28.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 188/93


Il-Ħamis 17 ta’ Frar 2011
Il-klawżola ta’ salvagwardja bilaterali tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE-Korea ***I

P7_TA(2011)0061

Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Frar 2011 dwar il-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jimplimenta l-klawżola ta’ salvagwardja bilaterali tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE-Korea (COM(2010)0049 – C7-0025/2010 – 2010/0032(COD))

2012/C 188 E/29

(Proċedura leġislattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0049),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294 u l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0025/2010),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill b'ittra tat-22 ta’ Diċembru 2010 li l-pożizzjoni tal-Parlament tiġi approvata, skont l-Artikolu 294(4) tat-trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0210/2010),

1.

Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari kif imniżżel hawn taħt (1);

2.

Japprova l-istqarrija konġuneta mill-Parlament u l-Kummissjoni annessa ma din ir-Riżoluzzjoni;

3.

Jieħu nota tal-istqarrija tal-Kummissjoni annessa ma’ din ir-Riżoluzzjoni;

4.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.


(1)  Din il-pożizzjoni tieħu post l-emendi adottati fis-7 ta’ Settembru 2010 (Testi adottati, P7_TA(2010)0301)


Il-Ħamis 17 ta’ Frar 2011
P7_TC1-COD(2010)0032

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-17 ta’ Frar 2011 bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru …/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jimplimenta l-klawsola ta’ salvagwardja bilaterali tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Korea

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma’ l-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 511/2011)


Il-Ħamis 17 ta’ Frar 2011
ANNESS I

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tilqa' l-ftehim fl-ewwel qari bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ir-Regolament dwar is-Salvagwardja.

Kif previst fir-Regolament, il-Kummissjoni se tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea u se tkun lesta li tiddiskuti mal-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew kwalunkwe kwistjoni li tirriżulta mill-implimentazzjoni tal-Ftehim.

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni lejn dan li ġej:

a)

Il-Kummissjoni se timmonitora mill-qrib l-implimentazzjoni mill-Korea tal-impenji tagħha dwar kwistjonijiet regolatorji, inklużi b'mod partikolari l-impenji relatati mar-regolamenti tekniċi fis-settur tal-karozzi. Il-monitoraġġ għandu jinkludi l-aspetti kollha tal-ostakli mhux tariffarji u r-riżultati tiegħu għandhom jiġu dokumentati u rrapurtati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

b)

Il-Kummissjoni se tagħti wkoll importanza partikolari lill-implimentazzjoni effettiva tal-impenji dwar ix-xogħol u l-ambjent tal-Kapitolu 13 tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles (Kummerċ u Żvilupp Sostenibbli). F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tfittex il-parir tal-Grupp Konsultattiv Domestiku, li se jinkludi rappreżentanti mill-organizzazjonijiet tan-negozju, l-unjons u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi. L-implimentazzjoni tal-Kapitolu 13 tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles għandu jiġi dokumentat kif xieraq u għandu jintbagħat rapport dwaru kif xieraq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Il-Kummissjoni taqbel ukoll dwar l-importanza li tiġi provduta protezzjoni effettiva fil-każ ta’ żiediet f'salt fl-importazzjoni f'setturi sensittivi, inklużi dak tal-karozzi żgħar. Il-monitoraġġ tas-setturi sensittivi għandu jinkludi l-karozzi, it-tessuti u t-tagħmir elettroniku għall-konsumatur. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li s-settur tal-karozzi żgħar jista' jitqies bħala suq relevanti għall-iskop ta’ investigazzjoni ta’ salvagwardja.

Il-Kummissjoni tinnota li l-għażla ta’ żoni ta’ proċessar għal barra fil-Peniżola Koreana, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tal-Protokoll dwar ir-Regoli ta’ Oriġini, se tirrikjedi ftehim internazzjonali bejn il-Partijiet li għalih il-Parlament Ewropew ikun irid jagħti l-kunsens tiegħu. Il-Kummissjoni se żżomm lill-Parlament infurmat bis-sħiħ dwar id-deliberazzjonijiet mill-Kumitat dwar iż-Żoni ta’ Proċessar għal barra fil-Peniżola Koreana.

Finalment, il-Kummissjoni tinnota wkoll li jekk minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali tiddeċiedi li testendi t-tul tal-investigazzjoni skont l-Artikolu 5(3), hi se tiżgura li tali żmien estiż ma jaqbiżx id-data ta’ skadenza ta’ ebda miżura provviżorja introdotta skont l-Artikolu 7.


Il-Ħamis 17 ta’ Frar 2011
ANNESS II

Dikjarazzjoni konġunta

Il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew jaqblu dwar l-importanza ta’ koperazzjoni mill-qrib fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea u r-Regolament ta’ Salvagwardja. Għal dan il-għan huma jaqblu fuq dan li ġej:

Fil-każ li l-Parlament Ewropew jadotta rakkomandazzjoni biex jibda investigazzjoni ta’ salvagwardja, il-Kummissjoni se teżamina bir-reqqa jekk ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet skont ir-Regolament għal inizjazzjoni ex officio. Fil-każ li l-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet ma ġewx sodisfatti, hi se tippreżenta rapport lill-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew li jinkludi spjegazzjoni tal-fatturi kollha relevanti għall-inizjazzjoni ta’ investigazzjoni bħal din.

Fuq talba mill-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lilu dwar kwalunkwe tħassib speċifiku relatat mal-implimentazzjoni mill-Korea tal-impenji tagħha dwar miżuri mhux tariffarji jew dwar il-Kapitolu 13 (Kummerċ u Żvilupp Sostenibbli) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles.