7.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 377/203


It-Tlieta 10 ta’ Mejju 2011
Arranġamenti tranżizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta' investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi ***I

P7_TA(2011)0206

Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2011 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi arranġamenti tranżizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta' investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (COM(2010)0344 – C7-0172/2010 – 2010/0197(COD))

2012/C 377 E/33

(Proċedura leġislattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0344),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema l-Kummissjoni ressqet il-proposta lill-Parlament (C7-0172/2010),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0148/2011),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


It-Tlieta 10 ta’ Mejju 2011
P7_TC1-COD(2010)0197

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-10 ta’ Mejju 2011 bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru …/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi arranġamenti tranżizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta’ investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi

[Am. 1, sakemm mhux indikat mod ieħor]

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz ta’ att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, investiment barrani dirett huwa inkluż fil-lista tas-suġġetti li jagħmlu parti mill-politika kummerċjali komuni. B'konformità mal-Artikolu 3(1) (e) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem "it-Trattat"), l-Unjoni għandha kompetenza esklussiva fir-rigward tal-politika kummerċjali komuni. Skont dan, l-Unjoni biss tista' tilleġiżla u tadotta atti li jorbtu legalment f'dak il-qasam. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu dan biss jekk jingħataw is-setgħa mill-Unjoni, b'konformità mal-Artikolu 2(1) tat-Trattat.

(2)

B'żieda ma’ dan, it-Tielet Parti tal-Kapitolu 4 tat-Titolu IV tat-Trattat jistipula regoli komuni dwar il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, inkluż fir-rigward tal-movimenti kapitali li jinvolvu investimenti. Dawk ir-regoli jistgħu jiġu affettwati mill-ftehimiet internazzjonali relatati mal-investiment barrani konklużi mill-Istati Membri.

(3)

Fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-Istati Membri tal-Unjoni baqgħu jonoraw numru sinifikanti ta’ ftehimiet bilateri ma’ pajjiżi terzi, liema ftehimiet huma relatati mal-investiment. It-Trattat ma fih l-ebda dispożizzjoni tranżizzjonali espliċita għal ftehimiet bħal dawn li issa ġew taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. Barra minn dan, xi wħud minn dawn il-ftehimiet jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet li jaffettwaw ir-regoli komuni dwar il-movimenti kapitali stipulati fit-Tielet Parti tal-Kapitolu 4 tat-Titolu IV tat-Trattat.

(4)

Għalkemm il-ftehimiet bilaterali jibqgħu jorbtu għall-Istati Membri skont il-liġi pubblika internazzjonali u se jinbidlu progressivament fil-futur minn ftehimiet tal-Unjoni relatati mal-istess suġġett, il-kundizzjonijiet għall-eżistenza kontinwa tagħhom u r-relazzjoni tagħhom mal-politiki tal-Unjoni li għandhom x'jaqsmu mal-investiment, inkluża b'mod partikolari l-politika kummerċjali komuni, jeħtieġu maniġment xieraq. Dik ir-relazzjoni se tkompli tiżviluppa hekk kif l-Unjoni teżerċita l-kompetenza tagħha fil-politika komuni tal-investiment bl-objettiv ewlieni li toħloq l-aħjar sistema possibbli għall-protezzjoni tal-investimenti għall-investituri tal-Istati Membri kollha, b'mod ugwali u b'kondizzjonijiet ta'investiment ugwali fi swieq ta’ pajjiżi terzi . Billi l-politika l-ġdida tal-investimenti se tkun żviluppata minħabba fil-validità tranżitorja tal-ftehimiet bilaterali ta’ investiment konklużi mill-Istati Membri, din il-politika għandha tagħraf il-jeddijiet tal-investituri li l-investimenti tagħhom jinkwadraw ruħhom fl-ambitu ta’ dawk il-ftehimiet u għandha tiżgura ċ-ċertezza legali tagħhom .

(5)

Fl-interess tal-investituri tal-UE u l-investimenti tagħhom f'pajjiżi terzi, u tal-Istati Membri li jilqgħu investituri u investimenti barranin, ftehimiet bilaterali li jispeċifikaw u jiggarantixxu l-kundizzjonijiet tal-investiment għandhom jibqgħu fis-seħħ. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex, b'mod progressiv, il-ftehimiet bilaterali kollha eżistenti dwar l-investiment tal-Istati Membri jiġu ssostitwiti minn ftehimiet ġodda għall-UE kollha. [Em. 6]

(6)

Dan ir-Regolament jistipula l-kundizzjonijiet skont liema l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati biex iżommu fis-seħħ jew jippermettu li jidħlu fis-seħħ ftehimiet internazzjonali li għandhomx x'jaqsmu mal-investiment.

(7)

Dan ir-Regolament jistipula l-kundizzjonijiet skont liema l-Istati Membri jingħataw is-setgħa li jżommu, jemendaw jew jikkonkludu ftehimiet internazzjonali li għandhom x'jaqsmu mal-investiment.

(8)

Hekk kif tingħata l-awtorizzazzjoni għaż-żamma, emenda jew konklużjoni tal-ftehimiet koperti minn dan ir-Regolament f'qasam ta’ kompetenza esklussiva tal-UE, din għandha titqies bħala miżura tranżizzjonali . L-awtorizzazzjoni hija bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 258 tat-Trattat fir-rigward tal-fallimenti tal-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligi skont it-Trattati apparti dawk li jikkonċernaw l-inkompatibbiltajiet li jirriżultaw mill-allokazzjoni ta’ kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

(9)

Il-Kummissjoni għandha ▐ tirtira l-awtorizzazzjoni ta’ ftehim ma’ pajjiż terz, jekk ftehim ta’ investiment tal-Unjoni mal-istess pajjiż terz negozjat mill-Kummissjoni jkun diġà ġie ratifikat. Il-Kummissjoni tista' tirtira l-awtorizzazzjoni ta’ ftehim jekk ikun f'kunflitt mal-liġi tal-Unjoni minbarra l-inkompatibbiltajiet li jirriżultaw mill-allokazzjoni tal-kompetenza bejn l-Unjoni u l-Istati Membri dwar investiment barrani dirett, jew jekk jikkostitwixxi ostaklu serju għall-konklużjoni ta’ ftehimiet ġejjienin tal-Unjoni ma’ dak il-pajjiż terz rigward l-investiment ▐. Finalment, jekk il-Kunsill ma jiħux deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni biex jibdew in-negozjati fi żmien sena mis-sottomissjoni ta’ rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 218(3) tat-Trattat, tkun teżisti l-possibbiltà li tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni.

(10)

Mhux aktar tard minn għaxar snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu. ▐ Sakemm il-ftehimiet bilaterali konklużi mill-Istati Membri ma’ pajjiżi terzi ma jkunux sostitwiti bi ftehim tal-Unjoni dwar investiment, jew inkella jiġu mitmuma, huma jibqgħu jorbtu għall-partijiet skont il-liġi pubblika internazzjonali.

(11)

Il-ftehimiet awtorizzati skont dan ir-Regolament jew l-awtorizzazzjonijiet biex jitniedu negozjati li jemendaw ftehimiet bilaterali eżistenti jew li jikkonkludu ftehimiet bilaterali ġodda ma’ pajjiż terz ma għandhomx, fi kwalunkwe każ, jitħallew ikunu ta’ ostakolu serju għall-konklużjoni fil-ġejjieni ta’ ftehimiet tal-Unjoni relatati mal-investiment ma’ pajjiżi terzi.

(12)

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li kwalunkwe informazzjoni identifikata bħala kunfidenzjali tkun trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (2).

(13)

Il-ftehimiet bejn l-Istati Membri relatati ma’ investiment mhumiex koperti minn dan ir-Regolament.

(14)

Huwa neċessarju li jkun hemm ċerti arranġamenti biex jiżguraw li l-ftehimiet miżmuma skont dan ir-Regolament jibqgħu jintużaw, inkluż fir-rigward tar-riżoluzzjoni ta’ tilwim, filwaqt li fl-istess ħin il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni tibqa' rrispettata.

(15)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament , il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni . Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (3),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

Kamp ta’ applikazzjoni

Artikolu 1

Suġġett u ambitu

Dan ir-Regolament jistabbilixxi t-termini, il-kundizzjonijiet u l-proċedura skont liema l-Istati Membri huma awtorizzati jżommu fis-seħħ, jemendaw jew jikkonkludu ftehimiet bilaterali relatati mal-investiment ma’ pajjiżi terzi.

KAPITOLU II

Awtorizzazzjoni biex il-ftehimiet jinżammu fis-seħħ

Artikolu 2

Notifika lill-Kummissjoni

Fi żmien tletin jum mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'kull ftehim bilaterali relatat mal-investiment ma’ pajjiżi terzi konkluż u/jew iffirmat qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament li huma jixtiequ li jżommu fis-seħħ jew li jippermettu li jidħol fis-seħħ skont dan il-Kapitolu. In-notifika għandha tinkludi kopja ta’ dawn il-ftehimiet bilaterali. L-Istati Membri għandhom ukoll jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar bidliet fil-ġejjieni fl-istatus ta’ dawn il-ftehimiet.

Artikolu 3

Awtorizzazzjoni biex il-ftehimiet jinżammu fis-seħħ

Minkejja l-kompetenzi tal-Unjoni relatati mal-investiment u bla ħsara għall-obbligi oħra tal-Istati Membri skont il-liġi tal-Unjoni, l-Istati Membri huma awtorizzati b'konformità mal-Artikolu 2(1) tat-Trattat li jżommu fis-seħħ ftehimiet bilaterali relatati mal-investiment li ġew innotifikati skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Pubblikazzjoni

1.   Kull 12-il xahar il-Kummissjoni għandha tippubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjal tal-Unjoni Ewropea lista tal-ftehimiet innotifikati skont l-Artikolu 2 jew l-Artikolu 11(7).

2.   L-ewwel pubblikazzjoni tal-lista tal-ftehimiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandha titwettaq mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-iskadenza għan-notifiki skont l-Artikolu 2.

Artikolu 5

Reviżjoni

1.   Il-Kummissjoni tista' tirrevedi l-ftehimiet innotifikati skont l-Artikolu 2 ▐ billi tevalwa ▐ jekk il-ftehimiet:

(a)

humiex f'kunflitt mal-liġi tal-Unjoni apparti mill-inkompatibbiltajiet li jirriżultaw mill-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha dwar investiment dirett barrani , jew

(b)

jikkostitwixxu ostakolu serju għall-konklużjoni fil-ġejjieni ta’ ftehimiet tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi dwar l-investiment ▐.

2.   Mhux aktar tard minn għaxar snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar is-sitwazzjoni tar-reviżjoni tal-ftehimiet ta’ investiment bilaterali eżistenti ma’ pajjiżi terzi .

Artikolu 6

L-irtirar tal-awtorizzazzjoni

1.    L-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 3 tista' tiġi rtirata f'każijiet meta l-Unjoni tkun diġà rratifikat ftehim mal-istess pajjiż terz b'relazzjoni mal-investiment negozjat mill-Kummissjoni.

L-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 3 tista' tiġi rtirata f'każijiet meta:

(a)

ftehim ikun f'kunflitt mal-liġi tal-Unjoni minbarra mill-inkompatibbiltajiet li jirriżultaw mill-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha dwar investiment dirett barrani , jew

(b)

ftehim jikkostitwixxi ostaklu serju għall-konklużjoni fil-ġejjieni ta’ ftehimiet ma’ dak il-pajjiż terz relatati mal-investiment ▐, jew

(c)

il-Kunsill ma jkunx ħa deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni biex jibdew in-negozjati dwar ftehim li jkun dupplikat, kollu kemm hu jew parti minnu, fi ftehim innotifikat skont l-Artikolu 2, fi żmien sena mis-sottomissjoni ta’ rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 218(3) tat-Trattat.

2.   Meta l-Kummissjoni tqis li hemm raġunijiet li jiġġustifikaw l-irtirar tal-awtorizzazzjoni stabbilita mill-Artikolu 3, din għandha tagħha opinjoni motivata lill-Istat Membru kkonċernat ▐. Il-konsultazzjonijiet għandhom isiru bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Dawk il-konsultazzjonijiet jistgħu jinkludu l-possibilità li l-Istati Membri jinnegozjaw mill-ġdid il-ftehim mal-pajjiż terz f'perjodu ta’ żmien miftiehem.

3.   Fejn il-konsultazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ma jirnexxilhomx isolvu l-problema fiż-żmien stipulat , il-Kummissjoni tista' tirtira l-awtorizzazzjoni għal dak il-ftehim ikkonċernat jew, fejn xieraq, tagħmel rakkomandazzjoni lill-Kunsill biex jawtorizza n-negozjar ta’ ftehim tal-Unjoni b'relazzjoni mal-investiment bi qbil mal-Artikolu 207(3) tat-Trattat . Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar l-irtirar tal-awtorizzazzjoni b'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(2). Għandha tinkludi rekwiżit li l-Istat Membru jieħu azzjoni xierqa, u fejn meħtieġ itemm il-ftehim rilevanti.

4.   F'każijiet fejn awtorizzazzjoni tiġi rtirata, il-Kummissjoni għandha tneħħi l-ftehim mil-lista msemmija fl-Artikolu 4.

KAPITOLU III

Awtorizzazzjoni biex il-ftehimiet jiġu emendati jew konklużi

Artikolu 7

Awtorizzazzjoni biex il-ftehimiet jiġu emendati jew konklużi

Skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli minn 8 sa 12, Stat Membru għandu jkun awtorizzat li jidħol f'negozjati biex jemenda ftehim bilaterali eżistenti ma’ pajjiż terz jew jikkonkludi ftehim ġdid relatat mal-investiment ma’ pajjiż terz.

Artikolu 8

Notifika lill-Kummissjoni

1.   Fejn Stat Membru bi ħsiebu jidħol f'negozjati ma’ pajjiż terz biex jemenda ftehim bilaterali eżistenti ma’ pajjiż terz jew jikkonkludi ftehim ġdid relatat mal-investiment, huwa għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-intenzjoni tiegħu bil-miktub.

2.   In-notifika għandha tinkludi d-dokumentazzjoni rilevanti u indikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu indirizzati fin-negozjati, l-għanijiet tan-negozjati u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra. Fil-każ ta’ emendi għal ftehim eżistenti, in-notifika għandha tindika d-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu negozjati mill-ġdid.

3.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel din in-notifika u, fuq talba, id-dokumentazzjoni li tintbagħat magħha, disponibbli għall-Istati Membri l-oħra, skont ir-rekwiżiti tal-kunfidenzalità stipulati fl-Artikolu 14.

4.     Meta Stat Membru jkollu l-ħsieb jikkonkludi ftehim ġdid ma’ pajjiż terz relattiv dwar l-investiment, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Istati Membri l-oħrajn fi żmien tletin jum ħalli tiddetermina jekk ikunx hemm valur miżjud fi ftehim tal-Unjoni.

5.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi trażmessa mill-inqas tliet xhur kalendarji qabel ma jkunu skedati li jibdew in-negozjati formali mal-pajjiż terz ikkonċernat.

6.   Fejn l-informazzjoni trażmessa mill-Istat Membru ma’ tkun biżżejjed għall-iskopijiet tal-awtorizzazzjoni għat-tnedija ta’ negozjati formali b'konformità mal-Artikolu 9, il-Kummissjoni tista' titlob informazzjoni addizzjonali.

Artikolu 9

Awtorizzazzjoni għat-tnedija ta’ negozjati formali

1.   Il-Kummissjoni għandha tawtorizza t-tnedija ta’ negozjati formali ħlief jekk tikkonkludi li t-tnedija tan-negozjati:

(a)

ikunu f'kunflitt mal-liġi tal-Unjoni barra mill-inkompatibbiltajiet li jirriżultaw mill-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha dwar investiment dirett barrani , jew

(b)

ikunu ta’ ħsara għall-għaniijiet tan-negozjati ▐ bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat, jew

(c)

ma jkunux konformi mal-politika tal-Unjoni rigward l-investimenti, jew

(d)

jikkostitwixxu ostakolu serju għall-konklużjoni fil-ġejjieni ta’ ftehimiet ma’ dak il-pajjiż terz relatati mal-investiment ▐.

2.   Bħala parti mill-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istat Membru jinkludi f'negozjati bħal dawn kwalunkwe klawżola xierqa.

3.   Deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jittieħdu b'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(2). Il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha fi żmien 90 jum minn meta tasal għandha n-notifika msemmija fl-Artikolu 8. F'każijiet fejn ikun hemm bżonn ta’ informazzjoni addizzjonali, il-90 jum jibdew jgħoddu mid-data ta’ meta l-informazzjoni addizzjonali tasal għandha.

4.     Jekk maġġoranza sempliċi ta’ Stati Membri jindikaw l-interess tagħhom, b'konformità mal-Artikolu 8(4), fil-konklużjoni ta’ ftehim dwar investiment tal-Unjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat, il-Kummissjoni tista' żżomm l-awtorizzazzjoni u minflok tipproponi mandat ta’ negozjati lill-Kunsill bi qbil mal-Artikolu 207(3) tat-Trattat. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament Ewropew mgħarraf minnufih u b'modsħiħ dwar l-istadji kollha tal-proċedura.

Meta tieħu d-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-prijoritajiet ġeografiċi tal-istrateġija ta’ investiment tal-Unjoni u l-kapaċità tal-Kummissjoni li tinnegozja ftehim ġdid tal-Unjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat.

Artikolu 10

Parteċipazzjoni tal-Kommissjoni fin-negozjati

Il-Kummissjoni għandha tinżamm infurmata bil-progress u r-riżultati matul l-istadji differenti tan-negozjati u tista' titlob li tipparteċipa fin-negozjati relatati mal-investiment bejn l-Istat Membru u l-pajjiż terz. Il-Kummissjoni tista' tipparteċipa bħala osservatur fin-negozjati bejn l-Istat Membru u l-pajjiż terz għal dak li għandu x'jaqsam mal-kompetenza esklussiva tal-Unjoni.

Artikolu 11

Awtorizzazzjoni biex il-ftehim jiġi ffirmat u konkluż

1.   Qabel ma jiġi ffirmat ftehim, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-eżitu tan-negozjati u għandu jibgħat it-test tal-ftehim lill-Kummissjoni.

2.   L-obbligu tan-notifika stipulat fil-paragrafu 1 għandu jinkludi ftehimiet li ġew negozjati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament imma mhux konkluż u għaldaqstant mhux soġġetti għall-obbligu tan-notifika stipulat fl-Artikolu 2.

3.   Ġaladarba tiġi nnotifikata, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni dwar jekk il-ftehim innegozjat hux f'kunflitt mar-rekwiżiti skont l-Artikolu 9(1) u (2), li jkunu ġew ikkomunikati lill-Istat Membru mill-Kummissjoni .

4.   Jekk il-Kummissjoni tkun tal-fehma li n-negozjati rriżultaw fi ftehim li ma jissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 3, l-Istat Membru ma għandux jingħata l-awtorizzazzjoni li jiffirma u jikkonkludi l-ftehim.

5.   F'każijiet fejn il-Kummissjoni tkun tal-fehma li n-negozjati rriżultaw fi ftehim li jissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 3, l-Istat Membru għandu jiġi awtorizzat biex jiffirma u jikkonkludi l-ftehim.

6.   Għandhom jittieħdu deċiżjonijiet skont il paragrafi 4 u 5 f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(2). Il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjoni fi żmien 60 jum minn meta n-notifika msemmija fil-paragrafi 1 u 2 tasal għandha. Fejn informazzjoni addizzjonali hija meħtieġa biex tittieħed deċiżjoni, is -60 jum għandhom jibdew jgħoddu mid-data ta’ meta l-informazzjoni addizzjonali tasal għandha.

7.   F'każijiet fejn tkun ingħatat awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 5, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-konklużjoni u d-dħul fis-seħħ tal-ftehim.

8.     Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tinnegozja ftehim bilaterali dwar l-investiment jew ftehim dwar investiment barrani dirett ma’ pajjiż terz, għandha tinnotifika kif jistħoqq lill-Istati Membri kollha dwar il-ħsieb tagħha u l-ambitu tal-ftehim il-ġdid.

Artikolu 12

Reviżjoni

1.   Mhux aktar tard minn għaxar snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu li għandu jirrevedi l-ħtieġa għall-applikazzjoni kontinwa ta’ dan ir-Regolament u ta’ kwalunkwe wieħed mill-Kapitoli tiegħu .

2.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi ħarsa ġenerali tal-awtorizzazzjonijiet mitluba u mogħtija skont dan ir-Regolament .

KAPITOLU IV

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 13

Imġiba tal-Istati Membri fir-rigward tal-ftehimiet ma’ pajjiż terz

1.   Għall-ftehimiet kollha li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien mhux meħtieġ bil-laqgħat kollha li jsiru skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim. Il-Kummissjoni għandha tiġi pprovduta bl-aġenda u l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermetti li jkun hemm ftehim tas-suġġetti li se jiġu diskussi. Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri għal aktar informazzjoni. Fejn kwistjoni li għandha tiġi diskussa tkun tista' taffettwa l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni relatati mal-investiment, inkluża b'mod partikolari l-politika kummerċjali komuni, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istat Membru kkonċernat biex jieħu pożizzjoni partikolari.

2.   Għall-ftehimiet kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien mhux meħtieġ dwar kwalunkwe rappreżentazzjoni magħmula lilu li miżura partikolari tkun inkonsistenti mal-ftehim. L-Istat Membru għandu wkoll jinforma immedjatament lill-Kummissjoni bi kwalunkwe talba għal riżoluzzjoni ta’ tilwim li tkun ġiet sottomessa skont il-patroċinju tal-ftehim hekk kif l-Istat Membru jsir jaf bit-talba. L-Istat Membru u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw b'mod sħiħ u jieħdu l-miżuri neċessarja kollha biex jiżguraw ħarsien effettiv li jista' jinkludi, fejn xieraq, li l-Kummissjoni tipparteċipa fil-proċedura.

3.   Għall-ftehimiet kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-Istat Membru kkonċernat għandu jfittex il-qbil tal-Kummissjoni qabel ma jattiva kwalunkwe mekkaniżmu rilevanti għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim kontra pajjiż terz inklużi fil-ftehim, u għandu, fejn mitlub mill-Kummissjoni, jattiva tali mekkaniżmi. Tali mekkaniżmi għandhom jinkludu konsultazzjonijiet mal-parti l-oħra għall-ftehim u riżoluzzjoni ta’ tilwim fejn stipulat f'dan il-ftehim. L-Istat Membru u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw b'mod sħiħ fl-imġiba tal-proċeduri fi ħdan il-mekkaniżmi rilevanti, li jistgħu jinkludu, fejn xieraq, li l-Kummissjoni tipparteċipa fil-proċeduri rilevanti.

Artikolu 14

Kunfidenzjalità

Meta jinnotifikaw lill Kummissjoni dwar in-negozjati u l-eżiti tagħhom b'konformità mal-Artikoli 8 u 11, l-Istati Membri jistgħu jindikaw jekk xi informazzjoni pprovduta hix se tiġi kkunsidrata bħala kunfidenzjali u jekk tistax tinqasam ma’ Stati Membri oħra.

Artikolu 15

Kumitat

1.   IL-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat ta’ Konsultazzjoni għall-Immaniġġjar tal-Arranġamenti Tranżizzjonali dwar Ftehimiet Internazzjonali ta’ Investiment. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   F'każijiet fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 .

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2011.

(2)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(3)   ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.