22.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 182/20


Il-Ħamis 3 ta’ Frar 2011
Strument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp ***II

P7_TA(2011)0030

Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Frar 2011 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp (16447/1/2010 – C7-0424/2010 – 2010/0059(COD))

2012/C 182 E/07

(Proċedura leġislattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (16447/1/2010 – C7-0424/2010),

wara li kkunsidra l-kontribuzzjonijiet sottomessi mill-parlamenti nazzjonali dwar l-abbozz ta’ att leġislattiv,

wara li kkunsidra l-posizzjoni tiegħu fl-ewwel qari (1) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2010) 0102),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 66 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0009/2011),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fit-tieni qari li tidher hawn taħt;

2.

Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.


(1)  Testi adottati, 21.10.2010, P7_TA(2010)0382.


Il-Ħamis 3 ta’ Frar 2011
P7_TC2-COD(2010)0059

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fit-tieni qari fit-3 ta’ Frar 2011 bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru …/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 209(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz ta’ att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-iżvilupp għandha l-għan li tnaqqas u fl-aħħar mill-aħħar teqred il-faqar.

(2)

L-Unjoni, bħala membru tal-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ (WTO), hija impenjata li tissimplifika l-kummerċ fi strateġiji għall-iżvilupp u li tippromwovi l-kummerċ internazzjonali sabiex isir progress fl-iżvilupp u fit-tnaqqis, u fuq it-tul ta’ żmien fil-qerda, tal-faqar madwar id-dinja kollha.

(3)

L-Unjoni ssostni l-Grupp ta’ Stati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) fit-triq tagħhom lejn tnaqqis fil-livell ta’ faqar u żvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli, u tagħraf l-importanza tas-setturi tagħhom tal-komoditajiet.

(4)

L-Unjoni hija impenjata li ssostni l-integrazzjoni bla xkiel u gradwali tal-pajjiżi li qiegħdin jiżviluppaw fl-ekonomija dinjija bl-għan li jkun hemm żvilupp sostenibbli. Il-pajjiżi prinċipali tal-AKP li jesportaw il-banana jistgħu jħabbtu wiċċhom ma’ sfidi fil-kuntest ta’ arranġamenti tal-kummerċ li qegħdin jinbidlu, notevolment il-liberalizzazzjoni tat-tariffa tan-Nazzjon l-Aktar Preferut (NAP) fil-qafas tal-WTO u tal-ftehimiet bilaterali jew reġjonali li ġew konklużi jew fil-proċess li jiġu konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi tal-Amerika Latina. Għalhekk, għandu jiżdied mar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament u tal-Kunsill (2), programm AKP dwar il-Miżuri ta’ Akkumpanjament marbutin mal-Banana (“il-programm”).

(5)

Il-miżuri ta’ assistenza finanzjarja li għandhom jiġu adottati taħt il-programm għandhom ikunu mmirati biex itejbu l-istandards u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies fiż-żoni li jkabbru l-banana u fil-katini tal-valur tal-banana, speċifikament tal-bdiewa ż-żgħar u tal-entitajiet iż-żgħar, kif ukoll biex jassiguraw il-konformità mal-istandards tax-xogħol u tas-saħħa u tas-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u mal-istandards ambjentali, notevolment dawk li għandhom x’jaqsmu mal-użu tal-pestiċidi u mal-espożizzjoni għalihom. Il-miżuri għandhom għalhekk jappoġġaw l-adattament u jinkludu , meta jkun relevanti, l-organizzazzjoni mill-ġdid taż-żoni li jiddependu fuq l-esportazzjoni tal-banana permezz ta’ sostenn mill-baġit immirat lejn setturi speċifiċi jew interventi mmirati lejn proġetti partikolari. Il-miżuri għandhom ikunu mmirati biex jipprovdu politika soċjali dwar il-kapaċità ta’ rkupru, diversifikazzjoni ekonomika jew investiment għat-titjib tal-kompetittività, fejn dan ikun vijabbli, filwaqt li jitqiesu r-riżultati u l-esperjenzi miksuba permezz tas-Sistema Speċjali ta’ Assistenza għall-fornituri tradizzjonali tal-banana mill-pajjżi tal-AKP stabbilit skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2686/94 (3) u l-Qafas Speċjali ta’ Assistenza (QSA) għall-fornituri tradizzjonali tal-banana mill-pajjiżi tal-AKP stabbilit skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 856/1999 (4) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1609/1999 (5). L-Unjoni tagħraf l-importanza tal-promozzjoni ta’ tqassim aktar ekwu tad-dħul mill-banana.

(6)

Il-programm għandu jakkumpanja l-proċess ta’ adattament fil-pajjiżi tal-AKP li esportaw volumi sinifikanti ta’ banana lill-Unjoni f’dawn l-aħħar snin u li se jiġu affettwati mil-liberalizzazzjoni fil-qafas tal-Ftehim ta’ Ġinevra dwar il-Kummerċ fil-Banana (6) jew mill-ftehimiet bilaterali jew reġjonali konklużi jew li qed jiġu konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi tal-Amerika Latina. Il-programm jibni fuq il-Qafas Speċjali ta’ Assistenza (QSA) għall-fornituri tradizzjonali tal-banana mill-pajjiżi tal-ACP. Il-programm huwa konformi mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni fil-qafas tal-WTO u jiffoka fuq ir-ristrutturazzjoni u t-titjib tal-kompetittivitá u b’hekk huwa ta’ xorta temporanja, b’tul ta’ erba’ snin (2010-2013).

(7)

Il-konklużjonijiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Marzu 2010 bl-isem “Rapport Biennali dwar il-Qafas Speċjali ta’ Assistenza għall-Fornituri Tradizzjonali tal-Banana mill-pajjiżi tal-AKP” jindikaw li l-programmi ta’ assistenza li saru fl-imgħoddi taw kontribut sostanzjali fil-kisba ta’ titjib fil-kapaċità għal diversifkazzjoni ekonomika ta’ suċċess, minkejja illi l-impatt sħiħ għadu ma jistax ikun ikkwantifikat u s-sostenibilità tal-esportazzjonijiet tal-banana tal-AKP għadha fraġli.

(8)

Il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni tal-programm tal-QSA imma ma għamlitx valutazzjoni tal-impatt tal-miżuri ta’ akkumpanjament fis-settur tal-banana.

(9)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura koordinament kif suppost ta’ dan il-programm mal-programmi indikattivi reġjonali u nazzjonali li joperaw fil-pajjiżi benefiċjarji, b’mod partikulari fir-rigward tal-kisba tal-objettivi ekonomiċi, agrikoli, soċjali u ambjentali.

(10)

Kważi 2 % tal-kummerċ dinji tal-banana ġie ċċertifikat mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-kummerċ ekwitabbli. Il-prezzijiet minimi tal-kummerċ ekwitabbli ġew iffissati fuq il-bażi tal-kalkolu tal-“ispejjeż sostenibbli tal-produzzjoni” stabbiliti wara konsultazzjoni mal-partijiet involuti bil-għan li jiġu internalizzati l-ispejjeż biex isiru konformi ma’ standards soċjali u ambjentali diċenti u biex isir profitt raġonevoli li bis-saħħa tiegħu l-produtturi jkunu jistgħu jinvestu fl-istabilità ta’ xogħolhom fuq tul ta’ żmien twil.

(11)

Biex jiġi evitat l-isfruttar tal-ħaddiema lokali, il-katina tal-produzzjoni tas-settur tal-banana għandha ssegwi distribuzzjoni ekwitabbli tad-dħul iġġenerat mis-settur.

(11a)

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-Dokumenti Strateġiċi Ġeografiċi, il-Programmi Indikattivi Multiannwali u d-Dokumenti Strateġiċi għall-programmi tematiċi u l-miżuri ta’ akkumpanjament, billi dawn jissupplimentaw ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 u huma ta’ applikazzjoni ġenerali. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti.

(12)

Ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 għandu għaldaqstant ikun emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 4 huwa sostitwit b’ dan li ġej:

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-assistenza mill-Unjoni

B’mod konsistenti mal-fini, l-ambitu u l-għanijiet globali u mal-priċipji ġenerali ta’ dan ir-Regolament, l-assistenza tal-Unjoni għandha tiġi implimentata permezz tal-programmi ġeografiċi u tematiċi stipulati fl-Artikoli 5 sa 16 u fil-programmi stipulati fl-Artikolu 17 u 17a.”;

(2)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

Artikolu 17a

Il-pajjiżi prinċipali tal-AKP li jfornu l-banana

1.   Pajjiżi tal-AKP li jfornu l-banana elenkati fl-Anness IIIa għandhom jibbenefikaw mill-miżuri ta’ akkumpanjament marbutin mal-banana. L-għajnuna mill-Unjoni għandha tkun immirata biex issostni l-proċess ta’ aġġustament tagħhom wara l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-banana tal-UE fil-qafas tal-WTO. L-għajnuna mill-Unjoni għandha b’mod partikolari tintuża fil-ġlieda kontra l-faqar billi ttejjeb l-istandards u l-kondizzjonijiet tal-għajxien tal-bdiewa u tal-persuni kkonċernati u tal-entitajiet iż-żgħar rilevanti, inkluż bil-konformità mal-istandards tax-xogħol u tas-sikurezza kif ukoll bil-konformità mal-istandards ambjentali, inkluż l-użu tal-pestiċidi u l-espożizzjoni għalihom. L-assistenza mill-Unjoni għandha tqis il-politika u l-istrateġiji ta’ adattament tal-pajjiżi, kif ukoll tal-ambjent reġjonali tagħhom (f’termini tal-qrubija lejn l-ibgħad reġjuni tal-UE u l-pajjiżi u t-territorji barranin), u għandha tagħti attenzjoni speċifika lill-oqsma ta’ kooperazzjoni li ġejjin:

(a)

it-tisħiħ tal-kompetittività tas-settur tal-esportazzjoni tal-banana, fejn dan huwa sostenibbli, b’kunsiderazzjoni għas-sitwazzjoni tal-partijiet interessati differenti fil-katina;

(b)

il-promozzjoni tad-diversifikazzjoni ekonomika fiż-żoni dipendenti mill-banana, meta strateġija bħal din tkun vijabbli;

(c)

li jiġu indirizzati impatti usa’ ġġenerati mill-proċess ta’ adattament, possibbilment relatati mal-impjieg u s-servizzi soċjali, mal-użu tal-art u r-restawr ambjentali, u l-istabbiltà makroekonomika, iżda mhux ristretti għalihom biss.

2.   Fi ħdan l-ammont imsemmi fl-Anness IV, il-Kummissjoni għandha tfassal l-ammont massimu disponibbli għal kull pajjiż tal-AKP li jforni l-banana skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fuq il-bażi tal-indikaturi oġġettivi u maħsuba li ġejjin:

(a)

il-kummerċ tal-banana mal-Unjoni;

(b)

l-importanza tal-esportazzjonijiet tal-banana għall-ekonomija tal-pajjiż tal-AKP ikkonċernat, flimkien mal-livell ta’ żvilupp tal-pajjiż.

Il-kejl tal-kriterji ta’ allokazzjoni għandu jkun ibbażat fuq data rappreżentattiva ta’ qabel l-2010 u li tkopri perjodu mhux itwal minn ħames snin, u fuq studju tal-Kummissjoni li jevalwa l-impatt fuq il-pajjiżi tal-AKP tal-ftehim milħuq fil-qafas tad-WHO u tal-ftehimiet bilaterali jew reġjonali konklużi, jew fil-proċess li jiġu konklużi, bejn l-Unjoni u pajjiżi tal-Amerika Latina, li jkunu esportaturi ewlenin tal-banana.

3.   Il-Kummissjoni għandha todotta strateġiji ta’ sostenn multiannwali permezz ta’ analoġija għall-Artikolu 19, b’konformità mal-Artikolu 21. Għandha tiżgura li tali strateġiji jikkumplimentaw id-dokumenti ġeografiċi strateġiċi tal-pajjiżi kkonċernati, u n-natura temporanja ta’ dawn il-miżuri ta’ akkumpanjament marbutin mal-esportazzjoni tal-banana.

L-istrateġiji ta’ sostenn multiannwali għall-miżuri ta’ akkumpanjament fis-settur tal-banana għandhom jinkludu:

(a)

profil ambjentali aġġornat li jagħti attenzjoni xierqa lis-settur tal-banana tal-pajjiż, inter alia ffukat fuq il-pestiċidi;

(b)

tagħrif dwar il-kisbiet tal-programmi ta’ assistenza li saru fl-imgħoddi favur is-settur tal-banana;

(c)

indikaturi għall-valutazzjoni tal-progress f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet għall-infiq, meta jintgħażel l-appoġġ baġitarju bħala l-forma ta’ finanzjament;

(d)

ir-riżultati mistennija tal-għajnuna;

(e)

kalendarju tal-attivitajiet ta’ appoġġ u tal-allokazzjonijiet mistennija għal kull pajjiż benefiċjarju;

(f)

il-modi kif jista’ jinkiseb u jiġi kkontrollat il-progress fl-ilħuq tal-istandards fundamentali tax-xogħol tal-ILO miftiehma fuq livell internazzjonali u l-konvenzjonijiet xierqa fil-qasam tas-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll mal-istandards ambjentali rilevanti ewlenin miftiehma fuq livell internazzjonali;

Tmintax-il xahar qabel l-iskadenza, għandha ssir valutazzjoni tal-programm dwar il-miżuri ta’ akkumpanjament marbutin mal-banana u tal-progress tal-pajjiżi konċernati li għandha tinkludi rakkomandazzjonijiet dwar l-azzjonijiet eventwali li għandhom jiġu previsti u x-xorta tagħhom.”;

(3)

L-Artikolu 21 huwa sostitwit b’ dan li ġej:

Artikolu 21

L-adozzjoni ta’ dokumenti ta’ strateġija ġeografika u tal-programmi indikattivi pluriennali

Id-dokumenti ta’ strateġija u l-programmi indikattivi multiannwali msemmija fl-Artikoli 19 u 20, u kwalunkwe reviżjoni tagħhom imsemmija fl-Artikolu 19(2) u fl-Artikolu 20(1), kif ukoll miżuri ta’ akkumpanjament imsemmija fl-Artikolu 17 u 17a rispettivament, għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni permezz ta’ atti delegati adottati skont l-Artikolu 35 u skont il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 35a u 35b .”;

(3a)

L-Artikolu 22(3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.     Il-programmi ta’ azzjoni annwali għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni filwaqt li jitqiesu l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.”;

(3b)

Fl-Artikolu 23, il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“3.     Fejn l-ispiża ta’ dawn il-miżuri tisboq l-EUR 10 miljun, il-Kummissjoni għandha tadottahom filwaqt li tqis l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Għal miżuri speċjali taħt l-EUR 10 miljun, il-Kummissjoni għandha tibgħat il-miżuri lill-Istati Membri u l-Parlament Ewropew bħala tagħrif fi żmien xahar mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha.

4.     L-emendi tal-miżuri speċjali, bħal dawk li jwettqu adattamenti tekniċi, li jestendu l-perjodu ta’ implimentazzjoni, li jassenjaw mill-ġdid il-fondi fil-baġit ta’ tbassir, jew li jżidu jew inaqqsu d-daqs tal-baġit b’ammont li ma jisboqx l-20 % tal-baġit inizjali, kemm-il darba dawn l-emendi ma jkollhomx effett fuq l-objettivi inizjali stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, għandhom jiġu kkomunikati fi żmien xahar lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.”;

(4)

L-Artikolu 25(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fil-prinċipju, l-għajnuna tal-Unjoni m’għandhiex tintuża għall-ħlas ta’ taxxi, dazji jew ħlasijiet fil-pajjiżi benefiċjarji.”;

(5)

L-Artikolu 29(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-impenji baġitarji għandhom isiru fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni b’konformità mal-Artikoli 17a(3), 22(1), 23(1) u 26(1).”;

(6)

Fl-Artikolu 31(1), it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-parteċipazzjoni fl-għoti ta’ kuntratti ta’ akkwist pubbliku jew ta’ għotja ffinanzjati minn programm tematiku kif definit fl-Artikoli 11 sa 16, u l-programmi stabbiliti fl-Artikoli 17 u 17a, għandha tkun miftuħa għall-persuni fiżiċi kollha li huma ċittadini ta’ pajjiż li qiegħed jiżviluppa jew għall-persuni legali li huma stabbiliti fih, kif speċifikat mill-OECD/DAC u fl-Anness II, flimkien ma’ persuni fiżiċi jew legali eliġibbli permezz tal-programm tematiku jew il-programmi stipulati fl-Artikoli 17 u 17a. Il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna l-Anness II f’konformità mar-reviżjonijiet regolari tal-lista tar-riċevituri ta’ għajnuna tal-OECD/DAC, u għandha tgħarraf lill-Kunsill b’dan.”;

(6a)

L-Artikolu 33(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.     Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bħala tagħrif. Ir-riżultati għandhom jerġgħu jidħlu fit-tfassil tal-programmi u fl-allokazzjoni tar-riżorsi.”;

(6b)

L-Artikolu 35 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 35

Eżerċizzju tad-delega

1.     Is-setgħa biex jiġu adottati l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 17(2) u fl-Artikolu 17a u l-Artikolu 21 għandha tingħata lill-Kummissjoni għall-perjodu tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.     Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha fl-istess waqt tinnotifikah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.     Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati tingħata lill-Kummissjoni skont il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 35a u 35b.

Artikolu 35a

Revoka tad-delega

1.     Id-delega tas-setgħat imsemmijin fl-Artikolu 17(2) u l-Artikoli 17a u 21 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

2.     L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna sabiex jiġi deċiż jekk tiġix revokata d-delega ta’ setgħa għandha tagħmel ħilitha sabiex tgħarraf lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel ma tittieħed id-deċiżjoni aħħarija, filwaqt li tindika s-setgħa delegata li tista’ tkun soġġetta għar-revoka u r-raġunijiet possibbli għal revoka.

3.     Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ minnufih jew f’data aktar tard speċifikata hemmhekk. Hija m’għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati diġà fis-seħħ. Hija għandha tiġi pubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 35b

Oġġezzjonijiet għal atti ta’ delega

1.     Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista’ joġġezzjona għal att ta’ delega fi żmien perjodu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika.

Fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, dan il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn.

2.     Jekk, mal-iskadenza ta’ dak il-perjodu, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat dan għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data dikjarata fih.

L-att delegat jista’ jkun ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn għarrfu lill-Kummissjoni bil-ħsieb tagħhom li ma jressqux oġġezzjonijiet.

3.     Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għall-att delegat fi żmien il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, dan ma għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet għaliex oġġezzjonat għall-att delegat.”;

(7)

Fl-Artikolu 38, il-paragrafi (1) u (2) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-ammont finanzjarju ta’ referenza għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament tul il-perjodu 2007-2013 huwa EUR 17 087 miljun.

2.   L-ammonti indikattivi allokati għal kull programm imsemmi fl-Artikoli 5 sa 10 u 11 sa 16 u 17 sa 17a huma stabbiliti fl-Anness IV. Dawn l-ammonti huma stabbiliti għall-perjodu 2007-2013.”;

(8)

Għandu jiddaħħal l-Anness IIIa, kif jidher fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(9)

L-Anness IV huwa sostitwit bil-kontenut tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Ottubru 2010 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-10 ta’ Diċembru 2010 (ĠU C 7 E, 12.1.2011, p. 17), u pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Frar 2011.

(2)  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.

(3)  ĠU L 286, 5.11.1994, p. 1.

(4)  ĠU L 108, 27.4.1999, p. 2.

(5)  ĠU L 190, 23.7.1999, p. 14.

(6)  ĠU L 141, 9.6.2010, p. 3.


Il-Ħamis 3 ta’ Frar 2011
ANNESS I

“ANNESS IIIa

Il-pajjiżi prinċipali tal-AKP li jfornu l-banana

1.

il-Beliże

2.

Il-Kamerun

3.

Il-Côte d'Ivoire

4.

Dominika

5.

Ir-Repubblika Dominikana

6.

il-Gana

7.

Il-Ġamajka

8.

Santa Luċija

9.

Saint Vincent u l-Grenadini

10.

Is-Surinam”


Il-Ħamis 3 ta’ Frar 2011
ANNESS II

“ANNESS IV

Allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi għall-perjodu 2007-2013 (f'miljuni ta’ EUR)

Totali

17 087

Programmi ġeografiċi:

10 057

L-Amerika Latina

2 690

L-Asja

5 187

L-Asja Ċentrali

719

Il-Lvant Nofsani

481

L-Afrika t'Isfel

980

Programmi tematiċi:

5 596

Investiment fin-nies

1 060

Ambjent u ġestjoni sostenibbli ta’ riżorsi naturali

804

Atturi mhux statali u awtoritajiet lokali fl-iżvilupp

1 639

Sigurtà alimentari

1 709

Migrazzjoni u ażil

384

Il-pajjiżi tal-AKP tal-Protokoll taz-Zokkor:

1 244

Il-pajjiżi prinċipali tal-AKP li jfornu l-banana

190”