2.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 259/6


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-White Paper: Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport”

2011/C 259/02

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

iqis li l-għanijiet tal-White Paper għandhom ikunu għanijiet fuq perjodu ta’ żmien iqsar biex il-politiċi responsabbli jingħataw qafas ta’ indikazzjonijiet ċari dwar l-azzjonijiet li għandhom iwettqu tul il-mandat tagħhom;

jappella għall-internalizzazzjoni totali tal-ispejjeż esterni tal-modi kollha ta’ trasport, permezz ta’ tassazzjoni armonizzata li d-dħul minnha jmur lejn it-twaqqif ta’ sistema ta’ trasport integrata u effiċjenti;

jenfasizza li l-għanijiet tal-White Paper fir-rigward ta’ bidla modali mit-trasport bit-triq għal dak bil-ferrovija, ix-xmajjar u l-baħar mhumiex biżżejjed, u jappella lill-Kummissjoni tipproponi programm aktar ambizzjuż;

huwa favur l-idea ta’ “Ċinturin Blu” bħala l-ewwel pass lejn il-ħolqien ta’ sistema solida ta’ servizzi marittimi, li għandu jkun kompletat bit-tnedija mill-ġdid tal-awtostradi tal-baħar, u jiddispjaċih li l-White Paper tal-2011 hija inqas ambizzjuża minn dik tal-2001 fil-qasam tat-trasport marittimu;

jirrakkomanda miżuri ta’ inċentiv għat-tħejjija ta’ Pjani ta’ Mobilità Urbana sostenibbli, u jitlob li r-rabta bejn il-politika tat-trasport u l-ippjanar tal-art jiġu kkunsidrati aħjar;

jaqbel mal-idea ta’ Eurobonds sabiex jiġu finanzjati l-infrastrutturi tat-trasport neċessarji għat-twettiq tat-TEN-T;

jinnota li l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, it-tneħħija tad-distorsjonijiet fiskali u tas-sussidji mhux ġustifikati kif ukoll il-kompetizzjoni ħielsa u bla xkiel għandhom ikunu parti mill-mudell Ewropew futur tat-trasport sabiex l-għażliet tas-suq jiġu allinjati mal-bżonnijiet tal-iżvilupp sostenibbli;

Relatur

Is-Sur António COSTA (PT/PSE), Sindku ta’ Lisbona

Dokument ta’ referenza

White Paper: Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti

COM(2011) 144 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET ĠENERALI

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

iqis li l-White Paper tal-2011 “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti” tindirizza l-kwistjonijiet kruċjali ewlenin għall-ġejjieni tal-politika Ewropea tat-trasport u tas-sistemi ta’ trasport tal-kontinent. Dwar dan, il-Kumitat jemmen li l-politika tat-trasport proposta għandha tintegra l-miri aktar ġenerali stabbiliti fl-Unjoni Ewropea taħt l-Istrateġija UE 2020 u l-miri tas-sostenibbiltà ambjentali mfassla l-aktar biex jingħeleb it-tibdil fil-klima, u għandha wkoll tippromwovi it-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u territorjali f’Unjoni Ewropea globali;

2.

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom responsabbiltajiet kbar fil-politika tat-trasport. Huma mhux biss jaqsmu r-responsabbiltà fil-kwistjonijiet bħall-manutenzjoni tan-netwerk tat-toroq, il-politika dwar il-parkeġġ, l-aċċessibbiltà u t-trasport pubbliku, iżda jħarsu ukoll ir-rispett tal-istandards ambjentali, bħall-kwalità tal-arja. Għalhekk huwa indispensabbli li jkunu involuti permezz tal-governanza f’diversi livelli;

3.

jirrimarka li fil-White Paper jissemmew il-bliet. Il-KtR jipproponi li minbarra l-bliet, għandhom jissemmew ukoll ir-reġjuni urbani u/jew l-agglomerazzjonijiet. F’bosta Stati Membri l-agglomerazzjonijiet urbani huma iktar influwenti fil-politika tat-trasport mill-fruntieri li jaqsmu l-lokalitajiet;

4.

jemmen li l-White Paper tal-2011 hija dokument ambizzjuż ħafna, l-aktar għax, kif wieħed seta' jistenna, l-ebda wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-White Paper tal-2001 ma ntlaħaq b’mod sħiħ. Madankollu, xi għanijiet fit-tul jistħoqqilhom jissejħu għanijiet ambizzjużi intermedjarji fuq perjodu ta’ żmien iqsar biex il-politiċi nazzjonali u reġjonali responsabbli jingħataw qafas indikattiv ċar dwar l-azzjonijiet li għandhom iwettqu tul il-mandat tagħhom;

5.

iqis li l-iżvilupp ta’ viżjonijiet għall-futur huwa meħtieġ u ġustifikat għax id-deċiżjonijiet li jittieħdu llum ser jiddeterminaw b’mod kruċjali t-trasport matul id-deċennji li ġejjin. Madanakollu m’għandux jintesa l-fatt li viżjonijiet ibbażati fuq bosta deċennji jistgħu ma jkunux daqshekk preċiżi;

6.

jemmen li l-bilanċ bejn il-modi ta’ trasport huwa marbut mill-qrib mal-kwistjoni tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni u influwenzat direttament mill-politiki tat-tariffi tat-toroq għall-użu tal-infrastruttura tat-trasport; jappoġġja b’mod ċar il-viżjoni tal-White Paper għal mudell trasparenti u applikabbli b’mod ġenerali għall-kalkolu tat-tariffazzjoni tal-infrastruttura li tapplika għall-modi kollha ta’ trasport, u jippromwovi l-internalizzazzjoni sħiħa tal-ispejjeż esterni, jirrakkomanda wkoll li d-dħul kollu mill-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli Ewropej jiġi allokat għall-integrazzjoni mtejba tal-ispejjeż esterni (fosthom id-Direttiva dwar il-Eurovignette) u l-implimentazzjoni ta’ sistema tat-trasport integrata u effiċjenti, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi u l-gżejjer;

7.

f’dan il-kuntest, u b’mod partikolari fir-rigward tal-modi tat-trasport tal-ajru u tal-baħar, huwa tal-fehma li jeħtieġ li jinsab bilanċ bejn li jiġi rispettat għalkollox il-ħarsien tal-ambjent u l-ispiża enormi addizzjonali li dan ifisser għall-gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi, li huma totalment dipendenti minn dawn il-modi ta’ trasport u li, minkejja dan, jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ fit-tnaqqis tal-emissjonijiet;

8.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea qed tħeġġeġ bidla modali effettiva mit-trasport bit-triq għal dak bil-ferrovija, ix-xmajjar u l-baħar hi u tinsisti fuq l-internalizzazzjoni sħiħa tal-ispejjeż esterni tal-modi kollha ta’ trasport bħat-tniġġis tal-arja, il-konġestjoni u l-istorbju;

9.

josserva li fil-passat il-Kummissjoni kienet indikat li l-ispejjeż esterni relatati mal-inċidenti diġà huma internalizzati b’mod effettiv permezz tal-primjums tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni. Il-KtR għandu d-dubji dwar dan u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tressaq mudelli ta’ kalkolu applikabbli għall-internalizzazzjoni tal-ispejjeż relatati mal-inċidenti li jqisu l-ispejjeż kollha kkawżati mill-inċidenti;

10.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-White Paper fiha wkoll miżuri li jippromovu mġiba ta’ vvjaġġar aktar sostenibbli, irawmu r-rieda li jiġu adottati modi ta’ vvjaġġar u teknoloġiji ġodda u jiżguraw l-aċċettazzjoni tal-internalizzazzjoni sħiħa tal-ispejjeż esterni. L-UE għandha rwol importanti x’taqdi biex tiżgura li ċ-ċittadini jifhmu u jaċċettaw il-miżuri li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jridu jieħdu biex isolvu l-problemi tat-traffiku fl-agglomerazzjonijiet;

11.

jiddispjaċih li l-White Paper ma tindirizzax biżżejjed il-kwistjonijiet tal-aċċessibbiltà u l-mobilità tal-persuni kif ukoll il-kunċett fundamentali tal-koeżjoni territorjali fil-qasam tat-trasport, b’mod partikolari fir-rigward tar-reġjuni periferiċi, ultraperiferiċi u insulari. Żona Unika Ewropea tat-Trasport Ewropew ma tistax tinkiseb mingħajr il-garanzija ta’ kundizzjonijiet ugwali ta’ aċċess għat-territorji, kemm għall-intrapriżi kif ukoll għaċ-ċittadini;

12.

jinnota li l-ħidma politika tal-KtR matul dawn l-aħħar għaxar snin ħadet pożizzjoni ċara dwar il-prinċipji u l-politiki li għandhom jiggwidaw il-politika Ewropea tat-trasport illum il-ġurnata; għalhekk, huwa tal-fehma li għandha tingħata importanza xierqa lil din il-ġabra ta’ konoxxenzi meta tiġi biex titfassal il-politika Ewropea tat-trasport għas-snin li ġejjin;

13.

bi prinċipju, jenfasizza li sistema ta’ mobbiltà effiċjenti, sostenibbli u b’emissjonijiet baxxi hija dritt taċ-ċittadini u fl-istess waqt kienet u għadha fattur determinanti għall-ekonomija, il-benessri u l-kwalità tal-ħajja. Biex l-iżvilupp tal-infrastrutturi tat-trasport ikun aktar effikaċi, għandhom jitħeġġu liġijiet ta’ pjanifikazzjoni semplifikati.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Viżjoni għal sistema kompetittiva u sostenibbli tat-trasport

14.

jaqbel mal-analiżi ppreżentata fil-White Paper dwar ix-xejriet u l-isfidi relatati li se jaffettwaw is-settur tat-trasport fl-għexieren ta’ snin li ġejjin. Evalwazzjoni solida tax-xejriet li jaffettwaw is-settur tat-trasport hija prekundizzjoni meħtieġa għat-tfassil tal-politiki tat-trasport adatti. F’dan il-lat, il-White Paper tirrifletti l-biċċa l-kbira tan-nuqqasijiet kunċettwali li jridu jitqiesu waqt id-dibattitu dwar il-ġejjieni tas-sistema ta’ trasport Ewropea;

15.

madankollu, minkejja l-fatt li t-trasport huwa importanti ħafna għall-kompetittività tal-Unjoni Ewropea, jixtieq jiċċara l-istqarrija tal-Kummissjoni Ewropea li, “It-trażżin tal-mobilità mhuwiex alternattiva”. Huwa evidenti li t-trasport għandu jissodisfa l-istennijiet tal-mobilità individwali u t-twettiq tal-iskambji ekonomiċi, però jeħtieġ li l-intrapriżi jiġu sensiblizzati aktar sabiex jikkombinaw il-vjaġġi flimkien aktar ta’ spiss, jisfruttaw il-potenzjal tar-rilokazzjoni u jużaw il-proċeduri u t-teknoloġiji li jikkontribwixxu għall-aħjar użu tat-trasport (pereżempju, telexogħol, konferenzi bil-video u l-aħjar użu possibbli ta’ sit);

16.

jappoġġja l-għaxar miri għal sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti identifikati fil-White Paper u l-użu tagħhom biex isiru l-paraguni għall-ilħuq tal-mira tat-tnaqqis ta’ 60 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra; għaldaqstant il-Kumitat jirrakkomanda li din il-mira ġenerali għandha tkun inkluża wkoll bħala parti mil-lista tal-miri identifikati fil-White Paper. Barra minn hekk, jissuġġerixxi li l-miri proposti għandhom jiġu komplementati b’miri addizzjonali għat-tnaqqis tad-dipendenza fuq iż-żejt, it-tnaqqis tal-istorbju u tat-tniġġis tal-arja;

17.

jappoġġja l-mira li sal-2030 jitnaqqas bin-nofs l-użu fit-trasport urban ta’ karozzi li jimxu bil-“fjuwil konvenzjonali”, jitneħħew gradwalment mill-bliet sal-2050 u naslu għal loġistika ta’ bliet kważi ħielsa mis-CO2 fiċ-ċentri urbani ewlenin sal-2030; anke bl-użu ta’ strumenti fiskali, xorta waħda jqis din il-miżura bħala waħda ambizzjuża ħafna. Għaldaqstant huwa tal-fehma li għandhom jiġu stabbiliti objettivi intermedji li permezz tagħhom ikun jista’ jsir pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-miżuri li se jiġu stabbiliti, u biex isir monitoraġġ tal-implimentazzjoni, u r-riżultati jiġu evalwati;

18.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea tixtieq timxi lejn applikazzjoni sħiħa tal-prinċipji ta’ “min juża jħallas” u “min iniġġes iħallas” u b’hekk telimina d-distorsjonijiet li jxekklu l-kompetizzjoni ġusta bejn il-modi tat-trasport fuq il-bażi tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni kollha; jappoġġja l-internalizzazzjoni sħiħa tal-ispejjeż soċjali u ambjentali (inklużi l-inċidenti, it-tniġġis tal-arja, l-istorbju u l-konġestjoni) permezz ta’ taxxa armonizzata fil-livell tal-modi kollha ta’ trasport u li d-dħul tagħhom jiġi allokat għall-implimentazzjoni ta’ sistema tat-trasport integrata u effiċjenti;

19.

huwa sodisfatt li għadd ta’ proposti li saru mill-KtR fl-aktar opinjonijiet riċenti tiegħu dwar il-mobilità urbana ġew inklużi fil-White Paper. F’dan ir-rigward il-Kumitat jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li toħloq inċentivi biex jittejbu u jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-vjaġġi li jsiru minn karozzi u trakkijiet konvenzjonali fil-bliet u jaqbel li flotot kbar ta’ xarabanks urbani, taksis u vannijiet li jqassmu l-merkanzija huma l-aħjar mezz biex jiddaħħlu vetturi li jużaw enerġija nadifa. Il-Kummissjoni b’raġun tinnota li l-iżvilupp u l-użu immedjat ta’ vetturi b’enerġija nadifa jista’ jkollu benefiċċji immedjati fit-tnaqqis tad-dipendenza fuq iż-żejt, kif ukoll benefiċċji għas-saħħa minħabba kwalità tal-arja mtejba fil-bliet;

20.

jappoġġja wkoll l-idea li l-bilanċ ixaqleb lejn modi tat-trasport li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent filwaqt li tinżamm l-effiċjenza ġenerali u tittejjeb l-interoperabbiltà tal-modi kollha tat-trasport. Madankollu, il-politiki attivi li jiddiskriminaw favur mod partikolari għandhom jiġu evalwati b’attenzjoni u jitqiesu fil-kuntest ta’ mudell ġust u trasparenti għall-allokazzjoni tal-fondi għat-trasport; jekk dan ma jseħħx, ikun hemm ir-riskju li jiġu promossi soluzzjonijiet tat-trasport mhux effiċjenti. Barra minn hekk, l-użu ta’ modi alternattivi ta’ trasport jitlob il-preżenza ta’ infrastruttura u servizzi adattati għal dan il-għan, biex b’hekk jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet attwali;

21.

minkejja l-kummenti t’hawn fuq, jemmen li l-għaxar miri identifikati mill-White Paper għal sistema ta’ trasport kompetittiva u li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi huma ambizzjużi b’mod ċar; għalhekk, jemmen li għandhom jiġu definiti miri u għanijiet intermedji, billi jitqiesu miri strateġiċi komplementarji diġà definiti mill-Kummissjoni Ewropea u għal dan il-għan jitlob il-kooperazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Dawn il-miri intermedji għandhom ikunu parti minn proċess ta’ monitoraġġ biex jiġi garantit is-suċċess tal-viżjoni tal-White Paper;

22.

qabel kollox, ifakkar li l-politika tat-trasport tal-Unjoni Ewropea għandha tibbaża ruħha fuq il-kunċett tal-interess ġenerali (ugwaljanza fl-aċċess għall-mezzi kollha tat-trasport, rispett tad-drittijiet soċjali, integrazzjoni tal-esternalitatjiet, eċċ.);

23.

jinnota li l-punt 137 tad-dokument ta’ ħidma (SEC(2011) 391) li jakkumpanja l-White Paper (iżda li huwa ppubblikat b’lingwa waħda biss) jgħid li, b’rabta mas-segwitu tar-Regolament 1370/2007 dwar l-obbligu ta’ servizz pubbliku fir-rigward tat-trasport, il-Kummissjoni ser tipproponi inizjattiva għall-introduzzjoni ta’ sejħiet għall-offerti kompetittivi għall-kuntratti tas-servizzi pubbliċi, intiżi biex tiġi żgurata provvista effikaċi ta’ servizzi ta’ kwalità għolja. Din l-inizjattiva trid tirrispetta l-possibbiltà li l-awtoritajiet lokali jipprovdu, taħt ċerti kundizzjonijiet, is-servizzi b’mod “in house” mingħajr kompetizzjoni;

24.

iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea twettaq integrazzjoni ġenwina tal-politiki tat-trasport tas-27 Stat Membru (it-tqarrib tal-istrutturi nazzjonali, ir-rispett tal-kompetizzjoni skont il-prinċipji tal-interess ġenerali, l-armonizzazzjoni fiskali, id-definizzjoni ta’ qafas ġdid ta’ regolamentazzjoni applikabbli għal-livelli differenti tas-sussidjarjetà) b’konformità mal-governanza f’diversi livelli;

Żona Unika Ewropea tat-Trasport

25.

jenfasizza l-ħtieġa li titnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq Ewropew tal-ferroviji sabiex jinħoloq netwerk ferrovjarju effiċjenti li joffri servizz ta’ kwalità f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħinijiet tal-vjaġġi, l-affidabbiltà u kemm jesgħu l-ferroviji. F’dan ir-rigward, għandha tinstab soluzzjoni sostenibbli u kosteffettiva bil-ħsieb li jinħoloq netwerk Ewropew kompetittiv tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija li jirrispondi għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dan it-tip ta’ traffiku. Barra minn hekk, għandhom jingħelbu l-ostakli tekniċi kruċjali, relatati pereżempju mad-distanza bejn iż-żewġ roti tal-ferroviji. Barra minn hekk, joħroġ biċ-ċar li t-trasport tal-merkanzija bil-ferroviji u dak bil-baħar fuq distanzi qosra, u b’mod partikolari l-użu komplementari taż-żewġ modi, għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tal-ekonomiji reġjonali li jinsabu f’reġjuni mbiegħda. Għal dan il-għan, u sabiex jiġi żgurat li dawn il-modi ta’ trasport sostenibbli jaħdmu tajjeb, jeħtieġ li jiġu żviluppati wkoll konnessjonijiet ma’ ċentri loġistiċi, sabiex isir l-aħjar skambju intermodali possibbli u sabiex is-sistema kollha tkun effettiva, filwaqt li tiġi evitata l-proliferazzjoni tal-installazzjonijiet loġistiċi li ma jkollhomx il-karatteristiċi li jistgħu jressqu s-sistema tat-trasport lejn l-intermodalità u l-komodalità;

26.

jappoġġja l-idea tat-tisħiħ ta’ politika Ewropea tat-trasport li tkun imsejsa fuq sett ta’ regoli koerenti, komprensivi u stabbli għall-utenti u l-operaturi, l-użu ta’ teknoloġiji u soluzzjonijiet tat-trasport avvanzati u l-bini jew it-titjib ta’ infrastrutturi adegwati. Dan ikun jeħtieġ l-ikkompletar tas-suq intern għas-servizzi tat-trasport u t-tneħħija ta’ ostakli regolatorji, amministrattivi u tekniċi fil-modi kollha ta’ trasport, kif ukoll tisħiħ konsistenti tar-regoli ta’ kompetizzjoni, standards ta’ servizz imtejba u t-tisħiħ tad-drittijiet tal-utenti;

27.

jinnota li huwa importanti li f’dan ir-rigward ma jitqisux biss il-konnessjonijiet fuq distanzi twal iżda wkoll in-netwerks reġjonali relatati. Barra minn hekk, jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lir-reġjuni konfinali, li qed jiffaċċjaw problema. Ta’ min isemmi b’mod partikolari d-differenzi fir-rigward tas-sistemi ta’ pagament, il-konnessjonijiet tekniċi, il-ħinijiet u l-oqfsa leġislattivi;

28.

ifakkar mill-banda l-oħra li fejn jidħol il-ftuħ tas-swieq tal-ferrovija għadu ma sarx biżżejjed progress. Għalhekk jeħtieġ li r-regoli tekniċi u legali li jmexxu s-swieq tal-ferrovija jittejbu u jiġu standardizzati. Fl-istess ħin, għandhom jiddaħħlu possibbiltajiet għal kofinanzjament;.

29.

ifakkar li l-liberalizzazzjoni u l-wasla ta’ membri ġodda fis-suq, meta dawn iseħħu, għandhom jiġu akkumpanjati mill-ħolqien ta’ dispożizzjonijiet li jippermettu li jikber is-sehem tas-suq ferrovjarju (b’mod partikolari li jiġu standardizzati l-materjali, il-kundizzjonijiet ta’ ċirkulazzjoni, l-istandards ta’ sigurtà fuq in-netwerks permezz tar-rwol tal-aġenziji Ewropej) fid-dawl tal-fatt li huwa permezz t’hekk li jiġu promossi l-kreattività u l-implimentazzjoni ta’ servizzi aktar diversifikati għall-benefiċċju tal-konsumaturi u ta’ bidla modali ġenwina;

30.

jenfasizza, fir-rigward tal-bidla modali mit-trasport bit-triq lejn dak bil-ferroviji, ix-xmajjar u l-baħar, li l-għan tal-White Paper li jonqos is-sehem tat-trasport tal-merkanzija bit-triq għal distanzi ta’ aktar minn 300 km mhuwiex ambizzjuż biżżejjed (tnaqqis ta’ 30 % minn issa sal-2030 u ta’ 50 % sal-2050); għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea li tipproponi programm ambizzjuż li joħloq awtostradi għall-ferroviji madwar l-Ewropa kollha. Din it-tip ta’ infrastruttura biss tista’ twassal biex fuq perjodu twil jitneħħa t-traffiku tal-merkanzija fuq distanzi twal mit-toroq u b’hekk tissaħħaħ il-koeżjoni territorjali, speċjalment mal-pajjiżi fil-periferija;

31.

jappoġġja l-implimentazzjoni sħiħa tal-inizjattiva Ajru Uniku Ewropew u t-tlestija tas-suq intern għas-servizzi ferrovjarji. Huwa favur ukoll l-idea ta’ “Ċinturin Blu” bħala l-ewwel pass lejn il-ħolqien ta’ sistema solida ta’ servizzi marittimi li għandhom jiġu komplementati bil-kunċett tal-Awtostradi tal-Baħar, inkluża viżjoni ġdida tal-importanza tal-bastimenti bħala infrastrutturi mobbli reali;

32.

huwa tal-fehma li għandhom jiġu kkunsidrati b’mod speċjali l-konnessjonijiet tar-reġjuni ultraperiferiċi mal-kontinent Ewropew u mal-pajjiżi terzi ġirien; in-nuqqas ta’ aċċessibbiltà li dawn ir-reġjuni tradizzjonalment iġarrbu jippenalizzahom u jwaqqafhom milli jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq uniku Ewropew u milli jiżviluppaw l-ekonomiji tagħhom fl-ambitu reġjonali tagħhom;

33.

jiddispjaċih li l-White Paper tal-2011 tirrappreżenta pass lura f’termini tal-politika pro-marittima tat-trasport, meta mqabbla ma’ dik tal-2001 (li nediet l-Awtostradi tal-Baħar), u b’mod partikolari li l-lista ta’ inizjattivi mehmuża mal-White Paper ma tagħtix informazzjoni dwar il-ġejjieni tal-Awtostradi tal-Baħar u lanqas dwar il-ġejjieni tal-programm Marco Polo;

34.

huwa wkoll tal-fehma li r-reġjuni li b’riżultat tal-karatteristiċi topografiċi tagħhom (bħar-reġjuni muntanjużi), iġarrbu l-emissjonijiet tat-trasport b’mod aktar serju, jeħtieġu regolamenti u miżuri speċifiċi sabiex jitnaqqas il-volum tat-trasport u l-effetti relatati sal-punt li l-effetti negattivi fuq saħħet il-bniedem u l-ambjent jiġu eliminati għalkollox;

35.

iqis li għandhom isiru aktar sforzi għall-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet tat-trasport aħjar u aktar effiċjenti li jtejbu l-konnessjonijiet bejn it-territorju kontinentali Ewropew u r-reġjuni insulari u ultraperiferiċi tiegħu, kif ukoll ir-rabtiet kollha mar-reġjuni li jinsabu lil hinn mill-fruntieri esterni tal-UE;

36.

jenfasizza wkoll li, minbarra t-tisħiħ tal-konnessjonijiet bejn il-Lvant u l-Punent tal-Ewropa, huwa essenzjali wkoll li, għal raġunijiet ta’ koeżjoni u ta’ kompetittività, jiġu promossi konnessjonijiet effiċjenti bejn l-Ewropa ċentrali u l-fruntieri esterni tal-Ewropa kif ukoll ir-reġjuni li jinsabu aktar ’il bogħod li jgħaqqdu l-Ewropa mal-Mediterran u maż-żoni Atlantiċi. Dwar dan, il-KtR jixtieq jenfasizza l-importanza kruċjali tal-portijiet u l-ajruporti u tal-konnessjonijiet tagħhom maż-żoni interni tal-artijiet fl-integrazzjoni tal-UE fis-suq globali, l-aktar mar-reġjuni tal-Afrika, l-Amerka u l-Asja, kif ukoll il-potenzjal strateġiku tal-gżejjer Atlantiċi bħala pjattaformi loġistiċi għat-trasport;

37.

josserva li se jsiru wkoll sforzi speċjali għall-iżvilupp immirat tal-ħames rotot ewlenin li ġew identifikati mill-Kummissjoni Ewropea fil-qafas tal-linji gwida għat-trasport fl-Ewropa u fil-pajjiżi ġirien. F’dan ir-rigward, ir-rotta ċentrali ser tirrikjedi sforzi ikbar mill-UE u l-Istati Membri li jinsabu matulha. Huwa jilqa’ bi pjaċir l-għan li n-netwerk ċentrali li qed jiġi stabbilit fil-qafas tat-TEN-T ikun aktar flessibbli. F’dan il-kuntest ikun jaqbel li jiġu applikati metodi ta’ valutazzjoni trasparenti li jiggarantixxu kemm is-sigurtà tal-investimenti mwettqa kif ukoll aġġornament u twessigħ kontinwi tan-netwerk TEN-T;

38.

jilqa’ l-proposta għar-reviżjoni tar-Regolament tas-Slottijiet favur użu aktar effiċjenti tal-kapaċità tal-ajruporti. Minkejja dan, huwa vitali li jitqies kollox qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet finali, ikunu liema jkunu, dwar skedi ġodda tal-ħinijiet, speċjalment għal ajruporti li jinsabu f’żoni urbani fejn l-impatti ambjentali huma aktar kritiċi;

39.

jenfasizza l-importanza li jinġiebu flimkien il-kompetittività u l-aġenda soċjali billi nibnu fuq id-djalogu soċjali, sabiex jiġu evitati l-kunflitti soċjali, li wrew li jikkawżaw telf ekonomiku sinifikanti f’għadd ta’ setturi;

40.

jilqa’ l-inizjattivi proposti għat-titjib tas-sigurtà permezz ta’ approċċ komprensiv li jgħaqqad flimkien il-politika, il-leġislazzjoni u l-monitoraġġ tas-sigurtà tat-trasport tal-ajru u dak marittimu. B’mod partikolari, hija relevanti immens il-promozzjoni ta’ metodi ta’ monitoraġġ imtejba li permezz tagħhom ikunu jistgħu jiġu kkontrollati għadd akbar ta’ passiġġieri bl-inqas problemi, filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali tal-passiġġieri;

41.

jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-“viżjoni żero” (biex l-imwiet jitnaqqsu għal żero) marbuta mas-sikurezza tat-toroq filwaqt li jagħraf il-ħafna sfidi li tippreżenta u l-livell ta’ ambizzjoni li tinvolvi. F’dan ir-rigward, huwa rrakkomandat li jiġi adottat approċċ divrenzjat, pereżempju billi jiġi stabbilit rapport bejn id-densità tat-traffiku u l-għadd ta’ vittmi ta’ inċidenti tat-toroq. Fil-fatt, jeżistu differenzi kbar bejn il-bliet u r-reġjuni fir-rigward tal-għadd ta’ mwiet fit-toroq u l-miżuri li diġà ġew adottati. Standard ġenerali jolqot b’mod sproporzjonat il-bliet u r-reġjuni li diġà adottaw miżuri effettivi li wasslu għal tnaqqis fl-għadd ta’ mwiet ikkawżati minn inċidenti fit-toroq. Barra minn hekk, is-sigurtà fit-toroq ma tiddependix biss mit-teknoloġija iżda wkoll mill-imġiba tal-bniedem. Dwar dan, il-KtR jirrakkomanda l-armonizzazzjoni tal-ispezzjonijiet perjodiċi tal-vetturi u li l-edukazzjoni dwar is-sigurtà fit-toroq tiġi inkluża bħala parti mill-programmi tal-iskejjel tas-sewqan fl-Ewropa. Dawn il-kontrolli tekniċi armonizzati jistgħu jiġu applikati wkoll f’oqsma oħra, pereżempju għall-emmissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra. Barra minn hekk, il-bidla fil-mudelli tal-imġiba tan-nies tista’ twassal biex jitnaqqas l-ammont ta’ traffiku, u b’dan il-mod tagħti kontribut konsiderevoli biex tiżdied is-sikurezza tat-toroq;

42.

iqis li l-miżuri relatati mas-sigurtà fit-toroq għandhom ikunu bbażati fuq eżempji ta’ prattika tajba; għandu jkun possibbli li jiġu aġġustati u adattati skont is-sitwazzjoni lokali. F’dan il-kuntest, nixtiequ wkoll nirreferu għall-opinjoni preċedenti tal-KtR dwar il-linji gwida politiċi dwar is-sigurtà fit-toroq mill-2011 sal-2020;

43.

fir-rigward tat-trasport ferrovjarju, għandu jsir in-norma l-użu ta’ sistema Ewropea ta’ senjalazzjoni u ta’ ġestjoni tat-traffiku (ERTMS) fuq il-linji ferrovjarji kollha. Għaldaqstant, jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lit-taqsimiet transkonfinali, li fuqhom għad hemm punti ta’ konġestjoni minħabba d-diverġenzi tas-sistemi tas-sigurtà.

44.

dwar dan, itenni l-appoġġ tiegħu għall-idea tal-armonizzazzjoni tad-diversi definizzjonijiet ta’ korrimenti gravi, sabiex l-effettività tal-politika dwar is-sigurtà fit-toroq tkun tista’ tiġi monitorjata u valutata aħjar. Barra minn hekk, jipproponi l-għoti tal-aċċess u l-interoperabbiltà tar-reġistri tar-reati tat-traffiku fit-triq sabiex ikun possibli li jiġu applikati sanzjonijiet li jqisu l-ksur li jkun sar fi Stati Membri oħra;

L-innovazzjoni għall-ġejjieni – it-teknoloġija u l-imġiba

45.

jappoġġja għalkollox il-viżjoni ppreżentata fil-White Paper għal Politika Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni fit-Trasport li tipproponi sforzi konġunti għar-riċerka: jaqbel ukoll mal-oqsma li hemm bżonn jiġu indirizzati, jiġifieri, l-effiċjenza tal-vetturi permezz ta’ magni, materjali u disinn ġodda, użu aktar nadif tal-enerġija permezz ta’ sorsi ta’ enerġija u sistemi ta’ propulsjoni ġodda, u użu aħjar tan-netwerk u tħaddim b’aktar sigurtà u sikurezza permezz tas-sistemi ta’ informazzjoni u komunikazzjoni;

46.

jilqa’ l-proposta ppreżentata fil-White Paper biex jiġu definiti standards adegwati għall-emissjonijiet tas-CO2 ta’ vetturi f’kull mod ta’ trasport, jiġu stabbiliti regoli dwar l-interoperabbiltà tal-infrastruttura għat-tariffazzjoni ta’ vetturi li jużaw enerġija nadifa u jitwaqqfu linji gwida u standards għall-infrastrutturi tal-provvista tal-fjuwil (refuelling); dan kollu għandu jsir bl-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

47.

jenfasizza l-importanza ta’ politika tal-UE li tindirizza l-problemi tal-vetturi fis-sors tagħhom, permezz ta’ standards fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u fuq it-tniġġis tal-arja u l-istorbju, flimkien ma’ standards sabiex tissaħħaħ is-sikurezza attiva u passiva tal-vetturi. F’dan ir-rigward huwa indispensabbli li l-introduzzjoni ta’ titjib tekniku essenzjali fit-teknoloġija tal-vetturi tkun marbuta mar-rispett tal-limiti tal-emissjonijiet għall-istorbju u l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-arja;

48.

iqis li l-imġiba fl-ivvjaġġar u s-sewqan huma kwistjonijiet ċentrali biex jintlaħqu kompletament il-miri stabbiliti mill-White Paper; għalhekk, jilqa’ l-inizjattivi kollha inklużi fil-White Paper għall-promozzjoni tal-għarfien fost il-pubbliku dwar id-disponibbiltà ta’ alternattivi għal trasport individwali konvenzjonali, u miżuri mfassla biex itejbu l-imġiba tas-sewwieqa; madankollu jqis li hemm bżonn isir aktar fil-qasam tal-imġiba fl-ivvjaġġar, b’mod partikolari fit-tħejjija tal-pubbliku Ewropew tal-futur biex jadotta attitudnijiet ġodda lejn il-mobilità iżda wkoll fl-adattament tal-infrastruttura tat-trasport adegwata;

Mobilità urbana

49.

jilqa’ l-proposti dwar il-Pjani ta’ Mobilità Urbana li hemm fil-White Paper. L-iżvilupp ta’ pjani ta’ mobilità urbana sostenibbli, tal-inqas għall-bliet il-kbar, kien talba ċentrali tal-KtR fl-opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper;

50.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fil-fehma tal-Kummissjoni, parti kbira mill-effetti esterni tas-sistemi tat-trasport jolqtu l-iżjed liż-żoni b’ħafna bini. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jafu l-aħjar kif isolvu dawn it-tipi ta’ problemi. Għalhekk, huwa importanti li jkollhom l-istrumenti neċessarji biex iwettqu dan il-kompitu. Għandu jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà, iżda l-UE tista’ tappoġġja l-ħidma fil-livell lokali u reġjonali billi tippromovi l-kooperazzjoni u t-tixrid tal-esperjenzi u billi tinkoraġġixxi bidla fl-attitudni;

51.

jirrakkomanda miżuri ta’ inċentiv għat-tħejjija ta’ Pjani u Awditjar ta’ Mobilità Urbana sostenibbli, sakemm id-deċiżjonijiet jibqgħu f’idejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali kkonċernati, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; u jfakkar fl-opinjoni preċedenti tiegħu favur it-twaqqif ta’ strument finanzjarju ġdid fil-perspettivi finanzjarji 2014-2020 li jippermetti l-finanzjament konġunt tal-Pjani ta’ Mobilità Urbana. It-tressiq ta’ applikazzjoni għal Awditjar tal-Mobilità Urbana jista’ jikkontribwixxi għall-proċess tal-istabbiliment ta’ premju Ewropew annwali għall-aqwa inizjattivi trasferibbli fil-qasam tat-trasport. Dan il-premju mbagħad jista’ jagħmel parti minn sistema ekwivalenti għall-“Iskema ta' Bandiera Blu” mal-Ewropa kollha li tingħata liż-żoni urbani b’livelli baxxi ta’ tniġġis ambjentali u konġestjoni kif propost mill-KtR fil-passat;

52.

jemmen li l-bliet ippjanati sew li jadottaw proċessi ta’ produzzjoni aktar effiċjenti u li jeliminaw is-soluzzjonijiet tat-trasport superfluwi jippromwovu aċċessibbiltà ogħla għall-oġġetti, in-nies u s-servizzi. Għalhekk, jirrakkomanda li l-ippjanar urban u dak dwar il-mobilità għandhom jiġu indirizzati b’mod aktar integrat;

53.

qed isegwi b’interess l-inizjattivi lokali li jintroduċu t-tariffazzjoni tal-utenti tat-toroq urbani u l-iskemi għar-restrizzjoni tal-aċċess, u jappoġġja l-introduzzjoni ta’ standards tekniċi komuni li jiżguraw l-interoperabbiltà, bil-għan li dawn l-inizjattivi lokali jinżammu milli joħolqu ostakli tekniċi għall-moviment ħieles fl-Unjoni Ewropea;

54.

jenfasizza r-rwol ċentrali tas-soluzzjonijiet tekniċi u organizzattivi bħat-teknoloġiji tal-informazzjoni fl-appoġġ ta’ xejriet ġodda ta’ mobilità bbażati fuq l-użu konġunt tal-modi kollha ta’ trasport għall-ivvjaġġar u l-ġarr tal-merkanzija (eż. sistemi għall-ħruġ ta’ biljetti intermodali, dokumenti intermodali li jridu jiġu pprovduti għall-ġarr tal-merkanzija, tfassil ta’ rotot b’mod elettroniku, lokalizzar tal-merkanzija, informazzjoni f’ħin reali dwar it-twassil) bil-għan li jiġi ottimizzat l-użu tat-trasport ta’ merkanzija ħafifa eżistenti (użu komuni tal-vetturi, żvilupp ta’ vetturi elettriċi għal distanzi qosra, sistema ta’ car sharing, car-pooling, arkitettura tat-trasport u tal-korrispondenzi, użu tal-karozzi tal-linja u tat-tram b’mod prijoritarju), peress li l-governanza tas-sistema lokali u reġjonali tat-trasport hija sfida ewlenija ttraskurata fil-White Paper;

55.

jirrakkomanda d-definizzjoni ta’ strateġija għat-tqarrib lejn “loġistiki urbani b’żero emissjonijiet”, li ġġib flimkien aspetti tal-ippjanar tal-art, l-aċċess bil-ferroviji, il-baħar u x-xmajjar, it-tariffazzjoni u l-istandards teknoloġiċi tal-vetturi permezz tal-promozzjoni ta’ akkwist pubbliku konġunt għal vetturi b’emissjonijiet baxxi fil-flotot kummerċjali (vannijiet tal-kunsinni, taksis, xarabanks, eċċ.).

56.

jitlob li r-rabta bejn id-dimensjoni urbana tal-politika tat-trasport u l-kunċett usa’ tal-ippjanar tal-art jiġu kkunsidrati aħjar sabiex jitjiebu mhux biss it-trasport urban u l-infrastrutturi iżda wkoll biex tiġi miġġielda l-espansjoni urbana (urban sprawl) u jerġgħu jiġu kkunsidrati r-relazzjonijiet bejn il-bliet u l-ambjent dirett tagħhom (urban/rurali); hawnhekk għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-tisħiħ tat-trasport pubbliku fuq distanzi qosra;

Infrastruttura moderna, ipprezzar u finanzjament intelliġenti

57.

bħala parti mir-reviżjoni tal-politika dwar it-TEN-T li għaddejja bħalissa, jappoġġja l-istabbiliment ta’ netwerk ċentrali ta’ infrastruttura Ewropea strateġika li jintegra lir-reġjuni kollha tal-Unjoni Ewropea, u jappoġġja wkoll il-punti prinċipali ta’ referenza għat-trasport u l-loġistika, u li jagħti forma liż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport fejn għandhom jiġu eliminati l-konġestjonijiet u għandu jinħolqu l-konnessjonijiet adegwati mas-suq globali;

58.

jinnota li l-għanijiet inklużi fil-White Paper ma jistgħux jitwettqu b’mod sħiħ jekk ma jingħatawx il-fondi adegwati, filwaqt li wieħed iżomm f’rasu l-ispeċifiċità reġjonali tal-koeżjoni tal-Istati Membri differenti u l-impenji taħt il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-fatt il-White Paper tevita s-suġġett tar-riżorsi baġitarji u mhux baġitarji li għandhom jiġu allokati għall-politika tat-trasport tal-UE u għall-infrastrutturi. F’dan ir-rigward, il-KtR jappoġġja l-proposta li jintuża self Ewropew jew Eurobonds bħala strumenti ewlenin biex jiffinanzjaw l-infrastrutturi tat-trasport meħtiġin. Il-KtR ifakkar li dan l-investiment kbir għandu jingħata spinta permezz ta’ rieda politika ġenwina fl-ogħla livell li mingħajrha l-ambizzjonijiet tal-politika Ewropea tat-trasport, li huma indispensabbli għall-kompetittività reġjonali, jibqgħu biss xewqat fiergħa;

59.

jinnota li l-politika ta’ koeżjoni għandha l-miri tagħha stess u tagħmel parti minn approċċ reġjonali integrat u li mhuwiex mixtieq li l-baġit tagħha jintuża biex jiffinanzja l-politika Ewropea tan-netwerks ta’ trasport. Madankollu jeħtieġ li tiġi promossa l-koerenza bejn il-proġetti tal-infrastrutturi ffinanzjati mill-politika ta’ koeżjoni u l-għanijiet tal-politika Ewropea tat-trasport;

60.

jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu riveduti r-riżorsi maħsubin għall-infrastuttura tat-trasport proposta fil-baġit futur tal-UE u li jitħeġġeġ aktar l-impenn tas-settur privat b’mod aktar trasparenti. Barra minn hekk, il-Kumitat huwa favur ukoll il-promozzjoni ta’ strumenti ġodda ta’ finanzjament għas-settur tat-trasport, partikolarment l-inizjattiva tal-UE dwar is-self obbligatorju għall-finanzjament tal-proġetti;

61.

jinnota li l-internalizzazzjoni tal-esternalitajiet, l-eliminazzjoni tad-distorsjonijiet fiskali u s-sussidji mhux ġustifikati u l-kompetizzjoni ħielsa u bla distorsjonijiet għandhom ikunu parti mill-isforz biex l-għażliet tas-suq ikunu koerenti ma’ bżonnijiet sostenibbli; għalhekk il-Kumitat jappoġġja l-approċċ għal ipprezzar u tassazzjoni intelliġenti li jfittex l-internalizzazzjoni sħiħa u mandatorja tal-ispejjeż esterni tat-trasport bit-triq u l-ferrovija, tat-tniġġis lokali u tal-istorbju fil-portijiet u l-ajruporti, kif ukoll tat-tniġġis tal-arja fuq il-baħar, u jirrakkomanda li tiġi eżaminata l-applikazzjoni mandatorja tat-tariffazzjoni tal-internalizzazzjoni fuq l-ilmijiet interni kollha fit-territorju tal-UE; in-nuqqas ta’ alternattivi fit-trasport lejn u mir-reġjuni insulari u ultraperiferiċi għandu jitqies meta jiġu applikati t-tariffi fuq l-internalizzazzjoni tal-esternalitajiet tat-trasport;

62.

madankollu, jinsisti li hemm bżonn li jitqiesu l-limitazzjonijiet speċifiċi tar-reġjuni periferiċi fil-mekkaniżmi futuri tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni (il-Eurovignette u s-suċċessuri tagħha). Kull mekkaniżmu li mhux ser iqis l-iżvantaġġ tad-distanza ser ikun qed jippenalizza l-atturi u l-aġenti ekonomiċi tar-reġjuni mbiegħda;

63.

jenfasizza li, minkejja l-importanza ta’ din il-miżura, il-miri stabbiliti għall-2016 u l-2020 jidhru li huma ambizzjużi ħafna u, abbażi tal-esperjenza preċedenti u dik attwali (eż. il-leġislazzjoni imsejħa tal-“Eurovignette”), diffiċilment jiġu implimentati;

Id-dimensjoni esterna

64.

jappoġġja għalkollox l-aspett tad-dimensjoni esterna tal-White Paper; f’dan ir-rigward, jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li r-regoli tas-suq intern jiġu estiżi permezz ta’ ħidma f’organizzazzjonijiet internazzjonali, il-promozzjoni ta’ standards Ewropej tas-sigurtà, is-sikurezza, il-privatezza u l-ambjent madwar id-dinja kollha permezz ta’ kooperazzjoni bilaterali u multilaterali u t-tisħiħ tad-djalogu dwar it-trasport mal-imsieħba ewlenin;

65.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa aktar il-kunċett tad-dimensjoni internazzjonali tas-sistema tat-trasport Ewropew u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tintegra bis-sħiħ id-dimensjoni Mediterranja u Atlantika tan-netwerk tat-trasport, li bla dubju għandha impatt fuq l-iżvilupp tat-trasport fl-Unjoni Ewropea, u hija wkoll mezz essenzjali għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni indispensabbli bejn iż-żewġ xtut tal-Mediterran u l-integrazzjoni kompetittiva u sostenibbli fis-suq dinji.

Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO