1.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 192/20


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali”

2011/C 192/05

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza li l-pagamenti diretti għandhom ikomplu jirrappreżentaw il-bażi tal-istabbilizzazzjoni tad-dħul tal-bdiewa bħala ħlas għas-servizzi pubbliċi li joffru u kumpens għall-istandards ogħla tal-produzzjoni fl-UE bil-kundizzjoni li d-diżakkoppjar ma joħloqx ir-riskju li tisparixxi l-produzzjoni fiż-żoni bi żvantaġġi naturali permanenti;

jenfasizza li l-Politika Agrikola Komuni (PAK) u l-politika ta’ koeżjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati separatament. L-għanijiet territorjali ta’ dawn iż-żewġ politiki jridu jintrabtu flimkien aktar minn qatt qabel, speċjalment fil-livell tal-UE;

itenni l-appoġġ tiegħu għall-proposta li jiġi definit qafas strateġiku komuni li jkopri l-Fondi Strutturali u l-fondi l-oħra ta’ żvilupp territorjali bħalma huma l-FAEŻR (Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali) u l-FES (Fond Ewropew għas-Sajd);

jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-linji gwida preliminari maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea rigward ir-regolamentazzjoni tas-swieq agrikoli wara l-2013, u jemmen li l-futur tal-politika agrikola komuni jiddependi b'mod inseparabbli miż-żamma tal-mekkaniżmi ta’ regolamentazzjoni pubblika tas-swieq għall-ġlieda kontra l-volatilità tal-prezzijiet u għall-iżgurar ta’ prezzijiet stabbli għall-produtturi u l-konsumaturi;

jisħaq li l-futur tal-PAK għandu jitqies b'rabta mal-futur tal-politika kummerċjali Ewropea. Jekk l-UE trid tagħti l-kontribut tagħha lis-sigurtà tal-provvista alimentari fid-dinja, allura l-politika kummerċjali tal-UE u dik internazzjonali jridu jagħmlu dak li hemm bżonn, fil-qafas tad-WTO u lil hinn minnu, biex jiżguraw li l-agrikoltura fl-UE tkun tista' tipproduċi f'kundizzjonijiet ġusti;

jiġbed l-attenzjoni għar-responsabbiltà sussidjarja fit-tfassil tal-politika ta’ koeżjoni u l-politika agrikola futuri. Mingħajr ma jiddubitaw mill-approċċ Komunitarju għal dawn il-politiki u mill-valur miżjud ta’ politika komuni, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu involuti iktar milli kienu s'issa fid-deċiżjonijiet dwar l-istrutturar tal-pilastri futuri tal-PAK. It-twaqqif ta’ qafas ta’ governanza f'diversi livelli huwa assolutament neċessarju jekk l-għan huwa li fl-istess ħin ikun hemm approċċ Komunitarju għall-PAK, li tissaħħaħ ir-responsabbiltà lokali u li tittejjeb l-aċċettazzjoni tal-PAK fi ħdan is-soċjetà;

jenfasizza l-fatt li l-għanijiet tal-politika agrikola komuni jistgħu biss jintlaħqu jekk wara l-2014 ikun għad hemm biżżejjed riżorsi finanzjarji.

Relatur

Luis DURNWALDER (IT/PPE), President tal-Eżekuttiv tal-Provinċja Awtonoma ta’ Bolzano

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni

Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali

COM(2010) 672 finali

I.   KUMMENTI ĠENERALI

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Jinnota dan li ġej:

1.

L-agrikoltura hija ta’ importanza kbira għall-iżvilupp taż-żoni rurali fl-Ewropa billi timpjega mat-30 miljun persuna. Dawn iż-żoni jkopru 90 % tat-territorju tal-Unjoni Ewropea u 60 % taċ-ċittadini Ewropej jgħixu fihom.

2.

L-agrikoltura tippermetti li tiġi żgurata l-provvista tal-ikel fl-UE, tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-attività ekonomika, toħloq l-impjiegi, u toħloq ukoll postijiet ta’ għajxien ta’ kwalità għolja, tikkontribwixxi għas-sistemi idroġeoloġiċi tar-reġjun u tippreserva l-pajsaġġi kultivati u t-tradizzjonijiet. Mingħajr l-agrikoltura ma jistax ikun hemm żvilupp multifunzjonali u sostenibbli taż-żoni rurali fl-Ewropa.

3.

Għalhekk, sa mit-twaqqif tal-Komunità Ekonomika Ewropea, il-PAK hija waħda mill-ħidmiet ewlenin tagħha. Hija uriet li politika Komunitarja tista' ġġib magħha valur miżjud kbir għas-soċjetà Ewropea, fejn l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 jistgħu jissaħħu permezz ta’ patti territorjali.

4.

Il-PAK kienet u għadha effikaċi għax matul is-snin hija dejjem għarfet l-isfidi ġodda fl-Ewropa u fid-dinja u adattat ruħha għalihom.

5.

Il-kundizzjonijiet ekonomiċi globali, il-volatilità tal-prezzijiet, it-tnaqqis fid-dħul tal-bdiewa, id-domanda dejjem tikber għall-prodotti tal-ikel u l-materja prima agrikola fid-dinja u l-ħtieġa għas-sostenibbiltà u għal metodi ta’ produzzjoni iktar ekoloġiċi, b'mod speċjali għal ħarsien ikbar tal-klima u protezzjoni mill-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima fl-agrikoltura, iżda wkoll għal protezzjoni aħjar tal-annimali u għal protezzjoni tajba tal-konsumaturi, f'termini ta’ sigurtà tal-provvista tal-ikel u ta’ garanzija tal-provvisti agrikoli, jeħtieġu struttura ġdida tal-PAK wara l-2013.

6.

Fil-85 sessjoni plenarja tiegħu tad-9 u l-10 ta’ Ġunju 2010, il-Kumitat tar-Reġjuni adotta opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar il-futur tal-PAK wara l-2013, li fiha l-Kumitat jistqarr li l-PAK għandha:

tibqa' politika komuni;

tiggarantixxi l-indipendenza u s-sigurtà tal-provvista alimentari tal-Ewropej;

tiggarantixxi l-istabbiltà tad-dħul tal-bdiewa;

tkun ta’ benefiċċju għall-prodotti kollha, tippromovi tibdil fil-metodi agrikoli u tiffavorixxi l-impjiegi u l-użu sostenibbli tal-art;

tiffavorixxi s-sistemi ta’ produzzjoni li l-iżjed li jirrispettaw l-ambjent u r-riżorsi naturali, inklużi l-pajsaġġ u l-bijodiversità;

tqis l-iżvantaġġi naturali u ġeografiċi (muntanji, gżejjer, żoni b'popolazzjoni baxxa, reġjuni ultraperiferiċi);

tikkonċentra fuq l-agrikoltura u l-produzzjoni tal-ikel;

tikkontribwixxi għall-iżvilupp u s-semplifikazzjoni ta’ ċerti modalitajiet ta’ implimentazzjoni u amministrazzjoni speċifiċi tal-ewwel u t-tieni pilastru tal-PAK, b'mod partikolari billi jiġu involuti aktar u aħjar l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

ikollha baġit li jaqbel mal-isfidi u l-problemi tal-ġejjieni.

7.

Fis-27 ta’ Jannar 2011, il-Kumitat tar-Reġjuni adotta opinjoni ta’ prospettiva dwar “Is-sistemi tal-ikel lokali”, b'enfasi fuq il-valur ta’ agrikoltura Ewropea varjata u l-valur miżjud ta’ kummerċjalizzazzjoni lokali għall-ħtiġijiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi.

8.

B'segwitu għall-ħidma tal-KtR fuq ir-riforma tal-PAK u b'risposta għall-Komunikazzjoni ta’ Novembru 2010, il-Kumitat tar-Reġjuni jinnota u japprova l-fatt li l-Kummissjoni f'din il-Komunikazzjoni tindirizza bosta punti mqajma fl-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni msemmija hawn fuq u tistqarr li huma validi u li għandhom jiġu kkunsidrati fir-riforma.

9.

Il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza b'mod speċjali l-importanza tal-PAK, fuq kollox tat-tieni pilastru tagħha, għall-iżvilupp globali taż-żoni rurali fl-Ewropa. Din għandha ħafna punti komuni mal-politika ta’ koeżjoni u għalhekk dawn l-oqsma ta’ politika ma jistgħux jiġu kkunsidrati separatament, għalkemm huma indipendenti u meħtieġa t-tnejn li huma. Fuq kollox l-għanijiet territorjali ta’ dawn il-politiki jridu jiġu kkoordinati aħjar fil-livell tal-UE. Il-Kumitat jenfasizza l-bżonn li jiġu allokati biżżejjed riżorsi għall-Assi 3 tat-tieni pilastru bil-għan li li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja u titħeġġeġ id-diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali.

10.

Il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza r-responsabbiltà sussidjarja fit-tfassil tal-politika ta’ koeżjoni u l-politika agrikola futuri. Mingħajr ma jiddubitaw mill-approċċ Komunitarju għal dawn il-politiki u mill-valur miżjud ta’ politika komuni, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu involuti iktar milli kienu s'issa fid-deċiżjonijiet dwar l-istrutturar tal-pilastri futuri tal-PAK. It-twaqqif ta’ qafas ta’ governanza f'diversi livelli (Stati Membri tal-UE, reġjuni u muniċipalitajiet) huwa assolutament neċessarju jekk l-għan huwa li fl-istess ħin ikun hemm approċċ Komunitarju għall-PAK, li tissaħħaħ ir-responsabbiltà lokali u li tittejjeb l-aċċettazzjoni tal-PAK fi ħdan is-soċjetà. Fl-istess ħin però jrid jiġi evitat li l-prinċipju tas-sussidjarjetà jwassal għal għadd inutilment kbir ta’ livelli ta’ ppjanar u b'hekk għal piż burokratiku inaċċettabbli.

L-isfidi tal-PAK

Jinnota wkoll dan li ġej:

11.

Id-domanda għall-prodotti tal-ikel ser tikber fid-dinja kollha. Dan huwa dovut għaż-żieda mistennija fil-popolazzjoni dinjija kif ukoll għaż-żieda fil-kapaċità tal-akkwist u t-tibdil li dan iġib miegħu fir-rigward tat-tip ta’ alimentazzjoni f'ħafna pajjiżi emerġenti. Il-PAK, li l-missjoni fundamentali tagħha hija li titma n-nies fl-Ewropa u li tikkontribwixxi għall-bilanċ tal-ikel, tista' u għandha tagħti kontribut biex tissodisfa din id-domanda dinjija dejjem tikber. Barra minn hekk, l-agrikoltura tagħti kontribut importanti wkoll fil-provvista ta’ prodotti pubbliċi, li jista' jiġi tradott b'mod partikolari fil-provvista tal-enerġija u materja prima rinnovabbli – li ma jikkompetux direttament mal-produzzjoni tal-ikel – kif ukoll biex iż-żoni rurali jinżammu dinamiċi.

12.

F'dan il-kuntest, il-futur tal-PAK ma jistax jiġi kkunsidrat separatament mill-futur tal-politika kummerċjali Ewropea. Jekk l-UE trid tagħti l-kontribut tagħha għas-sigurtà tal-provvista alimentari fid-dinja, il-politika kummerċjali tal-UE u dik internazzjonali iridu jaraw ukoll li, fil-qafas tad-WTO, l-agrikoltura fl-UE tista' tipproduċi f'kundizzjonijiet ġusti. Jekk il-bdiewa jridu jimlew karti li jmorru lil hinn mill-istandard internazzjonali u li joħolqu spejjeż addizzjonali, dawn l-ispejjeż addizzjonali jridu jiġu kkunsidrati fir-regoli dwar l-importazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali internazzjonali.

13.

L-attività agrikola għandha rabta speċjali mal-ambjent. L-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali għalhekk mhuwiex biss xewqa ġustifikata tas-soċjetà, iżda wkoll interess vitali għall-bdiewa stess u huwa wkoll importanti ħafna biex jinżamm il-potenzjal tal-produzzjoni agrikola. Għalhekk, l-agrikoltura għandha tikkontribwixxi wkoll biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tibdil fil-klima, tat-telf ta’ fertilità tal-art, tal-iskarsezza u t-tniġġis tal-ilma u tat-telf tal-postijiet ta’ għajxien u tal-bijodiversità, u l-PAK għandha tappoġġja s-soluzzjonijiet għal dawn il-problemi pendenti.

14.

Ir-rwol tal-agrikoltura fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għandu jiġi enfasizzat b'mod partikolari. Il-bdiewa diġà għamlu sforzi kbar biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta’ serra b'mod sinifikanti. Iżda jeħtieġ ukoll li ssir ħidma intensiva għall-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ adattament, sabiex l-agrikoltura tkun tista' tkompli taqdi r-rwoli msemmija hawn fuq fil-ġejjieni wkoll. Madankollu, jeħtieġ li jiġi enfasizzat ukoll ir-rwol li jista' jkollha l-ħamrija bħala bir tas-CO2, u fl-istess waqt tittejjeb il-kapaċità produttiva tagħha permezz taż-żieda fil-kontenut tagħha ta’ materji organiċi kif ukoll l-effett li għandhom il-kultivazzjonijiet lenjużi (woody crops) bħala bjar tal-karbonju. L-agrikoltura hija wieħed mis-setturi prinċipali għas-soluzzjoni tal-problema. Hija tagħti kontribut għall-provvista sostenibbli tal-enerġija u għall-iżvilupp ta’ prodotti kimiċi inqas qawwijin imnissla minn materja prima rinnovabbli. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti wkoll x'jaqdu fl-appoġġ ta’ kunċetti innovattivi għall-produzzjoni tal-enerġija mill-bijomassa. F'dan il-kuntest, l-injam huwa l-iktar sors importanti ta’ enerġija prodotta b'mod sostenibbli. Għalhekk jeħtieġ li tkompli tissaħħaħ il-forestrija fil-qafas tal-iżvilupp rurali f'dawk ir-reġjuni fejn il-foresta tagħti kontribut importanti għall-protezzjoni mill-perikli, il-ġlieda kontra l-erożjoni, l-attrazzjoni turistika, kif ukoll l-użu tal-iskart miż-żbir tal-kultivazzjonijiet lenjużi.

15.

Il-Kumitat tar-Reġjuni jappoġġja l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-politika agrikola tkompli tinbena fuq żewġ pilastri kkoordinati, filwaqt li tinżamm id-direzzjoni attwali tal-pilastri. Però, il-Kumitat jenfasizza l-importanza li tiġi ċċarata aktar id-distinzjoni bejn l-objettivi ta’ kull wieħed miż-żewġ pilastri.

16.

Il-pagamenti diretti tal-ewwel pilastru jassiguraw id-dħul tal-bdiewa, iħallsu l-bdiewa tas-servizzi pubbliċi offruti bħall-ħarsien tal-pajsaġġi, il-protezzjoni tal-ambjent u s-sigurtà tal-prodotti agrikoli, li ċ-ċittadini Ewropej illum ma jistgħux jgħixu mingħajrhom, u jippruvaw jibbilanċjaw l-istandards tal-UE li huma ogħla minn dawk tal-kompetituri fis-suq dinji u jservu ta’ lqugħ kontra l-effetti tal-volatilità tas-suq.

17.

It-tieni pilastru jippromovi l-iżvilupp taż-żoni rurali. Għalhekk għandu jiġi adattat għall-bżonnijiet individwali tar-reġjuni u jrid jitfassal bil-kooperazzjoni tar-reġjuni u tal-awtoritajiet lokali peress li dawn jerfgħu parti mir-responsabbiltà għat-tfassil tat-tieni pilastru permezz tal-kofinanzjament.

18.

Il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza l-fatt li l-għanijiet tal-politika agrikola komuni jistgħu biss jintlaħqu jekk wara l-2014 ikun għad hemm biżżejjed riżorsi finanzjarji.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

Pagamenti diretti

19.

jenfasizza li l-pagamenti diretti għandhom ikomplu jirrappreżentaw il-bażi tal-istabbilizzazzjoni tad-dħul tal-bdiewa bħala ħlas għas-servizzi pubbliċi li joffru u kumpens għall-istandards ogħla tal-produzzjoni fl-UE bil-kundizzjoni li d-diżakkoppjar ma joħloqx ir-riskju li tisparixxi l-produzzjoni fiż-żoni bi żvantaġġi naturali permanenti;

20.

jappoġġja r-rekwiżit li d-distribuzzjoni tal-pagamenti diretti ssir iktar ġusta fil-futur peress li s-sistema attwali tal-pagamenti diretti li hi bbażata fuq il-kwantitajiet prodotti toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni fl-UE u minflokha għandu jkun hemm sistema li tittratta b'mod ugwali l-forom kollha ta’ agrikoltura fl-UE;

21.

huwa tal-fehma li sabiex jiġi evitat kull żbilanċ fis-suq fl-UE, il-pagament uniku fl-Ewropa għandu jkompli jiġi armonizzat. Madankollu jenfasizza li ż-żewġ pilastri għandhom jiġu kkunsidrati fid-distribuzzjoni tal-fondi lill-Istati Membri individwali;

22.

huwa favur iż-żamma tal-mudell tal-pagament uniku diżakkoppjat, u jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni li jitneħħew kemm jista' jkun malajr il-pagamenti storiċi kkalkulati b'mod individwali għal kull razzett. Għalhekk, jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ pagamenti fuq il-bażi ta’ approċċ reġjonalizzat;

23.

jenfasizza l-bżonn li matul din it-tranżizzjoni gradwali titneħħa d-distribuzzjoni mhux ugwali tal-pagament uniku fl-Istati Membri, wirt tas-sistema storika tad-distribuzzjoni, billi tmur kontra l-kunċett tad-diżakkoppjar u ħolqot fi ħdan l-Istati Membri żbilanċ inaċċettabbli tas-suq li għadu jinħass sal-lum, iżda jenfasizza l-bżonn li jiġi stabbilit perjodu ta’ tranżizzjoni sabiex l-irziezet ikunu jistgħu jadattaw għas-sistema l-ġdida ta’ pagamenti;

24.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni għal limitu massimu għall-pagamenti diretti. Jinnota li dan il-limitu massimu għandu jikkunsidra d-diversi tipi ta’ intrapriżi u assoċjazzjonijiet agrikoli u l-kontribut tagħhom għall-impjieg kif ukoll l-għadd ta’ membri fil-każ ta’ persuni legali u m'għandux ixekkel ir-ristrutturazzjoni adegwata tal-agrikoltura fl-Unjoni Ewropea;

25.

jenfasizza l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-bżonn li fil-ġejjieni jkomplu jiġu previsti pagamenti akkoppjati għar-reġjuni bi problemi speċifiċi u għall-forom ta’ agrikoltura li huma partikolarment importanti għaż-żamma ta’ attività agrikola f'dawn ir-reġjuni. B'rabta ma’ dan, ta’ min isemmi l-importanza tal-annimali erbivori għaż-żoni muntanjużi, ir-reġjuni Artiċi, ir-reġjuni insulari u ż-żoni b'densità ta’ popolazzjoni baxxa, li lkoll huma sistemi ta’ produzzjoni li minħabba l-klima u art diffiċli jeħtieġu assistenza partikolari u b'mod speċjali għaż-żamma tal-industrija tal-ħalib f'dawn iż-żoni ladarba s-sistema tal-kwoti tal-ħalib tasal fi tmiemha. Mingħajr industrija tal-ħalib vijabbli mhuwiex possibbli li tinżamm is-superfiċje agrikola użata bħalissa, b'mod speċjali l-burijiet u l-mergħat fil-muntanji u żoni fil-għoli u l-boskijiet li jintużaw bħala mergħat fil-Mediterran. Bl-istess mod, fiż-żoni muntanjużi u żoni oħra b'limitazzjonijiet agroklimatiċi, l-imsaġar taż-żebbuġ bi produzzjoni baxxa huma ferm importanti mil-lat soċjoekonomiku u ambjentali. Barra minn hekk, bil-għan li jitħarsu l-ekosistemi tal-mergħat Ewropej u l-attività ta’ ċerti reġjuni, huwa importanti li jinżamm is-settur tal-laħam taċ-ċanga, tal-muntun u tal-mogħoż. Jekk dawn iż-żoni ma jkunux jistgħu jkomplu jiġu użati għall-agrikoltura, il-pajsaġġ kulturali uniku ta’ dawn ir-reġjuni jisparixxi; it-trobbija tal-bovini ukoll qed tiggarantixxi l-użu tal-artijiet marġinali anke fiż-żoni periurbani. Dan huwa importanti biex l-ispazji miftuħa jinżammu liberi (pereżempji fil-pjanuri tal-għargħar) u sa ċertu punt jintużaw ukoll b'mod ekonomiku. Mingħajr l-appoġġ akkoppjat, il-vijabbiltà tas-settur ser tkun mhedda u b'hekk is-settur ma jkunx jista' jkompli jaqdi dan ir-rwol;

26.

il-pagamenti akkoppjati permessi mid-WTO jridu jintużaw kompletament;

27.

jappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li l-pagamenti uniċi fiż-żoni żvantaġġati jogħlew u b'hekk jiġu kkumpensati l-ispejjeż addizzjonali tal-produzzjoni u tiġi promossa l-agrikoltura fit-territorju Ewropew kollu kemm hu. Jenfasizza li żieda bħal din hija ġġustifikata u meħtieġa sabiex jiġi ggarantit dħul ġust għall-bdiewa fir-reġjuni kollha tal-Ewropa;

28.

jinnota li l-PAK u l-bdiewa m'għandhomx ikunu l-uniċi li jagħtu sehem attiv fil-ġlieda kontra l-isfidi ambjentali, iktar u iktar jekk ma jkunx hemm żieda fil-fondi għal dan;

29.

jenfasizza li l-programmi agroambjentali tat-tieni pilastru għandhom jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-għan li l-agrikoltura tkun orjentata iktar lejn it-tħassib ambjentali. B'rabta ma’ dan, wieħed għandu jinnota li ċerti Stati Membri jużaw inqas minn 10 % tal-baġit globali disponibbli fil-qafas tat-tieni pilastru u ma jipproponu kważi l-ebda programm agroambjentali lill-bdiewa. Għaldaqstant jissuġġerixxi li fil-ġejjieni l-Istati Membri kollha jallokaw mill-inqas 10 % tal-baġit totali lill-programmi agroambjentali mwettqa taħt it-tieni pilastru u li għal dan il-għan ikun jista' jintuża kofinanzjament żgħir ta’ mill-inqas 10 %;

30.

jemmen li l-agrikoltura organika u l-agrikoltura integrata għandu jkollhom appoġġ aħjar fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni billi huma jagħmlu parti minn politika tal-iżvilupp sostenibbli;

31.

jemmen li, fid-dawl tat-tixjiħ tal-bdiewa attivi fl-Unjoni Ewropea, huwa urġenti li jiġu previsti miżuri addizzjonali għall-bdiewa żgħażagħ. L-għajnuna għall-bdiewa żgħażagħ prevista taħt it-tieni pilastru s'issa ma kenitx suffiċjenti biex jitwaqqaf it-tixjiħ dejjem jikber tal-popolazzjoni ta’ bdiewa attivi. Illum 7 % tal-bdiewa fl-UE biss għandhom inqas minn 35 sena, filwaqt li terz minnhom għandhom iktar minn 65 sena. Għalhekk għandu jinstab jekk huwiex possibbli li tiġi prevista żieda fil-pagamenti diretti tal-ewwel pilastru għall-bdiewa żgħażagħ, sabiex b'hekk iż-żgħażagħ ikollhom inċentiv addizzjonali biex isiru bdiewa;

32.

josserva li hemm bżonn ta’ servizzi pubbliċi adegwati biex il-ġenerazzjonijiet iżjed żgħażagħ itkunu jistgħu jistabbilixxu rziezet f'żoni rurali. Billi jitħeġġu jiksbu sistemi ta’ produzzjoni innovattivi u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u billi jiġu pprovduti opportunitajiet ekonomiċi alternattivi ġodda, tkun tista' tinżamm il-kapaċità agrikola rurali;

33.

jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi introdotta skema speċifika u semplifikata ta’ appoġġ għall-irziezet iż-żgħar, sabiex tinżamm, fuq kollox fir-reġjuni żvantaġġati, agrikoltura rurali magħmula minn irziezet żgħar, li tgħin sabiex dawn l-irziezet jirċievu appoġġ addizzjonali u sabiex titnaqqas il-burokrazija. Jinnota b'rabta ma’ dan li 82 % tal-bdiewa fl-Ewropa jirċievu għajnuna ta’ inqas minn EUR 5 000 u li b'hekk it-tnaqqis tal-burokrazija tal-iskema applikata għall-irziezet iż-żgħar jista' jgħin biex jonqos konsiderevolment il-piż amministrattiv u biex tittejjeb l-aċċettazzjoni tal-PAK min-naħa tal-bdiewa;

34.

jenfasizza li l-kundizzjonalità u s-sistema integrata ta’ ġesjoni u kontroll (SIĠK) jridu jiġu ssemplifikati, iżda mingħajr ma tiġi ddubitata l-validità ta’ din is-sistema. Għal dan il-għan jistgħu, pereżempju, jiġu introdotti madwar l-UE kollha kriterji ewlenin għall-kontroll tal-kundizzjonalità fuq il-post jew jinqasmu fi tnejn ir-rati ta’ kontroll tal-kundizzjonalità u tas-SIĠK, sabiex jiġu armonizzati l-eżiġenzi u l-kontrolli fir-reġjuni Ewropej differenti, dejjem sakemm l-Istati Membri jistgħu juru li s-sistemi tagħhom huma effikaċi u li qed japplikaw limiti ta’ tolleranza li jaħdmu;

35.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-pagamenti diretti jkunu limitati għall-bdiewa attivi biss mingħajr ma jiġu ppenalizzati l-bdiewa li jaħdmu part time li jaqdu rwol importanti fiż-żamma tal-agrikoltura b'mod speċjali fiż-żoni żvantaġġati; minkejja dan, jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tipprovdi definizzjonijiet bażiċi dwar is-suġġetti ta’ “bidwi attiv” u “art agrikola” li jkunu jistgħu jiġu kkompletati fil-livell tal-Istati Membri jew tar-reġjuni;

36.

jemmen li dawk is-setturi li s'issa kienu rregolati mill-organizzazzjonijiet tas-suq tagħhom stess u li fi ħdanhom is-sistema tal-pagamenti diretti diżakkoppjati ma tapplikax jew tapplika biss parzjalment, bħas-settur tal-frott u l-ħaxix, tal-inbid jew dak taz-zokkor, huwa possibbli li jinżammu dawn l-organizzazzjonijiet tas-suq speċifiċi;

Miżuri tas-suq

37.

jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-linji gwida preliminari maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea rigward ir-regolamentazzjoni tas-swieq agrikoli wara l-2013, u jemmen li l-futur tal-politika agrikola komuni jiddependi b'mod inseparabbli miż-żamma tal-mekkaniżmi ta’ regolamentazzjoni pubblika tas-swieq għall-ġlieda kontra l-volatilità tal-prezzijiet u għall-iżgurar ta’ prezzijiet stabbli għall-produtturi u l-konsumaturi;

38.

jinnota li l-preferenza Komunitarja għandha tkompli tiġi kkunsidrata bħala prinċipju essenzjali tal-PAK u li hija tikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex tinżamm is-sovranità alimentari fl-Ewropa;

39.

jemmen li l-istrumenti tas-suq li għadhom jeżistu, bħall-intervent, il-ħżin privat u pubbliku kif ukoll is-sussidji għall-esportazzjoni għall-prodotti sensittivi, kienu assolutament indispensabbli u għalhekk għandhom jinżammu bħala xibka ta’ sigurtà u jkollhom linja baġitarja korrispondenti;

40.

jirrimarka li d-diżakkoppjar wassal għal agrikoltura Ewropea iktar orjentata lejn is-suq, iżda dan ġab miegħu volatilità kbira tal-prezzijiet, li tista' tkun ta’ ħsara għall-kontinwità tal-irziezet;

41.

josserva li l-istrumenti tas-suq iridu jkunu magħmula b'tali mod li minn naħa jassiguraw il-provvista tas-swieq agrikoli b'mod li jipproteġu lill-bdiewa kontra t-tnaqqis f'daqqa tal-prezzijiet u t-telf konsegwenti ta’ dħul, u min-naħa l-oħra jillimitaw il-volatilità tal-prezzijiet li l-konsumaturi jridu jħallsu għall-prodotti tal-ikel;

42.

jemmen li dawn l-istrumenti għandhom jittejbu, u li għandha tiġi studjata l-possibbiltà li titwessa' l-lista ta’ prodotti previsti għal ħżin temporanju, jiżdiedu l-perjodi ta’ intervent u jiġu implimentati miżuri ta’ twaqqif temporanju tal-produzzjoni. Bl-istess mod, jeħtieġ li tittieħed azzjoni għall-prevenzjoni tal-abbużi fil-kummerċ tal-prodotti agrikoli bażiċi b'mezzi adatti mingħajr ma tiġi mfixkla l-ħidma tas-swieq. L-għan globali huwa li tiġi evitata l-volatilità tas-swieq dovuta għall-kriżijiet agrikoli u tas-saħħa;

43.

jenfasizza li s-sehem tal-bdiewa mill-valur miżjud li jinħoloq tul il-katina globali tal-ikel qiegħed jonqos u li għandhom jiġu żviluppati strumenti tas-suq li jwaqqfu dan l-iżvilupp. B'rabta ma’ dan, iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq regoli qafas fis-setturi tal-produzzjoni kollha sabiex jinħolqu raggruppamenti ta’ produtturi u organizzazzjonijiet interprofessjonali u b'hekk tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-agrikoltura fil-katina alimentari. Barra minn hekk, fir-rigward tal-qasam tal-produzzjoni tal-ħalib b'mod partikolari f'żoni bi żvantaġġi naturali jew żoni oħra bi strutturi jew sistemi ta’ produzzjoni vulnerabbli, ikun tajjeb li jitħeġġu l-gruppi tal-produtturi u l-kummerċjalizzazzjoni konġunta, sabiex jittaffew l-effetti tat-tneħħija tal-kwoti tal-ħalib u sabiex tiġi evitata d-delokalizzazzjoni tal-produzzjoni;

44.

japprezza li kieku l-Kummissjoni Ewropea tinvestiga l-impatt tal-intermedjarji tal-bejgħ bl-imnut fuq il-produtturi, id-distributuri, il-fornituri u l-konsumaturi tal-ikel u l-ambjent b'mod ġenerali;

45.

jemmen li għandhom jiġu riveduti r-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni, f'oqsma li jistgħu tassew iġibu bilanċ fil-katina tal-ikel;

46.

jemmen li jkun tajjeb li minbarra l-istrumenti tal-ġestjoni pubblika tas-swieq, jiġu żviluppati s-sistemi reċiproċi ta’ assigurazzjoni bħall-assigurazzjonijiet għal diversi riskji, u li f'dan il-kuntest għandhom jinħolqu possibbiltajiet għall-Istati Membri biex jappoġġjaw ir-raggruppamenti u l-kooperazzjoni bejn il-bdiewa biex iħarsu lil xulxin jew biex jistabbilixxu l-kuntatti ma’ partijiet oħra katina tal-ikel, ħaġa li għandha tnaqqas il-piż burokratiku;

47.

jenfasizza li fis-snin li għaddew l-UE għamlet sforzi kbar biex is-sussidji għall-esportazzjoni jitwaqqfu progressivament. Iżda jinnota li dan l-istrument tas-suq għandu biss jiġi skartat għalkollox jekk il-pajjiżi terzi jaċċettaw, fi ħdan id-WTO, li jiċċaħħdu għalkollox milli jużawh fil-kummerċ internazzjonali; f'dan il-każ, hemm bżonn strumenti ta’ appoġġ għall-esportazzjoni, li jkunu kompatibbli mar-regolamenti tad-WTO;

48.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvestiga aħjar x'inhuma l-effetti tat-tmiem tas-sistema tal-kwoti u tiżviluppa miżuri li jiżguraw is-sistemi ta’ produzzjoni u trasformazzjoni;

49.

jitlob lill-Kummissjoni li fl-għażliet li jiġu ppreżentati għall-futur tar-regolazzjoni tas-settur taz-zokkor u tal-iżoglukożju tiġi kkunsidrata orjentazzjoni li tiggarantixxi produzzjoni Ewropea bi dħul għall-produtturi tal-pitravi li tippermetti li jinżammu l-kultivazzjonijiet eżistenti u l-impjanti tal-ipproċessar;

50.

f'dan il-kuntest jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi ta’ riċerka u żvilupp tagħha fil-qasam tal-innovazzjoni kif ukoll fir-rigward tal-promozzjoni tal-prodotti; għalhekk jitlob li tingħata attenzjoni kontinwa għar-riċerka marbuta mal-ikel fil-programmi futuri Ewropej għar-riċerka u l-iżvilupp;

51.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fil-qafas tal-politika kummerċjali, b'mod partikolari fir-rigward tat-trattati bilaterali, tiddefendi b'determinazzjoni l-interessi tal-agrikoltura Ewropea u tqis l-impatt fuq il-PAK tal-politika kummerċjali u b'mod partikolari tal-ftehimiet bilaterali jew ftehimiet oħra konklużi fil-qafas tad-WTO; filwaqt li sabiex jiġu żgurati standards Ewropej ta’ sostenibbiltà fil-livell dinji, in-negozjati tad-WTO huma fattur ċentrali;

52.

f'dan il-kuntest jinnota li l-konsumaturi għandhom id-dritt jitolbu li l-istandards għoljin fl-agrikoltura tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tad-drittijiet soċjali, tas-sigurtà tal-provvista alimentari, tal-kwalità u tal-ħarsien tal-ambjent u tal-benesseri tal-annimali jiġu applikati wkoll għall-prodotti tal-ikel importati. Dan id-dritt għandu jitħares b'mod strett fin-negozjati kummerċjali internazzjonali u bilaterali;

Żvilupp rurali

53.

jinnota li, minkejja l-isforzi tal-Unjoni dwar il-PAK u l-politika ta’ koeżjoni, għadd kbir ta’ żoni rurali Ewropej qed ikomplu jitilfu l-popolazzjoni tagħhom jew jarawha tonqos u li l-livell ta’ żvilupp ta’ dawn iż-żoni huwa iktar baxx minn dak tal-medja Komunitarja u jinsab ħafna aktar 'l isfel minn dak tal-biċċa l-kbira taż-żoni urbani;

54.

jiġbed l-attenzjoni għar-rwol partikolari tal-bdiewa f'żoni periurbani, fejn jista' jkun hemm pressjoni intensa fuq ir-riżorsi rurali u agrikoli; jenfasizza li din il-produzzjoni ta’ ikel u ta’ merkanzija pubblika qrib popolazzjonijiet urbani għandha tinżamm;

55.

għalhekk jenfasizza l-importanza tat-tieni pilastru tal-politika agrikola komuni għall-iżvilupp globali taż-żoni rurali, inklużi dawk periurbani;

56.

jenfasizza l-importanza tat-tieni pilastru tal-PAK għall-modernizzazzjoni tal-agrikoltura, iż-żamma u t-titjib tal-istruttura agrikola u b'mod speċjali wkoll għaż-żamma u t-titjib soċjoekonomiku taż-żoni rurali u l-komunitajiet tagħhom b'mod ġenerali; għal dan il-għan, jeħtieġ li jkun hemm politika ta’ żvilupp rurali li twieġeb għall-kompetittività tal-agrikoltura, billi tirriserva parti minn din il-politika għal azzjonijiet fil-qasam tal-istrutturi u l-infrastrutturi agrikoli u tal-industrija agroalimentari;

57.

jenfasizza l-fatt li l-iżvilupp rurali jista' jagħti kontribut importanti sabiex l-għanijiet tal-UE msemmija fl-Istrateġija Ewropa 2020 jkunu jistgħu jkomplu jitwettqu; madanakollu hemm bżonn li jkun hemm fehim u limiti ċari ta’ fejn jibdew u jispiċċaw il-ħidmiet tal-politiki tematiċi tal-UE u s-sorsi ta’ finanzjament tagħhom (l-aktar il-klima u l-enerġija) u x'għandu jiġi appoġġjat permezz tal-Fondi tal-PAK (jew dawk Reġjonali);

58.

jinnota li l-miżuri tal-iżvilupp rurali huma inklużi fit-tieni pilastru tal-PAK u b'hekk huwa, u għandu jibqa', miżura tal-politika agrikola, iżda għandhom ukoll ħafna punti komuni mal-politika ta’ koeżjoni. Għalhekk jeħtieġ li l-għanijiet tat-tieni pilastru tal-politika agrikola u tal-politika ta’ koeżjoni jiġu kkoordinati fil-programmazzjoni, sabiex tiġi evitata kull possibbiltà ta’ miżuri doppji jew ta’ “żoni griżi” u sabiex is-sinerġiji jintużaw bis-sħiħ u sabiex il-punt fokali tal-iżvilupp rurali jerġa' jmur lura fuq l-agrikoltura; f'dan ir-rigward, jitlob li jiġu armonizzati r-regoli amministrattivi li jirregolaw il-fondi Ewropej differenti;

59.

itenni l-appoġġ tiegħu għall-proposta li jiġi definit qafas strateġiku komuni li jkopri l-Fondi Strutturali u l-fondi l-oħra ta’ żvilupp territorjali bħalma huma l-FAEŻR u l-FES;

60.

jitlob li fit-tfassil tat-tieni pilastru tal-politika agrikola tiġi rispettata b'mod speċjali r-responsabbiltà sussidjarja tar-reġjuni billi jintuża approċċ li jkun tassew ibbażat fuq il-governanza f'diversi livelli u li jikkunsidra l-kompetenza u l-importanza speċjali tar-reġjuni fl-adattament tal-miżuri għall-bżonnijiet speċifiċ tar-reġjuni. B'rabta ma’ dan, jinnota li l-approċċ tat-tieni pilastru huwa msejjes fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà, fis-sens li l-Istati Membri u r-reġjuni jagħżlu huma stess il-miżuri li jixtiequ jwettqu skont is-sitwazzjoni reġjonali tagħhom u jieħdu r-responsabbiltà ta’ dan;

61.

għalhekk jemmen li l-implimentazzjoni b'approċċ minn isfel għal fuq tal-politika u tal-fondi għall-iżvilupp rurali għandha l-ewwel u qabel kollox tiġi indirizzata permezz ta’ sħubijiet b'saħħithom għall-iżvilupp lokali;

62.

jemmen li, fid-dawl tat-tixjiħ rapidu tal-bdiewa attivi Ewropej, huwa urġenti li jiġu previsti miżuri addizzjonali għall-bdiewa żgħażagħ bil-għan li jiġbdu atturi ġodda lejn is-settur u li l-miżuri disponibbli s'issa taħt it-tieni pilastru jiġu kkompletati;

63.

jitlob ukoll li jiġu introdotti miżuri speċjali għall-implimentazzjoni tal-proposti inklużi fil-“Pakkett tal-Kwalità”, bħalma huma dawk għat-tħeġġiġ tal-immodernizzar tal-irziezet li jipproduċu prodotti ta’ kwalità u l-appoġġ għall-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi;

64.

jemmen li huwa essenzjali li s-sistema ta’ pariri tiġi estiża lil hinn mill-kundizzjonalità u tinkludi l-oqsma importanti kollha (tekniki ta’ produzzjoni, ekonomija tal-intrapriża, ġestjoni tal-isfidi l-ġodda, introduzzjoni tal-innovazzjoni, kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-ambjent, azzjonijiet għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, eċċ.) u li jitfasslu l-miżuri adegwati għall-promozzjoni tagħha taħt it-tieni pilastru. L-enfasi għandha titpoġġa fuq il-promozzjoni tas-servizzi ta’ parir akkreditati uffiċjalment. L-għan għandu jkun li l-bdiewa kollha fl-UE jingħataw aċċess għal servizzi ta’ pariri kompetenti, indipendentement minn jekk dawn is-servizzi jkunux offruti mill-Istat, minn entitajiet pubbliċi jew minn intrapriżi privati;

65.

jenfasizza l-importanza partikolari tad-diversifikazzjoni għall-irziezet iż-żgħar, għall-irziezet f'żoni żvantaġġati, fir-reġjuni tat-Tramuntana mbiegħda b'densità ta’ popolazzjoni baxxa, fir-reġjuni insulari, fir-reġjuni transkonfinali u fir-reġjuni muntanjużi, u jitlob għalhekk li jiġu introdotti miżuri ta’ inċentiv;

66.

jenfasizza l-importanza li jkun hemm firxa ta’ miżuri ta’ kwalità għolja għall-iżvilupp tal-kwalifiki għall-agrikoltura, b'mod partikolari fir-rigward tat-taħriġ professjonali. Il-bidla rapida li qed jgħaddi minnha s-settur tal-agrikoltura u tal-produzzjoni tal-ikel kif ukoll is-setturi konnessi kollha teħtieġ taħriġ tul il-ħajja;

67.

jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex, fi ħdan it-tieni pilastru tal-politika agrikola, tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn il-bdiewa, b'mod partikolari fl-użu komuni tal-mezzi ta’ produzzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti fil-qafas tal-organizzazzjoni komuni tas-suq, jew tal-isforzi konġunti fil-qasam tat-tkabbir tal-annimali, sabiex b'hekk ittaffi l-iżvantaġġ kompetittiv li għandhom l-irziezet iż-żgħar;

68.

jenfasizza l-importanza tat-tieni pilastru tal-PAK, b'mod speċjali għall-irziezet fiż-żoni żvantaġġati, u għalhekk jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li l-indennizz ta’ kumpens ikompli jitħallas fil-qafas tal-programm għall-iżvilupp rurali (PŻR). F'dan il-kuntest jissuġġerixxi li tinżamm il-flessibbiltà attwali u li l-limitu massimu jiżdied, sabiex jiġu ffaċċjati l-bżonnijiet fiż-żoni muntanjużi li għandhom problemi strutturali partikolari u l-postijiet periurbani b'żoni rurali li qed jiġu urbanizzati ħafna. Barra minn hekk, jipproponi li r-reġjuni tat-Tramuntana mbiegħda b'densità ta’ popolazzjoni baxxa, ir-reġjuni insulari, ir-reġjuni transkonfinali, u r-reġjuni muntanjużi jiġu appoġġjati minn għadd ta’ azzjonijiet speċifiċi bħall-kontributi għall-ispejjeż tal-ġbir tal-prodotti, miżuri speċifiċi għall-mergħat fil-muntanji, primjum għall-bijodiversità u r-rikonoxximent tal-prodotti tal-muntanji fil-qafas tar-reviżjoni tal-politika ta’ kwalità tal-Unjoni Ewropea;

69.

jenfasizza li f'ħafna reġjuni Ewropej it-titjib tal-kompetittività għandu jsir flimkien ma’ titjib tal-infrastrutturi agrikoli; jenfasizza wkoll li l-innovazzjoni hija kundizzjoni indispensabbli għall-adattament għat-tibdil fil-klima, għaż-żieda fl-effiċjenza tar-riżorsi u għall-aħjar ġestjoni operattiva, u għalhekk għandha tingħata aktar appoġġ;

70.

jinnota li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tikklassifika mill-ġdid u b'mod uniformi fil-livell tal-UE ż-żoni żvantaġġati intermedjarji u jinsab inkwetat dwar l-implimentazzjoni ta’ din ir-reviżjoni. Huwa tal-fehma li l-kriterji l-ġodda previsti f'dan il-kuntest għandhom ikunu mmirati tajjeb u li f'dan ir-rigward ikun xieraq li l-Istati Membri u r-reġjuni jingħataw livell ta’ flessibbiltà u sussidjarjetà suffiċjenti. Jenfasizza li din il-klassifikazzjoni ġdida ser tkun issemplifikata permezz ta’ skadenzi ta’ tranżizzjoni adegwati;

71.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fid-dawl tal-isfidi li jirrappreżenta t-tibdil fil-klima kif ukoll tal-bżonn ta’ żvilupp rurali sostenibbli, għandu jissaħħaħ u jiġi ffaċilitat l-appoġġ għal azzjonijiet li għandhom l-għan li jwasslu għal użu sostenibbli tal-ilma użat fl-agrikoltura, billi jnaqqsu l-konsum u t-tniġġis tal-ilma, u għandhom jissaħħu u jiġu ffaċilitati wkoll il-miżuri li jippromovu r-rikostituzzjoni tal-akwifers (pereżempju, il-manutenzjoni taż-żamma tar-raba' mtarraġ fir-reġjuni insurali u fir-reġjuni muntanjużi, it-titjib fil-fertilità tal-ħamrija) u dawk ta’ prevenzjoni tal-ħsara u ta’ rinnovazzjoni tal-infrastrutturi agrikoli li ġarrbu ħsara minħabba diżastri klimatiċi;

72.

jenfasizza l-importanza tal-programmi agroambjentali u jitlob li fil-futur l-Istati Membri kollha jallokaw mill-inqas 10 % tal-baġit agrikolu totali tagħhom għall-programmi agroambjentali bil-għan li jingħata kontribut effettiv biex l-agrikoltura ssir aktar sostenibbli, kif ukoll għar-rikonoxximent tas-sistemi agrikoli ta’ valur naturali għoli li jippermettu l-preservazzjoni u l-istabbiliment mill-ġdid tal-bijodiversità fl-ispazju agrikolu, u jgħinu biex tittejjeb il-protezzjoni tal-ilma u tal-ħamrija;

73.

jisħaq li fil-programmi agroambjentali għandha terġa' tiddaħħal sistema ta’ inċentivi li ttejjeb l-aċċettazzjoni tagħhom fost il-bdiewa, kif ukoll li għandhom jiġu valorizzati l-esternalitajiet li jiġġeneraw ċerti prattiki agrikoli;

74.

huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni tal-miżuri previsti fil-PŻR tista' tiġi faċilitata b'mod konsiderevoli permezz tal-possibbiltà ta’ kofinanzjament minn partijiet terzi;

75.

jenfasizza li l-ġestjoni attiva tal-foresti hija partikolarment importanti għas-sigurtà ta’ bosta żoni rurali, speċjalment iż-żoni muntanjużi, u biex tattira t-turisti. Għaldaqstant, ir-reġjuni għandu jkollhom il-possibbiltà li jappoġġjaw il-ġestjoni tal-foresti fil-qafas tal-PŻR;

76.

jisħaq fuq l-importanza tal-Programm LEADER għall-iżvilupp integrat taż-żoni rurali, b'mod speċjali minħabba l-prinċipju minn isfel għal fuq (bottom up) li kien effiċjenti ħafna, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli toffri u ssaħħaħ dan il-prinċipju fil-futur. Madankollu, jeħtieġ li fil-futur il-Programm LEADER jitfassal b'mod aktar flessibbli u li tingħata prijorità lill-approċċi innovattivi. Hemm bżonn ukoll li jittejbu l-possibbiltajiet għall-koordinazzjoni tal-proġetti differenti li jagħmlu parti mill-pjani ta’ żvilupp lokali fil-qafas tal-Programm LEADER. Is-sistema bbażata fuq l-assi li qed tirregola t-tfassil tal-PŻR bħalissa hija riġida wisq. Għalhekk, jeħtieġ li l-awtoritajiet lokali u r-reġjuni jingħataw aktar flessibbiltà sabiex b'hekk jitqiesu aħjar il-ħtiġijiet lokali. Hemm bżonn li jiġi ssemplifikat il-funzjonament tal-PŻR, b'mod speċjali fir-rigward tat-tfassil tar-rapporti;

77.

barra minn hekk, jemmen li l-approċċ LEADER għandu jintuża b'rabta mal-mudell ta’ sħubija għall-iżvilupp lokali abbażi ta’ strateġiji għall-iżvilupp lokali li jmorru minn isfel għal fuq b'azzjonijiet multisettorjali, kooperazzjoni fl-innovazzjoni u netwerking;

78.

huwa tal-fehma li l-limiti fil-promozzjoni tal-investimenti fl-intrapriżi agroalimentari għandhom jiġu adatti għall-iżviluppi strutturali (żieda jew tneħħija tal-limiti tal-SMEs);

79.

jenfasizza li l-piż marbut mal-programmazzjoni, l-implimentazzjoni tal-programmi, l-evalwazzjoni, il-monitoraġġ u l-akkumpanjament bħalissa huwa kbir wisq, u għalhekk għandu jitnaqqas b'mod konsiderevoli.

Brussell, il-11 ta’ Mejju 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO