31.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 153/275


Il-Ħamis 17 ta’ Novembru 2011
Il-Programm Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għar-riċerka u attivitajiet ta' taħriġ nukleari *

P7_TA(2011)0509

Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 2011 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Programm Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) għar-riċerka u attivitajiet ta’ taħriġ nukleari (2012 - 2013) (COM(2011)0072 – C7-0077/2011 – 2011/0046(NLE))

2013/C 153 E/43

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2011)0072),

wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tat-Trattat Euratom, li skontu l-Kunsill ikkonsulta mal-Parlament (C7–0077/2011),

wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0360/2011),

1.

Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.

Iqis li l-ammont tar-referenza ewlenija indikat fil-proposta leġiżlattiva mhuwiex kompatibbli mal-limitu massimu tal-Intestatura 1a tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali attwali 2007-2013 (MFF); jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni (1) biex jiġi rivedut l-MFF attwali abbażi tal-punti 21 sa 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod (2) (IIA) sabiex jiġi akkomodat finanzjament addizzjonali mhux previst għall-ITER għas-snin 2012 u 2013; lest li jidħol f'negozjati mal-fergħa l-oħra tal-awtorità baġitarja, fuq il-bażi tal-mezzi kollha pprovduti fl-IIA, bl-għan li jintlaħaq ftehim rapidu dwar il-finanzjament tal-programm tar-riċerka tal-Euratom sal-aħħar tal-2011; ifakkar li huwa kontra kull forma ta' riallokazzjoni mis-Seba' Programm Qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) (3) kif propost fil-proposta tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni biex biex timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom;

4.

Jistieden lill-Kunsill jinforma lill-Parlament jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

5.

Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsulta lill-Parlament jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sostanzjali;

6.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

TEST PROPOST MILL-KUMMISSJONI

EMENDA

Emenda 1

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 4 a (ġdida)

 

(4a)

It-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Qafas (2012 - 2013) għandhom ikuun bbażati fuq il-prinċipji tas-sempliċità, l-istabbiltà, it-trasparenza, iċ-ċertezza ġuridika, il-konsistenza, l-eċċellenza u l-fiduċja f' konformita' mar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 Novembru 2010 dwar is-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Programmi Kwadri għar-Riċerka (4).

Emenda 2

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 5 a (ġdida)

 

(5a)

It-titjib tas-sikurezza nukleari u, fejn ikun rilevanti, l-aspetti tas-sigurtà, għandhom ikunu prijoritizzati, minħabba l-impatt transkonfinali li l-inċidenti nukleari jistgħu jikkawżaw.

Emenda 3

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 6 a (ġdida)

 

(6a)

L-Inizjattiva Ewropea għall-Industrija Nukleari Sostenibbli (ESNII) għandha bħala l-għan tagħha l-iżvilupp tar-Reatturi ta' Newtroni Rapidi tal-Ġen-IV b'ċiklu tal-fjuwil magħluq bejn l-2035 u l-2040. Hija ssegwi tliet linji ta’ żvilupp teknoloġiku u tinkludi erba’ proġetti ewlenin: il-prototip ASTRID (imkessaħ bis-sodju), il-mudell sperimentali ALLEGRO (imkessaħ bil-gass), id-dimostratur ALFRED (imkessaħ biċ-ċomb) u, infrastruttura u appoġġ rigward l-aħħar teknoloġija msemmija, l-impjant ta’ irradjazzjoni ta’ newtroni rapidi MYRRHA (imkessaħ biċ-ċomb-bismut).

Emenda 4

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 6 b (ġdida)

 

(6b)

Tliet inizjattivi ewlenin ta’ kooperazzjoni Ewropea fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija nukleari ġew imnedija fi żmien is-Seba' Programm Qafas tal-Euratom (2007 sal-2011). Dawn huma l-Pjattaforma tat-Teknoloġija tal-Enerġija Nukleari Sostenibbli (SNETP), il-Pjattaforma ta’ Implimentazzjoni tat-Teknoloġija tar-Rimi Ġeoloġiku (IGDTP) u l-Inizjattiva Multidixxiplinarja Ewropea ta' Doża Baxxa (MELODI). Kemm l-SNETP kif ukoll l-IGDTP jikkorrispondu mal-objettivi tal-Pjan SET.

Emenda 5

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 6 c (ġdida)

 

(6c)

Fid-dawl tal-inċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima fil-Ġappun li rriżulta mit-terremot u mit-tsunami tal-11 ta’ Marzu 2011, jeħtieġ li ssir aktar ħidma fir-riċerka fil-qasam tas-sikurezza tal-fissjoni nukleari sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni jiġu aċċertati li s-sikurezza tal-impjanti nukleari bbażati fl-Unjoni tibqa’ tilħaq l-ogħla standards internazzjonali. It-tali ħidma addizzjonali tirrikjedi żieda fl-allokazzjoni baġitarja għall-fissjoni nukleari.

Emenda 6

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 9 a (ġdida)

 

(9a)

Ftehim fuq finanzjament addizzjonali tal-ITER permezz ta' trasferimenti biss ta' marġni tal-2011 tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) u mingħajr tqassim mill-ġdid mis-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka tal-UE għall-Programm Qafas Euratom (2007-2013) għall-Programm Qafas (2012-2013) ikun jippermetti adozzjoni rapida tal-programm fl-2011.

Emenda 7

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 11

(11)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ħtieġa għal ħiliet fil-qasam nukleari, adottati fil-laqgħa tagħha li saret fl-1 u t-2 ta’ Diċembru 2008, jirrikonoxxu li huwa essenzjali li jinżamm fi ħdan il-Komunità livell għoli ta’ taħriġ fil-qasam nukleari.

(11)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ħtieġa għal ħiliet fil-qasam nukleari, adottati fil-laqgħa tiegħu li saret fl-1 u t-2 ta’ Diċembru 2008, jirrikonoxxu li huwa essenzjali li jinżamm fi ħdan il-Komunità livell għoli ta’ taħriġ , u kundizzjonijiet ta’ xogħol xierqa, fil-qasam nukleari.

Emenda 8

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 14 a (ġdida)

 

(14a)

Il-Kummissjoni, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill u l-Istati Membri għandhom jibdew proċess biex ikun emendat it-Trattat Euratom, biex jissaħħu d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar id-drittijiet tal-informazzjoni u tal-koleġiżlazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kwistjonijiet rigward ir-riċerka Euratom u l-protezzjoni ambjentali biex ikunu ffaċilitati, fost l-oħrajn, proċeduri baġitarji futuri.

Emenda 9

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 16

(16)

Din id-Deċiżjoni għandha tistabbilixxi, għall-perjodu sħiħ tal-Programm Qafas (2012-2013), pakkett finanzjarju li jikkostitwixxi r-referenza primarja, fit-tifsira tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod, għall-awtorità baġitarja matul il-proċedura baġitarja annwali.

(16)

Din id-Deċiżjoni għandha tistabbilixxi, għall-perjodu sħiħ tal-Programm Qafas (2012-2013), pakkett finanzjarju li jikkostitwixxi r-referenza primarja, fit-tifsira tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod (IIA) , għall-awtorità baġitarja matul il-proċedura baġitarja annwali. Biex jiġi akkomodat il-Programm Qafas (2012-2013) fl-MFF għas-snin 2012 u 2013, jeħtieġ li l-MFF jiġi emendat billi jiżdied il-livell massimu tal-Intestatura 1a. Jekk l-ebda marġni ieħor tal-MFF tal-2011 ma jkun disponibbli biex ikun trasferit fl-2012 u fl-2013, l-Istrument tal-Flessibbiltà, kif previst fil-punt 27 tal-IIA, għandu jkun mobilizzat.

Emenda 10

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 16 a (ġdida)

 

(16a)

Għall-MFF tal-2014-2020, ir-riżorsi finanzjarji ddedikati għall-proġett ITER għandhom ikunu stabbiliti għall-perjodu kollu tal-programmar sabiex kull ammont li jaqbeż il-limitu tal-ispiża tas-sehem tal-UE ta' EUR 6 600 000 000għall-perjodu ta' kostruzzjoni tal-ITER, attwalment ippjanat biex ikun finalizzat fl-2020, ikun iffinanzjat barra l-limiti massimi tal-MFF (‧id-delimitazzjoni tal-fondi‧).

Emenda 11

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 18

(18)

Id-dimensjoni internazzjonali u globali tal-attivitajiet ta’ riċerka Ewropej hija importanti bil-għan li jinkisbu benefiċċji reċiproki. Il-Programm Qafas (2012-2013) għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi li kkonkludew il-ftehimiet meħtieġa għal dan il-għan, u għandu jkun miftuħ, fil-livell tal-proġett u fuq il-bażi ta’ benefiċċju reċiproku, għall-parteċipazzjoni ta’ entitajiet minn pajjiżi terzi u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali għal kooperazzjoni xjentifika.

(18)

Id-dimensjoni internazzjonali u globali tal-attivitajiet ta’ riċerka Ewropej hija importanti bil-għan li jinkisbu benefiċċji reċiproki. Il-Programm Qafas (2012-2013) għandu jkun għalhekk fuq naħa miftuħ għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi li kkonkludew il-ftehimiet meħtieġa għal dan il-għan, u għandu jkun miftuħ, fil-livell tal-proġett u fuq il-bażi ta’ benefiċċju reċiproku, għall-parteċipazzjoni ta’ entitajiet minn pajjiżi terzi u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali għal kooperazzjoni xjentifika. Mill-banda l-oħra, dan ifisser ukoll li, partikolarment għal dak li għandu x'jaqsam mal-proġett ITER, is-sħab internazzjonali għandhom jirrispettaw bis-sħiħ l-obbligi finanzjarji tagħhom.

Emenda 12

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 2 – paragrafu 1

1.   Il-Programm Qafas (2012-2013) għandu jsegwi l-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(a) tat-Trattat, filwaqt li jikkontribwixxi lejn il-ħolqien tal-Unjoni tal-Innovazzjoni u msejjes fuq iż-Żona ta’ Riċerka Ewropea.

1.   Il-Programm Qafas (2012-2013) għandu jsegwi l-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(a) tat-Trattat, b'enfasi partikulari fuq is-sikurezza nukleari, is-sigurtà u l-protezzjoni mir-radjazzjoni, filwaqt li jikkontribwixxi lejn il-ħolqien tal-Unjoni tal-Innovazzjoni u msejjes fuq iż-Żona ta’ Riċerka Ewropea.

Emenda 13

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 2 – paragrafu 2 a (ġdid)

 

2a.     Il-Programm Qafas (2012-2013) għandu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pjan SET. L-azzjonijiet tiegħu għandhom jikkunsidraw l-Aġenda ta' Riċerka Strateġika tat-tliet pjattaformu tekonoloġiċi Ewropej eżistenti dwar l-enerġija nukleari: l-SNETP, l-IGDTP u l-MELODI.

Emenda 14

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 3 – paragrafu 1 – parti introduttorja

L-ammont massimu għall-implimentazzjoni tal-Programm Qafas (2012-2013) għandu jkun ta’ EUR 2 560 270 000 . Dan l-ammont għandu jitqassam skont kif ġej (f’EUR):

L-ammont massimu għall-implimentazzjoni tal-Programm Qafas (2012-2013) għandu jkun ta’ EUR 2 100 270 000. Dan l-ammont għandu jitqassam skont kif ġej (f’EUR):

Emenda 30

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt a – inċiż 1

riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni 2 208 809 000 ;

riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni 1 748 809 000 ; din iċ-ċifra tinkludi l-fondi neċessarji għat-tkomplija tal-programm JET f'Culham;

Emenda 16

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt a – inċiż 2

fissjoni nukleari u protezzjoni mir-radjazzjoni 118 245 000;

fissjoni nukleari , speċjalment is-sikurezza, it-titjib tal-ġestjoni tal-iskart nukleari u protezzjoni mir-radjazzjoni 118 245 000;

Emenda 17

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt b - inċiż 1

attivitajiet nukleari tal-JRC 233 216 000.

attivitajiet nukleari tal-JRC li għandhom x’jaqsmu mas-sigurtà nukleari, il-ħarsien tal-ambjent u d-dekummissjonar ta' 233 216 000

Emenda 18

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 4 – paragrafu 1 a (ġdid)

 

Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-iżvilupp ta' arranġamenti kuntrattwali li jnaqqsu kemm r-riskju ta' inadempjenza kif ukoll l-allokazzjoni mill-ġdid tar-riskji u l-ispejjeż maż-żmien

Emenda 19

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 6 – paragrafu 1 a (ġdid)

 

1a.     Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-inizjattivi li jkunu anċillari għar-riċerka nukleari fundamentali, b’mod partikulari fir-rigward tal-investiment fil-kapital uman u ta’ kundizzjonijiet adegwati tax-xogħol u l-azzjonijiet maħsuba biex jindirizzaw ir-riskju ta’ nuqqas ta’ ħiliet fis-snin li ġejjin.

Emenda 20

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 6 – paragrafu 2 a (ġdid)

 

2a.     L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jistabbilixxu eżami tal-kompetenzi, taħriġ u kwalifiki professjonali tal-Unjoni fil-qasam nukleari, li jippermetti perspettiva totali tas-sitwazzjoni attwali u jippermetti li jiġu identifikati u implimentati s-soluzzjonijiet xierqa.

Emenda 21

Proposta għal deċiżjoni

Anness 1 – parti I.A – taqsima 3 — punt 2

Programm iffukat dwar il-fiżika u t-teknoloġija ser jisfrutta t-Torus Konġunt Ewropew (Joint European Torus - JET) u strumenti oħrajn relevanti ta’ konteniment tal-manjetiżmu ta’ ITER. Dan ser jivvaluta teknoloġiji speċifiċi ewlenin ta’ ITER, jikkonsolida għażliet ta’ proġetti ta’ ITER, u jħejji għat-tħaddim ta’ ITER.

Programm iffukat dwar il-fiżika u t-teknoloġija ser jisfrutta t-Torus Konġunt Ewropew (Joint European Torus - JET) u strumenti oħrajn relevanti ta’ konteniment tal-manjetiżmu ta’ ITER (inkluż, potenzjalment, permezz ta’ esperimenti ġodda li għandhom jiġu implimentati u mwettqa b’mod parallel ma’ ITER) . Dan ser jivvaluta teknoloġiji speċifiċi ewlenin ta’ ITER, jikkonsolida għażliet ta’ proġetti ta’ ITER, u jħejji għat-tħaddim ta’ ITER.

Emenda 22

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – parti I.B – taqsima 3 – Objettiv

L-istabbiliment ta’ bażi xjentifika u teknika soda sabiex jiġu aċċelerati l-iżviluppi prattiċi għall-immaniġġjar aktar sigur ta’ skart radjuattiv b’ħajja twila, li jtejjeb b’mod partikolari s-sikurezza, l-effiċjenza tar-riżorsi u l-kosteffettività tal-enerġija nukleari u jiżgura sistema ta’ protezzjoni robusta u soċjalment aċċettabbli għall-bniedem u l-ambjent kontra l-effetti tar-radjazzjoni jonizzanti.

L-istabbiliment ta’ bażi xjentifika u teknika soda sabiex jiġu aċċelerati l-iżviluppi prattiċi għall-immaniġġjar aktar sigur ta’ skart radjuattiv b’ħajja twila, li jtejjeb b’mod partikolari s-sikurezza, l-effiċjenza tar-riżorsi u l-kosteffettività tal-enerġija nukleari u jiżgura sistema ta’ protezzjoni robusta u soċjalment aċċettabbli għall-bniedem u l-ambjent kontra l-effetti tar-radjazzjoni jonizzanti. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-iskart nukleari b’ħajja twila fid-dekummissjonar ta' sistemi qodma.

Emenda 23

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – parti I.B – taqsima 3 - punt 5

Appoġġ għaż-żamma u l-iżvilupp ulterjuri ta’ kompetenza xjentifika u kapaċità umana sabiex tiġi ggarantita d-disponibbiltà ta’ riċerkaturi, inġiniera u impjegati kkwalifikati b’mod adegwat fis-settur nukleari fuq medda ta’ żmien aktar fit-tul.

Appoġġ kontinwu għaż-żamma u l-iżvilupp ta' persunal kwalifikat meħtieġ biex tinżamm l-indipendenza nukleari tal-Unjoni, u kostantement tiġi żgurata s-sigurtà nukleari, u jittejjeb il-livell tagħha. Hu kruċjali li tinżamm ħila esperta fl-Unjoni dwar il-qasam nukleari, fir-rigward tal-protezzjoni mir-radjazzjoni u ż-żarmar tal-impjanti nukleari, minħabba li l-enerġija nukleari se tiżvolġi rwol importanti fit-taħlita tal-enerġija tal-UE, inklużi d-dekummissjonar u l-attivitajiet għall-immaniġġjar tal-iskart li għandu ħajja twila.

Emenda 24

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – parti II – taqsima 2 - paragrafu 2

Sabiex jintlaħaq dan l-għan, hemm bżonn ċar li jiġu żviluppati l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenza sabiex jiġu pprovduti l-aktar teknoloġija xjentifika avvanzata meħtieġa, ħila esperta indipendenti u affidabbli li tappoġġa l-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tas-sikurezza tar-reattur nukleari u ċ-ċikli tal-fjuwil, u s-salvagwardji u s-sigurtà nukleari. L-appoġġ immexxi mill-klijenti lejn il-politika tal-Unjoni enfasizzata fil-missjoni tal-JRC ser jiġi kkumplimentat bi rwol proattiv fi ħdan iż-Żona ta’ Riċerka Ewropea fit-twettiq ta’ attivitajiet ta’ riċerka ta’ kwalità għolja f’kuntatt mill-qrib mal-industrija u korpi oħrajn u sabiex jiġu żviluppati netwerks ma’ istituzzjonijiet pubbliċi u privati fl-Istati Membri.

Sabiex jintlaħaq dan l-għan, hemm bżonn ċar li jiġu żviluppati l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenza sabiex jiġu pprovduti l-aktar teknoloġija xjentifika avvanzata meħtieġa, ħila esperta indipendenti u affidabbli li tappoġġa l-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tas-salvagwardji u s-sigurtà nukleari. Il-missjoni tal-JRC ser jiġi kkumplimentat bi rwol proattiv fi ħdan iż-Żona ta’ Riċerka Ewropea fit-twettiq ta’ attivitajiet ta’ riċerka ta’ kwalità għolja f’kuntatt mill-qrib mal-industrija u korpi oħrajn u sabiex jiġu żviluppati netwerks ma’ istituzzjonijiet pubbliċi u privati fl-Istati Membri. Ir-rwol tiegħu bħala fornitur ta’ informazzjoni lill-pubbliku se jissaħħaħ.

Emenda 25

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – parti II – taqsima 3 – punt 3

3.

Is-sigurtà nukleari, ser tkompli tappoġġa it-twettiq tal-impenji tal-Komunità, b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ metodi għall-kontroll tal-faċilitajiet taċ-ċiklu tal-fjuwil, l-implimentazzjoni tal-protokoll addizzjonali inkluż it-teħid ta’ kampjuni ambjentali u salvagwardji integrati, u l-prvenzjoni tad-diverżjoni ta’ materjali nukleari u radjuattivi assoċjati ma’ traffikar illeċitu ta’ tali materjali inkluża l-forensika nukleari.

3.

Is-sigurtà nukleari, ser tkompli tappoġġa it-twettiq tal-impenji tal-Komunità, b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ metodi għall-kontroll tal-faċilitajiet taċ-ċiklu tal-fjuwil, l-implimentazzjoni tal-protokoll addizzjonali inkluż it-teħid ta’ kampjuni ambjentali u salvagwardji integrati, u l-prvenzjoni tad-diverżjoni ta’ materjali nukleari u radjuattivi assoċjati ma’ traffikar illeċitu ta’ tali materjali inkluża l-forensika nukleari. Hu neċċessarju li jintużaw l-aħjar strumenti ta' monitoraġġ tal-attivitajiet nukleari ċivili kollha inkluż l-operazzjonijiet ta' trasport jew il-post fejn jinħażen kwalunkwe materjal radjuattiv.

Emenda 28

Proposta għal deċiżjoni

Anness II – introduzzjoni – paragrafu 1 a (ġdid)

 

Il-ġestjoni tal-finanzjament tar-riċerka Ewropea għandha tkun ibbażata aktar fuq il-fiduċja u tkun aktar tolleranti għar-riskji fir-rigward tal-parteċipanti fil-fażijiet kollha tal-proġetti, filwaqt li tiġi ggarantita r-responsabbiltà, b'regoli flessibbli tal-Unjoni biex tkun aktar konformi, fejn hu possibbli, mar-regolamenti nazzjonali differenti eżistenti u prattiki ta’ kontabbiltà rikonoxxuti.

Emenda 29

Proposta għal deċiżjoni

Anness II – introduzzjoni – paragrafu 1 b (ġdid)

 

Jeħtieġ li jintlaħaq bilanċ bejn il-fiduċja u l-kontroll – bejn it-teħid tar-riskju u l-perikli li r-riskju jġib miegħu – biex tiġi żgurata l-ġestjoni finanzjarja soda tal-fondi tal-Unjoni għar-riċerka.

Emenda 26

Proposta għal deċiżjoni

Anness II – punt 2 – punt a – punt 1

Appoġġ għal proġetti ta’ riċerka mwettqa minn konsorzja ma’ parteċipanti minn pajjiżi differenti, immirati biex jiżviluppaw għarfien ġdid, teknoloġija ġdida, prodotti jew riżorsi komuni għar-riċerka. Id-daqs, l-ambitu u l-organizzazzjoni interna tal-proġetti jistgħu jvarjaw bejn qasam u ieħor u bejn suġġett u ieħor. Il-proġetti jistgħu jvarjaw minn azzjonijiet ta’ riċerka ffukati fuq skala żgħira jew medja għal proġetti ta’ integrazzjoni akbar li jimmobilizzaw volum sinifikanti ta’ riżorsi għall-kisba ta’ objettiv iddefinit. L-appoġġ għat-taħriġ u l-iżvilupp fil-karriera tar-riċerkaturi ser jiġi inkluż fil-pjanijiet ta’ ħidma tal-proġett.

Appoġġ għal proġetti ta’ riċerka mwettqa minn konsorzja ma’ parteċipanti minn pajjiżi differenti, immirati biex jiżviluppaw għarfien ġdid, teknoloġija ġdida, prodotti jew riżorsi komuni għar-riċerka. Id-daqs, l-ambitu u l-organizzazzjoni interna tal-proġetti jistgħu jvarjaw bejn qasam u ieħor u bejn suġġett u ieħor. Il-proġetti jistgħu jvarjaw minn azzjonijiet ta’ riċerka ffukati fuq skala żgħira jew medja għal proġetti ta’ integrazzjoni akbar li jimmobilizzaw volum sinifikanti ta’ riżorsi għall-kisba ta’ objettiv iddefinit. L-appoġġ għat-taħriġ u l-iżvilupp fil-karriera tar-riċerkaturi ser jiġi inkluż fil-pjanijiet ta’ ħidma tal-proġett. Attivitajiet ta' standardizzazzjoni se jkunu inklużi fil-programm ta' ħidma tal-proġett.

Emenda 27

Proposta għal deċiżjoni

Anness II – punt 2 – punt a – punt 3

L-appoġġ għal attivitajiet biex tiġi kkoordinata riċerka ta’ koordinazzjoni jew appoġġ (netwerking, skambji, aċċess transnazzjonali għal infrastrutturi ta’ riċerka, studji, konferenzi, kontribuzzjonijiet matul il-kostruzzjoni ta’ infrastruttura ġdida, eċċ.) jew biex jiġi promoss l-iżvilupp ta’ riżorsi umani (eż. netwerking u stabbiliment ta' skemi ta' taħriġ). Dawn l-azzjonijiet jistgħu jiġu implimentati wkoll b'mezzi oħra apparti minn sejħiet għal proposti.

L-appoġġ għal attivitajiet biex tiġi kkoordinata riċerka ta’ koordinazzjoni jew appoġġ (netwerking, skambji, aċċess transnazzjonali għal infrastrutturi ta’ riċerka, studji, konferenzi, parteċipazzjoni fil-korpi ta' standardizzazzjoni, kontribuzzjonijiet matul il-kostruzzjoni ta’ infrastruttura ġdida, eċċ.) jew biex jiġi promoss l-iżvilupp ta’ riżorsi umani (eż. netwerking u stabbiliment ta' skemi ta' taħriġ). Dawn l-azzjonijiet jistgħu jiġu implimentati wkoll b'mezzi oħra apparti minn sejħiet għal proposti.


(1)  COM (2011)0226.

(2)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(3)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

(4)   Testi adottati P7_TA (2010)0401