. Madanakollu l-prinċipju bażiku għandu jkun li jiġu eliminati malajr il-miżuri relatati mal-kriżi.

Relatur

Is-Sur Henk KOOL (NL/PSE), Alderman: membru tal-Kunsill Eżekuttiv tal-belt ta’ Den Haag

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta’ impjiegi

COM(2010) 682 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ l-“Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi” bħala waħda mis-seba’ inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; jirrikonoxxi li hija komplementata b’inizjattivi ewlenin oħrajn u jenfasizza li l-Aġenda tista’ tintlaħaq biss permezz ta’ approċċ f’diversi livelli, koerenti u integrat lejn l-implimentazzjoni;

2.

iħeġġeġ bis-sħiħ lill-Istati Membri kollha sabiex jistabbilixxu miri nazzjonali kwantitattivi għall-miri ewlenin kollha tal-Ewropa 2020, b’mod partikolari dawk li huma relatati direttament mal-Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi, sabiex jipprovdu sjieda akbar tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, juru ambizzjoni politika fil-politiki li qed jippromovu u jippermettu valutazzjoni trasparenti tal-effettività tal-politiki;

3.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni tagħmel xi referenzi għall-aspetti reġjonali fl-inizjattiva ewlenija imma jqis li għandha tingħata aktar attenzjoni lir-rwol distint li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu bħala impjegaturi, fornituri ta’ servizzi u regolaturi fil-promozzjoni tat-tkabbir u l-koeżjoni u fil-koordinazzjoni tas-sħubijiet strateġiċi bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, l-aġenziji tal-intrapriżi u l-intrapriżi fir-reġjuni rispettivi tagħhom;

4.

jirrakkomanda approċċ lejn il-ħiliet u l-impjiegi li: (a) jagħti s-saħħa lill-imsieħba lokali/reġjonali li jfasslu interventi u jiddedikaw ir-riżorsi sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-impjegaturi lokali/reġjonali u jiffukaw fuq gruppi mmirati identifikati fil-forza tax-xogħol; u (b) jistabbilixxi qafas għat-tagħqid tas-servizzi huma u jingħataw u għat-tfassil ta’ soluzzjonijiet adatti sabiex jiġu ttrattati problemi lokali/reġjonali speċifiċi;

5.

barra minn hekk, iqis li hemm numru ta’ proposti għal azzjoni stabbiliti fl-inizjattiva ewlenija li jibbenefikaw minn dimensjoni lokali/reġjonali aktar b’saħħitha u jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw azzjoni dwar: strateġiji lokali għall-ħiliet; dimensjoni sottonazzjonali għall-Panorama ta’ Ħiliet tal-Unjoni Ewropea; miżuri lokali għall-integrazzjoni ta’ dawk li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet kbar biex jiksbu impjieg, bħal, pereżempju l-migranti fil-forza tax-xogħol; azzjoni lokali dwar it-tluq kmieni mill-iskola, litteriżmu u numeriżmu fost l-adulti u strateġiji għat-tagħlim tul il-ħajja; żvilupp ta’ kundizzjonijiet adatti għall-ħolqien tal-impjiegi; djalogu soċjali fil-livell lokali/regjonali dwar il-politiki tax-xogħol u l-impjiegi; ċentri reġjonali ta’ eċċellenza għall-impjiegi tal-ġejjieni; u azzjonijiet dwar il-provvista futura ta’ ħaddiema f’setturi ewlenin, bħall-kura tas-saħħa;

6.

ifakkar fl-Artikolu 174 (TFUE) dwar il-koeżjoni territorjali u jenfasizza l-ħtieġa li d-differenzi bejn ir-reġjuni jiġu kkunsidrati bis-sħiħ, peress li jeżistu diskrepanzi sinifikanti madwar l-Unjoni Ewropea u li l-isfidi li jiffaċċjaw ir-reġjuni biex jilħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 ivarjaw b’mod konsiderevoli. Dawn iċ-ċirkostanzi ta’ sfida ġew stabbiliti b’mod ċar fil-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali (1), b’mod partikolari:

(a)

inqas minn reġjun minn tlieta laħaq rata tal-impjieg ta’ 75 % u kważi reġjun minn ħamsa għandu rata taħt il-65 %;

(b)

’il fuq minn 20 % tar-reġjuni għandhom 40 % jew aktar tal-popolazzjoni tagħhom b’livell baxx ta’ edukazzjoni;

(c)

inqas minn reġjun minn sitta laħaq ir-rata mmirata għall-edukazzjoni terzjarja;

(d)

ir-rati ta’ parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja jvarjaw b’mod konsiderevoli u aktar minn 22 % tar-reġjuni għandhom rata ta’ parteċipazzjoni baxxa ħafna ta’ 5 % jew inqas;

(e)

il-popolazzjoni qed tixjieħ malajr u hemm distorsjoni fir-rata ta’ dipendenza fost l-anzjani.

7.

jenfasizza l-effetti negattivi potenzjali li jista’ jkollhom fuq xi reġjuni l-politiki mmirati lejn titjib komprensiv madwar l-UE jew il-miri nazzjonali, bl-ebda referenza, jew referenza minima, għad-dimensjoni territorjali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jqisu l-konsegwenzi ta’ approċċ bħal dan, b’mod partikolari għal dawk ir-reġjuni li għandhom dgħufijiet strutturali serji;

8.

jinnota d-diskrepanza enormi f’termini ta’ livelli ta’ parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja u fit-taħriġ fil-livell reġjonali madwar l-Unjoni Ewropea u jinsab imħasseb dwar il-fatt li, minkejja l-firxa ta’ miri relatati ma’ dan il-qasam matul is-snin, fil-biċċa l-kbira għadna ma rnexxilniex niżguraw li l-Istati Membri u r-reġjuni li jinsabu lura jersqu lejn il-medja tal-UE;

9.

jiddispjaċih li l-preżentazzjoni tal-inizjattiva ewlenija dwar l-Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi ma ġietx akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt baġitarju tal-miżuri proposti;

10.

jappella sabiex tingħata kunsiderazzjoni akbar lill-iskeda ta’ żmien għat-tneħħija gradwali tal-miżuri attwali maħsuba għas-suq tax-xogħol b’relazzjoni mal-kriżi u l-implikazzjonijiet ta’ dan għall-fiduċja fis-suq, il-finanzi pubbliċi, il-prospetti individwali tal-impjieg ta’ ħaddiema vulnerabbli u l-livelli globali ta’ qgħad fit-tul; iqis li l-Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi ser ikollha jew ma jkollhiex suċċess bikri skont l-effettività u l-impatt fit-tul tal-miżuri kontra l-kriżi fl-għajnuna li jagħtu lis-suq tax-xogħol biex jaffronta l-kriżi ekonomika. Madanakollu l-prinċipju bażiku għandu jkun li jiġu eliminati malajr il-miżuri relatati mal-kriżi;

11.

jitlob li, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri, jiġu stabbiliti mekkaniżmi maħsuba għall-koordinazzjoni tal-isforzi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi u l-inizjattivi ewlenin l-oħrajn, b’mod partikolari l-inizjattivi “Żgħażagħ attivi” u “Pjattaforma kontra l-faqar”;

Lejn momentum ġdid għall-flessigurtà

12.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi li, f’suq tax-xogħol dgħajjef, f’kuntest ta’ livelli għolja ta’ qgħad strutturali, il-miżuri għall-provvista tax-xogħol waħedhom mhumiex biżżejjed biex isolvu l-problema tal-qgħad u li dawn għandhom bżonn jiġu kkomplementati permezz ta’ azzjonijiet b’enfasi fuq l-għoti ta’ inċentiv għad-domanda għax-xogħol, iżda jappella sabiex jingħata bilanċ akbar lil dawn iż-żewġ sensiliet ta’ preskrizzjonijiet ta’ politika;

13.

jirrikonoxxi li l-arranġamenti nazzjonali dwar il-flessigurtà m’għandhomx bżonn jissaħħu u jiġu adattati għall-kuntest soċjali u ekonomiku ġdid u jilqa’ b’sodisfazzjon l-inklużjoni tal-linji gwida dwar il-flessigurtà fil-ħidma tal-Kunsill; ifakkar lill-Kummissjoni li l-imsieħba soċjali dejjem iridu jiġu involuti meta jiġu previsti bidliet li jista’ jkollhom impatt fuq is-suq tax-xogħol. Huwa jappella lill-Kummissjoni sabiex tfisser aktar fid-dettall l-implikazzjonijiet li l-bidliet suġġeriti b’relazzjoni mal-arranġamenti kuntrattwali mhux determinati jista’ jkollhom għas-sigurtà tal-impjiegi, id-drittijiet eżistenti tal-impjieg, il-ħinijiet tax-xogħol u l-metodi ta’ organizzazzjoni tax-xogħol;

14.

ifakkar li l-Unjoni Ewropea serviet ta’ katalizzatur għall-bidliet progressivi fis-sistemi nazzjonali tal-liġi dwar l-impjieg permezz ta’ direttivi preċedenti tal-UE u jenfasizza l-importanza li jinżammu dawn l-istandards; madankollu jemmen li hemm bżonn ta’ impenji kontinwi u li jiġi promoss it-tibdil strutturali għal aktar stabbiltà soċjali;

15.

jappoġġja l-enfasi li għamlet il-Kummissjoni Ewropea fuq ir-rwol kruċjali tal-SMEs fil-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività ekonomika u jfakkar fir-rakkomandazzjonijiet fl-opinjoni tiegħu dwar is-Small Business Act (2), speċjalment fir-rigward tal-aċċess għall-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-prinċipju “aħseb l-ewwel fiż-żgħir”;

16.

ifakkar fir-ritmu mhux uniformi ta’ progress u fl-interpretazzjonijiet diverġenti ta’ għadd ta’ direttivi eżistenti tal-UE dwar l-impjieg meta ġew trasposti fil-liġi tal-Istati Membri, bil-konsegwenza li ma jeżistix suq uniku tal-UE għax-xogħol; fl-istess ħin jinnota wkoll li d-dritt tal-Kummissjoni li tirċievi mill-Istati Membri rapporti dwar it-traspożizzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE fil-liġi nazzjonali jiggarantixxi li d-diverġenzi nazzjonali ma jaqbżux il-limiti aċċettabbli. Sabiex wieħed ikollu idea ġenerali tal-ammont ta’ diverġenzi qed jiġi suġġerit li ssir analiżi komparattiva tal-implimentazzjoni ta’ wħud mid-direttivi fl-Istati Membri;

Niddotaw in-nies bil-ħiliet it-tajbin għall-impjieg

17.

jirrikonoxxi l-valutazzjoni qasira mressqa mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-isfidi ewlenin li qed jiffaċċja s-suq tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea; jaqbel li jeżistu nuqqas ta’ ħiliet adegwati għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol fil-futur u provvista u domanda insuffiċjenti għal opportunitajiet ta’ taħriġ f’livelli partikolari ta’ ħiliet u li hemm bżonn ta’ tqabbil u ta’ ġestjoni aħjar tal-ħiliet u l-esperjenza tal-ħaddiema migranti;

18.

madankollu, iwissi li bħalissa l-Kummissjoni Ewropea qed tagħti interpretazzjoni dejqa wisq tal-problema tal-ħiliet u donnha qed tissottovaluta l-isfida li jippreżentaw il-ġestjoni tat-tibdil fil-kompożizzjoni settorjali tal-ekonomija u l-implikazzjonijiet tiegħu għall-età, is-sess u l-persuni b’diżabbiltà, kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni tal-esperjenza ta’ qabel, il-formalizzazzjoni tal-ħiliet assoċjati mat-tkabbir tas-setturi bażiċi tax-xogħol bħall-kura anċillari tas-saħħa, ir-rikonoxximent tas-sehem dejjem jikber ta’ ħaddiema ta’ età aktar avvanzata u l-kwistjonijiet relatati mal-bżonn kontinwu li l-ħiliet ta’ dawn il-ħaddiema jiġu aġġornati, il-ġestjoni ta’ rata tal-impjieg fost iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi aktar minn darbtejn ogħla mir-rata għaċ-ċittadini fi Stati Membri individwali u r-rikonoxximent tal-bżonn li jkun hemm sensiela speċifika ta’ politiki li jiġġieldu kontra n-numru dejjem jikber ta’ żgħażagħ li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET – not in education, employment or training);

19.

iqis li l-Kummissjoni Ewropea għanda tagħmel aktar enfasi fuq il-bżonn ta’ lokalizzazzjoni akbar tal-kunsinna tas-servizzi u ta’ ppjanar strateġiku f’termini ta’ tfassil tal-profil tas-suq tax-xogħol, tbassir, tfassil ta’ politika industrijali u aktar personalizzazzjoni fit-tfassil u l-ippjanar tal-interventi diretti mal-impjegaturi lokali, l-imsieħba soċjali u s-servizzi relatati mal-impjieg, f’oqsma ta’ appoġġ għall-intrapriżi u mekkaniżmi proattivi ta’ identifikazzjoni bikrija tal-ħtiġijiet tal-ħaddiema fir-rigward tat-taħriġ f’kumpaniji li huma mhedda li jagħlqu;

20.

jappoġġja l-idea ta’ Panorama ta’ Ħiliet tal-UE sabiex tittejjeb it-trasparenza għal dawk li jfittxu x-xogħol, il-ħaddiema, il-kumpaniji u/jew l-istituzzjonijiet pubbliċi, iżda jemmen li hemm bżonn forma aktar lokalizzata ta’ dan l-istrument bħala komplement għall-informazzjoni miġbura fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari f’dawk l-Istati Membri li għandhom sistemi amministrati b’mod ċentralizzat ħafna. Huwa fil-livell sottonazzjonali li tista’ tinġabar l-aktar informazzjoni preċiża u opportuna dwar is-swieq tax-xogħol reġjonali u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol sinifikanti fl-identifikazzjoni ta’ nuqqas ta’ adegwatezza tal-ħiliet billi jipprovdu programmi ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ taħriġ vokazzjonali u permezz tal-għoti ta’ inċentiv għall-investiment bi tweġiba għad-domanda lokali;

21.

jappoġġja l-iżvilupp ta’ rabtiet aktar b’saħħithom bejn l-intrapriżi u l-universitajiet u b’mod partikolari l-integrazzjoni ta’ perjodi ta’ xogħol li jkunu assoċjati ma’ krediti fil-programmi universitarji kollha sabiex jissaħħu l-ħiliet tekniċi, dawk relatati man-negozju, kif ukoll is-“soft skills” tal-gradwati, u sabiex tissaħħaħ l-impjegabilità tagħhom fis-suq tax-xogħol modern;

22.

iqis li l-litteriżmu u l-kompetenza diġitali għandhom ikunu komponent ewlieni tal-antiċipazzjoni u l-elenkar tal-ħiliet futuri u li l-investiment fl-infrastrutturi tal-ICT għandu jkun akkumpanjat minn skemi adegwati li jkabbru l-kompetenzi diġitali tal-ħaddiema, b’mod partikolari l-gruppi vulnerabbli b’livell baxx ta’ ħiliet u l-persuni qiegħda;

23.

jissuġġerixxi li, peress li l-2011 hija s-Sena Ewropea għall-Volontarjat, l-Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi għandha tikkunsidra l-valur tal-volontarjat fit-twessigħ tal-firxa ta’ ħiliet ta’ persuna; jitlob ukoll li l-iskemi eżistenti ta’ ċertifikazzjoni li jirrikonoxxu l-ħiliet, l-għarfien u l-esperjenza miksuba permezz tal-volontarjat għandhom ikunu marbuta mal-iskema tas-CV Europass sabiex dan jiffaċilita r-rikonoxximent madwar l-UE tal-esperjenzi rilevanti tal-volontarjat u l-impjegabilità;

24.

jemmen li s-servizzi eżistenti li diġà qed jipprovdu ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali fl-għoti ta’ servizzi ta’ mentoring u ta’ konsulenza u fl-għoti ta’ inċentiv u ta’ għajnuna lill-kumpaniji, b’mod partikolari lill-SMEs, għandhom jiġu rikonoxxuti b’mod espliċitu u li r-rwol tagħhom fil-koinvestiment u fl-iffaċilitar tar-rabtiet bejn il-qasam akkademiku u dak kummerċjali għandu jiġi enfasizzat u appoġġjat aktar;

L-aġenda tal-UE għall-promozzjoni tal-mobbiltà tax-xogħol

25.

jinnota li 15 % biss tal-mobbiltà fis-suq tax-xogħol ġejja minn ċaqliq transkonfinali intern fl-UE u li s-sehem ta’ migranti tal-età li jaħdmu li ġejjin minn pajjiżi terzi huwa darbtejn ogħla mis-sehem ta’ migranti minn Stati Membri oħra; jemmen li l-elenkar tal-profili tal-ħiliet ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi kif propost mill-Kummissjoni Ewropea huwa ħaġa tajba u jisħaq li dan għandu jpoġġi enfasi fuq l-integrazzjoni soċjali u ekonomika u jinvolvi l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali. Madankollu, f’każ li jseħħ dan l-elenkar jeħtieġ li jintuża approċċ ta’ kawtela u tiġi rispettata l-integrità personali;

26.

jirrikonoxxi li l-Kummissjoni Ewropea tappoġġja l-mobbiltà tax-xogħol bħala mekkaniżmu ta’ aġġustament għall-iżbilanċi fis-swieq interreġjonali iżda jinnota li dan għandu implikazzjonijiet fuq il-prinċipju tal-koeżjoni territorjali; iħeġġeġ sabiex l-effetti tal-eżodu tal-imħuħ (brain drain) u l-impatti inugwali tal-mobbiltà tax-xogħol kemm fuq ir-reġjuni ta’ oriġini kif ukoll fuq dawk ospitanti jiġu kkunsidrati aktar, peress li biex tinkiseb din il-politika hemm ir-riskju li l-benefiċċji fil-perjodu qasir għal-livelli globali ta’ impjieg madwar l-UE jġibu magħhom spejjeż fuq perjodu itwal f’ċerti reġjuni periferiċi. Fl-aħħar nett, jappella għal dibattitu kbir dwar l-esperjenza tal-Istati Membri u r-reġjuni kostitwenti tagħhom fil-qasam tal-migrazzjoni u dwar l-implikazzjonijiet għall-potenzjal tat-tkabbir ta’ reġjuni individwali fuq perjodu twil;

Titjib fil-kwalità tax-xogħol u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol

27.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li ssir valutazzjoni fuq skala kbira tal-acquis leġislattiv attwali dwar il-kwalità tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, iżda jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tinkludi fil-kunsiderazzjonijiet tagħha l-implimentazzjoni mhux uniformi tad-direttivi tal-UE sal-lum madwar l-Istati Membri;

28.

jenfasizza l-programmi sinifikanti ta’ razzjonalizzazzjoni u l-issikkar tal-baġits li għaddejjin bħalissa fl-awtoritajiet lokali u reġjonali ta’ numru ta’ Stati Membri u jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultatjiet li dawn l-awtoritajiet jistgħu jiltaqgħu magħhom huma u jġestixxu dan u fl-istess ħin programm progressiv għat-trattament tal-ħaddiema tagħhom. Fl-isforzi tagħhom biex jippreservaw il-kwalità tas-servizzi bażiċi b’anqas riżorsi finanzjarji u umani, hemm potenzjal preokkupanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiltaqgħu ma’ diffikultajiet huma u japplikaw id-Direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol. Iż-żidiet fil-produttività waħedhom aktarx li mhumiex biżżejjed biex jintlaħaq il-volum ta’ miri ta’ servizz u ser ikun hemm pressjoni inevitabbli fuq l-ammont imnaqqas tal-impjegati biex jaħdmu ħinijiet itwal. Ladarba jkun inkiseb titjib realistiku fil-produttività, wieħed jista’ jistenna kompromess bejn anqas riżorsi ta’ ħaddiema u l-volum ta’ servizzi li jistgħu jiġu pprovduti. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu appoġġjati biex ikunu ta’ eżempju fil-konformità mar-regoli dwar l-impjieg u x-xogħol u huma mħeġġa jadottaw miri realistiċi għall-kunsinna tas-servizzi;

29.

jirrikonoxxi li l-Istati Membri jżommu l-kontroll fuq l-infurzar leġislattiv ta’ dawn il-liġijiet protettivi, iżda jissuġġerixxi li l-UE tistabbilixxi ġabra ta’ informazzjoni u għodda ta’ tixrid, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli tas-saħħa u s-sigurtà – “Osservatorju tas-Saħħa u s-Sigurtà” – sabiex ikun jista’ jsir skambju ta’ informazzjoni dwar anomaliji fl-implimentazzjoni madwar l-Istati Membri;

30.

jinnota li l-Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi tagħmel referenza għall-faqar fost dawk li jaħdmu iżda jiddispaċih li tonqos milli tagħmel proposti speċifiċi f’termini ta’ xogħol ta’ kwalità, impjieg sostenibbli u dħul adegwat sabiex tindirizza din il-kwistjoni persistenti;

Appoġġ għall-ħolqien tal-impjiegi

31.

jappoġġja l-fehma li l-SMEs ser ikunu l-mutur tat-tkabbir tal-impjiegi fil-futur u li ser ikun hemm bżonn livelli ogħla ta’ imprenditorija fl-ekonomija tal-UE sabiex il-popolazzjoni ta’ ħaddiema li qed tixjieħ tiġi appoġġjata u sabiex isir ċaqliq lil hinn mil-livelli għolja ta’ dipendenza mill-investiment dirett barrani f’ċerti reġjuni, iżda jappella sabiex ikun hemm approċċ usa’ lejn it-taħriġ fl-imprenditorija u l-adattament għall-kompożizzjoni settorjali ġdida tal-ekonomija. Hemm bżonn li ssir enfasi akbar fuq l-imprenditorija fis-sistemi edukattivi, iżda din għandha wkoll tiġi inkorporata fit-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema ta’ età aktar avvanzata, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, sabiex titħeġġeġ aktar innovazzjoni fil-postijiet tax-xogħol eżistenti;

32.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-enfasi fuq il-prinċipju “l-ewwel aħseb fiż-żgħir”, li għandu jiġi applikat fil-pilastri kollha tal-inizjattiva ewlenija; barra minn hekk, jenfasizza li m’għandux jingħata appoġġ biss lill-istart-ups, lill-SMEs il-ġodda u lill-intrapriżi ta’ teknoloġija avvanzata iżda wkoll lil negozji li għaddejjin minn żvilupp u ristrutturar, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-intrapriżi kollha;

33.

jaqbel li għandhom isiru sforzi biex l-impjieġi tas-settur informali jiġu integrati f’dak formali u jenfasizza li sabiex dan ikun jista’ jseħħ ser ikun hemm bżonn li xi attivitajiet partikolari fis-settur domestiku u ta’ kura jiġu regolati, jappella għal proposta mill-aktar fis possibbli mill-Kummissjoni Ewropea bid-dettalji dwar it-tipi ta’ inċentivi biex ikun jista’ jsir progress f’dan ir-rigward;

34.

iqis li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jikkontribwixxu wkoll lejn l-impjieg ta’ dawk li ilhom qegħda żmien twil, tal-persuni b’diżabbiltà u tal-apprentisti waqt li jwettqu l-kuntratti pubbliċi tagħhom. Pereżempju, fis-sejħa għall-offerti tagħhom, huma jistgħu jindikaw li l-intrapriża li tixtieq tirbaħ il-kuntratt trid toffri ċerta perċentwali tal-valur tal-kuntratt lill-impjieg ta’ persuni minn dawn il-gruppi speċifiċi. Il-possibbiltajiet f’dan ir-rigward bħalissa mhux qed jiġu użati biżżejjed. Għaldaqstant, b’konsisitenza mal-opinjoni tiegħu dwar “L-immodernizzar tal-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku”, il-Kumitat jirrakkomanda li fi ħdan l-UE għandha tingħata attenzjoni akbar lill-akkwist soċjali kif ukoll lill-promozzjoni tal-impjieg ta’ dawk li ilhom qegħda żmien twil, tal-persuni b’diżabbiltà u tal-apprentisti meta jingħataw il-kuntratti pubbliċi;

Servizzi finanzjarji tal-UE biex jippromovu l-ħiliet ġodda u l-impjiegi

35.

jieħu pjaċir jekk ikun hemm aktar ċarezza dwar kif l-għanijiet tal-inizjattiva ewlenija Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi għandhom jiġu indirizzati mill-programmi rilevanti tal-UE matul il-perjodu ta’ programmar attwali iżda jwissi kontra tibdil radikali fil-programmi operattivi f’dan l-istadju fil-proċess ta’ implimentazzjoni;

36.

jappoġġja l-appell għal użu aħjar tal-fondi tal-UE u għal sinerġija akbar bejniethom, kif propost fir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE (3), sabiex l-għanijiet tal-Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi jiġu appoġġjati. Madankollu, iqis li l-aħjar mod kif dan jista’ jinkiseb huwa permezz ta’:

Approċċi bbażati lokalment– koordinazzjoni mtejba bejn il-politiki settorjali u territorjali permezz ta’ approċċ ibbażat fuq diversi fondi (Qafas Strateġiku Komuni) u b’mod partikolari dimensjoni territorjali aktar b’saħħitha tal-Fond Soċjali Ewropew (li huwa implimentat permezz ta’ programmi nazzjonali wesgħin fi ftit Stati Membri biss). L-Istati Membri u r-reġjuni għandhom iżommu biżżejjed flessibbiltà biex jiddefinixxu l-prijoritajiet tagħhom stess u jfasslu taħlitiet ta’ tweġibiet politiċi adegwati għall-ispeċifiċitajiet nazzjonali/reġjonali;

Approċċ ibbażat fuq governanza f’diversi livelli– sabiex ikun hemm konformità akbar bejn l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-ambizzjonijiet tal-politika ta’ koeżjoni, tkun ħaġa tajba li jiġu stabbiliti kuntratti ta’ sħubija għall-iżvilupp u l-investiment. Dawn il-kuntratti għandhom jiġu żviluppati flimkien mal-livelli kollha ta’ governanza, sabiex jiġi żgurat li l-programmar reġjonali ma jsirx sempliċi għodda ddeterminata mill-prijoritajiet nazzjonali;

Approċċ ibbażat fuq ir-riżultati– il-monitoraġġ tal-progress f’termini ta’ indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi għall-appoġġ tal-valutazzjoni u t-tfassil tal-politika. Dan jgħin biex isaħħaħ il-miżuri mmirati lejn il-prijoritajiet u jorbot mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 (Artikolu 148 TFUE). Sabiex jintlaħaq dan, hemm bżonn li jiġi żviluppat qafas komuni għall-valutazzjoni tal-impatt fil-livell tal-UE;

37.

jieħu pjaċir jekk jiġu kkunsidrati rabtiet aktar sodi bejn l-obbligi ta’ rappurtar fil-qafas tal-Ewropa 2020 u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u dawk għall-politika ta’ koeżjoni, bl-għan li jiġu evitati sforzi doppji u li jinkisbu riżultati aktar effettivi;

38.

jirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ użu aħjar tal-fondi tal-UE sabiex jinkisbu riformi fl-oqsma tal-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ, iżda jirrifjuta proposti li l-“kundizzjonalità” tiġi abbinata b’mod vinkolanti mal-finanzjament, peress li ma għandu jkun hemm l-ebda rabta ta’ kastig bejn id-dritt ta’ reġjun li jibbenefika mill-fondi marbuta mal-politika ta’ koeżjoni u l-effettività tal-istituzzjonijiet tal-Istati Membri u l-politiki makroekonomiċi tagħhom;

39.

jissuġġerixxi li, fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta’ ċerti fondi, bħall-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, hemm bżonn ta’ koordinazzjoni aħjar bejn il-fondi kollha tal-UE li jindirizzaw il-ħiliet u l-impjiegi;

40.

jixtieq jassisti lill-Kummissjoni Ewropea fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tal-inizjattivi ewlenin tagħha mill-awtoritajiet lokali u reġjonali permezz tal-Pjattaforma tiegħu għall-Monitoraġġ tal-Ewropa 2020.

Brussell, l-1 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  COM(2010) 642, 9.11.2010.

(2)  CdR 246/2008 fin.

(3)  COM(2010) 700 19.10.2010.