15.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 304/1


POŻIZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 10/2011 FL-EWWEL QARI

bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti 'l barra mill-Unjoni u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE

Adottata mill-Kunsill fl-20 ta' Settembru 2011

2011/C 304 E/01

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 209 u 212 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi,

(1)

Flimkien mal-missjoni ċentrali tiegħu li jiffinanzja l-investiment fl-Unjoni Ewropea, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) mill-1963 wettaq operazzjonijiet ta' finanzjament 'il barra mill-Unjoni b'appoġġ għal-linji ta' politika esterni tal-Unjoni. Dan jippermetti li fondi baġitarji tal-UE disponibbli għar-reġjuni esterni jiġu kkumplimentati mis-saħħa finanzjarja tal-BEI għall-benefiċċju tal-pajjiżi riċevituri. Meta jidħol f'dawn l-operazzjonijiet ta' finanzjament, il-BEI jikkontribwixxi għall-prinċipji ta' gwida ġenerali u l-objettivi ta' politika tal-Unjoni, inkluż l-iżvilupp tal-pajjiżi terzi u l-prosperità tal-Unjoni fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi globali li nbidlu. L-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI b'appoġġ għall-politika esterna tal-Unjoni għandhom jkomplu jitwettqu f'konformità mal-prinċipji ta' prattika bankarja soda.

(2)

L-Artikolu 209 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropew (TFUE), flimkien mal-Artikolu 208 tiegħu, jipprovdi li l-BEI għandu jikkontribwixxi, skont it-termini stipulati fl-Istatut tiegħu, għall-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jiġu promossi l-objettivi tal-politika tal-Unjoni ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp.

(3)

F'konformità mal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-BEI, il-BEI għandu jippreżenta applikazzjoni lill-Kummissjoni għal opinjoni dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-BEI mwettqa taħt din id-Deċiżjoni (“applikazzjoni għal finanzjament mill-BEI”).

(4)

Bil-ħsieb li tiġi appoġġata l-azzjoni esterna tal-UE, u biex il-BEI ikun jista’ jiffinanzja investimenti 'l barra mill-Unjoni mingħajr ma jaffettwa l-pożizzjonament kreditarju tiegħu, il-biċċa l-kbira tal-operazzjonijiet tiegħu fir-reġjuni esterni bbenefikaw minn garanzija baġitarja tal-UE (“garanzija tal-UE”) amministrata mill-Kummissjoni.

(5)

Il-garanzija tal-UE ġiet stabbilita għall-perjodu 2007-2011 permezz tad-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar l-għotja ta’ garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għall-proġetti barra mill-Komunità (2).

(6)

Il-Fond ta’ Garanzija għal azzjonijiet esterni (“Fond ta’ Garanzija”), li ġie stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni (3), jipprovdi riżerva ta’ likwidità għall-baġit tal- Unjoni kontra t-telf imġarrab fuq operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI u azzjonijiet esterni oħra tal-UE.

(7)

Skont id-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE, il-Kummissjoni u l-BEI ħejjew analiżi ta’ nofs it-terminu tal-finanzjament estern tal-BEI, abbażi ta’ valutazzjoni esterna indipendenti sorveljata minn grupp ta’ direzzjoni ta’ “persuni għorrief”, analiżi permezz ta’ konsulenza esterna, u evalwazzjonijiet speċifiċi prodotti mill-BEI. Nhar it-12 ta’ Frar 2010, il-grupp ta’ direzzjoni ppreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-BEI bil-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

(8)

Fir-rapport tiegħu il-grupp ta’ direzzjoni kkonkluda li l-garanzija tal-UE hija strument politiku effiċjenti u qawwi b'influwenza finanzjarja u politika qawwija u li din il-garanzija għandha tinżamm ħalli tkopri r-riskji ta’ natura politika jew sovrana. Huwa ppropona wkoll ċerti emendi għad-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE sabiex jiġi żgurat li jkun hemm valur miżjud u effiċjenza massimi fl-operazzjonijiet esterni tal-BEI.

(9)

Hu essenzjali li tiġi stabbilita lista ta’ reġjuni u pajjiżi potenzjalment eliġibbli għal finanzjament mill-BEI kopert mill-garanzija tal-UE. Huwa wkoll meħtieġ li tiġi estiża l-lista ta’ reġjuni u pajjiżi eliġibbli għal finanzjament mill-BEI taħt il-garanzija tal-UE, kif attwalment tinsab stabbilita fl-Anness I għad-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE.

(10)

Sabiex jiġu riflessi żviluppi ta’ politika sinifikanti, is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emenda tal-lista ta’ reġjuni u pajjiżi eliġibbli. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal atti ddelegati, għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, fil-ħin u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(11)

L-ammonti koperti mill-garanzija tal-UE f'kull reġjun għandhom ikomplu jirrappreżentaw limiti massimi għall-finanzjament mill-BEI skont il-garanzija tal-UE u mhux il-miri li l-BEI jiġi rikjest li jissodisfa.

(12)

Fil-qafas tal-appoġġ tal-Unjoni għall-pajjiżi terzi biex ilaħħqu mal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali, l-BEI kkonċentrat l-attività ta’ self estern tagħha fil-fażi inizjali (frontloading) fl-2009 u l-2010 prinċipalment fil-pajjiżi fil-proċess ta’ qabel l-adeżjoni jew dawk tal-viċinat u tas-sħubija taħt il-mandat attwali tiegħu. Barra minn hekk, id-diżordni fin-Nofsinhar tal-Mediterran kmieni fl-2011 titlob li l-Unjoni tgħin biex il-pajjiżi affettwati jingħataw mezzi biex jibnu mill-ġdid u jimmodernizzaw l-ekonomiji tagħhom. Għalhekk, għall-perijodu tal-mandat li fadal, il-limitu massimu tal-Mandat Ġenerali għandu jiġi rieżaminat u miegħu għandhom jiżdiedu EUR 1 684 000 000 biex biex dawn iċ-ċirkostanzi temporanji u eċċezzjonali jkunu jistgħu jiġu trattati aħjar mingħajr ma jiġu ppreġudikati l-limiti massimi taħt il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.

(13)

L-operazzjonijiet finanzjarji tal-BEI li jirriżultaw minn dik iż-żieda fil-limitu massimu tal-Mandat Ġenerali msemmija hawn fuq għandhom iwieġbu għar-riformi politiċi mwettqin minn pajjiżi sħab individwali kif ivvalutat mill-Kummissjoni bl-involviment tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) b'kont meħud tar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew u d-deċiżjonijiet u l-konklużjonijiet tal-Kunsill. Ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-enfasi mġedda fuq id-differenzjazzjoni għandhom ukoll jiġu riflessi f'dik il-valutazzjoni. Fil-pajjiżi fil-proċess ta’ qabel l-adeżjoni, il-finanzjament tal-BEI ser ikompli jikkomplementa l-assistenza tal-Unjoni skont il-qafas tal-politika reġjonali.

(14)

Barra mil-limiti massimi reġjonali, il-mandat fakultattiv ta' EUR 2 000 000 000 għandu jiġi attivat u allokat bħala pakkett li jappoġġa l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI fil-qasam tat-taffija tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih madwar ir-reġjuni koperti mill-mandat. Il-BEI jista' jikkontribwixxi l-kompetenza esperta u r-riżorsi tiegħu, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, ħalli jappoġġa lill-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll lis-settur privat biex dawn jindirizzaw l-isfida tat-tibdil fil-klima u jużaw bl-aħjar mod possibbli l-finanzjament disponibbli. Għal proġetti ta' taffija u adattament, ir-riżorsi tal-BEI, meta possibbli u meta jkun xieraq, għandhom jiġu kkumplimentati minn fondi konċessjonali disponibbli skont il-baġit tal-Unjoni, u permezz tat-taħlit effiċjenti u konsistenti ta' għotjiet u self għal finanzjament konness mat-tibdil fil-klima fil-kuntest tal-assistenza esterna tal-Unjoni. F'dan ir-rigward, huwa xieraq li r-rapport annwali tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandu jkollu rapport dettaljat dwar l-istrumenti finanzjarji użati għall-iffinanzjar ta' dawn il-proġetti, filwaqt li jiġu identifikati l-ammonti ta’ finanzjament tal-BEI li jaqgħu taħt il-mandat fakultattiv u l-ammonti korrispondenti ta’ għotjiet.

(15)

L-eliġibbiltà għal finanzjament mill-BEI għat-taffija tat-tibdil fil-klima skont il-garanzija tal-UE tista' tiġi ristretta skont il-Mandat dwar it-Tibdil fil-Klima għall-pajjiżi li jitqiesu li ma jkunux impenjaw ruħhom biex jilħqu l-miri xierqa relatati mat-tibdil fil-klima. Kwalunkwe deċiżjoni bħal din għandha tkun ibbażata fuq valutazzjonijiet politiċi kumplessi u komprensivi. Għalhekk il-Kunsill għandu jkollu s-setgħa li jiddeċiedi, fuq proposta mill-Kummissjoni bl-involviment tal-SEAE, li jirrestrinġi l-eliġibbiltà ta' pajjiż li jirċievi finanzjament mill-BEI għat-taffija tat-tibdil fil-klima skont il-garanzija tal-UE. Tali restrizzjoni għandha tapplika biss għal operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI li għalihom issir applikazzjoni għal finanzjament mill-BEI wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni u li jiġu ffirmati wara l-1 ta’ Jannar 2012.

(16)

Għandha tiġi pprovduta ċerta flessibbiltà fir-rigward tal-allokazzjoni reġjonali skont il-Mandat dwar it-Tibdil fil-Klima biex tippermetti l-aktar teħid effettiv u mħaffef possibbli tal-finanzjament disponibbli fil-perjodu ta’ tlett snin 2011-2013, waqt li jsir kull sforz possibbli biex tiġi żgurata distribuzzjoni bbilanċjata madwar ir-reġjuni tul dak il-perjodu, abbażi tal-prijoritajiet stabbiliti għall-għajnuna esterna skont il-Mandat Ġenerali.

(17)

L-evalwazzjoni esterna indipendenti li fuqha kienet ibbażata ir-reviżjoni ta’ nofs iż-żmien tal-finanzjament estern tal-BEI sabet li, għalkemm l-operazzjonijiet tal-BEI imwettqa fil-perjodu kopert mill-evalwazzjoni (2000-2009) kienu ġeneralment konformi mal-linji ta’ politika esterni tal-Unjoni, ir-rabta bejn l-għanijiet ta’ politika tal-Unjoni u l-implimentazzjoni operattiva tagħhom mill-BEI għandha tissaħħaħ u ssir aktar espliċita u strutturata.

(18)

Biex tiżdied il-koerenza tal-mandat u tissaħħaħ il-konċentrazzjoni tal-attività ta’ finanzjament estern tal-BEI fuq il-linji ta' politika ta' appoġġ tal-Unjoni, u għall-benefiċċju massimu tal-benefiċjarji, din id-Deċiżjoni għandha tistabbilixxi għanijiet orizzontali ta’ livell għoli fil-mandat għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI fir-reġjuni u l-pajjiżi kollha eliġibbli, fuq is-sies tal-aspetti komparattivement b'saħħithom tal-BEI f'oqsma fejn fl-imgħoddi dan ta xhieda ta’ ħidma pożittiva. Fir-reġjuni kollha koperti minn din id-deċiżjoni, il-BEI għandu għalhekk jiffinanzja proġetti fl-oqsma tat-taffija tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, (inkluż permezz tat-trasferiment ta’ teknoloġiji relatati ma’ sorsi ġodda ta’ enerġija), l-infrastruttura soċjali u ekonomika (m'mod partikolari, fit-trasport, l-enerġija inkluża l-enerġija rinnovabbli, is-sigurtà tal-enerġija, l-infrastruttura tal-enerġija, l-infrastruttura ambjentali inklużi l-ilma u miżuri sanitarji, kif ukoll it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni), u l-iżvilupp tas-settur privat lokali, b'mod partikolari l-appoġġ għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs). Għandu jitfakkar li titjib tal-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs jista' jiżvolġi rwol essenzjali fl-istimolu tal-iżvilupp ekonomiku u fil-ġlieda kontra l-qgħad. F'dawn l-oqsma, l-integrazzjoni reġjonali fost il-pajjiżi sħab, inkluża l-integrazzjoni ekonomika bejn il-pajjiżi preadeżjonali, il-pajjiżi ġirien u l-Unjoni, għandha tkun għan bażiku tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI. Il-BEI għandu jkun jista' jappoġġa l-preżenza tal-Unjoni fil-pajjiżi sħab permezz ta’ investiment barrani dirett li jikkontribwixxi għall-promozzjoni tat-trasferiment tat-teknoloġija u tal-għarfien jew taħt il-garanzija tal-UE għall-investimenti fl-oqsma msemmija hawn fuq, jew b'riskju tiegħu stess.

(19)

Biex jilħaq b'mod effikaċi lill-SMEs, il-BEI għandu jikkoopera mal-istituzzjonijiet finanzjarji intermedjarji lokali fir-reġjuni u l-pajjiżi eliġibbli, b'mod partikulari biex jiżgura li parti mill-benefiċċji finanzjarji jiġu mgħoddija lill-klijenti tagħhom u jipprovdu valur miżjud meta mqabbel ma’ sorsi oħra ta’ finanzjament. Fejn ikun xieraq, permezz tal-ftehimiet tiegħu ta’ kooperazzjoni ma’ dawk l-istituzzjonijiet intermedjarji, il-BEI għandu jassigura li l-proġetti tal-klijenti tagħhom jiġu vverifikati skont kriterji maqbula f'konformità mal-għanijiet tal-Unjoni dwar l-iżvilupp sabiex jingħata valur miżjud. L-attivitajiet tal-intermedjarji finanzjarji f'appoġġ għall-SMEs għandhom ikunu trasparenti għal kollox u jiġu rrappurtati regolarment lill-BEI.

(20)

Barra minn hekk, l-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI għandhom jikkontribwixxu għall-prinċipji ġenerali li jiggwidaw l-azzjoni esterna tal-UE, kif inhi msemmija fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li tħeġġeġ u tikkonsolida d-demokrazija u l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet ambjentali internazzjonali li l-Unjoni hija parti minnhom. B'mod partikolari, fir-rigward tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif definiti fil-lista ta’ riċevituri uffiċjali tal-assistenza għall-iżvilupp (ODA) stabbilita mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD), l-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI għandhom jippromwovu dawn li ġejjin: l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli tagħhom f'dawn il-pajjiżi, l-aktar fost dawk l-aktar żvantaġġati fosthom; l-integrazzjoni bla xkiel u gradwali tal-ekonomiji tagħhom fl-ekonomija dinjija; il-kampanja kontra l-faqar kif ukoll il-konformità mal-għanijiet approvati mill-Unjoni fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti oħrajn.

(21)

Filwaqt li l-qawwa tal-BEI tibqa' l-karattru distint tiegħu bħala bank ta' investiment, il-BEI għandu, skont din id-Deċiżjoni, jivvaluta l-impatt fuq l-iżvilupp tal-operazzjonijiet esterni tiegħu f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u taħt l-iskrutinju demokratiku tal-Parlament Ewropew skont il-prinċipji li ġejjin tal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp kif ukoll dawk stipulati fl-Artikolu 208 TFUE, flimkien mal-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna deskritti fid-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi tal-2005 u l-Aġenda għall-Azzjoni ta’ Accra tal-2008. Dan għandu jiġi implimentat permezz ta’ għadd ta’ mezzi konkreti, b'mod partikolari billi tissaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jivvaluta l-aspetti ta’ żvilupp, ambjentali u soċjali tal-proġetti, inklużi r-riskji konnessi mad-drittijiet tal-bniedem u l-kunflitti, u billi titħeġġeġ il-konsultazzjoni lokali mal-awtoritajiet pubbliċi u mas-soċjetà ċivili. Meta jkun qed iwettaq id-diliġenza dovuta fir-rigward tal-proġett, il-BEI għandu, meta jkun xieraq u f'konformità mal-prinċipji soċjali u ambjentali tal- Unjoni jobbliga lill-promotur tal-proġett iwettaq konsultazzjonijiet lokali u jiżvela r-riżultati lill-pubbliku. Barra minn hekk, il-BEI għandu jżid il-konċentrazzjoni tiegħu fuq setturi li fihom hu għandu kompetenza esperta soda minn operazzjonijiet ta’ finanzjament fl-Unjoni u li jqawwu l-iżvilupp fil-pajjiż inkwistjoni, bħall-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs u l-mikroentitajiet, l-infrastruttura ambjentali tiegħu inklużi l-ilma u l-miżuri sanitarji; it-trasportazzjoni sostenibbli; u t-taffija tat-tibdil fil-klima, partikolarment fl-enerġija rinnovabbli. Il-finanzjament jista' wkoll jinkludi proġetti b'appoġġ għall-infrastruttura tas-saħħa u l-edukazzjoni meta jkun hemm valur miżjud ċar.

(22)

Il-BEI għandu progressivament isaħħaħ ukoll l-attività tiegħu b'appoġġ għall-adattament għat-tibdil fil-klima, billi fejn ikun xieraq jaħdem f'kooperazzjoni ma’ Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFI) u istituzzjonijiet finanzajrji bilaterali Ewropej (EBFIs). Ir-rekwiżiti addizzjonali introdotti b'din id-Deċiżjoni jeħtieġu aċċess għal riżorsi konċessjonali u aġġustament gradwali tar-riżorsi umani filwaqt li jeħtieġu wkoll li jiġu mfittxija u sfruttati l-effiċjenza, l-effettività u s-sinerġiji. L-attività tal-BEI għandha wkoll tkun kumplimentari għall-għanijiet u l-prijoritajiet tal-Unjoni relatati mat-tiswir istituzzjonali u r-riformi settorjali. Fl-aħħar nett, il-BEI għandu jiddefinixxi l-indikaturi ta’ prestazzjoni li huma marbuta mal-aspetti tal-iżvilupp u tal-ambjent tal-proġetti u r-riżultati tagħhom.

(23)

Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, inħolqot il-funzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli), bil-għan li żżid l-impatt u l-koerenza tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni.

(24)

F'dawn l-aħħar snin kien hemm ukoll twessigħ u tisħiħ tal-linji ta' politika tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni. Dan kien b'mod partikolari l-każ għall-Istrateġija ta’ Qabel l-Adeżjoni, għall-Politika tal-Viċinat Ewropew, għall-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali, għall-isħubiji mġedda mal-Amerika Latina u max-Xlokk tal-Asja, kif ukoll għas-Sħubija Strateġika tal- Unjoni mar-Russja, iċ-Ċina u l-Indja. Dan jista' jingħad ukoll għall-politika tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, li issa ġiet estiża biex tinkludi l-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw. Mill-2007, ir-relazzjonijiet esterni tal-UE ġew appoġġati wkoll minn strumenti finanzjarji ġodda, jiġifieri l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA), l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI), l-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) u l-Istrument għall-Istabbiltà.

(25)

Fid-dawl tat-twaqqif tas-SEAE u wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni u l-BEI għandhom jemendaw il-memorandum ta’ ftehim dwar il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fir-reġjuni msemmija fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE tad-19 ta’ Diċembru 2006 li tagħti garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti barra mill-Komunità (4), u, jekk ikun il-każ, u bl-approvazzjoni tar-Rappreżentant Għoli, jestendu l-memorandum ta’ ftehim il-ġdid biex jinkludi s-SEAE, b'mod partikolari għal dak li huwa djalogu regolari u sistematiku bejn il-Kummissjoni u l-BEI fuq livell strateġiku, li għandu jinkludi lis-SEAE, u aspetti oħrajn li huma fil-kompetenza tas-SEAE.

(26)

Skont l-Artikolu 209(3) TFUE, il-BEI għandu jagħmel ħiltu biex jappoġġa indirettament il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju tal-2015 fir-reġjuni kollha fejn ikun attiv, bħala miżura meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp,.

(27)

Bil-għan li titjieb il-koerenza tal-appoġġ ġenerali tal-Unjoni fir-reġjuni kkonċernati, għandhom jinstabu opportunitajiet biex jiġi kkombinat il-finanzjament tal-BEI mar-riżorsi baġitarji tal-Unjoni kif ikun xieraq, fl-għamla ta', per eżempju, garanziji, ta’ kapital ta’ riskju u ta’ sussidji għar-rati tal-interess, ta’ kofinanzjament fl-investiment, flimkien ma’ għajnuna teknika għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ proġetti, permezz tal-IPA, l-ENPI, id-DCI, l-EIDHR u l-Istrument għall-Istabbilità. Kull meta sseħħ kombinazzjoni bħal din tal-iffinanzjar tal-BEI ma’ riżorsi baġitarji oħra tal-Unjoni, id-deċiżjonijiet kollha ta’ finanzjament għandhom jidentifikaw b'mod ċar ir-riżorsi li għandhom ikunu impjegati. Ir-rapport annwali tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI li saru skont din id-Deċiżjoni għandu jkollu lista dettaljata tar-riżorsi baġitarji u l-istrumenti finanzjarji użati f'kombinazzjoni mal-finanzjament tal-BEI.

(28)

Fil-livelli kollha, mill-ippjanar strateġiku’l fuq (upstream) sal-iżvilupp tal-proġetti 'l isfel (downstream), għandu jiġi żgurat li l-operazzjonijiet ta' finanzjament estern mill-BEI jkunu konformi ma' u jappoġġaw l-linji ta’ politika esterni tal-UE u l-għanijiet ta’ livell għoli stipulati f'din id-Deċiżjoni. Bil-ħsieb li tiżdied il-koerenza fl-azzjoni esterna tal-UE, għandu jkompli jissaħħaħ id-djalogu dwar il-politika u l-istrateġija bejn il-Kummissjoni, is-SEAE u l-BEI. Għall-istess għan, għandu jkun hemm kooperazzjoni mtejba u skambju reċiproku bikri tal-informazzjoni bejn il-Kummissjoni, is-SEAE u l-BEI u fil-livell operattiv. L-uffiċċji tal-BEI 'l barra mill-Unjoni għandhom primarjament ikunu lokalizzati ġewwa d-delegazzjonijiet tal-Unjoni sabiex titrawwem din il-kooperazzjoni waqt li jinqasmu l-ispejjeż operattivi. L-iskambju bikri tal-opinjonijiet bejn il-Kummisjoni, is-SEAE u l-BEI, skont kif ikun xieraq, għandu importanza partikolari fil-proċess tat-tħejjija tad-dokumenti tal-ippjanar sabiex jiġu massimizzati s-sinerġiji bejn l-attivitajiet ta’ dawn it-tliet korpi tal-Unjoni.

(29)

Il-miżuri prattiċi għar-rabta tal-objettivi tal-Mandat Ġenerali u l-implimentazzjoni tagħhom għandhom jiġu stabbiliti fil-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali. Dawn il-linji gwida għandhom ikunu konsistenti mal-qafas ta' politika reġjonali usa' tal-Unjoni stipulat fl-anness għal din id-Deċiżjoni. Dawn il-linji gwida għandhom jirriflettu l-istrateġiji nazzjonali tal-Istati Membri u għandhom jkollhom l-għan li jiżguraw li l-finanzjament tal-BEI jkun komplementari għal-linji ta' politika, il-programmi u l-istrumenti ta’ assistenza tal-Unjoni korrispondenti fir-reġjuni differenti.

(30)

Il-BEI għandu jħejji, f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni, programm multiannwali indikattiv tal-ammont ippjanat ta’ firem tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI, sabiex jiġi żgurat ippjanar baġitarju xieraq għall-proviżjon tal-Fond ta’ Garanzija u biex tkun żgurata l-kompatibbiltà tat-tbassir tas-self tal-BEI mal-livelli massimi stabbiliti f'din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta’ dan l-ippjanar baġitarju fl-ipprogrammar tal-baġit regolari tagħha trasmess lill-awtorità baġitarja.

(31)

L-iżvilupp ta’ Pjattaforma tal-Unjoni għall-kooperazzjoni u l-iżvilupp għandu jiġi studjat bil-ħsieb li jiġi ottimizzat il-funzjonament tal-mekkaniżmi għat-taħlit tal-għotjiet mas-self fir-reġjuni esterni. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni għandha toħloq grupp ta’ esperti tal-Istati membri, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-BEI li jivvalutaw l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ din il-pjattaforma. Fir-riflessjonijiet tiegħu dak il-grupp għandu jikkonsulta ma’ atturi rilevanti oħrajn, inklużi istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej multilaterali u bilaterali. Pjattaforma ta’ dan it-tip tkompli jippromwovi s-sinerġiji u l-arranġamenti ta’ dipendenza reċiproka bbażati fuq il-vantaġġ komparattiv tal-istituzzjonijiet differenti filwaqt li jiġu rispettati r-rwol u l-prerogattivi tal-Kummissjoni u tal-BEI fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni u s-self tal-BEI rispettivament. Abbażi tas-sejbiet ta’ dak il-grupp ta’ esperti, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa nofs l-2012 u, jekk ikun xieraq, tagħmel proposta għall-pjattaforma.

(32)

Il-BEI għandu jiġi mħeġġeġ sabiex iżid l-operazzjonijiet tiegħu u jiddiversifika l-istrumenti finanzjarji tiegħu 'l barra mill-Unjoni mingħajr ir-rikors għall-garanzija tal-UE biex b'hekk l-użu tal-garanzija jista' jkun inkuraġġut għall-pajjiżi u l-proġetti b'aċċess baxx għas-suq, b'kont meħud tal-konsiderazzjonijiet dwar is-sostenibbiltà tad-dejn, u fejn il-garanzija għalhekk tipprovdi aktar valur miżjud. Konsegwentement, u dejjem bil-għan li jappoġġa l-għanijiet tal-politika dwar ir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni, il-BEI, filwaqt li jieħu kont tal-kapaċità tiegħu ta' assorbiment tar-riskju, għandu jiġi mħeġġeġ iżid l-ammonti li jislef għar-riskju proprju tiegħu, inkluż permezz tal-appoġġ tal-interessi ekonomiċi tal-Unjoni, partikolarment fil-pajjiżi preadeżjonali u l-pajjiżi tal-viċinat u fil-pajjiżi tal-grad ta’ investiment f'reġjuni oħra, iżda wkoll fil-pajjiżi fil-grad ta’ subinvestiment meta l-BEI jkollu l-garanziji xierqa minn partijiet terzi. Il-BEI, f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni, għandu jiżviluppa politika biex jiddeċiedi bejn l-allokazzjoni ta’ proġetti jew għall-mandat taħt il-garanzija tal-UE jew għall-finanzjament b'riskju għall-BEI innifsu. Politika bħal din tkun b'mod partikolari tqis l-affidabbiltà kreditarja tal-pajjiżi u l-proġetti kkonċernati.

(33)

Il-BEI għandu jikkunsidra li jżid l-operazzjonijiet tiegħu ta’ finanzjament skont din id-Deċiżjoni għal entitajiet pubbliċi sottosovrani, meta tali operazzjonijiet għandhom valutazzjoni xierqa mill-BEI dwar ir-riskju tal-kreditu.

(34)

Il-BEI għandu jespandi il-firxa tal-istrumenti ta’ finanzjament ġodda u innovattivi li huwa joffri, inkluż permezz ta’ aktar konċentrazzjoni fuq l-iżvilupp ta’ strumenti ta’ garanzija safejn ikun possibbli, filwaqt li titqies il-politika tal-BEI dwar ir-riskju. Barra minn hekk, il-BEI għandu jitħeġġeġ jipprovdi self fil-muniti lokali u joħroġ bonds fis-swieq lokali, sakemm il-pajjiżi sħab iwettqu r-riformi strutturali meħtieġa, b'mod partikolari fis-settur finanzjarju, kif ukoll miżuri oħra li jiffaċilitaw l-attivitajiet tal-BEI.

(35)

Biex jiġi żgurat li l-BEI jissodisfa r-rekwiżiti tal-mandat fir-reġjuni u s-sottoreġjuni, r-riżorsi umani u finanzjarji ddedikati għall-attivitajiet esterni tiegħu, għandhom ikunu suffiċjenti u għandhom gradwalment jiżdiedu. Dan għandu b'mod partikolari jinkludi li jkollu kapaċità suffiċjenti biex jappoġġa l-għanijiet tal-Unjoni ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp, li jikkonċentra aktar fuq il-valutazzjoni ex ante tal-aspetti tal-attivitajiet tiegħu ambjentali, soċjali u ta’ żvilupp, u li jissorvelja b'mod effettiv il-proġetti waqt li jkunu qegħdin jiġu implimentati. Għandhom jiġu sfruttati l-opportunitajiet ta’ aktar titjib tal-effiċjenza u l-effikaċja, u għandha ssir ħidma attiva biex jinstabu s-sinerġiji.

(36)

Fl-operazzjonijiet ta’ finanzjament tiegħu barra mill-Unjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-BEI għandu jagħmel aktar ħiltu biex itejjeb il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni mal-IFIs u l-EBFIs, fejn ikun rilevanti, inkluż, fejn ikun xieraq, il-kooperazzjoni rigward il-kondizzjonalità tas-settur u d-dipendenza reċiproka fuq il-proċeduri, l-użu tal-kofinanzjament konġunt u l-parteċipazzjoni f'inizjattivi globali, bħalma huma dawk li jippromwovu l-koordinament u l-effikaċja tal-għajnuna. Tali koordinazzjoni u kooperazzjoni għandhom ifittxu li jimminimizzaw il-possibbiltà ta’ spejjeż doppji u sovrapożizzjoni bla bżonn. Dawn l-isforzi għandhom jissejsu fuq ir-reċiproċità. Il-prinċipji stabbiliti f'din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw ukoll meta l-finanzjment mill-BEI jiġi implimentat permezz ta’ ftehimiet dwar kooperazzjoni ma’ IFIs oħrajn u l-EBFIs.

(37)

B'mod partikolari, fir-reġjuni u l-pajjiżi ta' intervent komuni 'l barra mill-Unjoni, il-BEI għandu jtejjeb il-kooperazzjoni tiegħu mal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej l-oħrajn permezz ta' ftehimiet bħall-memorandum ta' qbil tripartitiku bejn il-Kummissjoni, il-Grupp tal-BEI (li jikkomprendi l-BEI u -Fond Ewropew ta' Investiment (FEI)), u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), fir-rigward tal-kooperazzjoni 'l barra mill-Unjoni u billi jħalli lill-Grupp tal-BEI u lill-BERŻ jaġixxu b'mod komplimentari billi jserraħ fuq il-vantaġġi komparattivi rispettivi tagħhom.

(38)

Ir-rappurtar u t-trasmissjoni tal-informazzjoni mill-BEI lill-Kummissjoni għandhom jissaħħu ħalli l-Kummissjoni tkun tista' ttejjeb ir-rapport annwali tagħha lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-BEI imwettqa skont din id-Deċiżjoni. Ir-rekwiżiti addizzjonali ta’ rappurtar għandhom jivvalutaw il-konformità ta’ finanzjamenti mill-BEI li għalihom tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal finanzjament mill-BEI wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni u li jiġu ffirmati wara l-1 ta’ Jannar 2012. Ir-rapport għandu b'mod partikolari jivvaluta l-konformità tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI ma’ din id-Deċiżjoni, b'kunsiderazzjoni tal-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali, u għandu jinkludi taqsimiet dwar dawn li ġejjin: il-valur miżjud tal-BEI, bħal appoġġ għal-linji ta’ politika esterni tal-Unjoni; rekwiżiti tal-mandat; il-kwalità tal-operazzjonijiet iffinanzjati; it-trasferiment ta’ benefiċċji finanzjarji lill-klijenti; u taqsimiet dwar il-kooperazzjoni,inkluż il-kofinanzjament, mal-Kummissjoni u ma’ IFIs u donaturi bilatarali oħra. Ir-rapport għandu jivvaluta wkoll il-punt sa fejn il-BEI jkun ħa kont tas-sostenibbiltà ekonomika, finanzjarja, ambjentali u soċjali fit-tfassil u l-monitoraġġ tal-proġetti ffinanzjati. Għandu jinkludi wkoll sezzjoni speċifika ddedikata għall-evalwazzjoni dettaljata tal-miżuri meħuda mill-BEI biex jikkonforma mal-mandat attwali kif stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE, filwaqt li jagħti attenzjoni partikolari lill-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI li jużaw mezzi finanzjarji li jinsabu f'ġurisdizzjonijiet nonkooperattivi. Fl-operazzjonijiet tiegħu ta’ finanzjament, il-BEI għandu jimplimenta b'mod adegwat il-politiki tiegħu lejn ġurisdizzjonijiet irregolati b'mod dgħajjef jew nonkooperattivi biex jikkontribwixxu għall-ġlieda internazzjonali kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll valutazzjoni rigward l-aspetti soċjali u ta’ żvilupp tal-proġetti. Ir-rapport għandu jkun pubbliku, biex is-soċjetà ċivili u l-pajjiżi riċevituri jkunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom. Fejn ikun meħtieġ, ir-rapport għandu jinkludi referenzi għal bidliet sinifikanti fiċ-ċirkustanzi li jkunu jiġġustifikaw aktar emendi għall-mandat qabel tmiemu.

Ir-rapport għandu b'mod partikolari jinkludi lista dettaljata tal-finanzjament mill-BEI skont din id-Deċiżjoni flimkien mar-riżorsi finanzjarji kollha tal-Unjoni u ta’ donaturi oħra, biex b'hekk tingħataħarsa ġenerali tal-espożizzjoni finanzjarja tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament.

(39)

L-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI għandhom ikomplu jiġu ġestiti f'konformità mar-regoli u l-proċeduri proprji tal-BEI, inklużi l-miżuri ta’ kontroll xierqa u miżuri meħudin biex tiġi evitata l-evażjoni fiskali, kif ukoll mar-regoli u tal-proċeduri rilevanti li jikkonċernaw il-Qorti tal-Awdituri u l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF).

(40)

Meta tippreżenta l-proposta dwar il-garanzija tal-UE lill-BEI għal proġetti mwettqa barra mill-Unjoni taħt il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, Il-Kummissjoni għandha tkun mistiedna b'mod partikolari biex teżamina, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-BEI u waqt li tieħu kont tal-implikazzjonijiet tal-proviżjon tal-Fond ta’ Garanzija, l-ammonti massimi koperti mill-garanzija tal-UE, il-lista tal-pajjiżi eliġibbli u il-possibbiltà li l-BEI jipprovdi finanzjament tal-mikrokreditu u tipi oħra ta’ strumenti. Il-Kummissjoni u l-BEI għandhom jeżaminaw ukoll il-possibbiltajiet li jsaħħu s-sinerġija bejn l-iffinanzjar permezz tal-IPA, l-ENPI, id-DCI u l-EIDHR u l-Istrument għall-Istabbilità u l-mandat estern ġejjieni tal-BEI.

(41)

Din id-Deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe negozjati u deċiżjonijiet fir-rigward tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.

(42)

Għalhekk, u għal raġunjiet ta’ ċertezza legali u kjarezza, id-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE għandha tiġi mħassra,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Garanzija tal-UE

1.   L-Unjoni Ewropea għandha tagħti lill-Bank tal-Investiment Ewropew (BEI) garanzija baġitarja tal-UE għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament imwettqa 'l barra mill-Unjoni (“garanzija tal-UE”). Il-garanzija tal-UE għandha tingħata bħala garanzija globali fir-rigward ta’ ħlasijiet li ma jaslux għand il-BEI, minkejja li huma dovuti lejh, b'rabta ma’ self u garanziji fuq self għall-proġetti ta’ investiment tal-BEI li huma eliġibbli skont il-paragrafu 2. L-attivitajiet ta’ finanzjament tal-BEI għandhom jikkonformaw mal-prinċipji gwida ġenerali u jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi u l-politiki, tal- azzjoni esterna tal-UE. Objettiv għal finanzjament mill-BEI f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif definiti fil-lista ta’ riċevituri tal-assistenza għall-iżvilupp uffiċjali (ODA) kif stabbilita mill-OECD, għandu jkun li jikkontribwixxi indirettament għal għanijiet ta’ żvilupp bħat-tnaqqis tal-faqar permezz ta’ tkabbir inklużiv kif ukoll ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli.

2.   Is-self u l-garanziji fuq self tal-BEI eliġibbli għall-garanzija tal-UE għandhom ikunu dawk mogħtija għal proġetti ta’ investiment imwettqa fir-reġjuni u l-pajjiżi elenkati fl-Anness III, li jkunu ngħataw skont ir-regoli u l-proċeduri tal-BEI innifsu, inkluża d-dikjarazzjoni tal-BEI dwar l-istandards soċjali u ambjentali, u b'appoġġ għall-għanijiet ta’ politika esterna rilevanti tal-Unjoni, meta l-finanzjament mill-BEI ikun ngħata skont ftehim iffirmat li la jkun skada u lanqas ġie kanċellat (“operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI”).

3.   Il-garanzija tal-UE għandha tiġi ristretta għal 65 % tal-ammont aggregat tal-krediti maħruġa u l-garanziji pprovduti taħt l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI, bl-ammonti rimborżati mnaqqsa, flimkien mal-ammonti relatati kollha.

4.   Il-garanzija tal-UE għandha tkopri l-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI ffirmati mill-1 ta’ Frar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013. L-Operazzjonijiet ta’ Finanzjament mill-BEI ffirmati skont id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill Nri 2006/1016/KE u 2008/847/KE (5) u d-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE għandhom ikomplu jibbenefikaw mill-garanzija tal-UE skont din id-Deċiżjoni.

5.   Jekk, mal-iskadenza tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 4, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma jkunux adottaw deċiżjoni li tagħti garanzija ġdida tal-UE lill-BEI għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament tiegħu 'l barra mill-Unjoni skont l-Artikolu 16, dan il-perjodu għandu awtomatikament jiġi estiż b'sitt xhur.

Artikolu 2

Limiti massimi tal-mandat

1.   Il-limitu massimu tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI koperti minn garanzija tal-UE matul il-perjodu 2007-2013, bit-tnaqqis tal-ammonti kanċellati, ma għandux jaqbeż EUR 29 484 000 000, maqsumin f'żewġ partijiet:

(a)

Mandat Ġenerali ta’ EUR 27 484 000 000

(b)

Mandat tal-Bidla fil-Klima ta’ EUR 2 000 000 000

2.   Il-Mandat Ġenerali għandu jinqasam f'limiti massimi reġjonali u sottolimiti massimi kif stipulat fl-Anness I. Fil-limiti massimi reġjonali, il-BEI għandu progressivament jiżgura li jkun hemm distribuzzjoni bilanċjata bejn il-pajjiżi fir-reġjuni koperti mill-Mandat Ġenerali.

3.   Il-Mandat Ġenerali għandu jkopri operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI li jkunu qed ifittxu li jilħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3.

4.   Il-Mandat tat-Tibdil fil-Klima għandu jkopri l-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI fir-reġjuni u l-pajjiżi kollha koperti minn din id-Deċiżjoni, fejn dawn it-tipi ta’ operazzjonijiet jappoġġaw l-għan politiku ewlieni tal-Unjoni li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima permezz ta’ proġetti ta’ appoġġ fit-taffija tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih li jikkontribwixxu għall-għan kumplessiv tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, b'mod partikolari billi jiġu evitati jew imnaqqsa l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta’ serra fl-oqsma tal-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza tal-enerġija u t-trasport sostenibbli, jew billi tiżdied ir-reżiljenza għall-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima fuq il-pajjiżi, is-setturi u l-komunitajiet vulnerabbli. Il-Mandat tat-Tibdil fil-Klima għandu jiġi implimentat b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, bil-kombinazzjoni fejn ikunu possibbli u xieraq tal-finazjament mill-BEI mal-fondi baġitarji tal-Unjoni.

Il-Kunsill jista', meta jkun xieraq u fuq proposta mill-Kummissjoni, jiddeċiedi li jirrestrinġi l-eliġibbiltà ta’ pajjiż li jirċievi finanzjament mill-BEI għat-taffija tat-tibdil fil-klima skont il-garanzija tal-UE. Kwalunkwe deċiżjoni ta’ non-eliġibbiltà taħt il-Mandat tat-Tibdil fil-Klima għandha tapplika biss għal dawk l-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI li għalihom tiġi sottomessa applikazzjoni għal finanzjament mill-BEI wara … (6) u li jiġi ffirmati wara l-1 ta’ Jannar 2012.

5.   Fil-każ tal-Mandat tat-Tibdil fil-Klima, il-BEI għandu jagħmel ħiltu biex jiżgura li jkun hemm distribuzzjoni bilanċjata tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament iffirmati fir-reġjuni kollha koperti mill-Anness III, sa tmiem il-perjodu msemmi fl-Artikolu 1(4). B'mod partikolari, il-BEI ser jiżgura li l-pajjiżi msemmijin fil-punt A tal-Anness III ma jirċevux iktar minn 40 % tal-ammont allokat għal dan il-Mandat; il-pajjiżi taħt il-punt B mhux iktar minn 50 %; ir-reġjuni taħt il-punt C mhux iktar minn 30 %; u l-pajjiż taħt il-punt D mhux iktar minn 10 %. B'mod ġenerali, il-Mandat tat-Tibdil fil-Klima għandu jintuża biex jiffinanzja proġetti li huma relatati mill-qrib mal-kompetenzi ċentrali tal-BEI, li jżidu l-valur u li jimmassimizzaw l-effett tal-adattament u t-taffija għat-tibdil fil-klima.

6.   Kemm il-Mandat Ġenerali u l-Mandat tat-Tibdil fil-Klima għandhom jiġu ġestiti skont il-prinċipji ta’ prattika bankarja soda.

Artikolu 3

Għanijiet ġenerali tal-Mandat

1.   Il-garanzija tal-UE għandha tingħata għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI li jappoġġaw kwalunkwe wieħed mill-għanijiet ġenerali li ġejjin:

(a)

l-iżvilupp tas-settur privat lokali, b'mod partikolari appoġġ għall-SMEs.

(b)

l-iżvilupp tal-infrastruttura soċjali u ekonomika, inklużi t-trasport, l-enerġija, l-infrastruttura ambjentali, u t-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni;

(c)

it-taffija tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, imsemmija fl-Artikolu 2(4).

2.   Fi ħdan il-kompetenzi ċentrali tal-BEI, l-operazzjonijiet tiegħu ta’ finanzjament skont din id-Deċiżjoni, għandhom jikkontribwixxu għall-prinċipji ġenerali li jiggwidaw l-azzjoni esterna tal-UE, kif imsemmija fl-Artikolu 21 TUE u għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet ambjentali internazzjonali li l- Unjoni hija parti għalihom.

3.   L-integrazzjoni reġjonali fost il-pajjiżi sħab, inkluża l-integrazzjoni ekonomika bejn il-pajjiżi preadeżjonali, il-pajjiżi ġirien u l-Unjoni, għandha tkun għan bażiku tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI fi ħdan l-oqsma koperti mill-objettivi ġenerali elenkati fil-paragrafu 1.

4.   Il-BEI għandu jikkunsidra li jżid l-attività tiegħu b'appoġġ għall-infrastruttura tas-saħħa u l-edukazzjoni meta f'dan ikun hemm valur miżjud ċar.

Artikolu 4

Pajjiżi koperti

1.   Il-lista ta’ reġjuni u pajjiżi potenzjalment eliġibbli għal finanzjament mill-BEI kopert mill-garanzija tal-UE hija stipulata fl-Anness II. Il-lista ta’ reġjuni u pajjiżi eliġibbli għal finanzjament tal-BEI taħt il-garanzija tal-UE tinsab fl-Anness III u m'għandhiex tinkludi pajjiżi oħrajn barra minn dawk elenkati fl-Anness II. Għal reġjuni u pajjiżi mhux elenkati fl-Anness II, l-eliġibbiltà għal finanzjament tal-BEI kopert mill-garanzija tal-UE għandha tiġi deċiża każ b'każ f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja.

2.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti ddelegati f'konformità mal-Artikolu 5 rigward l-emendi għall-Anness III. Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għandhom ikunu msejjsa fuq valutazzjoni ekonomika u politika ġenerali, inklużi aspetti relatati mad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew u d-deċiżjonijiet u l-konklużjonijiet tal-Kunsill rilevanti. Atti ta’ delega li jemendaw l-Anness III m'għandhomx jaffettwaw il-kopertura mill-garanzija tal-UE tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI ffirmati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawk l-atti delegati.

3.   Il-garanzija tal-UE għandha tkopri biss operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI mwettqin f'reġjuni u pajjiżi eliġibbli li jkunu kkonkludew ftehim qafas mal-BEI li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet legali li bihom għandhom jitwettqu dawn l-operazzjonijiet.

4.   Il-garanzija tal-UE ma għandhiex tkopri l-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI f'pajjiż speċifiku li miegħu il-ftehim dwar tali operazzjonijiet ikun ġie iffirmat wara l-adeżjoni ta’ dak il-pajjiż fl-Unjoni.

Artikolu 5

Eżeċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet li jinsabu f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 4 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ żmien indeterminat minn … (7).

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 4 tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni għal revoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 4 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f'perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 6

Kontribut tal-operazzjonijiet tal-BEI għal-linji ta’ politika tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa, flimkien mal-BEI, linji gwida operattivi tekniċi reġjonali għall-finanzjament mill-BEI skont din id-deċiżjoni.

Il-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali, li għandhom l-għan li jiżguraw li l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI jappoġġaw il-linji ta’ politika tal-Unjoni, għandhom ikunu konsistenti mal-qafas ta’ politika reġjonali usa' tal-Unjoni li jinsab fl-Anness IV. B'mod partiklari l-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali għandhom jiżguraw li l-finanzjament tal-BEI taħt din id-Deċiżjoni jkunu komplementari għal linji ta’ politika, il-programmi u l-istrumenti korrispondenti tal-assistenza tal-Unjoni fir-reġjuni differenti.

Fit-tfassil ta’ dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni u l-BEI jikkonsultaw mas-SEAE dwar kwistjonijiet ta’ politika, kif xieraq u għandhom jieħdu kont tar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew u d-deċiżjonijiet u l-konklużjonijiet tal-Kunsill rilevanti.

Il-Kummissjoni għandha tittrasmetti l-linji gwida lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u kwalunkwe aġġornament tagħhom, hekk kif jiġu stabbiliti.

Fil-qafas stabbilit mill-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali, il-BEI għandu jiddefinixxi l-istrateġiji korrispondenti ta’ finanzjament u jiżgura li dawn jiġu implimentati.

2.   Il-konsistenza tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI mal-għanijiet tal-linji ta’ politika esterni tal-Unjoni għandha tiġi ssorveljata skont l-Artikolu 11. Il-BEI għandu jiżviluppa indikaturi tal-prestazzjoni fir-rigward tal-aspetti tal-iżvilupp, tal-ambjent u tad-drittijiet tal-bniedem tal-proġetti ffinanzjati b'kont meħud tal-indikaturi rilevanti skont id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna, biex tiġi ffaċilitata din is-sorveljanza. L-indikaturi għall-aspetti ambjentali tal-proġetti għandhom jinkludu kriterji adegwati għal “teknoloġija nadifa”, orjentati, fil-prinċipju, lejn l-effiċjenza tal-enerġija u t-teknoloġiji biex jitnaqqsu l-emissjonijiet.

3.   Operazzjoni ta’ finanzjament mill-BEI m'għandhiex tkun koperta mill-garanzija tal-UE fil-każ li l-Kummissjoni tagħti opinjoni negattiva dwar operazzjoni bħal din fi ħdan il-qafas tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 19 tal-Istatut tal-BEI.

4.   Konformement mal-għanijiet tal-Unjoni u dawk internazzjonali relatati mat-tibdil fil-klima, il-BEI għandu, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jippreżenta sal-31 ta’ Diċembru 2012 strateġija dwar kif għandu jiżdied gradwalment u progressivament skont il-mandat estern tiegħu, il-perċentwal ta’ proġetti li jippromwovu t-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u kif għandu gradwalment jispiċċa l-finanzjament ta’ proġetti li jmorru kontra l-ilħuq tal-għanijiet tal-Unjoni relatati mal-klima.

5.   Bil-ħsieb tar-rekwiżiti addizzjonali introdotti b'din id-Deċiżjoni, il-korpi governattivi tal-BEI għandhom jiżguraw li r-riżorsi tal-BEI, inkluż il-persunal, jiġu gradwalment aġġustati sabiex jintlaħqu, b'mod adegwat, ir-rekwiżiti stipulati f'din id-Deċiżjoni. Għandhom jiġu sfruttati l-opportunitajiet ta’ aktar titjib tal-effiċjenza u l-effikaċja, u għandha ssir ħidma attiva biex jinstabu s-sinerġiji.

Artikolu 7

Valutazzjoni tal-BEI tal-aspetti tal-proġetti relatati mal-iżvilupp

1.   Il-BEI għandu jwettaq analiżi approfondita (“due diligence”) u, fejn ikun xieraq u f'konformità mal-prinċipji soċjali u ambjentali tal-Unjoni, jirrikjedi l-preżenza ta’ konsultazzjoni pubblika lokali xierqa, tal-aspetti tal-proġetti relatati mal-iżvilupp, koperti mill-garanzija tal-UE.

Ir-regoli u l-proċeduri tal-BEI innifsu għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali u soċjali tal-proġetti u tal-aspetti relatati mad-drittijiet tal-bniedem, sabiex ikun żgurat li dawk il-proġetti biss li jkunu sostenibbli ekonomikament, finanzjarjament, ambjentalment u soċjalment jiġu appoġġati skont din id-Deċiżjoni.

Il-Kummissjoni għandha tinkludi, fuq bażi aggregata, fir-rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill valutazzjoni tad-dimensjoni tal-iżvilupp tal-attivitajiet tal-BEI, ibbażata fuq l-analiżi approfondita (“due diligence”) imwettqa għall-proġetti koperti mill-garanzija tal-UE.

Fejn hu adegwat, il-valutazzjoni għandha tinkludi evalwazzjoni dwar kif il-kapaċitajiet tal-benefiċjarji tal-finanzjament mill-BEI jistgħu jiġu msaħħa mill-ġdid tul iċ-ċiklu kollu tal-proġett b'għajnuna teknika.

2.   Flimkien mal-valutazzjoni ex-ante tal-aspetti relatati mal-iżvilupp, il-BEI għandu jesiġi li l-promoturi tal-proġett iwettqu monitoraġġ bir-reqqa tul l-implimentazzjoni tal-proġett sat-tlestija tiegħu, inter alia, fir-rigward tal-impatt tal-proġett fuq l-iżvilupp, l-ambjent u d-drittijiet tal-bniedem. Il-BEI għandu jivvaluta l-informazzjoni pprovduta mill-promoturi tal-proġett. Il-monitoraġġ tal-BEI għandu jinkludi, meta possibbli, monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-intermedjarji finanzjarji b'appoġġ għall-SMEs. Meta jkun possibbli, ir-riżultati tal-monitoraġġ għandhom jiġu żvelati.

3.   Il-BEI għandu jippreżenta lill-Kummissjoni rapporti annwali li jivvalutaw l-impatt stmat tal-operazzjonijiet finanzjati matul is-sena.

Ir-rapporti għandhom ikunu bbażati fuq indikaturi tal-BEI dwar prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2). Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-rapporti tal-BEI dwar l-iżvilupp fil-qafas tal-eżerċizzju tar-rappurtar annwali previst fl-Artikolu 11 u tagħmilhom disponibbli għall-pubbliku sabiex il-partijiet interessati, inklużi s-soċjetà ċivili u l-pajjiżi riċevituri, ikunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom ukoll dwar il-kwistjoni.

Il-Parlament Ewropew għandu jiddiskuti r-rappporti annwali, filwaqt li jqis il-fehmiet tal-partijiet interessati kollha.

4.   Ir-rekwiżiti msemmija f'dan l-Artikolu għandhom japplikaw biss għall-operazzjonijiet tal-BEI li għalihom tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal finanzjament mill-BEI wara … (8) u li jiġu ffirmati wara l-1 ta’ Jannar 2012.

Artikolu 8

Kooperazzjoni mal-Kummissjoni u s-SEAS

1.   Il-konsistenza tal-azzjonijiet esterni tal-BEI mal-għanijiet tal-politika esterna tal-UE għandha tissaħħaħ, bil-ħsieb li jiġu massimizzati s-sinerġiji bejn il-finanzjament mill-BEI u r-riżorsi baġitarji tal-Unjoni, b'mod partikolari permezz tal-istabbiliment tal-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali msemmija fl-Artikolu 6, kif ukoll permezz ta’ djalogu regolari u sistematiku u l-iskambju bikri tal-informazzjoni dwar:

(a)

dokumenti strateġiċi mħejjija mill-Kummissjoni u/jew s-SEAS kif ikun xieraq, bħal dokumenti ta’ strateġija tal-pajjiż jew reġjonali, programmi indikattivi, pjanijiet ta’ azzjoni u dokumenti preadeżjonali;

(b)

id-dokumenti ta’ ppjanar strateġiku tal-BEI u l-programmazzjoni tal-proġetti;

(c)

aspetti oħrajn operattivi u ta’ politika.

2.   Din il-kooperazzjoni ser titwettaq abbażi ta’ reġjun b'reġjun, b'kont meħud tar-rwol tal-BEI kif ukoll il-linji ta’ politika tal-Unjoni f'kull reġjun.

Artikolu 9

Kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħrajn ta’ finanzjament pubbliku

1.   L-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI għandhom jitwettqu, fejn ikun xieraq, f'kooperazzjoni ma’ IFIs jew EBFIs oħrajn, sabiex jiġu massimizzati s-sinerġiji, il-kooperazzjoni u l-effiċjenza u sabiex jiġi ¿gurat qsim prudenti u raġonevoli tar-riskji u kondizzjonalità koerenti tal-proġett u tas-settur, sabiex tkun minimizzata l-possibbiltà ta’ spejjeż doppji u sovrapożizzjoni bla bżonn.

2.   Il-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tigi ffaċilitata permezz ta’ koordinazzjoni, imwettqa b'mod partikulari fil-kuntest ta’ memoranda ta’ qbil jew oqfsa ta’ kooperazzjoni regjonali oħrajn tal-Unjoni, meta jkun xieraq, bejn il-Kummissjoni, il-BEI, u l-IFIs u l-EBFIs prinċipali li joperaw fir-regjuni differenti, filwaqt li jittieħed kont tal-kompetenzi tas-SEAS.

Artikolu 10

Kopertura u kondizzjonijiet tal-garanzija tal-UE

1.   Għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI li jsiru ma’ Stat, jew li huma ggarantiti minn Stat, kif ukoll operazzjonijiet oħra ta’ finanzjament mill-BEI li jsiru ma’ awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew ma’ intrapriżi jew istituzzjonijiet pubbliċi tal-gvern u/jew ikkontrollati mill-gvern, fejn tali operazzjonijiet oħra ta’ finanzjament mill-BEI għandhom valutazzjoni adegwata tar-riskju ta’ kreditu tal-BEI b'kont meħud tas-sitwazzjoni tar-riskju tal-kreditu tal-pajjiż ikkonċernat, il-garanzija tal-UE għandha tkopri l-ħlasijiet kollha dovuti lill-BEI iżda mhux irċevuti minnu (“Garanzija Komprensiva”).

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, ix-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta’ Gaża hu rrappreżentat mill-Awtorità Palestinjana u l-Kosovo (9) hu rrappreżentat mill-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo jew minn amministrazzjoni maħtura fil-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali msemmija fl-Artikolu 6 ta’ din id-Deċiżjoni.

3.   Għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI għajr dawk indikati fil-paragrafu 1, il-garanzija tal-UE għandha tkopri l-ħlasijiet kollha dovuti lill-BEI iżda mhux irċevuti minnu, meta n-nuqqas ta’ rċevuta ta’ ħlas ikun dovut għar-realizzazzjoni ta’ wieħed mir-riskji politiċi li ġejjin (“Garanzija għar-Riskju Politiku”):

(a)

nuqqas ta’ trasferiment tal-munita;

(b)

esproprjazzjoni;

(c)

gwerra jew irvellijiet ċivili;

(d)

ġustizzja miċħuda wara ksur ta’ kuntratt.

4.   Il-BEI għandu, f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni, jiżviluppa politika ċara u trasparenti dwar allokazzjoni meta jiġi deċiż dwar is-sors tal-finanzjament tal-operazzjonijiet li jkunu eliġibbli kemm għal kopertura tal-garanzija tal-UE kif ukoll għal finanzjament b'riskju għall-BEI innifsu.

5.   Meta tkun rikjesta l-garanzija tal-UE, il-BEI għandu jassenja lill-Unjoni d-drittijiet rilevanti f'konformità mal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 13(2).

Artikolu 11

Rapportar annwali u kontabilità

1.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI mwettqa skont din id-Deċiżjoni. Dan ir-rapport għandu jinkludi valutazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI, fuq il-livell proġettwali, settorjali, nazzjonali jew reġjonali, kif ukoll valutazzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ dawk l-operazzjonijiet ta’ finanzjament sabiex ikunu ssodisfati l-għanijiet strateġiċi u tal-politika esterna tal-Unjoni. Ir-rapport għandu jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-proġetti li jkunu għaddejjin f'livell aggregat.

Ir-rapport għandu b'mod partikolari jivvaluta l-konformità tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI ma’ din id-Deċiżjoni, b'kont meħud tal-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali msemmija fl-Artikolu 6, u għandu jinkludu taqsimiet dwar l-valur miżjud għall-ilħiq tal-għanijiet ta’ politika tal-Unjoni, dwar il-valutazzjoni stmata tal-impatt fuq l-iżvilupp f'livell aggregat u sa liema punt il-BEI jkun ikkunsidra s-sostenibilità ambjentali u soċjali fit-tfassil u l-monitoraġġ tal-proġetti ffinanzjati, kif ukoll dwar il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni u IFIs u EBFIs oħra, inkluż il-kofinanzjament.

Ir-rapport għandu b'mod partikolari jinkludi lista dettaljata tar-riżorsi finanzjarji kollha tal-Unjoni użati flimkien mal-finanzjament mill-BEI u ta’ donaturi oħra, u b'hekk jagħti ħarsa ġenerali tal-espożizzjoni finanzjarja tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament imwettqa skont din id-Deċiżjoni. Barra minn hekk, għandu jinkludi taqsima specifika ddedikata għal evalwazzjoni dettaljata tal-mizuri mehuda mill-BEI biex jikkonforma mal-Artikolu 1(2).

2.   Il-BEI għandu jibqa' jipprovdi lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni r-rapporti indipendenti ta’ evalwazzjoni kollha tiegħu li jivvalutaw ir-riżultati prattiċi miksuba mill-attivitajiet speċifiċi tal-BEI skont il-mandati esterni.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-BEI għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b'rapporti annwali dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI mwettqa skont din id-Deċiżjoni fil-livell proġettwali, settorjali, nazzjonali u reġjonali u tas-sodisfar tal-għanijiet strateġiċi u tal-politika esterna tal-Unjoni, inkluża l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni, IFIs u EBFIs oħra, kif ukoll rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt fuq l-iżvilupp, kif imsemmi fl-Artikolu 7. Kwalunkwe memorandum ta’ qbil bejn il-BEI u IFIs jew EBFIs oħrajn relatat mat-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ finanzjament skont din id-Deċiżjoni għandu jiġi żvelat jew, meta l-iżvelar ma jkunx possibbli, innotifikati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bħala parti mir-rappurtar annwali tal-Kummissjoni msemmi fil-paragrafu 1.

4.   Il-BEI għandu jipprovdi lill-Kummissjoni data ta’ statistika, finanzjarja u ta’ kontabilità dwar kull waħda mill-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex jiġu ssodisfati d-dmirijiet ta’ rappurtaġġ tal-Kummissjoni jew it-talbiet mill-Qorti tal-Awdituri u ċertifikat ta’ awditur dwar l-ammonti pendenti tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI.

5.   Għall-finijiet tal-kontabilità u tar-rappurtaġġ tal-Kummissjoni tar-riskji koperti mill-Garanzija Komprensiva, il-BEI għandu jipprovdi lill-Kummissjoni valutazzjoni tar-riskju tal-BEI u informazzjoni dwar gradazzjoni li tikkoncerna l-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI ma’ min jissellef jew ma’ persuni obbligati b'garanzija għajr għall-Istati.

6.   Il-BEI għandu jipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5 bi spejjeż tiegħu.

7.   Il-BEI għandu wkoll iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 3 u 4, f' termini ġenerali u jeskludi kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali.

8.   L-informazzjoni dwar jekk il-proġett huwiex kopert bil-Garanzija Komprensiva għandha tkun inkluża fis-“sommarju tal-proġett” żvelat fis-sit elettroniku tal-BEI wara l-fażi ta’ approvazzjoni.

9.   Il-BEI għadu jinkludi fir-rapport annwali tiegħu valutazzjoni ta’ segwitu dwar l-operat tal-memorandum ta’ qbil mal-Ombudsman Ewropew safejn dak il-memorandum ikun jikkonċerna l-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI koperti b'din id-Deċiżjoni.

10.   Fejn ikun xieraq, ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 1 u 3 għandhom japplikaw biss għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-BEI li għalihom tiġi sottomessa l-applikazzjoni għal finanzjament mill-BEI sa … (10) u li jiġu ffirmati wara l-1 ta’ Jannar 2012.

Artikolu 12

Ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx

Fl-operazzjonijiet ta’ finanzjament tiegħu, il-BEI ma għandux jittollera attivitajiet li jsiru għal finijiet illegali, inkluż il-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, il-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa. B'mod partikolari l-BEI ma għandu jipparteċipa fl-ebda operazzjoni ta’ finanzjament implimentata f'pajjiż eliġibbli permezz ta’ ġurisdizzjoni barranija li ma tikkooperax identifikata bħala tali mill-OECD, mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħrajn.

Artikolu 13

Irkupru ta’ ħlasijiet magħmula mill-Kummissjoni

1.   Meta l-Kummissjoni tagħmel kwalunkwe ħlas skont il-garanzija tal-UE, il-BEI għandu, f'isem u għan-nom tal-Kummissjoni, iwettaq l-irkupru tal-pretensjonijiet għall-ammonti mħallsa.

2.   Mhux aktar tard mill-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 14, il-Kummissjoni u l-BEI għandhom jidħlu fi ftehim li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri ddettaljati li jirrelataw mal-irkupru ta’ pretensjonijiet.

3.   Fl-interessi tat-trasparenza, il-Kummissjoni għandha tippubblika fis-sit elettroniku tagħha informazzjoni speċifika relatata mal-każi kollha ta’ rkupru skont il-ftehim ta’ garanzija msemmi fl-Artikolu 14 sakemm ma tkunx meħtieġa l-kunfidenzjalità.

Artikolu 14

Ftehim ta’ garanzija

Il-Kummissjoni u l-BEI għandhom jidħlu fi ftehim ta’ garanzija li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri dettaljati dwar il-garanzija tal-UE u għandhom jinfurmaw lill-Parlament Ewropew kif meħtieġ.

Artikolu 15

Verifika mill-Qorti tal-Awdituri

Il-garanzija tal-UE u l-ħlasijiet u l-irkupri fl-ambitu tagħha li jkunu attribwibbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu vverifikati mill-Qorti tal-Awdituri.

Artikolu 16

Rieżami

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill għall-istabbiliment tal-garanzija tal-UE skont il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, kif ikun xieraq.

Artikolu 17

Rapportar finali

Sal-31 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport finali dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 18

Tħassir

Id-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE hija b'dan imħassra.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak li fih tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi …

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Frar 2011 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-20 ta’ Settembru 2011 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ … .

(2)  ĠU L 190, 22.7.2009, p. 1.

(3)  ĠU L 145, 10.6.2009, p. 10.

(4)  ĠU L 414, 30.12.2006, p. 95.

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/847/KE ta’ l-4 ta’ Novembru 2008 dwar l-eliġibilità tal-pajjiżi ta’ l-Asja Ċentrali skond id-Deċiżjoni 2006/1016/KE li tagħti garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew ta’ l-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti barra mill-Komunità (ĠU L 301, 12.11.2008, p. 13).

(6)  Data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

(7)  Data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

(8)  Data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

(9)  Skont ir-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

(10)  Data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.


ANNESS I

LIMITI MASSIMI REĠJONALI TAL-MANDAT ĠENERALI

A.   Pajjiżi fil-proċess ta’ qabel l-adeżjoni: EUR 9 048 000 000

B.   Pajjiżi tal-Viċinat u tas-Sħubija: EUR 13 548 000 000, imqassma fis-sotto-limiti indikattivi li ġejjin:

C.   Asja u Amerika Latina: EUR 3 952 000 000, imqassma fis-sotto-limiti indikattivi li ġejjin:

D.   Repubblika tal-Afrika t'Isfel: EUR 936 000 000.

Fi ħdan il-limiti massimi ġenerali tal-Mandat Ġenerali, il-korpi regolatorji tal-BEI jistgħu jiddeċiedu li jallokaw mill-ġdid ammont sa 10 % tal-limiti massimi reġjonali fir-reġjuni u bejniethom.


ANNESS II

REĠJUNI U PAJJIŻI POTENZJALMENT ELIĠIBBLI

A.   Pajjiżi fil-proċess ta' qabel l-adeżjoni

1.   Kandidati:

Il-Kroazja, l-Islanda, Dik li Kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro,it-Turkija.

2.   Kandidati potenzjali

L-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kosovo (1), is-Serbja,

B.   Pajjiżi tal-Viċinat u tas-Sħubija

1.   Pajjiżi Mediterranji

L-Alġerija, l-Eġittu, ix-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja, il-Marokk, is-Sirja, it-Tuneżija.

2.   Ewropa tal-Lvant, Kawkasu t'Isfel u Russja

Ewropa tal-Lvant: il-Belarus, Il-Moldova, l-Ukrajna

Kawkasu t'Isfel: L-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Ġeorġja

Ir-Russja.

C.   Asja u Amerika Latina

1.   Amerika Latina

L-Arġentina, il-Bolivja, il-Brażil, iċ-Ċilì, il-Kolombja, il-Kosta Rika, Kuba, l-Ekwador, El Salvador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, il-Messiku, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Paragwaj, il-Perù, l-Urugwaj, il-Venezwela.

2.   Asja

Asja (għajr Asja Ċentrali): L-Afganistan, il-Bangaladexx, il-Butan, il-Brunej, il-Kambodja, iċ-Ċina (inklużi Ħong Kong u r-Reġjuni Amministrattivi Speċjali tal-Makaw), l-Indja, l-Indoneżja, l-Iraq, il-Korea t'Isfel, il-Laos, il-Malasja, il-Maldive, il-Mongolja, in-Nepal, il-Pakistan, il-Filippini, Singapor, is-Sri Lanka, it-Tajwan, it-Tajlandja, il-Vjetnam, il-Jemen.

Asja Ċentrali: Il-Kazakistan, il-Kirgistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan, l-Uzbekistan.

D.   Nofsinhar tal-Afrika

Ir-Repubblika tal-Afrika t'Isfel


(1)  Skont ir-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.


ANNESS III

REĠJUNI U PAJJIŻI ELIĠIBBLI

A.   Pajjiżi fil-proċess ta' qabel l-adeżjoni

1.   Kandidati

Il-Kroazja, l-Islanda., Dik li Kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, it-Turkija

2.   Kandidati potenzjali

L-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kosovo (1), is-Serbja

B.   Pajjiżi tal-Viċinat u tas-Sħubija

1.   Pajjiżi Mediterranji

L-Alġerija, l-Eġittu, ix-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja, il-Marokk, is-Sirja, it-Tuneżija.

2.   Ewropa tal-Lvant, Kawkasu t'Isfel u Russja

Ewropa tal-Lvant: Il-Moldova, l-Ukrajna

Kawkasu t'Isfel: L-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Ġeorġja

Ir-Russja

C.   Asja u Amerika Latina

1.   Amerika Latina

L-Arġentina, il-Bolivja, il-Brażil, iċ-Ċilì, il-Kolombja, il-Kosta Rika, l-Ekwador, El Salvador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, il-Messiku, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Paragwaj, il-Perù, l-Urugwaj, il-Veneżwela

2.   Asja

Asja (għajr l-Asja Ċentrali): Il-Bangaladexx, il-Brunej, il-Kambodja, iċ-Ċina (inklużi Ħong Kong u r-Reġjuni Amministrattivi Speċjali tal-Makaw), l-Indja, l-Indoneżja, l-Iraq, il-Korea t'Isfel, il-Laos, il-Malasja, il-Maldive, il-Mongolja, in-Nepal, il-Pakistan, il-Filippini, Singapor, is-Sri Lanka, it-Tajlandja, il-Vjetnam, il-Jemen

Asja Ċentrali: Il-Kazakistan, il-Kirgistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan, l-Uzbekistan

D.   Nofsinhar tal-Afrika

Ir-Repubblika tal-Afrika t'Isfel


(1)  Skont ir-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.


ANNESS IV

QAFAS DWAR IL-POLITIKA REĠJONALI

L-attività tal-BEI fil-pajjiżi sħab li jipparteċipaw fil-proċess ta’ qabel l-adeżjoni sseħħ fil-qafas stabbilit fis-Sħubijiet ta’ Adeżjoni u dawk Ewropej li ffissaw il-prijoritajiet għal pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali, bil-ħsieb li jiġi rreġistrat progress fit-tqarrib lejn l-Unjoni, u li jipprovdu qafas għal għajnuna mill-Unjoni. Il-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assocjazzjoni huwa l-qafas politiku tal-UE għall-Balkani tal-Punent. Dan huwa msejjes fuq sħubija progressiva, li fiha l- Unjoni toffri konċessjonijiet kummerċjali, għajnuna ekonomika u finanzjarja u relazzjonijiet kuntrattwali permezz tal-Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. L-assistenza finanzjarja ta’ qabel l-adeżjoni, permezz tal-IPA, tgħin lill-pajjiżi kanditati u l-pajjiżi kanditati potenzjali jħejju għall-obbligi u l-isfidi ta’ sħubija fl- Unjoni. Din l-għajnuna tappoġġa l-proċess ta’ riforma, inklużi t-tħejjijiet għal sħubija eventwali. Din tiffoka fuq it-tiswir istituzzjonali, il-konformità mal-acquis tal-Unjoni, it-tħejjija għal-linji ta’ politika u l-istrumenti tal-Unjoni u l-promozzjoni ta’ miżuri biex tintlaħaq il-konverġenza ekonomika.

L-attività tal-BEI fil-pajjiżi tal-viċinat isseħħ fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, li taħtha l-Unjoni timmira li tiżviluppa relazzjoni speċjali mal-pajjiżi ġirien bil-ħsieb li tistabbilixxi żona ta’ prosperità u relazzjonijiet tajbin fost il-pajjiżi ġirien, abbażi tal-valuri tal- Unjoni, bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u kkaratterizzata minn relazzjonijiet mill-qrib u paċifiċi msejsa fuq il-kooperazzjoni f'konformità mad-differenzjazzjoni mmexxija mir-rendiment. Fil-qafas ta’ din il-kooperazzjoni, il-finanzjament tal-BEI taħt din id-Deċiżjoni jkun immirat wkoll lejn linji ta’ politika li jippromwovu tkabbir inklużiv u ħolqien ta’ impjiegi li jikkontribwixxu għall-istabbilità soċjali f'konformità ma’ approċċ ibbażat fuq l-inċentivi li jappoġġaw l-objettivi tal-politika esterna tal-Unjoni, inkluż fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ migrazzjoni.

Biex tikseb dawn l-għanijiet l-Unjoni u sħabha jimplimentaw pjani ta’ azzjoni bilaterali maqbula b'mod konġunt li jiddefinixxu sett ta’ prijoritajiet li jinkludi kwistjonijiet politiċi u ta’ sigurtà, kwistjonijiet kummerċjali u ekonomiċi, tħassib ambjentali u soċjali u l-integrazzjoni tan-netwerks tat-trasport u tal-enerġija.

L-Unjoni għall-Mediterran, l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju, l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku, is-Sħubija tal-Lvant u s-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed huma inizjattivi reġjonali u multilaterali li jikkumplementaw il-Politika Ewropea tal-Viċinat bil-għan li jrawmu l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-grupp rispettiv ta’ pajjiżi sħab ġirien li jiffaċċjaw sfidi komuni jew jaqsmu ambjent ġeografiku komuni. L-Unjoni għall-Mediterran għandha l-għan li tniedi mill-ġdid il-proċess ta’ integrazzjoni Ewro-Mediterranja billi tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali konġunt fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran u tappoġġa żvilupp soċjoekonomiku aħjar, is-solidarjetà, l-integrazzjoni reġjonali, l-iżvilupp sostenibbli u t-tiswir tal-għarfien, b’enfasi fuq il-ħtieġa li tiżdied il-kooperazzjoni finanzjarja għall-appoġġ ta’ proġetti reġjonali u transnazzjonali. L-Unjoni għall-Mediterran tappoġġa, b'mod partikolari, il-ħolqien ta’ toroq marittimi u tal-art, it-tneħħija tat-tniġġis fil-Mediterran, il-pjan għall-enerġija solari fil-Mediterran, l-Inizjattiva għall-Iżvilupp tan-Negozju fil-Mediterran, il-protezzjoni ċivili u l-università Ewro-Mediterranja. L-istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku tappoġġa ambjent sostenibbli u żvilupp ekonomiku u soċjali ottimali fir-reġjun tal-Baħar Baltiku. L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju tappoġġa, b'mod partikolari, l-iżvilupp tat-trasport, il-konnessjonijiet u s-sigurtà marbutin mal-enerġija, l-ambjent sostenibbli u l-iżvilupp soċjoekonomiku fir-Reġjun tad-Danubju. L-Isħubija tal-Lvant għandha l-għan li toħloq il-kondizzjonijiet neċessarji biex titħaffef l-assoċjazzjoni politika u titkompla l-integrazzjoni ekonomika bejn l-Unjoni u l-pajjiżi msieħba tal-Lvant. Il-Federazzjoni Russa u l-Unjoni għandhom sħubija strateġika fuq firxa wiesgħa, distinta mill-Politika Ewropea tal-Viċinat u espressa permezz tal-Ispazji u l-Pjani Direzzjonali Komuni. Dawn huma kkumplementati fil-livell multilaterali mid-Dimensjoni tat-Tramuntana li tipprovdi qafas għall-kooperazzjoni bejn l-Unjoni, ir-Russja, in-Norveġja u l-Islanda.

L-attività tal-BEI fl-Amerika Latina sseħħ fil-qafas tas-Sħubija Strateġika tal-Unjoni, l-Amerika Latina u l-Karibew. Kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Settembru 2009 “L-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina: Parteċipanti Globali fi Sħubija”, il-prijoritajiet tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni lejn l-Amerika Latina huma l-promozzjoni tal-integrazzjoni reġjonali u l-qerda tal-faqar u l-inugwaljanza soċjali sabiex jiġi promoss żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli. Dawn l-għanijiet ta’ politika ser jiġu promossi b'kont meħud tal-livell differenti tal-iżvilupp tal-pajjiżi Latini Amerikani. Id-djalogu bilaterali ser jiġi segwit f’oqsma ta’ interess komuni għall-Unjoni u l-Amerika Latina, inklużi l-ambjent, it-tibdil fil-klima, it-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri u l-enerġija, ix-xjenza, ir-riċerka, l-edukazzjoni għolja, it-teknoloġija u l-innovazzjoni.

Il-BEI hu inkoraġġut ikun attiv fl-Asja kemm fl-ekonomiji emerġenti dinamiċi kif ukoll f'pajjiżi inqas prosperi. F’dan ir-reġjun divers, l-Unjoni qed tapprofondixxi s-sħubiji strateġiċi tagħha maċ-Ċina u l-Indja u qed isir progress fin-negozjati dwar ftehimiet ġodda ta’ sħubija u kummerċ ħieles mal-pajjiżi tax-Xlokk tal-Asja. Fl-istess ħin, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tibqa' punt importanti fl-aġenda tal-Unjoni mal-Asja; l-istrateġija għall-iżvilupp tal-UE għar-reġjun Asjatiku għandha l-għan li teqred il-faqar billi tappoġġa tkabbir ekonomiku sostenibbli fuq sisien wesgħin, tippromwovi ambjent u kondizzjonijiet li jwasslu għal kummerċ u integrazzjoni fir-reġjun, issaħħaħ il-governanza, iżżid l-istabbiltà politika u soċjali, u tappoġġa l-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju għall-2015. Qed jiġu stabbiliti b’mod konġunt linji ta’ politika li jindirizzaw sfidi komuni, bħat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli, is-sigurtà u l-istabbiltà, il-governanza u d-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u umani u r-rispons għalihom. L-istrateġija tal-UE għal sħubija ġdida mal-Asja Ċentrali adottata mill-Kunsill Ewropew f’Ġunju 2007 saħħet id-djalogu reġjonali u bilaterali u l-kooperazzjoni tal-Unjoni mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali fir-rigward ta’ kwistjonijiet ewlenin li jħabbat wiċċu magħhom dan ir-reġjun, bħat-tnaqqis tal-faqar, l-iżvilupp sostenibbli u l-istabbiltà. L-implimentazzjoni tal-istrateġija wasslet għal avvanzi importanti fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u d-demokrazija, l-edukazzjoni, l-iżvilupp ekonomiku, il-kummerċ u l-investiment, l-enerġija u t-trasport u l-linji ta’ politika ambjentali.

L-attività tal-BEI fl-Afrika t'Isfel isseħħ fil-qafas tad-Dokument ta’ Strateġija tal-Unjoni għal-Pajjiż għall-Afrika t'Isfel. L-oqsma ewlenin identifikati f’dak id-Dokument ta’ Strateġija huma l-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp tal-kapaċità biex jitwasslu s-servizzi u l-koeżjoni soċjali. L-attivitajiet tal-BEI fl-Afrika t’Isfel seħħew f’kumplementarjetà għolja mal-programm ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Kummissjoni, jiġifieri permezz tal-attenzjoni li l-BEI ta lill-appoġġ għas-settur privat u l-investimenti fl-espansjoni tal-infrastruttura u s-servizzi soċjali (id-djar, il-ġenerazzjoni tal-elettriku, il-purifikazzjoni tal-ilma għax-xorb u l-infrastruttura muniċipali). L-analiżi ta’ nofs it-terminu tad-Dokument ta’ Strateġija tal-Unjoni għal-Pajjiż fir-rigward tal-Afrika t'Isfel ipproponiet it-tisħiħ tal-azzjonijiet fil-qasam tat-tibdil fil-klima permezz ta’ attivitajiet li jappoġġaw il-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi.


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

Il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha fil-21 ta’ April 2010.

Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fis-sessjoni plenarja tiegħu fis-17 ta’ Frar 2011. Il-Parlament Ewropew adotta 5 emendi; l-emenda 1, ippreżentata f'isem il-Kumitat għall-Baġits, kopriet tibdil magħmul fit-test kollu.

Fl-20 ta’ Settembru 2011, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari f'konformità mal-Artikolu 294(5) TFUE.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari hija r-riżultat ta’ kuntatti informali li saru minn Frar sa Ġunju 2011 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u l-Kunsill kif previst mill-punti 16 sa 18 tad-Dikjarazzjoni konġunta dwar arranġamenti prattiċi għall-proċedura ta’ kodeċiżjoni (1).

II.   OBJETTIV

L-Unjoni Ewropea tipprovdi garanzija baġitarja lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) li tkopri r-riskji ta’ natura sovrana u politika b'rabta mal-operati tiegħu ta’ self u ta’ garanziji fuq is-self imwettqa barra l-UE b'appoġġ tal-objettivi tal-politika esterna tal-UE.

Il-mandat estern tal-BEI għall-perijodu 2007-2011 kien stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009, li tirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta rapport ta’ nofs it-terminu dwar l-applikazzjoni tiegħu akkumpanjat minn proposta għal emenda.

Abbażi ta’ dak li nstab permezz tal-analiżi ta’ nofs it-terminu, il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li tiżgura l-kontinwazzjoni tal-garanzija tal-UE għall-finanzjament estern tal-BEI għall-bqija tal-perspettivi finanzjarji attwali 2007-2013 u tintroduċi numru ta’ elementi ġodda:

 

L-attivazzjoni tal-‘mandat fakultattiv’ ta’ EUR 2 biljun, li tpoġġa f'riżerva permezz tad-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE, maħsub għal proġetti li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fir-reġjuni kollha koperti mid-Deċiżjoni.

 

Is-sostituzzjoni tas-sistema attwali ta’ objettivi reġjonali għal operazzjonijiet skont il-garanzija tal-UE b'objettivi orizzontali ta’ livell għoli li jkopru r-reġjuni kollha taħt il-mandat estern.

 

L-iżvilupp mill-Kummissjoni, flimkien mal-BEI, u f'konsultazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), ta’ linji gwida operattivi li jistabbilixxu għal kull reġjun miżuri prattiċi biex jiġu konnessi l-objettivi tal-mandat ġenerali u l-implimentazzjoni tagħhom.

 

It-tisħiħ tal-kapaċità tal-BEI li jappoġġa l-objettivi ta’ żvilupp tal-UE.

 

L-attivazzjoni tal-mandat estern tal-BEI għal 5 pajjiżi ġodda.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

1)   Bidliet strutturali

Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tintroduċi Anness III ġdid li jelenka r-reġjuni u l-pajjiżi eliġibbli (ara t-taqsima 2 bidliet sostantivi / eliġibbiltà tal-pajjiżi).

Il-premessi (15), (16), (17), (18), (19) u (20) fil-proposta tal-Kummissjoni huma kkunsidrati nonessenzjali u tmexxew għal Anness IV ġdid “qafas ta’ politika reġjonali”, wara abbozzar mill-ġdid adatt.

2)   Bidliet Sostantivi

KWISTJONIJIET PRINĊIPALI

1)   Orjentament lejn l-iżvilupp

Il-pożizzjoni fl-ewwel qari tal-Kunsill tintegra l-enfasi tal-Parlament Ewropew fuq il-kontribut indirett tal-BEI għall-prinċipji ta’ gwida ġenerali u l-objettivi tal-politika tal-Unjoni Ewropea, inkluż l-iżvilupp ta’ pajjiżi terzi, filwaqt li jinżamm il-karattru distintiv tal-BEI bħala bank tal-investiment.

Il-BEI huwa għalhekk mistieden jinkwadra aħjar l-impatt tal-operazzjonijiet esterni tiegħu fuq l-iżvilupp. Bil-ħsieb tar-rekwiżiti l-ġodda introdotti, għandu jiġi żgurat aġġustament gradwali tar-riżorsi tal-BEI filwaqt li għandha tiġi sfruttata l-opportunità biex jittejbu ulterjorment l-effiċjenza u l-effikaċja. Hija prevista kooperazzjoni mtejba ma’ Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFI) u ma’ istituzzjonijiet finanzjarji bilaterali Ewropej (IFBE) oħrajn. Il-possibbiltà kkunsidrata mill-Parlament li jinħoloq grupp ta’ esperti biex jistudja l-iżvilupp ta’ pjattaforma tal-UE għall-kooperazzjoni u l-iżvilupp hija meqjusa fi premessa modifikata (iżda mhux fl-artikoli, ara hawn taħt). Il-pożizzjoni tal-Kunsill issegwi wkoll l-approċċ tal-Parlament Ewropew li jenfasizza r-rwol tal-SMEs u l-ħtieġa li jitrawwem l-aċċess tagħhom għas-servizzi finanzjarji.

F'dak ir-rigward ġew aċċettati l-emendi li ġejjin

Emenda 1:

Artikolu 1(2); Artikolu 7(3) - paragrafu ġdid; premessa (2) - ġdida

L-emendi li ġejjin kienu parzjalment aċċettati jew aċċettati wara abbozzar mill-ġdid.

Emenda 1:

premessa (1); premessa (18); premessa (19) - ġdida; premessa (21); premessa (22); premessa (26) - ġdida; premessa (31); premessa (35); premessa (36); premessa (37) - ġdida; premessa (40) - ġdida: tintegra partijiet differenti abbozzati mill-ġdid tal-emenda 1; Artikolu 1(1); Artikolu 3(2) - paragrafu ġdid; Artikolu 6(2); Artikolu 6(5) - test abbozzat mill-ġdid u mċaqlaq; Artikolu 7(1); Artikolu 7(2); Artikolu 9(2)

Emenda 3:

dwar finanzjament ta’ mikrokreditu, abbozzat mill-ġdid u mċaqlaq għal premessa ġdida (40)

Emenda 4:

Artikolu 9(1)

Emenda 5:

abbozzat mill-ġdid u mċaqlaq għall-Artikolu 1(1)

L-emendi li ġejjin ġew rifjutati mill-Kunsill peress li l-proposta biex jinħolqu gruppi ta’ ħidma kienet ikkunsidrata bħala li tirreferi għal bażi legali differenti u għalhekk ma għandhiex tiġi stabbilita permezz ta’ artikolu fid-Deċiżjoni:

Emenda 1:

Emenda li tintroduċi artikolu dwar il-pjattaforma tal-UE għall-kooperazzjoni u l-iżvilupp (il-premessa fil-proposta tal-Kummissjoni nżammet iżda ġiet abbozzata mill-ġdid);

Emenda li tintroduċi artikolu dwar grupp ta’ ħidma dwar perspettivi tal-finanzjament tal-kooperazzjoni u l-iżvilupp li joriġina mill-Unjoni.

2)   Limiti massimi tal-mandat

Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tieħu kont tal-proposta tal-Parlament Ewropew li jiżdiedu l-limiti massimi tal-mandat meta mqabbel mal-proposta tal-Kummissjoni fid-dawl ta’ ċirkostanzi temporanji u eċċezzjonali, u mingħajr ma jkunu preġudikati l-limiti massimi taħt il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.

Minn naħa waħda, il-Kunsill jaċċetta l-emenda tal-Parlament Ewropew biex jiżdied b'biljun EUR is-sotto-limitu massimu għall-pajjiżi Mediterranji biex jiġi pprovdut appoġġ adatt għar-reġjun fil-kuntest tal-inkwiet fin-Nofsinhar tal-Mediterran fl-2011.

Min-naħa l-oħra, il-Kunsill jaċċetta parzjalment iż-żieda fir-reġjuni l-oħra kollha proposta mill-Parlament Ewropew, b'mod partikolari fid-dawl tal-frontloading tal-attivitajiet ta’ self estern tal-BEI fl-2009 u l-2010 fil-kuntest tal-kriżi ekonomika globali. Bil-kontra tal-Parlament Ewropew, mandankollu, il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tipprevedi żieda ugwali ta’ 4 % fir-reġjuni u s-sotto-reġjuni kollha (esklużi l-pajjiżi Mediterranji, ara hawn fuq).

Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tieħu kont ukoll tal-approċċ tal-Parlament Ewropew lejn il-flessibbiltà, billi taċċetta li lill-korpi governattivi tal-BEI tingħata l-possibbiltà li jallokaw mill-ġdid sa 10 % (l-emenda 1 tipprevedi 20 %) tal-limiti massimi reġjonali fir-reġjuni u bejn ir-reġjuni.

L-emendi li ġejjin kienu parzjalment aċċettati:

Emenda 1:

Artikolu 2(1); Anness I

Emendi rrifjutati:

 

It-test tal-emenda 1 tal-Parlament Ewropew li tintroduċi premessa ġdida dwar ir-reviżjoni tal-limiti massimi huwa rifjutat minħabba r-raġuni li l-estensjoni tal-mandat għal numru limitat ta’ pajjiżi ma tiġġustifikax iż-żieda sostanzjali u eċċezzjonali fil-limiti massimi tal-mandat previsti fid-Deċiżjoni.

 

Għaldaqstant it-test ġie adattat biex jipprovdi ġustifikazzjoni adegwata għaż-żieda fi premessa (12) ġdida. Premessa (13) ġdida tintroduċi l-modalitajiet speċifiċi assoċjati ma’ din iż-żieda eċċezzjonali. L-Artikolu 2(2) huwa modifikat f'konformità mal-flessibbiltà l-ġdida introdotta.

3)   Linji gwida operattivi reġjonali tekniċi

Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew irrikjediet li l-linji gwida operattivi reġjonali jiġu adottati permezz ta’ atti delegati.

Minħabba n-natura teknika tal-linji gwida, il-pożizzjon fl-ewwel qari tal-Kunsill tqis li l-adozzjoni tagħhom b'atti delegati mhix adatta u żżomm il-proposta tal-Kummissjoni. Dan jippermetti abbozzar tal-linji gwida mill-Kummissjoni flimkien mal-BEI kif previst mill-proposta tal-Kummissjoni, li ma jkunx possibbli kieku l-linji gwida kellhom jiġu adottati permezz ta’ atti delegati.

It-test tal-emenda 1 tal-Parlament Ewropew fl-Artikolu 6 u ż-żieda ta’ artikoli ġodda dwar l-eżerċizzju u r-revoka tad-delegazzjoni u l-oġġezzjonijiet għal atti delegati huwa għaldaqstant rifjutat. Il-Premessa (29) u l-Artikolu 6(1) huma abbozzati mill-ġdid. Wara kull referenza għal-linji gwida operattivi reġjonali hija miżjuda l-kelma “tekniċi”.

4)   Eliġibbiltà tal-pajjiżi

Fil-proposta tal-Kummissjoni, il-pajjiżi eliġibbli huma elenkati fl-Anness II, li numru minnhom huwa mmarkat b'“*”. Għal dawn il-pajjiżi, l-eliġibbiltà għal finanzjament tal-BEI taħt garanzija tal-UE trid tiġi deċiża f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja.

Emenda tal-Parlament Ewropew għall-Anness II tintroduċi “*” għall-Bjelorussja, minflok nota f'qiegħ il-paġna li tispeċifika l-kondizzjonijiet biex il-Bjelorussja ssir eliġibbli fil-proposta tal-Kummissjoni.

Il-pożizzjoni fl-ewwel qari tal-Kunsill tipprevedi approċċ differenti għall-eliġibbiltà ta’ pajjiż: l-Anness II jelenka reġjuni u pajjiżi potenzjalment eliġibbli. Din il-lista ta’ reġjuni u pajjiżi potenzjalment eliġibbli hija stabbilita f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja. Anness III ġdid huwa introdott u jelenka reġjuni u pajjiżi eliġibbli, li m'għandu jinkludi l-ebda pajjiż ieħor minbarra dawk elenkati fl-Anness II. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati dwar emendi għall-Anness III. Dan jippermetti aġġornament ħafna aktar rapidu tal-lista tal-pajjiżi eliġibbli fid-dawl ta’ żviluppi sinifikattivi relatati mal-politika, abbażi tal-valutazzjoni ekonomika u politika ġenerali tal-Kummissjoni.

Il-premessa l-ġdida dwar il-lista ta’ pajjiżi eliġibbli introdotta mill-Parlament Ewropew hija abbozzata mill-ġdid (premessa (9)). Huma introdotti premessa (10) ġdida u Artikolu 5 ġdid u l-Anness III, u l-Artikolu 4 u l-Anness II huma emendati.

5)   Mandat tat-tibdil fil-klima

Il-pożizzjoni fl-ewwel qari tal-Kunsill taċċetta l-approċċ tal-Parlament Ewropew li jagħti lill-Kunsill is-setgħa li lill-pajjiżi meqjusa li ma ntrabtux li jirrispettaw il-miri adatti relatati mat-tibdil fil-klima, jirrestrinġilhom l-eliġibbiltà li jirċievi finanzjament tal-BEI għall-mitigazzjoni mat-tibdil fil-klima taħt il-garanzija tal-UE. Madankollu, fil-pożizzjoni fl-ewwel qari tal-Kunsill, dan għandu jsir fuq proposta mill-Kummissjoni.

L-emendi li ġejjin huma aċċettati jew aċċettati wara abbozzar mill-ġdid:

Emenda 1

premessa (15) - ġdida; premessa (16); Artikolu 2(4); Artikolu 2(5)

6)   Rappurtar

Il-pożizzjoni fl-ewwel qari tal-Kunsill issegwi l-approċċ tal-Parlament Ewropew li jappella għal rekwiżiti ta’ rappurtar addizzjonali.

L-emendi li ġejjin huma aċċettati totalment, parzjalment jew wara abbozzar mill-ġdid:

Emenda 1:

Premessa (14); Premessa (27); Premessa (38); Artikolu 11

7)   Oħrajn

Partijiet oħra tal-emenda 1 u l-emenda 2 ġew aċċettati parzjalment, totalment jew wara abbozzar mill-ġdid fil-kuntest tan-negozjati informali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni:

 

Emenda 1:

Premessa (23); premessa (24) - ġdida; Premessa (25) - ġdida; premessa (28); premessa (30); premessa (32); premessa (33) - ġdida; Artikolu 2(6): Artikolu 3(1); Artikolu 6(4) - paragrafu ġdid: test mill-Emenda 1 abbozzat mill-ġdid u mċaqlaq; Artikolu 10(5) - paragrafu ġdid; Artikolu 12; Artikolu 13(3) - paragrafu ġdid; Artikolu 14; Artikolu 15; Artikolu (17)

 

Emenda 2:

Introduzzjoni ta’ premessa ġdida dwar il-qafas finanzjarju l-ġdid - parzjalment ikkunsidrata fi premessa (40) ġdida

Xi partijiet mill-emenda 1 kienu rifjutati fin-negozjati, b'mod partikolari numru ta’ elementi li ma kinux ikkunsidrati direttament marbuta mad-Deċiżjoni jew iġġudikati wisq ta’ piż.

Emenda 1:

 

Premessa ġdida dwar il-kapital ta’ riskju u r-riflussi tas-self speċjali minn operazzjonijiet preċedenti;

 

Premessa ġdida dwar l-analiżi ta’ kost-benefiċċju li għandha ssir mill-BEI biex jaqsam l-attivitajiet esterni kollha tiegħu fuq bażi ġeografika;

 

Paragrafu ġdid fl-Artikolu 6 li jintroduċi l-obbligu li l-Kummissjoni tippubblika opinjoni raġunata għal kull proġett li tapprova;

 

Bidla fl-Artikolu 10(4).

IV.   KONKLUŻJONI

Il-Pożizzjoni fl-ewwel qari tal-Kunsill tirrifletti l-kompromess milħuq fin-negozjati bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, iffaċilitati mill-Kummissjoni.

Dan il-kompromess kien approvat permezz tal-adozzjoni ta’ ftehim politiku mill-Coreper fis-7 ta’ Lulju 2011 u mill-Kunsill fit-18 ta’ Lulju 2011. Il-President tal-Kumitat għall-Baġits bagħat ittra lill-President tal-Coreper fejn indika li, jekk il-Kunsill jibgħat il-pożizzjoni tiegħu kif mehmuża mal-ittra tal-Kumitat, huwa jirrakkomanda lill-plenarja li l-Parlament, fit-tieni qari tiegħu, jaċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill mingħajr ebda emenda, soġġetta għal verifika mill-ġuristi lingwisti taż-żewġ istituzzjonijiet.


(1)  ĠU C 145, 30.6.2007, p. 5.