5.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 33/298


It-Tlieta 5 ta’ Lulju 2011
Bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu ***I

P7_TA(2011)0312

Emendi tal-Parlament Ewropew adottati fil-5 ta’ Lulju 2011 għal proposta għar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Bejgħ bin-Nieqes u ċerti aspetti tas-Swaps ta’ Inadempjenza tal-Kreditu (COM(2010)0482 – C7-0264/2010 – 2010/0251(COD)) (1)

2013/C 33 E/36

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

[Em. 1]

EMENDI TAL-PARLAMENT (2)

għall-proposta tal-Kummissjoni


(1)  Il-kwistjoni ġiet riferuta lura lill-kumitat skont l-Artikolu 57(2), it-tieni subparagrafu (A7-0055/2011).

(2)  Emendi politiċi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u qawwija; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▐.


It-Tlieta 5 ta’ Lulju 2011
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar Bejgħ bin-Nieqes u ċerti aspetti tas-Swaps ta’ Inadempjenza tal-Kreditu

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,

Billi:

(1)

Fl-eqqel tal-kriżi finanzjarja f'Settembru 2008, l-awtoritajiet kompetenti f’diversi Stati Membri u l-Istati Uniti tal-Amerika adottaw miżuri ta’ emerġenza sabiex jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-bejgħ bin-nieqes fit-titoli kollha jew uħud minnhom. Aġixxew minħabba tħassib li fi żmien ta’ instabilità finanzjarja konsiderevoli, il-bejgħ bin-nieqes seta' jaggrava l-inżul dejjem 'l isfel fil-prezzijiet tal-ishma, b’mod partikolari f’istituzzjonijiet finanzjarji, b’mod li finalment setgħet tiġi mhedda l-vijabilità tagħhom u toħloq risjki sistemiċi. Il-miżuri adottati minn Stati Membri kienu diverġenti minħabba li l-Unjoni ma għandhiex qafas leġiżlattiv speċifiku sabiex tittratta kwistjonijiet ta’ bejgħ bin-nieqes.

(2)

Biex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern u jittejbu l-kundizzjonijiet tal-funzjonament tiegħu, partikolarment is-swieq finanzjarji, u biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi u l-investituri, huwa għalhekk xieraq li jiġi stabilit qafas komuni fir-rigward tar-rekwiżiti u setgħat dwar il-bejgħ bin-nieqes u s-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu u jiġu żgurati aktar koordinazzjoni u konsistenza bejn l-Istati Membri fejn jeħtieġ li jittieħdu miżuri f'sitwazzjonijiet eċċezzjonali. Huwa neċessarju li jiġi armonizzat qafas għall-bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu biex jiġi pprevenut il-ħolqien ta’ ostakli għas-suq intern, minħabba li huwa probabbli li l-Istati Membri jibqgħu jieħdu miżuri diverġenti.

(3)

Huwa xieraq u meħtieġ li d-dispożizzjonijiet jieħdu l-forma leġiżlattiva ta’ Regolament minħabba li xi dispożizzjonijiet jimponu obbligi diretti fuq partijiet privati sabiex jinnotifikaw u jiddivulgaw pożizzjonijiet bin-nieqes netti li għandhom x'jaqsmu ma’ ċerti strumenti u dwar bejgħ bin-nieqes skopert. Regolament huwa wkoll neċessarju biex jikkonferixxi setgħat lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (AETS) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 (3) biex tikkoordina miżuri meħuda mill-awtoritajiet kompetenti jew biex tieħu miżuri hi stess.

(4)

Biex tintemm is-sitwazzjoni frammentata tal-lum fejn xi Stati Membri ħadu miżuri diverġenti u biex tiġi ristretta l-possibilità li jittieħdu miżuri diverġenti mill-awtoritajiet kompetenti huwa importanti li jiġu indirizzati r-riskji potenzjali li joriġinaw mill-bejgħ bin-nieqes u swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu b’mod armonizzat. Ir-rekwiżiti li għandhom jiġu imposti għandhom jindirizzaw ir-riskji identifikati filwaqt li jitqiesu d-differenzi fl-Istati Membri u l-impatt ekonomiku potenzjali tar-rekwiżiti u mingħajr ma jkunu ta’ detriment mhux mistħoqq għall-benefiċċji li l-bejgħ bin-nieqes jipprovdi għall-kwalità u l-effiċjenza tas-swieq billi tiżdied il-likwidità tas-swieq (billi l-bejjiegħ bin-nieqes ibigħ it-titoli u mbagħad jerġa' jixtrihom biex ikopri l-bejgħ bin-nieqes) u billi l-investituri jitħallew jaġixxu meta jaħsbu li titoli jkun bejgħ bin-nieqes sopravalutat li għalhekk iwassal għall-ipprezzar aktar effiċjenti tat-titoli .

(4a)

Is-swieq tal-prodotti bażiċi u, b'mod partikolari, is-swieq agrikoli mhumiex inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Peress li xi riskji identifikati f'dan ir-Regolament jistgħu jseħħu wkoll f'dawk is-swieq u minbarra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Naffrontaw l-isfidi fis-swieq tal-prodotti bażiċi u dawk marbuta mal-materja prima', il-Kummissjoni, sal-1 ta’ Jannar 2012, għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riskji li jeżistu f'dawk is-swieq, filwaqt li tqis il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, u tressaq proposti xierqa. Prodotti bażiċi marbuta mas-settur tal-enerġija għandhom jiġu indirizzati fil-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija (COM(2010)0726).

(5)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkun wiesa' kemm jista' jkun possibbli biex jipprovdi qafas preventiv biex jintuża f'ċirkostanzi eċċezzjonali. Il-qafas għandu jkopri l-istrumenti finanzjarji kollha imma jipprovdi rispons proporzjonat għar-riskji li l-bejgħ bin-nieqes ta’ strumenti differenti jista' jirrappreżenta. Għalhekk, huwa biss fil-każ ta’ sitwazzjonijiet eċċezzjonali li l-awtoritajiet kompetenti u l-AETS għandhom ikunu intitolati li jieħdu miżuri fir-rigward tat-tipi kollha tal-istrumenti finanzjarji, u jmorru lil hinn mill-miżrui permanenti li japplikaw biss għal tipi partikolari ta’ strumenti fejn ikun hemm riskji identifikati b'mod ċar li jeħtieġu li tali miżuri biex jindirizzawhom.

(6)

Trasparenza msaħħa li għandha x’taqsam ma’ pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti fi strumenti finanzjarji speċifiċi x’aktarx tkun ta’ benefiċċju kemm għar-regolatur kif ukoll għall-parteċipanti fis-suq. Għal ishma ammessi għan-negozjar f’ċentru tan-negozjar fl-Unjoni, għandu jiddaħħal mudell fuq żewġ saffi li jipprovdi għal trasparenza akbar ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti f’ishma fil-livell xieraq. ’Il fuq minn ċertu livell limitu in-notifika ta’ pożizzjoni għandha ssir privatement lir-regolaturi konċernati biex tippermettilhom jimmonitorjaw u, fejn meħtieġ, jinvestigaw il-bejgħ bin-nieqes li jista' joħloq riskji sistemiċi jew ikun abbużiv; f’livell limitu ogħla, il-pożizzjonijiet għandhom jiġu ddivulgati pubblikament ukoll lis-suq f'forma anonima sabiex tiġi pprovduta informazzjoni utli lil parteċipanti oħra fis-suq dwar pożizzjonijiet individwali sinifikanti ta’ bejgħ bin-nieqes f'ishma.

(7)

Id-divulgazzjoni lir-regolaturi ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti li għandhom x'jaqsmu ma’ dejn sovran u korporattivi jipprovdi informazzjoni importanti li jgħin lir-regolaturi fil-monitoraġġ dwar jekk dawn il-pożizzjonijiet ikunux fil-fatt qed joħolqu risjki sistemiċi jew ikunux qed jintużaw għal għanijiet abbużivi. Għalhekk għandha tiġi prevista notifika lir-regolaturi dwar pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti b'rabta ma’ dejn sovran u korporattivi fl-Unjoni. Tali rekwiżit għandu jinkludi biss divulgazzjoni privata lir-regolaturi minħabba li l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni lis-suq għal dawn l-istrumenti jista’ jkollha effett detrimentali fuq swieq ta’ dejn sovran jew korporattivi fejn il-likwidità tkun diġà indebolita. ▐

(8)

Ir-rekwiżiti ta’ notifika għal dejn sovran għandhom japplikaw dejn maħruġ mill-Unjoni u l-Istati Membri, inkluż kwalunkwe ministeru, dipartiment, bank ċentrali, aġenzija jew mezz strumentali li joħroġ id-dejn f’isem Stat Membru, iżda eskluż korpi reġjonali jew korpi kważi pubbliċi li joħorġu d-dejn.

(9)

Sabiex jiġi żgurat rekwiżit ta’ trasparenza komprensiv u effikaċi, huwa important li jiġu inklużi mhux biss pożizzjonijiet bin-nieqes li jinħolqu permezz tan-negozjar tal-ishma jew id-dejn sovran f’ċentri tan-negozjar imma anke pożizzjonijiet bin-nieqes li jinħolqu permezz tan-negozjar barra minn ċentri tan-negozjar (kemm jekk swieq regolati, faċilitajiet kummerċjali multilaterali, internalizzaturi sistemiċi jew barra l-Borża) u pożizzjonijiet bin-nieqes netti ekonomiċi li jinħolqu permezz tal-użu ta’ derivati , bħal opzjonijiet, futuri, strumenti marbuta mal-indiċi, kuntratti għal differenzi u spread bets li għandhom x’jaqsmu ma’ ishma jew dejn sovran .

(10)

Sabiex ikun utli għar-regolaturi u s-suq, kwalunkwe reġim ta’ trasparenza għandu jipprovdi informazzjoni kompleta u akkurata dwar pożizzjonijiet ta’ persuna fiżika jew ġuridika. B’mod partikolari, l-informazzjoni provduta lir-regolatur jew lis-suq għandha tqis kemm il-pożizzjonijiet bin-nieqes kif ukoll dawk twal sabiex tiġi provduta informazzjoni prezzjuża dwar il-pożizzjoni bin-nieqes netta ta’ persuna fiżika jew ġuridika fl-ishma, id-dejn Sovran u l-iswaps ta’ inadempjenza tal-kreditu.

(11)

Il-kalkolu ta’ pożizzjoni bin-nieqes jew pożizzjoni twila għandu jqis kwalunkwe forma ta’ interess ekonomiku li persuna fiżika jew ġuridika jkollha fir-rigward tal-kapital azzjonarju maħruġ ta’ kumpanija jew id-dejn sovran maħruġ tal-Istat Membru jew l-Unjoni. B’mod partikolari għandu jqis dan l-imgħax miksub direttament jew indirettament permezz tal-użu ta’ derivati bħal opzjonijiet, futuri, kuntratti għal differenzi u spread bets li jkollhom x’jaqsmu ma’ ishma jew dejn sovran , u indiċi, basktijiet u fondi nnegozjati fil-borża . Fil-każ ta’ pożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dejn sovran, għandu jqis ukoll is-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu li jkollu x’jaqsam ma’ emittenti tad-dejn sovran.

(12)

Flimkien mar-reġim ta’ trasparenza għar-rappurtar ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes netti f'ishma, għandu jiddaħħal rekwiżit għall-immarkar ta’ ordnijiet bin-nieqes li jkunu eżegwiti ▐ bħala bejgħat bin-nieqes kif osservat fit-tmiem tal-ġurnata biex jipprovdi informazzjoni supplimentari dwar il-volum ta’ bejgħat bin-nieqes ta’ ishma eżegwit ▐. Informazzjoni dwar tranżazzjonijiet ta’ bejgħ bin-nieqes għandha tinġabar mid-ditta u tiġi kkomunikata lill-awtorità kompetenti ▐ għall-inqas kuljun sabiex tgħin lill-awtoritajiet kompetenti ▐ jimmonitorjaw il-livelli tal-bejgħ bin-nieqes.

(13)

Ix-xiri ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu mingħajr ma wieħed ikollu pożizzjoni twila f’dejn sovran sottostanti jew pożizzjoni oħra f'assi jew portafoll ta’ assi li l-valur tagħhom x'aktarx li jkun affettwat b’mod negattiv minn waqgħa fl-affidabilità finanzjarja tas-sovran rilevanti jista' jkun, f'sens ekonomiku, ekwivalenti għat-teħid ta’ pożizzjoni bin-nieqes fl-istrument sottostanti ta’ dejn. Il-kalkolu ta’ pożizzjoni bin-nieqes netta fir-rigward ta’ dejn sovran għandu għalhekk jinkludi s-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu fir-rigward ta’ obbligu ta’ emittent ta’ dejn sovran. Il-pożizzjoni tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu għandha titqies ▐ għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk persuna fiżika jew ġuridika jkollhiex pożizzjoni bin-nieqes netta sinifikanti li għandha x’taqsam ma’ dejn sovran li jkun jeħtieġ li jiġi nnotifikat lil awtorità kompententi ▐.

(14)

Sabiex jiġi permess il-monitoraġġ kontinwu ta’ pożizzjonijiet l-obbligi ta’ trasparenza għandhom jinkludu wkoll notifika jew divulgazzjoni fejn bidla f'pożizzjoni bin-nieqes netta tirriżulta f'żieda jew tnaqqis 'l fuq jew taħt ċerti limiti.

(15)

Sabiex ikunu effikaċi, huwa importanti li l-obbligi ta’ trasparenza japplikaw irrispettivament minn fejn tinstab il-persuna fiżika jew ġuridika, inkluż fejn tinstab il-persuna fiżika jew ġuridika barra mill-Unjoni, imma jkollha pożizzjoni bin-nieqes netta jew pożizzjonijiet twal ingranati netti sinifikanti f’kumpanija li jkollha ishma ammessi għan-negozjar f’ċentru tan-negozjar fl-Unjoni jew pożizzjoni bin-nieqes netta f’dejn sovran jew korporattiv maħruġ minn Stat Membru jew l-Unjoni.

(16)

Bejgħ bin-nieqes skopert ta’ ishma u dejn sovran jista' jżid ir-riskju potenzjali ta’ nuqqas ta’ saldu, ▐ volatilità u abbuż tas-suq . Sabiex jitnaqqsu dawn ir-riskji huwa xieraq li jitpoġġew restrizzjonijiet proporzjonati fuq bejgħ bin-nieqes skopert , filwaqt li jitqies il-fatt li ma jinħoloq l-ebda riskju sistemiku jekk l-arranġament ta’ self isir sa tmiem il-jum ta’ negozju. Nuqqas li tiġi koperta pożizzjoni bin-nieqes fi tmiem juma ta’ negozju għandu jirriżulta f'penali kbar biżżejjed biex il-bejjiegħ ma jkunx jista' jagħmel qligħ .

(16a)

Għalkemm dixxiplina tas-saldu hija komponent importanti ta’ swieq finanzjarji li jiffunzjonaw tajjeb, id-dettalji tekniċi tas-sistemi dixxiplinari tas-saldu m’għandhomx ikunu inklużi fil-qasam ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għandhom ikunu definiti fil-proposta leġislattiva xierqa tal-Kummissjoni dwar l-attività ta’ wara n-negozjar filwaqt li jitqies ix-xogħol li sar mill-Kummissjoni u mill-grupp ta’ ħidma dwar l-armonizzazzjoni taċ-ċikli ta’ saldu dwar din il-kwistjoni. Il-Kummissjoni għalhekk għandha tagħmel proposti konkreti sal-aħħar tal-2011, b’mod parallel ma’ proposta biex jinħoloq qafas legali armonizzat għad-dipożitarji ċentrali tat-titoli.

(16b)

Is-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu sovrani għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju tal-interessi li jistgħu jkunu assigurati filwaqt li jiġi rikonoxxut li jista’ jkun hemm interessi fi stat sovran oħra barra mis-sjieda ta’ bonds.

(17)

Il-miżuri dwar id-dejn sovran u s-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu sovrani, inkluż trasparenza akbar u restrizzjonijiet fuq il-bejgħ bin-nieqes skopert għandhom jimponu rekwiżiti li jkunu proporzjonati u fl-istess waqt jevitaw impatt avvers fuq il-likwidità tas-swieq tal-bonds sovrani u s-swieq tar-riakkwist (repo) tal-bonds sovrani.

(18)

L-ishma qed jiġu ammessi dejjem aktar għan-negozju f’ċentri tan-negozjar differenti kemm fl-Unjoni kif ukoll barra mill-Unjoni. Ħafna kumpaniji kbar ibbażati barra mill-Unjoni għandhom ukoll ishma ammessi għan-negozjar f'ċentru tan-negozjar fl-Unjoni. Għal raġunijiet ta’ effiċjenza, huwa xieraq li t-titoli jiġu eżentati minn ċerti rekwiżiti tan-notifika u d-divulgazzjoni, fejn iċ-ċentru prinċipali għan-negozjar ta’ dak l-istrument ikun barra mill-Unjoni.

(19)

Attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq għandhom rwol kruċjali f’li jipprovdu likwidità lis-swieq fl-Unjoni u l-ġeneraturi tas-suq jeħtieġ li jieħdu pożizzjonijiet bin-nieqes sabiex iwettqu dak ir-rwol. L-impożizzjoni ta’ rekwiżiti fuq tali attivitajiet jista’ jimpedixxi severament l-abilità tagħhom li jipprovdu likwidità u jkollhom impatt negattiv sinifikanti fuq l-effiċjenza tas-swieq tal-Unjoni. Persuni oħra li jiġġeneraw s-suq ma jkunux mistennija li jieħdu pożizzjonijiet bin-nieqes sinifikanti ħlief għal perjodi qosra ħafna. Huwa għalhekk xieraq li persuni fiżiċi jew ġuridiċi involuti f’dawn l-attivitajiet jiġu eżentati minn rekwiżiti li jistgħu jfixklu l-abilità tagħhom li jwettqu din il-funzjoni u għalhekk jaffettwaw b’mod negattiv lis-swieq tal-Unjoni. Sabiex jinġabru entitajiet ekwivalenti ta’ pajjiż terz hemm bżonn proċedura sabiex tiġi vvalutata l-ekwivalenza ta’ swieq tal-pajjiż terz. L-eżenzjoni għandha tapplika għat-tipi differenti ta’ attività ta’ ġenerazzjoni tas-suq imma mhux għall-eżenzjoni ta’ negozjar tal-proprjetà. Huwa xieraq ukoll li jiġu eżentati ċerti operazzjonijiet fis-suq primarju bħal dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ dejn sovran u skemi ta’ stabilizzazzjoni minħabba li huma attivitajiet importanti li jgħinu fil-funzjonament effiċjenti tas-swieq. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġu nnotifikati dwar l-użu ta’ eżenzjonijiet u għandu jkollhom is-setgħa li jipprojbixxu persuna fiżika jew ġuridika milli tuża eżenzjoni jekk din ma tkunx tissodisfa l-kriterji rilevanti tal-eżenzjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ukoll ikunu kapaċi jitolbu informazzjoni minn persuna fiżika jew ġuridika biex jimmonitorjaw l-użu tagħha tal-eżenzjoni.

(20)

Fil-każ ta’ żviluppi avversi li jikkostitwixxu theddida serja għall-istabilità finanzjarja jew għall-fiduċja fis-suq fi Stat Membru jew l-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom setgħat ta’ intervent sabiex jirrikjedu trasparenza akbar jew li jimponu restrizzjonijiet temporanji fuq il-bejgħ bin-nieqes u tranżazzjonijiet ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu jew tranżazzjonijiet oħra biex jipprevjenu nżul diżordinat fil-prezz ta’ strument finanzjarju. Tali miżuri jistgħu jkunu neċessarji minħabba varjetà ta’ avvenimenti jew żviluppi avversi inkluż mhux biss avvenimenti finanzjarji jew ekonomiċi imma anke pereżempju diżastri naturali jew atti terroristiċi. Barra minn hekk, xi avveniment jew żviluppi avversi li jeħtieġu miżuri jistgħu sempliċement joriġinaw fi Stat Membru wieħed biss u mhux neċessarjament ikollhom xi implikazzjonijiet transfruntieri. Is-setgħat jeħtieġ li jkunu flessibbli biżżejjed sabiex jittrattaw firxa ta’ sitwazzjonijiet eċċezzjonali differenti.

(21)

Filwaqt li l-awtoritajiet kompetenti normalment ser ikunu fl-aħjar pożizzjoni biex jimmonitorjaw il-kundizzjonijiet tas-suq u biex jirreaġixxu inizjalment għal avveniment jew żvilupp avvers billi jiddeċiedu jekk ikunx hemm theddida serja għall-istabilità finanzjarja u l-fiduċja fis-suq u jekk ikunx neċessajru li jittieħdu miżuri biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni, is-setgħat u l-kundizzjonijiet u proċeduri għall-użu minnhom għandhom jiġu armonizzati kemm jista' jkun possibbli.

(22)

Fil-każ ta’ waqgħa sinifikanti fil-prezz ta’ strument finanzjarju f'ċentru tan-negozjar, awtorità kompetenti għandha wkoll tkun kapaċi tirrestrinġi temporanjament il-bejgħ bin-nieqes tal-istrument finanzjarju f'dak iċ-ċentru fil-ġuriżdizzjoni tagħha stess jew titlob tali restrizzjoni lill-AETS f'ġuriżdizzjonijiet oħra sabiex tkun kapaċi tintervjeni rapidament fejn xieraq u tipprevjeni ▐ waqgħa diżordinata fil-prezz tal-istrument konċernat.

(23)

Fejn avveniment jew żvilupp avvers jestendi lil hinn minn Stat Membru wieħed jew ikollha implikazzjonijiet transfruntieri oħra, huwa essenzjali li jkun hemm konsultazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet kompetenti. L-AETS għandu jkollha rwol ewlieni fil-koordinazzjoni f’din is-sitwazzjoni u ▐ tiżgura konsistenza bejn l-awtoritajiet kompetenti. Il-kompożizzjoni tal-AETS li tinkludi rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti ser tkun ta’ għajnuna għaliha biex tkun kapaċi twettaq rwol bħal dan.

(24)

Flimkien ma’ miżuri ta’ koordinazzjoni minn awtoritajiet kompetenti, l-AETS għandha tiżgura li l-miżuri jittieħdu biss minn awtoritajiet kompetenti fejn ikun neċessarju u proporzjonat li jsir hekk. L-AETS għandu jkollha s-setgħa li toħroġ opinjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti dwar l-użu tas-setgħat ta’ intervent.

(25)

Filwaqt li l-awtoritajiet kompetenti spiss ser ikunu fl-aħjar pożizzjoni biex jimmonitorjaw u jirreaġixxu rapidament għal avveniment jew żvilupp avvers, l-AETS għandu jkollha wkoll is-setgħa li hi stess tieħu miżuri fejn il-bejgħ bin-nieqes u attivitajiet oħra relatati jheddu l-funzjonament ordinat u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew tal-istabilità tas-sistema finanzjarja sħiħa jew parti minnha fl-Unjoni, fejn ikun hemm implikazzjonijiet transfruntieri u fejn jonqsu li jittieħdu miżuri suffiċjenti mill-awtoritajiet kompetenti biex jindirizzaw it-theddida. L-AETS għandha tinforma lill-Bord Ewropew tar-Riskju Sistemiku stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010  (4) (BERS) kull fejn possibbli, u awtoritajiet oħra rilevanti meta l-miżura jkun jista’ jkollha effetti lil hinn mis-swieq finanzjarji, bħal pereżempju fil-każ tad-derivati tal-komoditajiet li jintużaw biex jiġu ħħeġġjati pożizzjonijiet fiżiċi.

(26)

Is-setgħat tal-AETS skont dan ir-Regolament f'sitwazzjonijiet eċċezzjonali sabiex tirrestrinġi l-bejgħ bin-nieqes u attivitajiet oħra relatati jitqiesu konformi mas-setgħat inklużi fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. Is-setgħat ikkonferiti lill-AETS f'sitwazzjonijiet eċċezzjonali għandhom ikunu mingħajr ħsara għas-setgħat tal-AETS f'sitwazzjoni ta’ emerġenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. B’mod partikolari, l-AETS għandha tkun tista' tadotta deċiżjonijiet individwali li jirrikjedu li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu miżuri jew deċiżjonijiet individwali indirizzati lejn parteċipanti fis-suq finanzjarju skont dak l-Artikolu.

(27)

Is-setgħat ta’ intervent tal-awtoritajiet kompetenti u tal-AETS biex jirristrinġu l-bejgħ bin-nieqes, is-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu u tranżazzjonijiet oħra għandhom ikunu ta’ natura temporanja biss u għandhom jiġu eżerċitati biss għal dan il-perjodu u sa fejn neċessarju sabiex tiġi indirizzata t-theddida speċifika.

(28)

Minħabba r-riskji speċifiċi li jistgħu jinħolqu mill-użu tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu, dawn it-tranżazzjonijiet jeħtieġu monitoraġġ mill-qrib minn awtoritajiet kompetenti. B’mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħa f’każijiet eċċezzjonali li jirrikjedu informazzjoni minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li qed jidħlu għal dawn it-tranżazzjonijiet dwar l-għan għal liema jkunu daħlu għat-tranżazzjoni.

(29)

L-AETS għandha tingħata wkoll setgħa ġenerali li twettaq inkjesta dwar kwistjoni jew prattika li għandha x’taqsam mal-bejgħ bin-nieqes jew l-użu ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu sabiex tivvaluta jekk dik il-kwistjoni jew prattika tippreżentax xi theddida potenzjali għall-istabilità finanzjarja jew għall-fiduċja fis-suq. Meta twettaq din l-inkjesta l-AETS għandha tippubblika rapport bis-sejbiet tagħha u, jekk ltqis li għandha tiġi introdotta miżura fil-livell tal-Unjoni, id-deċiżjoni tagħha għandha tkun torbot lill-awtoritajiet kompetenti .

(30)

Minħabba li xi miżuri jistgħu japplikaw għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi u azzjonijiet barra mill-Unjoni, huwa meħtieġ f’ċerti sitwazzjonijiet li l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet f’pajjiżi terzi jikkooperaw. L-awtoritajiet kompetenti għandhom għalhekk jidħlu fi ftehimiet ma’ awtoritajiet f’pajjiżi terzi. L-AETS għandha tikkoordina l-iżvilupp ta’ dawn il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni rċevuta minn pajjiżi terzi bejn l-awtoritajiet komptenti.

(31)

Dan ir-Regolament iħares id-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti partikolarment fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropew (TFUE) u l-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) , partikolarment id-dritt tal-protezzjoni tad-dejta personali rikonoxxut fl-Artikolu 16 TFUE u l-Artikolu 8 tal-Karta. Partikolarment, it-trasparenza rigward il-pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti, inkluż id-divulgazzjoni pubblika ’l fuq minn ċertu limitu fejn prevista f’dan ir-Reoglament, hija neċessarja għar-raġunijiet ta’ istabilità tas-suq finanzjarju u l-protezzjoni għall-investituri. Tali trasparenza ser tippermetti lir-regolaturi jimmonitorjaw l-użu tal-bejgħ bin-nieqes b’rabta mal-istrateġiji abbużivi u l-implikazzjonijiet dwar il-funzjonament tajjeb tas-swieq. Barra minn hekk, tali trasparenza tista’ tgħin biex jiġu evitati assimetriji fl-informazzjoni, u jiġi żgurat li l-parteċipanti kollha fis-suq jkunu informati adegwatement dwar safejn il-bejgħ bin-nieqes qed jaffettwa l-prezzijiet. Kwalunkwe skambju jew trażmissjoni ta’ informazzjoni minn awtoritajiet kompetenti għandu jkunu skont ir-regoli dwar it-trasferiment ta’ dejta personali kif stabilit fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (5). Kwalunkwe skambju jew trażmissjoni ta’ informazzjoni mill-AETS għandha tkun skont ir-regoli dwar it-trasferiment ta’ dejta personali kif stabilit fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data (6), li għandha tkun applikabbli għal kollox għall-ipproċessar ta’ dejta personali għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

(32)

Abbażi ta’ linjigwida adottati mill-AETS u meta titqies il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u tiżgura li jiġu implimentati. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Fl-aħħar nett, fl-Unjoni għandu jiġi stabbilit reġim ta’ penali armonizzat .

(34)

Sabiex […], is-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 TFUE għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tad-dettalji li jikkonċernaw il-kalkolu ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes, fejn persuna fiżika jew ġuridika jkollha pożizzjoni skoperta fi swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu, il-livelli limitu ta’ notifika jew divulgazzjoni u aktar speċifikazzjoni tal-kriterji u fatturi għad-determinazzjoni ta’ meta avveniment jew żvilupp avvers joħloq theddida serja għall-istabilità finanzjarja jew għall-fiduċja fis-suq fi Stat Membru tal-Unjoni. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. L-AETS għandu jkollha rwol fl-abbozzar tal-atti delegati billi tagħti pariri lill-Kummissjoni.

(35)

Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jivvaluta l-adegwatezza tal-livelli limitu tar-rapportar u d-divulgazzjoni pubblika previsti, l-operazzjoni tar-restrizzjonijiet u r-rekwiżiti li għandhom x’jaqsmu mat-trasparenza ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes netti u jekk kwalunkwe restrizzjoni jew kondizzjoni oħra fuq bejgħ bin-nieqes jew swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu tkunx xierqa.

(36)

Minkejja li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali huma f’pożizzjoni aħjar biex jimmonitorjaw u għandhom għarfien aħjar tal-iżviluppi tas-suq, l-impatt kumplessiv tal-problemi relatati mal-bejgħ bin-nieqes u s-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu jistgħu jinftiehmu aħjar f'kuntest tal-Unjoni. Għal din ir-raġuni, l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni; l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà stiplat fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(37)

Ladarba xi Stati Membri diġà daħħlu fis-seħħ restrizzjonijiet fuq bejgħ bin-nieqes u ladarba huma previsti atti delegati u standards tekniċi vinkolanti li għandhom jiġu adottati qabel il-qafas li għandu jiddaħħal ikun jista’ jiġi applikat b’mod utli, huwa neċessarju li jiġi previst perjodu suffiċjenti ta’ żmien,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Ambitu

Dan ir-Regolament għandu japplika għal strumenti finanzjarji li ġejjin:

(1)

strument finanzjarji li jkunu ammessi għan-negozjar f’ċentru tan-negozjar fl-Unjoni, inklużi tali strumenti meta jiġu nnegozjati barra minn ċentru tan-negozjar;

(2)

derivati skont l-Anness I it-Taqsima C il-punti (4) sa (10) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (7) relatati ma’ strumenti finanzjarji msemmija fil-paragrafu (1) jew emittent ta’ strument finanzjarju msemmi fil-paragrafu (1), inkluż tali derivati meta nnegozjati barra ċentru tan-negozjar;

(3)

strumenti ta’ dejn maħruġa minn Stat Membru jew l-Unjoni u derivati skont l-Anness I it-Taqsima C il-punti (4) sa (10) tad-Direttiva 2004/39/KE relatati ma’ tali strumenti ta’ dejn maħruġa minn Stat Membru jew l-Unjoni jew ma’ obbligu ta’ Stat Membru jew l-Unjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-għan ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

"negozjant primarju awtorizzat" tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun iffirmat ftehim ma’ emittent ta’ dejn sovran jew dejn korporattiv li fih dik il-persuna fiżika jew ġuridika tikkommetti ruħa li tinnegozja bħala prinċipal b’konnessjoni ma’ operazzjonijiet primarji u sekondarji tas-suq li għandhom x’jaqsmu ma’ dejn maħruġ minn dak l-emittent;

(b)

"kontroparti ċentrali" tfisser entità li tinterponi legalment lilha nnifisha bejn il-kontropartijiet għall-kuntratti nnegozjati f’suq finanzjarju wieħed jew aktar, u ssir ix-xerrej għal kull bejjiegħ u l-bejjiegħ għal kull xerrej u li hija responsabbli għall-operazzjoni ta’ sistema tal-ikklerjar;

(c)

"swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu" tfisser kuntratt ta’ derivat fejn parti waħda tħallas miżata lil parti oħra għal kumpens jew ħlas fil-każ ta’ inadempjenza minn entità referenzjarja, jew avveniment ta’ kreditu li għandu x’jaqsam ma’ dik l-entità referenzjarja u kwalunkwe kuntratt ieħor ta’ derivati li jkollu effett ekonomiku simili;

(d)

"strument finanzjarju" tfisser strument elenkat fl-Anness I it-Taqsima C tad-Direttiva 2004/39/KE;

(e)

"Stat Membru ta’ domiċilju" b'rabta ma’ suq regolat, ditta ta’ investiment li topera f’faċilità tan-negozjar multilaterali jew kwalunkwe ditta ta’ investiment, tfisser l-Istat Membru ta’ domiċilju għal dak is-suq regolat jew ditta ta’ investiment skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1)(20) tad-Direttiva 2004/39/KE;

(f)

"ditta ta’ investiment" tfisser ditta ta’ investiment skont it-tifsira fl-Artikolu 4(1)(1) tad-Direttiva 2004/39/KE;

(g)

"dejn sovran" tfisser strument ta’ dejn maħruġ mill-Unjoni, jew Stat Membru inkluż kwalunkwe ministeru, dipartiment, bank ċentrali, aġenzija jew mezz strumentali tal-Istat Membru;

(h)

"kapital azzjonarju maħruġ" fir-rigward ta’ kumpanija, tfisser it-total ta’ ishma ordinarji u kwalunkwe sehem preferut maħruġ mill-kumpanija imma ma jinkludix titoli ta’ dejn trasferibbli;

(i)

"dejn sovran maħruġ" tfisser:

(i)

fir-rigward ta’ Stat Membru, il-valur totali ta’ dejn sovran maħruġ mill-Istat Membru jew kwalunkwe ministeru, dipartiment, bank ċentrali, aġenzija jew mezz strumentali tal-Istat Membru li ma ġiex mifdi;

(ii)

fir-rigward tal-Unjoni, il-valur totali ta’ dejn sovran maħruġ mill-Unjoni li ma ġiex mifdi;

(j)

"ditta lokali" tfisser ditta msemmiija fl-Artikolu 2(1)(l) tad-Direttiva 2004/39/KE li tinnegozja f’isem membri oħra ta’ suq jew toħloq prezzijiet għalihom;

(k)

attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq” tfisser l-attivitajiet ta’ ditta ta’ investiment jew entità ta’ pajjiż terz jew ditta lokali li tkun membru ta’ ċentru tan-negozjar jew ta’ suq f’pajjiż terz, li l-qafas legali u superviżorju tiegħu jkun ġie ddikjarat bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 15(2), meta tinnegozja bħala prinċipal għal strument finanzjarju, kemm jekk innegozjat fiċ-ċentru tan-negozjar jew barra, fiż-żewġ kapaċitajiet segwenti jew waħda minnhom:

(i)

billi ddaħħal kwoti fuq żewġ binarji, sodi u simultanji, ta’ daqs komparabbli u bi prezzijiet kompetittivi, bir-riżultat li tiġi pprovduta likwidità fuq bażi regolari u kontinwa lis-suq,

(ii)

bħala parti mill-operat normali tagħha, billi tissodisfa ordnijiet mibdija minn klijent jew b’rispons għal talba ta’ klijent għan-negozjar, u billi tiħħeġġja l-pożizzjonijiet li joriġinaw minn dawk in-negozji ;

(l)

"faċilità multilaterali tan-negozjar" tfisser sistema multilaterali skont it-tifsira fl-Artikolu 4(1)(15) tad-Direttiva 2004/39/KE;

(m)

"ċentru prinċipali" fir-rigward ta’ titolu tfisser iċ-ċentru tan-negozjar ta’ dak it-titolu bl-ogħla fatturat;

(n)

"suq regolat" tfisser sistema multilaterali skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1)(14) tad-Direttiva 2004/39/KE;

(o)

"awtorità kompetenti rilevanti" tfisser:

(i)

b’rabta mad-dejn sovran ta’ Stat Membru jew swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu li għandu x’jaqsam ma’ obbligu ta’ Stat Membru, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru;

(ii)

b’rabta mad-dejn sovran tal-Unjoni jew swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu li għandu x’jaqsam ma’ obbligu tal-Unjoni, l-awtorità kompetenti tal-ġuriżdizzjoni fejn hija stabilita l-Faċilità tal-Istabilità Finanzjarja Ewropea;

(iii)

b’rabta ma’ strument finanzjarju ieħor għajr strument imemmi fil-punt (i) jew (ii), l-awtorità kompetenti għal dak l-istrument finanzjarju kif iddefinita fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1287/2006 (8) u ddeterminat skont l-Artikoli 9 sa 16 ta’ dak ir-Regolament;

(iv)

b’rabta ma’ strument finanzjarju li mhuwiex kopert skont il-punt (i), (ii), (iia) jew (iii), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih l-istrument finanzjarju kien ammess għall-ewwel darba għan-negozjar f'ċentru għan-negozjar;

(p)

"bejgħa bin-nieqes" b’rabta ma’ sehem jew dejn tfisser kwalunkwe bejgħ tas-sehem jew dejn li bejjiegħ ma jkollux is-sjieda tiegħu fil-waqt tad-dħul fil-ftehim ta’ bejgħ, inkluż bejgħa fejn fil-waqt tad-dħul fil-ftehim ta’ bejgħ il-bejjiegħ ikun issellef is-sehem jew dejn għall-konsenja fis-saldu;

(q)

"jum ta’ negozju" tfisser jum ta’ negozju skont it-tifsira fl-Artikolu 4 ta’ Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1287/2006;

(r)

"ċentru tan-negozjar" tfisser suq regolat jew faċilità multilaterali tan-negozjar fl-Unjoni;

(s)

"fatturar" ta’ sehem, tfisser fatturat kif iddefinit fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1287/2006;

(sa)

"bejgħa bin-nieqes skopert" b'rabta ma’ sehem jew dejn tfisser bejgħa tas-sehem jew tad-dejn li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 12(1).

2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 36 li jispeċifikaw id-definizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1, u partikolarment jispeċifikaw meta persuna fiżika jew ġuridika titqies li jkollha s-sjieda ta’ strument finanzjarji għall-finijiet tad-definizzjoni ta’ bejgħ bin-nieqes fil-paragrafu 1(p).

Artikolu 3

Pożizzjonijiet bin-nieqes u twal

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, pożizzjoni li tirriżulta minn waħda minn dawn li ġejjin għandha titqies bħala pożizzjoni twila relatata mal-kapital azzjonarju maħruġ ta’ kumpanija jew dejn maħruġ ta’ Stat Membru jew l-Unjoni:

(a)

bejgħa bin-nieqes ta’ titolu maħruġ mill-kumpanija jew strument ta’ dejn maħruġ mill-Istat Membru jew l-Unjoni;

(b)

persuna fiżika jew ġuridika li tidħol fi tranżazzjoni li toħloq jew li għandha x'taqsam ma’ strument finanzjarju għajr strument imsemmi fil-punt (a) u l-effett jew wieħed mill-effetti tat-tranżazzjoni jkun li jagħti vantaġġ finanzjarju lill-persuna fiżika jew ġuridika fil-każ ta’ tnaqqis fil-prezz jew valur tat-titolu, tal-istrument ta’ dejn jew l-indiċi.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, pożizzjoni li tirriżulta minn waħda minn dawn li ġejjin għandha titqies bħala pożizzjoni twila relatata mal-kapital azzjonarju maħruġ ta’ kumpanija jew dejn maħruġ ta’ Stat Membru jew l-Unjoni:

(a)

pussess ta’ titolu maħruġ mill-kumpanija jew strument ta’ dejn maħruġ mill-Istat Membru jew l-Unjoni;

(b)

persuna fiżika jew ġuridika li tidħol fi tranżazzjoni li toħloq jew li għandha x'taqsam ma’ strument finanzjarju għajr strument msemmi fil-punt (a) u l-effett jew wieħed mill-effetti tat-tranżazzjoni jkun li jagħti vantaġġ finanzjarju lill-persuna fiżika jew ġuridika fil-każ ta’ żieda fil-prezz jew valur tat-titolu, tal-istrument ta’ dejn jew strument relatat mal-indiċi.

3.   Għall-finijiet ta’ paragrafu 1 , il-kalkolu ta’ pożizzjoni bin-nieqes għandu, fir-rigward ta’ kull pożizzjoni bin-nieqes miżmuma indirettament mill-persuna rilevanti, inkluż permezz ta’ kull indiċi, basket ta’ titoli jew kull interess f’fondi nnegozjati fuq is-suq jew entitajiet simili, jiġi ddeterminat mill-persuna fiżika jew ġuridika rilevanti li taġixxi b’mod raġjonevoli u tqis l-informazzjoni disponibbli pubblikament dwar il-kompożizzjoni tal-indiċi jew il-basket tat-titoli rilevanti, jew tal-interessi miżmuma mill-fond rilevanti nnegozjat fuq is-suq jew l-entità simili. Biex jiġi evitat kull dubju, fil-kalkolu ta’ din il-pożizzjoni bin-nieqes, l-ebda persuna m'għandha tintalab tikseb xi informazzjoni f’ħin reali dwar din il-kompożizzjoni mingħand xi persuna.

Għall-finijiet ta’ paragrafu 2, il-kalkolu ta’ pożizzjoni twila għandu, għall-finijiet kollha, jinkludi, bħala pożizzjonijiet twal, kull interessi miżmuma mill-persuna rilevanti f’bond jew titolu ta’ dejn trasferibbli f’sehem maħruġ mill-kumpanija rilevanti.

Għall-finijiet ta’ paragrafi 1 u 2, il-kalkolu ta’ pożizzjoni bin-nieqes u pożizzjoni twila li għandha x’taqsam ma’ dejn sovran għandha tinkludi kwalunkwe swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu li għandu x'jaqsam ma’ obbligu jew avveniment ta’ kreditu li għandu x'jaqsam ma’ Stat Membru jew l-Unjoni.

4.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-pożizzjoni li jifdal wara t-tnaqqis ta’ kwalunkwe pożizzjoni twila li persuna fiżika jew ġuridika jkollha b’rabta mal-kapital azzjonarju maħruġ ta’ kumpanija minn kwalunkwe pożizzjoni bin-nieqes li l-istess persuna fiżiħa jew ġuridika jkollha b'rabta ma’ dak il-kapital għandha titqies bħala l-pożizzjoni bin-nieqes netta b’rabta mal-kapital azzjonarju maħruġ ta’ dik il-kumpanija.

5.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-pożizzjoni li jifdal wara t-tnaqqis ta’ kwalunkwe pożizzjoni twila li persuna fiżika jew ġuridika jkollha b’rabta mad-dejn sovran maħruġ ta’ Stat Membru jew tal-Unjoni minn kwalunkwe pożizzjoni bin-nieqes li l-istess persuna fiżiħa jew ġuridika jkollha b'rabta ma’ dak id-dejn għandha titqies bħala l-pożizzjoni bin-nieqes netta b’rabta mad-dejn sovran maħruġ ta’Stat Membru jew l-Unjoni.

6.   Il-kalkolu skont il-paragrafi 1 sa 5 għad-dejn sovran għandu jsir għal kull Stat Membru singolu jew għall-Unjoni anki jekk entitajiet separati fl-Istat Membru jew fl-Unjoni joħorġu dejn sovran f'isem l-Istat Membru jew l-Unjoni.

Fil-każ tal-attivitajiet tat-tħaddim tal-fondi, fejn jiġu segwiti strateġiji ta’ investiment differenti fir-rigward ta’ emittent partikolari permezz ta’ fondi separati mħaddma mill-istess maniġer ta’ fondi, il-kalkolu tal-pożizzjonijiet bin-nieqes netti u twal netti għall-finijiet tal-paragrafi 3, 4 u 5 għandu jsir fil-livell ta’ kull fond. Fejn qed tiġi segwita l-istess strateġija ta’ investiment fir-rigward ta’ emittent partikolari permezz ta’ aktar minn fond wieħed, il-pożizzjonijiet bin-nieqes netti u twal netti f’kull waħda minn dawk il-fondi għandhom jiġu aggregati. Fejn żewġ portafolli jew aktar fl-istess entità huma mħaddma fuq bażi diskrezzjonali u jsegwu l-istess strateġija ta’ investiment fir-rigward ta’ emittent partikolari, dawk il-pożizzjonijiet għandhom jiġu aggregati fil-kalkolu tal-pożizzjonijiet bin-nieqes netti u l-pożizzjonijiet twal netti. Fir-rigward tal-ġestjoni ta’ portafoll ta’ klijent fuq bażi mhux diskrezzjonali, il-kalkolu tal-pożizzjoni bin-nieqes netta jew pożizzjoni twila netta huwa r-responsabilità legali tal-klijent.

7.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 36 filwaqt li tispeċifika:

(a)

każijiet fejn persuna fiżika jew ġuridika titqies li tkun is-sid ta’ sehem jew strument ta’ dejn għall-finijiet tal-paragrafu 2;

(b)

każijiet fejn persuna fiżika jew ġuridika jkollha pożizzjoni bin-nieqes netta għall-finijiet tal-paragrafi 4, 5 u 5a u l-metodu tal-kalkolu tal-pożizzjoni;

(c)

il-metodu tal-kalkolu tal-pożizzjonijiet għall-finijiet tal-paragrafi 3, 4, 5 u 5a fejn entitajiet differenti fi grupp ikollhom pożizzjonijiet twal jew bin-nieqes jew għall-attivitajiet ta’ mmaniġġjar ta’ fondi relatati ma’ fondi separati.

Artikolu 4

Pożizzjoni skoperta fi swap ta’ inadempjenza tal-kreditu

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, persuna fiżika jew ġuridika għandha titqies li jkollha pożizzjoni skoperta fi swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu relatata ma’ obbligu ta’ Stat Membru jew l-Unjoni, sal-punt li s-swap ta’ inadempjenza tal-kreditu ma jkunx qed iservi biex jiħħeġġja la kontra r-riskju tal-inadempjenza ta’ emittent fejn il-persuna fiżika jew ġuridika jkollha pożizzjoni twila fid-dejn sovran ta’ dak l-emittent u lanqas kontra r-riskju tal-waqgħa fil-valur ta’ kwalunkwe assi jew portafoll ta’ assi tal-persuna fiżika jew ġuridika li tipposjedi tali assi jew portafoll ta’ assi meta l-waqgħa tal-prezz ta’ dawk l-assi jew ta’ dak il-portafoll ta’ assi jkollu korrelazzjoni kbira mal-prezz tal-obbligu ta’ Stat Membru jew l-Unjoni fil-każ ta’ waqgħa tal-affidabilità finanzjarja ta’ Stat Membru jew tal-Unjoni . Il-parti fi swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu, li tkun obbligata tagħmel il-pagament jew tħallas il-kumpens fil-każ ta’ inadempjenza jew avveniment ta’ kreditu b’rabta mal-entità referenzjarja, ma jkollhiex minħabba dak l-obbligu pożizzjoni skoperta għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 36 filwaqt li tispeċifika, għall-finijiet tal-paragrafu 1:

(a)

każijiet fejn tranżazzjoni ta’ swap ta’ inadempjenza tal-kreditu titqies li tkun qed tiħħeġġja kontra riskju ta’ inadempjenza u l-metodu tal-kalkolu ta’ pożizzjoni skoperta fi swap ta’ inadempjenza tal-kreditu;

(b)

il-metodu tal-kalkolu tal-pożizzjonijiet fejn entitajiet differenti fi grupp ikollhom pożizzjonijiet twal jew bin-nieqes jew għall-attivitajiet ta’ mmaniġġjar ta’ fondi relatati ma’ fondi separati.

KAPITOLU II

TRASPARENZA TAL-POŻIZZJONIJIET BIN-NIEQES NETTI

Artikolu 5

Notifika lill-awtoritajiet kompetenti ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti f’ishma

1.   Persuna fiżika jew ġuridika li jkollha pożizzjoni bin-nieqes netta fir-rigward tal-kapital azzjonarju maħruġ ta’ kumpanija li jkollha ishma ammessi għan-negozjar f’ċentru tan-negozjar għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti rilevanti hekk kif il-pożizzjoni tilħaq jew taqa’ taħt livell limitu ta’ notifika rilevanti msemmija fil-paragrafu 2.

2.   Livell limitu ta’ notifika rilevanti huwa perċentwal li huwa ugwali għal 0,2 % tal-valur tal-kapital azzjonarju maħruġ ta’ dik il-kumpanija konċernata u kull 0,1 % aktar minn dak.

3.    Jekk ikun meħtieġ, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (AETS) tista’ toħroġ u tibgħat lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni l-opinjoni dwar l-aġġustament tal-livelli limitu msemmija fil-paragrafu 2, billi tqis l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji. Il-Kummissjoni tista’, fi żmien tliet xhur mindu tirċievi l-opinjoni tal-AETS, permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 36, timmodifika l-livelli limitu msemmija fil-paragrafu 2, filwaqt li tqis l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji.

3a.     Notifiki taħt dan l-Artikolu għandhom isiru skont l-Artikolu 9 u l kalkolu tal-pożizzjonijiet bin-nieqes netti għandu jsir skont l-Artikolu 3.

Artikolu 6

Ir-rapportar ta’ bejgħat bin-nieqes lill-awtoritajiet kompetenti

Id-ditti kollha ta’ investiment u l-membri kollha ta’ suq regolat jew faċilità tan-negozjar multilaterali għandhom jinkludu fir-rapporti tat-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25(3) tad-Direttiva 2004/39/KE marka li tindika, għat-tranżazzjonijiet fl-ishma, jekk it-tranżazzjoni tikkostitwixxix bejgħa bin-nieqes jew le. L-intermedjarji li jeżegwixxu bejgħat bin-nieqes jindikawhom bħala tali fir-rapport tat-tranżazzjonijiet ta’ tali bejgħat fi tmiem il-jum ta’ negozjar lill-awtorità kompetenti rilevanti. Dik l-informazzjoni m'għandhiex tiġi żvelata lill-pubbliku.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotti atti delegati skont l-Artikolu 36 li jispeċifikaw kif tali informazzjoni għandha tiġi komunikata lill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 7

Divulgazzjoni pubblika ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti f'ishma

1.    L-awtorità kompetenti rilevanti għandha tippubblika d-dettalji pubbliċi tal-pożizzjoni kull meta l-pożizzjoni tilħaq jew taqa’ taħt livell limitu ta’ notifika rilevanti msemmi fil-paragrafu 2. Dan l-iżvelar ma għandux jidentifika d-detentur tal-pożizzjoni bin-nieqes netta.

2.   Livell limitu ta’ pubblikazzjoni rilevanti huwa perċentwal li huwa ugwali għal 0,5 % tal-valur tal-kapital azzjonarju maħruġ ta’ dik il-kumpanija konċernata u kull 0,1 % aktar minn dak.

3.    Jekk ikun meħtieġ, l-AETS tista’ toħroġ u tibgħat lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni l-opinjoni dwar l-aġġustament tal-livelli limitu msemmija fil-paragrafu 2, billi tqis l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji.

Il-Kummissjoni tista’, fi żmien tliet xhur mindu tirċievi l-opinjoni tal-AETS, permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 36, timmodifika l-livelli limitu msemmija fil-paragrafu 2, filwaqt li tqis l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji.

3a.     Notifiki taħt dan l-Artikolu għandhom isiru skont l-Artikolu 9 u l kalkolu tal-pożizzjonijiet bin-nieqes netti għandu jsir skont l-Artikolu 3.

Artikolu 8

Notifika lill-awtoritajiet kompetenti ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti f’dejn sovran u swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu

1.   Persuna naturali jew legali li jkollha pożizzjoni bin-nieqes netta sinifikanti għad-dejn sovran maħruġ ta’ Stat Membru jew tal-Unjoni għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti rilevanti kull meta kwalunkwe tali pożizzjoni tilħaq jew taqa’ taħt livell limitu ta’ notifika rilevanti għal dak l-Istat Membru jew l-Unjoni.

2.   Il-livelli limitu ta’ notifika rilevanti għandhom jikkonsistu mill-ammont inizjali u mbagħad livelli inkrimentali addizzjonali speċifikati fir-rigward ta’ kull Stat Membru u l-Unjoni kif speċifikat fil-miżuri meħuda mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 3. L-AETS għandha tippubblika fil-websajt tagħha l-limiti minimi tan-notifiki għal kull Stat Membru.

3.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 36 li jispeċifikaw l-ammonti u l-livelli inkrimentali msemmija fil-paragrafu 2, skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-livelli limitu ma jridux jiġu stabiliti f’tali livell li jirrikjedi notifika ta’ pożizzjonijiet li jkunu ta’ valur minimu;

(b)

il-valur totali tad-dejn sovran maħruġ pendenti għal kull Stat Membru u l-Unjoni , il-fatturat u d-daqs medju ta’ pożizzjonijiet miżmuma minn parteċipanti fis-suq relatati mad-dejn sovran ta’ dak l-Istat Membru jew l-Unjoni jridu jitqiesu.

3a.     Notifiki taħt dan l-Artikolu għandhom isiru skont l-Artikolu 9 u l kalkolu tal-pożizzjonijiet bin-nieqes netti għandu jsir skont l-Artikolu 3.

Artikolu 9

Metodu ta’ notifika u divulgazzjoni

1.   Kwalunkwe notifika skont l-Artikolu 5 ▐ jew 8 għandu jistabbilixxi dettalji tal-identità tal-persuna fiżika jew ġuridika li jkollha l-pożizzjoni rilevanti, id-daqs tal-pożizzjoni rilevanti, l-emittent fir-rigward ta’ liema pożizzjoni rilevanti tkun miżmuma u d-data li fiha tkun inħolqot, inbidlet jew ma baqgħetx tinżamm il-pożizzjoni rilevanti.

Kwalunkwe divulgazzjoni skont l-Artikolu 7 għandha tinkludi d-dettalji, f’forma anonima, tad-daqs tal-pożizzjoni rilevanti, l-emittent li fir-rigward tiegħu qed tinżamm il-pożizzjoni rilevanti u d-data li fiha l-pożizzjoni rilevanti nħolqot, inbidlet jew ma baqgħetx tinżamm.

Għall-finijiet tal-Artikoli 5, 7 u 8, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li għandhom pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti għandhom iżommu, għal perjodu ta’ ħames snin, ir-rekords tal-pożizzjonijiet grossi li jagħmlu pożizzjoni bin-nieqes netta sinifikanti.

2.   Il-ħin rilevanti għall-kalkolu ta’ pożizzjoni bin-nieqes netta għandu jkun fl-aħħar tal-jum ta’ negozju , bl-eċċezzjoni tal-kummerċ awtomatizzat ta’ bil-lejl fejn ir-referenza għandha tkun T+1, li fih il-persuna fiżika jew ġuridika jkollha l-pożizzjoni rilevanti. In-notifika jew id-divulgazzjoni ma għandhomx isiru aktar tard mit-3.30 ta’ wara nofsinhar fil-jum ta’ negozju li jkun imiss.

3.   In-notifika ta’ informazzjoni lil awtorità kompetenti rilevanti għandha ssir skont is-sistema stipulata fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 1287/2006.

4.   Id-divulgazzjoni pubblika ta’ informazzjoni stipulata fl-Artikolu 7 għandha ssir b’mod li tiżgura aċċess mgħaġġel għall-informazzjoni fuq bażi mhux diskriminatorja. L-informazzjoni għandha ssir disponibbli għall-mekkaniżmu maħtur uffiċjalment tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-emittent tal-ishma msemmija fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat (9).

5.    Sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw d-dettalji tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta għall-finijiet tal-paragrafu 1. L-AETS għandha tissottometti abbozzi għal dawk l-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-[31 ta’ Diċembru 2011].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ▐ skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

6.   Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tal-paragrafu 4 , l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi implimentatorji li jispeċifikaw il-mezzi li bihom l-informazzjoni tkun tista’ tiġi ddivulgata lill-pubbliku. L-AETS għandha tissottometti abbozzi għal dawk l-istandards tekniċi implimentatorji lill-Kummissjoni sal-[31 ta’ Diċembru 2011].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi implimentatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ▐ skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 10

Applikazzjoni barra mill-Unjoni

Ir-rekwiżiti ta’ notifika u divulgazzjoni skont l-Artikoli 5, 7 u 8 japplikaw għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kemm jekk domiċiljati jew stabbiliti fl-Unjoni kif ukoll jekk le.

Artikolu 11

Informazzjoni li trid tiġi pprovduta lill-AETS

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu informazzjoni f’forma sommarja lill-AETS fuq bażi trimestrali dwar pożizzjonijiet bin-nieqes netti li għandhom x'jaqsmu ma’ ishma jew dejn sovran ▐ li għalihom tkun l-awtorità kompetenti rilevanti u li tirċievi notifiki skont Artikoli 5 sa 8.

2.   L-AETS tista’ titlob fi kwalunkwe waqt, sabiex twettaq id-dmirijiet tagħha skont dan ir-Regolament, fi kwalunkwe ħin, informazzjoni addizzjonali minn awtorità kompetenti rilevanti ta’ Stat Membru dwar pożizzjonijiet bin-nieqes netti li jkollhom x’jaqsmu ma’ ishma jew dejn sovran ▐.

L-awtorità kompetenti għandha tipprovdi l-informazzjoni mitluba lill-AETS mhux iżjed tard minn sebat ijiem kalendarji. Fejn ikun hemm inċidenti jew żviluppi avversi li jikkostitwixxu theddida serja għall-istabilità finanzjarja jew għall-fiduċja fis-swieq fl-Istat Membru jew fi Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi l-informazzjoni mitluba lill-AETS fi żmien 24 siegħa.

2a.     Sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw d-dettalji tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont il-paragrafi 1 u 2. L-AETS għandha tissottometti abbozzi għal dawk l-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-[31 ta’ Diċembru 2011].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

2b.     Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi implimentatorji li jiddefinixxu l-format tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont il-paragrafi 1 u 2. L-AETS għandha tissottometti abbozzi għal dawk l-istandards tekniċi implimentatorji lill-Kummissjoni sal-[31 ta’ Diċembru 2011].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi implimentatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

KAPITOLU III

IT-TRATTAMENT TAL-BEJGĦAT BIN-NIEQES U TAS-SWAPS TA’ INADEMPJENZA TAL-KREDITU

Artikolu 12

Restrizzjonijiet fuq il-bejgħat bin-nieqes skopert u s-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu

1.   Persuna fiżika jew ġuridika tista’ tidħol biss f’bejgħa bin-nieqes ta’ sehem ammess għan-negozjar f'ċentru tan-negozjar jew f'bejgħ bin-nieqes ta’ strument ta’ dejn sovran fejn waħda mill-kondizzjonijiet segwenti jkunu ssodisfati fl-aħħar tal-jum ta’ negozjar :

(a)

il-persuna fiżika jew ġuridika tkun issellfet is-sehem jew l-istrument ta’ dejn,

(b)

il-persuna fiżika jew ġuridika tkun daħlet fi ftehim biex tissellef is-sehem jew l-istrument ta’ dejn sovran;

(c)

il-persuna fiżika jew ġuridika jkollha arranġament ma’ parti terza li permezz tiegħu dik il-parti terza tkun ikkonfermat li s-sehem jew l-istrument ta’ dejn sovran ikun ġie identifikat u riżervat għas-self lill-persuna fiżika jew ġuridika sabiex ikun jista’ jitwettaq is-saldu meta dan ikun dovut.

1a.     Persuna fiżika jew ġuridika tista’ tidħol fi tranżazzjonijiet ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu relatati ma’ obbligu ta’ Stat Membru jew l-Unjoni biss meta dik it-tranżazzjoni ma twassalx għal pożizzjoni skoperta fi swap ta’ inadempjenza tal-kreditu kif imsemmi fl-Artikolu 4.

2.   Sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex jiġu identifikati t-tipi ta’ ftehimiet jew arranġamenti li jiżguraw adegwatement li s-sehem jew l-istrument ta’ dejn sovran ser ikunu disponibbli għas-saldu. L-AETS għandha partikolarment tqis il-bżonn li tiġi ppriservata l-effiċjenza tas-swieq speċjalment is-swieq tal-bonds sovrani u s-swieq tar-riakkwist tal-bonds sovrani (swieq repo). L-AETS għandha tissottometti abbozzi għal dawk l-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2011 .

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 14

Eżenzjoni fejn iċ-ċentru tan-negozjar prinċipali jkun barra mill-Unjoni

1.   L-Artikoli 5, 5a, 7, 7a, 12 u 13 ma għandhomx japplikaw għal ishma ta’ kumpanija ammessi għan-negozjar f’ċentru tan-negozjar fl-Unjoni fejn iċ-ċentru tan-negozjar prinċipali tal-ishma jkun jinstab f'pajjiż barra mill-Unjoni.

2.   L-awtorità kompetenti rilevanti għandha tiddetermina, għal ishma ta’ kumpanija li jkunu nnegozjati f’ċentru tan-negozjar fl-Unjoni u ċentru barra mill-Unjoni, għall-inqas kull sentejn, jekk iċ-ċentru prinċipali għan-negozjar ta’ dawk l-ishma jkunx barra mill-Unjoni.

L-awtorità kompetenti rilevanti għandha tinnotifika lill-AETS bi kwalunkwe tali ishma identifikati li jkollhom is-suq prinċipali tagħhom barra mill-Unjoni.

L-AETS għandha, kull sentejn, tippubblika l-lista ta’ ishma li għalihom iċ-ċentru prinċipali jinstab barra mill-Unjoni. Il-lista għandha tkun effettiva għal perjodu ta’ sentejn.

3.    Sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex jiġi speċifikat il-metodu għall-kalkolu tal-fatturat biex jiġi ddeterminat iċ-ċentru prinċipali għan-negozjar ta’ sehem. L-AETS għandha tissottometti abbozzi għal dawk l-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2011.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ▐ skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.   Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi ta’ applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi implimentatorji sabiex jiġu ddeterminati:

(a)

id-data li fiha u l-perjodu li fir-rigward tiegħu għandu jsir kwalunkwe kalkolu taċ-ċentru prinċipali għal sehem;

(b)

id-data sa meta l-awtorità rilevanti għandha tinnotifika lill-AETS b’dawn l-ishma fejn iċ-ċentru prinċipali jkun barra mill-Unjoni;

(c)

id-data li minna l-lista għandha tkun effettiva wara l-pubblikazzjoni mill-AETS.

L-AETS għandha tissottometti abbozzi għal dawk l-istandards tekniċi implimentatorji lill-Kummissjoni sal-[31 ta’ Diċembru 2011].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi implimentatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ▐ skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 15

Eżenzjoni għall-ġenerazzjoni tas-suq u operazzjonijiet tas-suq primarju

1.   L-Artikoli 5, 6, 7, 8 u 12 ma għandhomx japplikaw għall-attivitajiet tal-ġenerazzjoni tas-suq.

2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 36 , biex tiddetermina li l-qafas legali u superviżorju ta’ pajjiż terz jiżgura li suq awtorizzat f’dak il-pajjiż terz jikkonforma ma’ rekwiżiti vinkolanti li jkunu, għall-fini tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni skont il-paragrafu 1, ekwivalenti għar-rekwiżiti li jirriżultaw mit-Titolu III tad-Direttiva 2004/39/KE, mid-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (10) u mid-Direttiva 2004/109/KE, u li jkunu soġġetti għal superviżjoni u infurzar effikaċi f’dak il-pajjiż terz.

Il-qafas legali u superviżorju ta’ pajjiż terz jista’ jitqies ekwivalenti meta dak il-qafas jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin kollha f'dak il-pajjiż terz:

(a)

is-swieq ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni u għas-superviżjoni u infurzar effikaċi fuq bażi kontinwa;

(b)

is-swieq ikollhom regoli ċari u trasparenti fir-rigward ta’ ammissjoni ta’ titoli għan-negozjar sabiex dawn it-titoli jkunu kapaċi li jiġu nnegozjati b’mod ġust, ordinat u effiċjenti, u jkunu negozjabbli liberament;

(c)

l-emittenti ta’ titoli jkunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ informazzjoni perjodika u kontinwa sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-investitur;

(d)

it-trasparenza u l-integrità fis-suq jiġu żgurati billi jipprevjeni l-abbuż tas-suq fil-forma ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq.

3.   L-Artikoli 8 u 12 ma għandhomx japplikaw għal persuna fiżika jew ġuridika meta, fejn tkun qed taġixxi bħala negozjant primarju awtorizzat skont ftehim ma’ emittent ta’ dejn sovran, tkun qed tinnegozja bħala prinċipal fi strument finanzjarju inkonnessjoni ma’ operazzjonijiet tas-suq primarju jew sekondarju relatati mad-dejn sovran.

4.   L-Artikoli 5, 6, 7 u 12 ma għandhomx japplikaw għal persuna fiżika jew ġuridika meta tidħol f’bejgħa bin-nieqes ta’ titolu jew ikollha pożizzjoni bin-nieqes netta relatata mat-twettiq ta’ stabilizzazzjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2273/2003 tat-22 ta’ Diċembru 2003 li jimplimenta d-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-eżenzjonijiet għall-programmi tax-xiri lura u l-istabbilizzazzjoni tal-istrumenti finanzjarji (11).

5.   L-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 sa 3 għandhom japplikaw biss fejn il-persuna fiżika jew ġuridika konċernata tkun l-ewwel innotifikat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħha, bil-miktub li jkollha l-intenzjoni li tagħmel użu mill-eżenzjoni. In-notifika għandha ssir mhux iżjed tard minn tletin jum kalendarju qabel ma l-persuna fiżika jew ġuridika jkollha l-intenzjoni li tuża l-eżenzjoni.

6.   L-awtorità kompetenti tal-Stat Membru ta’ domiċilju tista’ tipprojbixxi l-użu tal-eżenzjoni jekk tqis li l-persuna fiżika jew ġuridika ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-eżenzjoni. Kwalunkwe projbizzjoni għandha tiġi imposta fi żmien 30 jum kalendarju msemmija fl-ewwel subparagrafu jew sussegwentement jekk l-awtorità kompetenti ssir konxja li kien hemm xi bidliet fiċ-ċirkostanzi tal-persuna b’mod li ma tibqax tissodisfa l-kundizzjonijiet.

7.   Entità ta’ pajjiż terz li ma tkunx awtorizzata fl-Unjoni għandha tibgħat in-notifika msemmija fil-paragrafu 5 lill-awtorità kompetenti taċ-ċentru prinċipali tan-negozjar fl-Unjoni li fih tinnegozja.

8.   Persuna fiżika jew ġuridika li tkun tat notifika skont il-paragrafu 5 għandha mill-aktar fis possibbli tinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħha bil-miktub fejn ikun hemm xi bidliet li jaffettwaw l-eliġibilità tagħha għall-użu tal-eżenzjoni.

9.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tista’ titlob informazzjoni, bil-miktub, minn persuna fiżika jew ġuridika li tkun qed topera taħt l-eżenzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1, 3 jew 4 dwar il-pussess ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes jew attivitajiet imwettqa taħt l-eżenzjoni. Il-persuna fiżika jew ġuridika għandha tipprovdi l-informazzjoni mhux aktar tard minn erbat ijiem kalendarji wara li tkun saret it-talba.

10.   L-awtorità kompetenti rilevanti għandha tinnotifika lill-AETS fi żmien ġimagħtejn min-notifika skont il-paragrafu 5 jew 8 bi kwalunkwe ġeneratur tas-suq u negozjant primarju awtorizzat li jkun qed jagħmel użu mill-eżenzjoni u bi kwalunkwe ġeneratur tas-suq u negozjant primarju awtorizzat li ma baqgħux jagħmlu użu mill-eżenzjoni.

11.   L-AETS għandha tippubblika fuq is-sit tal-internet tagħha u żżomm aġġornata lista ta’ ġeneraturi tas-suq u negozjanti primarji awtorizzati li jkunu qed jużaw l-eżenzjoni.

KAPITOLU V

SETGĦAT TA’ INTERVENT TAL-AWTORITAJIET KOMPETENTI U TAL-AETS

Taqsima 1

Setgħat tal-Awtoritajiet Kompetenti

Artikolu 16

Divulgazzjoni f'sitwazzjonijiet eċċezzjonali

1.   L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ teħtieġ lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkollhom pożizzjonijiet bin-nieqes netti fir-rigward ta’ strument finanzjarju speċifiku jew klassi ta’ strumenti finanzjarji jinnotifikawha jew jiddivulgaw lill-pubbliku dettalji tal-pożizzjoni kull meta l-pożizzjoni tilħaq jew taqa’ taħt livell limitu ta’ notifika ffissat mill-awtorità kompetenti, fejn iż-żewġ kundizzjonijiet segwenti jiġu ssodisfati:

(a)

ikun hemm avvenimenti jew żviluppi avversi li jikkostitwixxu theddida serja għall-istabilità finanzjarja jew għall-fiduċja fis-suq fl-Istat Membru jew Stat Membru ieħor jew aktar;

(b)

fil-każ ta’ divulgazzjoni pubblika, il-miżura ma jkollhiex effett ta’ ħsara fuq l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji li jkun sproporzjonat għall-benefiċċji tagħha .

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal strumenti finanzjarji li fir-rigward tagħhom it-trasparenza tkun diġà meħtieġa skont l-Artikoli 5 sa 8.

Artikolu 16a

Notifika minn selliefa f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali

1.     L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tieħu l-miżura msemmija fil-paragrafi 2, meta ż-żewġ kundizzjonijiet segwenti jiġu ssodisfati:

(a)

ikun hemm avvenimenti jew żviluppi avversi li jikkostitwixxu theddida serja għall-istabilità finanzjarja jew għall-fiduċja fis-suq fl-Istat Membru;

(b)

il-miżura ma jkollhiex effett ta’ ħsara fuq l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji li jkun sproporzjonat għall-benefiċċji tagħha.

2.     L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ teħtieġ lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi impenjati f’self ta’ strument finanzjarju speċifiku jew klassi ta’ strumenti finanzjarji jinnotifikawha dwar kwalunkwe żieda sinifikanti fil-miżati mitluba għal tali self.

Artikolu 17

Restrizzjonijiet dwar bejgħ bin-nieqes u tranżazzjonijiet simili f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali

1.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun jinstab iċ-ċentru prinċipali tan-negozjar ta’ strument finanzjarju, tista’ tieħu l-miżura msemmija fil-paragrafi 2 jew 3, fejn iż-żewġ kundizzjonijiet segwenti jiġu ssodisfati:

(a)

ikun hemm avvenimenti jew żviluppi avversi li jikkostitwixxu theddida serja għall-istabilità finanzjarja jew għall-fiduċja fis-suq fl-Istat Membru jew Stat Membru ieħor jew aktar;

(b)

il-miżuri ma jkollhomx effett ta’ ħsara fuq l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji li jkun sproporzjonat għall-benefiċċji tagħhom .

2.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tista' tipprojbixxi jew timponi kondizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li qed jidħlu għal:

(a)

bejgħa bin-nieqes; jew

(b)

tranżazzjoni għajr bejgħa bin-nieqes li toħloq, jew relatata ma’ strument finanzjarju ieħor u l-effett jew wieħed mill-effetti ta’ dik it-tranżazzjoni jkun li jagħti vantaġġ finanzjarju lill-persuna fiżika jew ġuridika fil-każ ta’ tnaqqis fil-prezz jew il-valur ta’ strument finanzjarju.

3.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tista’ tipprojbixxi persuna fiżika jew ġuridika milli tidħol fi tranżazzjonijiet relatati ma’ strumenti finanzjarji jew li tillimita l-valur tat-tranżazzjonijiet fl-istrument finanzjarju li dik il-persuna tista’ tidħol fihom.

4.   Miżura skont il-paragrafu 2 jew 3 tista’ tapplika għal tranżazzjonijiet li jikkonċernaw l-istrumenti finanzjarji kollha, strumenti finanzjarji ta’ klassi speċifika jew strument finanzjarju speċifiku. Il-miżura tista’ tapplika f’ċirkostanzi jew tkun soġġetta għal eċċezzjonijiet speċifikati mill-awtorità kompetenti rilevanti. Eċċezzjonijiet jistgħu partikolarment ikunu speċifikati biex japplikaw għall-attivitajiet tal-ġenerazzjoni tas-suq u l-attivitajiet tas-suq primarju.

Artikolu 18

Restrizzjonijiet fuq tranżazzjonijiet ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali

1.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tillimita persuni fiżiċi jew ġuridiċi milli jidħlu fi tranżazzjonijiet ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu relatati ma’ obbligu maħruġ mill-Istat Membru tagħha stess , jew tillimita l-valur ta’ pożizzjonijiet skoperti ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu li persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jidħlu fihom li jkunu marbuta ma’ obbligu maħruġ mill-Istat Membru tagħha stess , fejn iż-żewġ kundizzjonijiet segwenti jiġu ssodisfati:

(a)

ikun hemm avvenimenti jew żviluppi avversi li jikkostitwixxu theddida serja għall-istabilità finanzjarja jew għall-fiduċja fis-suq fl-Istat Membru jew Stat Membru ieħor jew aktar;

(b)

il-miżura ma jkollhiex effett ta’ ħsara fuq l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji li jkun sproporzjonat għall-benefiċċji tagħha .

2.   Miżura meħuda skont il-paragrafu 1 tista’ tapplika għal tranżazzjonijiet ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu ta’ klassi speċifika jew għal tranżazzjonijiet speċifiċi ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu. Il-miżura tista’ tapplika f’ċirkostanzi jew tkun soġġetta għal eċċezzjonijiet speċifikati mill-awtorità kompetenti. Eċċezzjonijiet jistgħu partikolarment ikunu speċifikati biex japplikaw għall-attivitajiet tal-ġenerazzjoni tas-suq u l-attivitajiet tas-suq primarju.

2a.     Awtorità kompetenti li tkun ħadet miżura skont il-paragrafu 1 tista’ titlob lill-AETS biex tikkunsidra li teżerċita s-setgħat tagħha skont l-Artikolu 24(1)(c) jekk l-avvenimenti jew l-iżviluppi negattivi indirizzati jkunu jeħtieġu li l-miżura tkun introdotta fil-livell tal-Unjoni.

Artikolu 19

Setgħa li tirrestrinġi l-bejgħ bin-nieqes ta’ strumenti finanzjarji temporanjament fil-każ ta’ waqgħa sinifikanti fil-prezz

1.   Fejn il-prezz ta’ strument finanzjarju dwar iċ-ċentru tan-negozjar ikun matul jum wieħed ta’ negozjar waqa’ bil-valur imsemmi fil-paragrafu 4 mill-prezz tal-għeluq imsemmi f’dak iċ-ċentru fil-jum preċedenti ta’ negozju, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għal dak iċ-ċentru għandha tqis jekk ikunx xieraq li tipprojbixxi jew tirrestrinġi persuni fiżiċi jew ġuridiċi milli jidħlu f’bejgħ bin-nieqes tal-istrumenti finanzjarji fiċ-ċentru tan-negozjar jew inkella jillimitaw it-tranżazzjonijiet f’dak l-istrument finanzjarju f’dak iċ-ċentru tan-negozjar sabiex jiġi pprevenut tnaqqis diżordinat fil-prezz tal-istrument finanzjarju.

Fejn l-awtorità kompetenti tkun sodisfatta skont l-ewwel subparagrafu li jkun xieraq li tagħmel hekk, hi għandha fil-każ ta’ sehem jew dejn tipprojbixxi jew tirrestrinġi persuni milli jidħlu f’bejgħa bin-nieqes fiċ-ċentru tan-negozjar jew fil-każ ta’ tip ieħor ta’ strumenti finanzjarji, jillimitaw it-tranżazzjonijiet f'dak l-istrument finanzjarju f'dak iċ-ċentru tan-negozjar.

2.   Il-miżura għandha tapplika għal perjodu li ma jaqbiżx it-tmiem tal-jum ta’ negozjar wara l-jum ta’ negozjar li fih isseħħ il-waqgħa fil-prezz. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tista' testendi t-tul a' żmien tal-miżura jekk ir-raġunijiet li għalihom ittieħedet il-miżuri jiġġustifikaw tali estensjoni.

3.   Il-miżura għandha tapplika f’ċirkostanzi jew tkun soġġetta għal eċċezzjonijiet speċifikati mill-awtorità kompetenti. Eċċezzjonijiet jistgħu partikolarment ikunu speċifikati biex japplikaw għall-attivitajiet tal-ġenerazzjoni tas-suq u l-attivitajiet tas-suq primarju.

3a.     Wara l-wasla ta’ notifika minn awtorità kompetenti biex persuni fiżiċi jew ġuridiċi jkunu projbiti jew ristretti milli jagħmlu bejgħ bin-nieqes tal-istrument finanzjarju fiċ-ċentru tan-negozjar jew inkella tillimita t-tranżazzjonijiet f’dak l-istrument finanzjarju f’dak iċ-ċentru tan-negozjar, l-AETS għandha tqis qabel il-bidu tal-jum ta’ negozjar li jmiss jekk ikunx xieraq li testendi l-miżura għaċ-ċentri kollha tan-negozjar li jinnegozjaw l-istrument finanzjarju konċernat skont l-Artikolu 24.

4.   Il-waqgħa fil-valur għandha tkun ta’ 10 % jew aktar fil-każ ta’ sehem u għall-klassijiet l-oħra tal-istrumenti finanzjarji tkun ta’ ammont speċifikat mill-Kummissjoni.

Jekk ikun meħtieġ, l-AETS tista’ toħroġ u tibgħat lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni opinjoni dwar l-aġġustament tal-limiti minimi msemmija fil-paragrafu 4, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji.

Il-Kummissjoni għandha, fi żmien tliet xhur mindu tirċievi l-opinjoni tal-AETS, tadotta atti delegati skont l-Artikolu 36, li jispeċifikaw l-għażliet marbuta mal-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżura u l-waqgħa fil-valur tal-istrumenti finanzjarji ▐, filwaqt li tqis l-ispeċifiċitajiet ta’ kull klassi ta’ strumenti finanzjarji u d-differenzi ta’ volatilità .

5.    Sabiex tkun żgurata l-armonizzazzjoni konsidtenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-metodu ta’ kalkolu tal-waqgħa ta’ 10 % għall-ishma u tal-waqgħa fil-valur speċifikat mill-Kummissjoni kif imsemmi fil-paragrafu 4. L-AETS għandha tissottometti abbozzi għal dawk l-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2011.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ▐ skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 20

Perjodu ta’ restrizzjonijiet

Kwalunkwe miżura imposta skont l-Artikoli 16, 16a, 17 u 18 għandha tkun valida għal perjodu inizjali ta’ mhux aktar minn tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż skont l-Artikolu 21.

Kwalunkwe miżura bħal din tista’ tiġġedded għal aktar perjodi ta’ mhux aktar minn tliet xhur kull darba jekk ir-raġunijiet għat-teħid tal-miżura jibqgħu jkunu applikabbli . Jell il-miżura ma tiġġeddidx wara dak il-perjodu ta’ tliet xhur, din għandha tiskadi awtomatikament .

Artikolu 21

Avviż ta’ restrizzjonijiet

1.   Awtorità kompetenti għandha tippubblika fuq is-sit tal-internet tagħha avviż ta’ kwalunkwe deċiżjoni li timponi jew iġġedded kwalunkwe miżura msemmija fl-Artikoli 16 sa 19.

2.   L-avviż għandu jispeċifika tal-anqas id-dettalji:

(a)

tal-miżuri imposti inklużi l-istrumenti u l-klassi ta’ tranżazzjonijiet li għalihom japplikaw u d-durata tagħhom;

(b)

tar-raġunijiet għaliex l-awtorità kompetenti taħseb li jkun meħtieġ li jiġu imposti l-miżuri inkluża l-evidenza li tappoġġja dawk ir-raġunijiet.

3.   Miżura skont l-Artikoli 16 sa 19 għandha tidħol fis-seħħ meta l-avviż jiġi ppubblikat jew f’ħin speċifikat fl-avviż jiġifieri wara l-pubblikazzjoni tiegħu u għandha tapplika biss fir-rigward ta’ tranżazzjoni li titwettaq wara li l-miżura tkun daħlet fis-seħħ.

Artikolu 22

Notifika lill-AETS u awtoritajiet kompetenti oħra

1.   Qabel ma timponi jew iġġedded kwalunkwe miżura skont l-Artikoli 16, 16a, 17 jew 18 u qabel ma timponi kwalunkwe restrizzjoni skont l-Artikolu 19, awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-AETS u lill-awtoritajiet kompetenti oħra bil-miżuri li tipproponi.

2.   In-notifika għandha tinkludi dettalji tal-miżuri proposti, il-klassi ta’ strumenti finanzjarji u t-tranżazzjonijiet li għalihom se japplikaw, l-evidenza li tappoġġja dawk ir-raġunijiet u meta jkun intenzjonat li l-miżuri jidħlu fis-seħħ.

3.   In-notifika ta’ proposta biex tiġi imposta jew mġedda miżura skont l-Artikoli 16, 16a, 17 u 18 għandha ssir mhux inqas minn 24 siegħa qabel ma jkun intenzjonat li l-miżura tidħol fis-seħħ jew tiġġedded. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, awtorità kompetenti tista’ tagħmel in-notifika inqas minn 24 siegħa qabel ma jkun intenzjonat li l-miżura tidħol fis-seħħ fejn ma jkunx possibbli li jingħata avviż ta’ 24 siegħa. Notifika skont l-Artikolu 19 għandha ssir qabel meta jkun intenzjonat li l-miżura tidħol fis-seħħ.

4.   Awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li tirċievi notifika skont dan l-Artikolu tista' tieħu miżuri skont l-Artikoli 16 sa 19 f'dak l-Istat Membru fejn tkun sodisfatta li l-miżura tkun neċessarja sabiex tgħin lill-awtorità kompetenti l-oħra. L-awtorità kompetenti għandha tagħti wkoll notifika skont il-paragrafi 1, 2u 3 fejn hi tkun qed tipproponi li jittieħdu l-miżuri.

Taqsima 2

Setgħat tal-AETS

Artikolu 23

Moordinazzjoni mill-AETS

1.   L-AETS għandha teżerċita rwol ta’ faċilitazzjoni u koordinazzjoni b’rabta mal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet kompetenti skont it-Taqsima 1. Partikolarment l-AETS għandha tiżgura li jittieħed approċċ konsistenti mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-miżuri skont it-Taqsima 1 speċjalment dwar meta jkun meħtieġ li jintużaw setgħat ta’ intervent skont it-Taqsima 1, in-natura tal-miżuri imposti u l-bidu u d-durata ta’ kwalunkwe miżura.

2.   Wara li tirċievi notifika skont l-Artikolu 22 dwar kwalunkwe miżuria li għandha tiġi imposta jew mġedda skont l-Artikoli 16, 16a, 17 jew 18, l-AETS għandha fi żmien 24 siegħa toħroġ deċiżjoni dwar jekk tqisx li l-miżura jew il-miżura proposta tkunx neċessarja biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni eċċezzjonali. Id-deċiżjoni għandha tiddikjara jekk l-AETS tikkunsidrax li jkunu nħolqu avvenimenti jew żviluppi avversi li jikkostitwixxu theddida serja għall-istabilità finanzjarja jew għall-fiduċja fis-suq fi Stat Membru wieħed jew aktar, jekk il-miżura jew il-miżura proposta tkunx xierqa u proporzjonata sabiex tiġi indirizzata t-theddida u jekk id-durata proposta tal-miżuri tkunx ġustifikata. Jekk tqis li miżuri minn awtoritajiet kompenti oħra jkunu neċessarji biex tiġi indirizzata t-theddida, għandha tiddikjara wkoll dan fid-deċiżjoni u titlob lil dawk l-awtoritajiet kompetenti jdaħħlu miżuri bħal dawn fi żmien 24 siegħa . Id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit tal-internet tal-AETS.

3.    Jekk l-AETS tqis li għandha tiġi introdotta miżura fil-livell tal-Unjoni d-deċiżjoni tagħha għandha tkun vinkolanti għall-awtoritajiet kompetenti u għandha tiddaħħal fi żmien 24 siegħa.

3a.     L-AETS għandha teżamina mill-ġdid regolarment il-miżuri meħuda skont dan l-Artikolu u fi kwalunkwe każ kull tliet xhur. Jekk miżura ma tiġġeddidx wara dak il-perjodu ta’ tliet xhur, din għandha tiskadi awtomatikament.

Artikolu 24

Setgħat ta’ intervent tal-AETS

1.   Skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-AETS għandha, fejn iż-żewġ kundizzjonijiet tal-paragrafu 2 ikunu ssodisfati, tieħu miżura waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

tirrikjedi li persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkollhom pożizzjonijiet bin-nieqes netti fir-rigward ta’ strument finanzjarju speċifiku jew klassi ta’ strumenti finanzjarji jinnotifikaw awtorità kompetenti jew jiddivulgaw lill-pubbliku d-dettalji ta’ kwalunkwe tali pożizzjoni;

(b)

tipprjobixxi jew timponi kundizzjonijiet relatati mal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jidħlu f’bejgħa bin-nieqes jew tranżazzjoni li toħloq, jew tirrelata, strument finanzjarju u l-effett jew wieħed mill-effetti tat-tranżazzjoni jkun li jagħti vantaġġ finanzjarju lill-persuna fiżika jew ġuridika fil-każ ta’ tnaqqis fil-prezz jew il-valur ta’ strument finanzjarju ieħor;

(c)

tillimita persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jidħlu għal tranżazzjonijiet ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu relatati ma’ obbligu ta’ Stat Membru jew l-Unjoni jew tillimita l-valur ta’ pożizzjonijiet skoperti ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu li persuna fiżika jew ġuridika tista’ tidħol għalihom relatati ma’ obbligu ta’ Stat Membru jew l-Unjoni;

(d)

tipprojbixxi persuna fiżika jew ġuridika milli tidħol fi tranżazzjonijiet relatati ma’ strumenti finanzjarji li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament jew li tillimita l-valur tat-tranżazzjonijiet f'dawk l-istrumenti finanzjarji li dik il-persuna tista’ tidħol fihom.

Miżura tista’ tapplika f’ċirkostanzi jew tkun soġġetta għal eċċezzjonijiet speċifikati mill-awtorità kompetenti rilevanti. Eċċezzjonijiet jistgħu partikolarment ikunu speċifikati biex japplikaw għall-attivitajiet tal-ġenerazzjoni tas-suq u l-attivitajiet tas-suq primarju.

2.   L-AETS għandha tieħu deċiżjoni skont il-paragrafu 1 biss jekk iż-żewġ kundizzjonijiet segwenti jiġu ssodisfati:

(a)

il-miżuri elenkati fil-punti (a) sa (d) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 jindirizzaw theddida għall-funzjonament ordinat u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabilità tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha fl-Unjoni u jkun hemm implikazzjonijiet transfruntieri;

(b)

awtorità kompetenti ma tkunx ħadet miżuri biex tindirizza t-theddida jew il-miżuri li jkunu ttieħdu ma jkunux biżżejjed biex jindirizzaw it-theddida.

3.   Meta jittieħdu l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, l-AETS għandha tqis sa fejn il-miżuri:

(a)

ser jindirizzaw sinifikament it-theddida għall-funzjonament ordinat u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabilità tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha fl-Unjoni jew itejbu sinifikament il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti biex jimmonitorjaw it-theddida;

(b)

mhux ser joħolqu riskju ta’ arbitraġġ regolatorju;

(c)

mhux ser ikollhom effett detrimentali fuq l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji, inkluż it-tnaqqis tal-likwidità f’dawk is-swieq jew il-ħolqien ta’ inċertezza għall-parteċipanti fis-suq, li jkun sproporzjonat meta mqabbel mal-benefiċċji tal-miżura.

Fejn awtorità kompetenti jew awtoritajiet kompetenti jieħdu miżuri skont l-Artikoli 16, 16a, 17 jew 18, l-AETS tista’ tieħu kwalunkwe miżura msemmija fil-paragrafu 1 mingħajr ma toħroġ id-deċiżjoni prevista fl-Artikolu 23.

4.   Qabel ma tiddieċiedi li timponi jew iġġedded kwalunkwe miżura msemmija fil-paragrafu 1, l-AETS għandha, fejn xieraq, tikkonsulta lill-BERS u lil awtoritajiet rilevanti oħra.

5.   Qabel ma tiddieċiedi li timponi jew iġġedded kwalunkwe miżura msemmija fil-paragrafu 1, l-AETS għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti bil-miżura li tipproponi. In-notifika għandha tinkludi dettalji tal-miżuri proposti, il-klassi ta’ strumenti finanzjarji u t-tranżazzjonijiet li għalihom se japplikaw, l-evidenza li tappoġġja dawk ir-raġunijiet u meta li l-miżuri għandhom jidħlu fis-seħħ.

6.   In-notifika għandha ssir mhux inqas minn 24 siegħa qabel ma l-miżura għandha tidħol fis-seħħ jew tiġġedded. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, l-AETS tista’ tagħmel in-notifika inqas minn 24 siegħa qabel ma jkun intenzjonat li l-miżura tidħol fis-seħħ fejn ma jkunx possibbli li jingħata avviż ta’ 24 siegħa.

7.   L-AETS għandha tippubblika fuq is-sit tal-internet tagħha avviż ta’ kwalunkwe deċiżjoni li timponi jew iġġedded kwalunkwe miżura msemmija fil-paragrafu 1. L-avviż għandu jispeċifika tal-anqas dan li ġej:

(a)

il-miżuri imposti inklużi l-istrumenti u l-klassi ta’ tranżazzjonijiet li għalihom japplikaw u d-durata tal-miżuri;

(b)

ir-raġunijiet għaliex l-AETS taħseb li jkun meħtieġ li jiġu imposti l-miżuri inkluża l-evidenza li tappoġġja r-raġunijiet.

8.   Miżura għandha tidħol fis-seħħ meta l-avviż jiġi ppubblikat jew f’ħin speċifikat fl-avviż jiġifieri wara l-pubblikazzjoni tiegħu u għandha tapplika biss fir-rigward ta’ tranżazzjoni li titwettaq wara li l-miżura tkun daħlet fis-seħħ.

9.   L-AETS għandha teżamina l-miżuri tagħha msemmija fil-paragrafu 1 wara intervalli xierqa u tal-anqas kull tliet xhur. Jekk miżura ma tiġġeddidx wara dak il-perjodu ta’ tliet xhur, din għandha tiskadi awtomatikament. Il-paragrafi 2 sa 8 għandhom ikunu applikabbli għat-tiġdid tal-miżuri.

10.   Miżura adottata mill-AETS skont dan l-Artikolu għandha tipprevali fuq kwalunkwe miżura oħra preċedenti meħuda minn awtorità kompetenti skont it-Taqsima 1.

Artikolu 25

Aktar speċifikazzjoni tal-avvenimenti u l-iżviluppi avversi

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegali skont l-Artikolu 36, li jispeċifikaw kriterji u fatturi li għandhom jitqiesu mill-awtoritajiet kompetenti u l-AETS sabiex jiġi ddeterminat jekk jinħolqux l-avvenimenti jew l-iżviluppi avversi msemmija fl-Artikoli 16, 16a, 17, 18 u 23 u t-theddidiet immsemmija fl-Artikolu 24(2)(a).

KAPITOLU VI

IR-RWOL TAL-AWTORITAJIET KOMPETENTI

Artikolu 26

Awtoritajiet kompetenti

Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu awtoritajiet pubbliċi. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni, lill-AETS u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra dwar dawn il-ħatriet.

Artikolu 27

Setgħat ta’ awtoritajiet kompetenti

1.   Sabiex iwettqu d-dmirijiet tagħhom skont dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħat kollha superviżorji u investigatorji li jkunu meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom fi kwalunkwe mod segwenti:

(a)

direttament;

(b)

f’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħra;

(c)

billi jirrikoru għand l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

2.   Sabiex iwettqu d-dmirijiet tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandu jkollhom, b’konformità mal-liġi nazzjonali, is-setgħat li ġejjin:

(a)

li jiksbu aċċess għal kwalunkwe dokument fi kwalunkwe forma u li jirċievu kopja tiegħu;

(b)

li jirrikjedu informazzjoni minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika u jekk ikun meħtieġ isejħu u jinterrogaw persuna fiżika jew ġuridika bil-ħsieb li jiksbu informazzjoni;

(c)

li jwettqu spezzjonijiet fuq il-post imħabbra jew għal għarrieda;

(d)

li jirrikjedu rekords telefoniċi eżistenti u tat-traffiku tad-dejta eżistenti;

(e)

li jirrikjedu l-waqfien ta’ kwalunkwe prattika li tmur kontra d-dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament;

(f)

li jirrikjedu l-iffriżar u/jew is-sekwestru tal-assi.

3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, bla ħsara għall-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2, għandu jkollhom is-setgħa f’każijiet individwali sabiex jirrikjedu li persuna fiżika jew ġuridika li tidħol għal tranżazzjoni ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu tipprovdi dan li ġej:

(a)

spjegazzjoni dwar il-fini tat-tranżazzjoni u jekk hijiex għall-finijiet ta’ ħħeġġjar kontra riskju jew mod ieħor;

(b)

informazzjoni li tivverifika r-riskju sottostanti fejn it-tranżazzjoni tkun għall-finijiet ta’ ħħeġġjar.

Artikolu 28

Inkjesti mill-AETS

L-AETS tista’, fuq talba ta’ awtorità kompetenti waħda jew iżjed, tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, jew tal-Kummissjoni, jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, twettaq inkjesta dwar kwistjoni jew prattika partikolari li jkollha x’taqsam mal-bejgħ bin-nieqes jew l-użu ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu sabiex tivvaluta jekk dik il-kwistjoni jew prattika tippreżentax kwalunkwe theddida potenzjali għall-istabilità finanzjarja jew għall-fiduċja fis-suq fl-Unjoni.

L-AETS għandha tippubblika rapport bis-sejbiet tagħha u kwalunkwe rakkomandazzjoni li jkollha x'taqsam mal-kwistjoni jew il-prattika fi żmien tliet xhur minn tmiem l-inkjesta .

Artikolu 29

Segretezza professjonali

1.   L-obbligu tas-segretezza professjonali għandu japplika għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-awtorità kompetenti jew għal kwalunkwe awtorità jew persuna fiżika jew ġuridika oħra li l-awtorità kompetenti tkun iddelegat xi kompiti lilha, inklużi awdituri u esperti li jkunu ngħataw kuntratt mill-awtorità kompetenti. L-informazzjoni kunfidenzjali koperta mis-segretezza professjonali ma għandhiex tiġi ddivulgata lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew awtorità oħra għajr meta din id-divulgazzjoni tkun meħtieġa għal proċedimenti legali.

2.   L-informazzjoni kollha skambjata bejn l-awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament li tikkonċerna n-negozju jew kundizzjonijiet operattivi u affarijiet oħra ekonomiċi jew personali għandha għal mhux aktar minn 10 snin titqies kunfidenzjali u tkun is-suġġett tas-segretezza professjonali , ħlief meta l-awtorità kompetenti jew awtorità jew korp ieħor konċernat jiddikjaraw fil-ħin tal-komunikazzjoni li din l-informazzjoni tista’ tiġi ddivulgata jew meta din id-divulgazzjoni tkn meħtieġa għal proċedimenti legali.

Artikolu 30

Obbligu ta’ kooperazzjoni

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw kull meta jkun meħtieġ jew meta jkun spedjenti għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. B’mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, mingħajr dewmien bla bżonn, jipprovdu lil xulxin b’informazzjoni li tkun rilevanti għall-finijiet li jaqdu dmirijiethom skont dan ir-Regolament.

Artikolu 30a

Kooperazzjoni mal-AETS

1.     L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mal-AETS għall-finijiet ta’ din id-Direttiva b'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

2.     L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu, mingħajr dewmien, lill-AETS bl-informazzjoni neċessarja kollha biex tkun tista' twettaq dmirijietha b'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 31

Kooperazzjoni fil-każ ta’ talba għal spezzjonijiet fuq il-post jew investigazzjonijiet

1.   L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru wieħed tista’ titlob l-għajnuna mingħand l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor fir-rigward tal-ispezzjonijiet fuq il-post jew l-investigazzjonijiet.

L-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-AETS b’kull talba msemmija fl-ewwel subparagrafu. Fil-każ ta’ investigazzjoni jew spezzjoni b’effett transfruntier, l-AETS tista’ tikkoordina l-investigazzjoni jew l-ispezzjoni.

2.   Meta awtorità kompetenti tirċievi talba mingħand awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor biex twettaq spezzjoni fuq il-post jew investigazzjoni, tista':

(a)

twettaq l-ispezzjoni fuq il-post jew l-investigazzjoni hija stess;

(b)

tippermetti lill-awtorità kompetenti li tkun issottomettiet it-talba biex tipparteċipa fl-ispezzjoni fuq il-post jew l-investigazzjoni;

(c)

tippermetti lill-awtorità kompetenti li tkun issottomettiet it-talba biex twettaq l-ispezzjoni fuq il-post jew l-investigazzjoni hija stess;

(d)

taħtar awdituri jew esperti biex iwettqu l-ispezzjoni fuq il-post jew l-investigazzjoni;

(e)

taqsam kompiti speċifiċi dwar attivitajiet superviżorji mal-awtoritajiet kompetenti oħrajn.

2a.     L-AETS tista' twettaq ukoll kull spezzjoni meħtieġa fuq il-post kemm imħabbra jew għal għarrieda.

L-AETS tista' teħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jwettqu dmirijiet investigattivi speċifiċi u spezzjonijiet fuq il-post.

Artikolu 32

Kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkonkludu ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi dwar l-iskambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji f’pajjiżi terzi , l-infurzar ta’ obbligi li jirriżultaw skont dan ir-Regolament f'pajjiż terzi u t-teħid ta’ miżuri simili mill-awtorità kompetenti sabiex tikkumplimenta miżuri meħuda skont l-Artikoli 16 sa 25.

Awtorità kompetenti għandha tinforma lill-AETS u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra meta tipproponi li tidħol f'dan il-ftehim.

1a.     B'konformità mal-Artikolu 30a, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħaddu l-informazzjoni miksuba mill-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi lill-AETS.

2.   L-AETS għandha tikkoordina l-iżvilupp ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri u l-awtoritajiet superviżorji rilevanti ta’ pajjiżi terzi . B'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-AETS għandha tadotta linji gwida għat-tħejjija ta’ mudell ta’ ftehim li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti.

L-AETS għandha tikkoordina wkoll l-iskambju bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ informazzjoni miksuba minn awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi li tista’ tkun rilevanti għat-teħid ta’ miżuri skont l-Artikoli 16 sa 25.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkonkludu ftehimiet ta’ kooperazzjoni dwar l-iskambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi biss meta l-informazzjoni ddivulgata tiġi soġġetta għal garanziji ta’ segretezza professjonali li jkunu għall-inqas ekwivalenti għal dawk stabiliti fl-Artikolu 29. Dan l-iskambju ta’ informazzjoni għandu jkun intenzjonat għat-twettiq tal-kompiti ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 33

Trasferiment u żamma ta’ dejta personali

Fir-rigward tat-trasferiment tad-dejta personali bejn Stati Membri jew l-Istati Membri u pajjiż terz, l-Istati Membri għandhom japplikaw id-Direttiva 95/46/KE. Fir-rigward tat-trasferiment tad-dejta personali mill-AETS lill-Istati Membri jew pajjiż terz, l-AETS għandha tikkonforma mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Id-dejta għandha tinżamm sa massimu ta’ ħames snin.

Artikolu 34

Divulgazzjoni tal-informazzjoni lill-pajjiżi terzi

L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tittrasferixxi lill-awtorità ta’ superviżjoni ta’ pajjiż terz id-dejta u l-analiżi tad-dejta meta l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 25 jew 26 tad-Direttiva 95/46/KE jkunu ssodisfati u abbażi ta’ każ każ biss. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tkun sodisfatta li t-trasferiment ikun neċessarju għall-fini ta’ dan ir-Regolament. It-trasferiment tad-dejta għandu jsir biss jekk il-pajjiż terz jiggarantixxi li d-dejta ma tiġix trasferita lil pajjiż terz ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni espressa bil-miktub tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru.

L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha tiddivulga biss l-informazzjoni li hija kunfidenzjali skont l-Artikolu 29 u li rċeviet mingħand awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor lil awtorità superviżorja ta’ pajjiż terz meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tkun kisbet il-ftehim espliċitu tal-awtorità kompetenti li tkun trażmettiet l-informazzjoni u, fejn applikabbli, l-informazzjoni tkun iddivulgata biss għall-finijiet li għalihom dik l-awtorità kompetenti tkun tat il-kunsens tagħha.

Artikolu 35

Penali

Abbażi tal-linji gwida adottati mill-AETS u meta titqies il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji, l-Istati Membri għandhom , skont il-prinċipji fundamentali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom jistabbilixxu regoli dwar miżuri amministrattivi, sanzjonijiet u penali finanzjarji applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-miżuri, sanzjonijiet u penali pprovduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Meta l-bejjiegħ jikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12, il-penali għandhom ikunu biżżejjed għoljin biex il-bejjiegħ ma jkunx jista' jagħmel qligħ.

B'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-AETS għandha tadotta linji gwida li jikkonċernaw it-tip ta’ miżuri amministrattivi u penali li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ▐ lill-Kummissjoni u lill-AETS bid-dispożizzjonijiet imsemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi sal- ▐ [1 ta’ Lulju 2012] u għandhom jinnotifikawhaom mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwa dawk id-dispożizzjonijiet .

L-AETS għandha tippubblika fuq il-websajt tagħha u taġġorna regolarment lista ta’ miżuri amministrattivi u penali eżistenti għal kull Stat Membru.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-AETS kull sena informazzjoni aggregata rigward il-miżuri amministrattivi u l-penali kollha imposti. Jekk awtorità kompetenti tiddivulga lill-pubbliku l-fatt li miżura amministrattiva jew penali tkun ġiet imposta, hija għandha, kontemporanjamanet, tinnotifika lill-AETS dwar dan.

KAPITOLU VII

ATTI DELEGATI

Artikolu 36

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħat biex tadotta atti delegati tingħata lill-Kummissjoni skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 2(2), 3(7), 4(2), 5(3), 6(2), 7(3), 8(3), 15(2), 19(4) u 25 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat.

2a.     Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha timpenja ruħha biex tikkonsulta lill-AETS.

3.   Delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 2(2), 3(7), 4(2), 5(3), 6(2), 7(3), 8(3), 15(2), 19(4) u 25 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe żmien mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data oħra speċifikatat fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegati li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 2(2), 3(7), 4(2), 5(3), 6(2), 7(3), 8(3), 15(2), 19(4) u 25 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun tqajmet l-ebda oġġezzjoni kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 39

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Ewropew tat-Titoli stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/528/KE (12). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011  (13).

2.   Fejn ikun hemm referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 għandu japplika , filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tiegħu .

Artikolu 39a

Skadenza għall-adozzjoni ta’ atti delegati

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-atti delegati skont l-Artikoli 2(2), 3(7), 4(2), 5(3), 6(2), 7(3), 8(3), 15(2), 19(4) u 25 sa … (14).

KAPITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI U FINALI

Artikolu 40

Eżami u rapport

Sat-30 ta’ Ġunju 2013 , il-Kummissjoni għandha, fid-dawl ta’ diskussjonijiet mal-awtoritajiet kompetenti u l-AETS, tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar:

(a)

l-adegwatezza tal-livelli limitu tar-rapportar u d-divulgazzjoni ▐ provvduti skont l-Artikoli 5 ▐ u 8;

(aa)

l-adegwatezza tar-rekwiżit tad-divulgazzjoni pubblika u r-rekwiżit tad-divulgazzjoni u l-limiti minimi tad-divulgazzjoni skont l-Artikolu 7, b'mod partikolari fir-rigward tal-impatt tagħhom fuq l-effiċjenza u l-volatilità tas-swieq finanzjarji;

(ab)

jekk ir-rapportar dirett u ċentralizzat lill-AETS huwiex xieraq;

(b)

l-operazzjoni tar-restrizzjonijiet u r-rekwiżiti fil-Kapitolu II;

(c)

jekk kwalunkwe restrizzjoni jew kondizzjoni oħra fuq il-bejgħ bin-nieqes jew is-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu tkunx xierqa.

Artikolu 41

Dispożizzjoni tranżizzjonali

Miżuri eżistenti li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, fis-seħħ qabel il-15 ta’ Settembru 2010, jistgħu jibqgħu applikabbli sal-[1 ta’ Lulju 2013] sakemm dawn ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni.

Artikolu 41a

Persunal u riżorsi tal-AETS

Sal-31 ta’ Diċembru 2011, l-AETS għandha tivvaluta l-ħtiġijiet ta’ persunal u riżorsi li jirriżultaw mit-teħid tas-setgħat u d-dmirijiet tagħha b'konformità ma’ dan ir-Regolament u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Artikolu 42

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-[1 ta’ Lulju 2012].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 84, 17.3.2011, p. 34.

(2)  ĠU C 91, 23.3.2011, p. 1.

(3)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.

(4)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1.

(5)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(7)  ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

(8)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1287/2006 tal-10 ta’ Awwissu 2006 li jimplimenta d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-obbligi tad-ditti ta’ investiment li jżommu r-reġistri, ir-rapportaġġ tat-tranżazzjonijiet, it-trasparenza tas-suq, l-ammissjoni tal-istrumenti finanzjarji għan-negozjar, u t-termini ddefiniti għall-finijiet ta’ dik id-Direttiva (ĠU L 241, 2.9.2006, p. 1).

(9)  ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.

(10)  ĠU L 96, 12.4.2003, p. 16.

(11)  ĠU L 336, 23.12.2003, p. 33.

(12)  ĠU L 191, 13.7.2001, p. 45.

(13)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(14)   Sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.