12.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 7/11


POŻIZZJONI (UE) Nru 2/2011 TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp

Adottat mill-Kunsill fl-10 ta’ Diċembru 2010

2011/C 7 E/02

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod speċjali l-Artikolu 209(1) tiegħu,

Wara li kkunsudraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Sabiex jitjiebu l-effiċjenza u t-trasparenza tal-għajnuna esterna tal-Komunità, fl-2006 ġie stabbilit qafas ġdid li jsostni l-ippjanar u l-provvista ta’ attivitajiet ta’ għajnuna. Dan jinkludi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) (2), ir-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta’ Strument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (3), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1934/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi u territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli (4), ir-Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Istabbiltà (5), ir-Regolament (KE) Nru 300/2007 tal-Kunsill tad-19 ta’ Frar 2007 li jistabbilixxi Strument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari (6), ir-Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta’ strument ta’ finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (7), u r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (8).

(2)

Fl-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 ħarġu xi inkosistenzi fir-rigward tal-eżenzjoni għall-prinċipju tan-nuqqas ta’ eliġibbiltà tal-ispejjeż relatati ma’ taxxi, dazji u ħlasijiet oħrajn. Fid-dawl ta’ dan, hu propost li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet relevanti ta’ dak ir-Regolament sabiex ikun konformi mal-istrumenti l-oħrajn.

(3)

Dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet, skont l-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 għandu għaldaqstant ikun emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 huwa b’dan emendat kif ġej: Fl-Artikolu 25, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fil-prinċipju, l-għajnuna tal-Unjoni m’għandhiex tintuża għall-ħlas ta’ taxxi, dazji jew ħlasijiet fil-pajjiżi benefiċjarji.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi …,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Ottubru 2010 (għadha mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-10 ta’ Diċembru 2010. Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ … (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82.

(3)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1.

(4)  ĠU L 405, 30.12.2006, p. 41.

(5)  ĠU L 327, 24.11.2006, p.1.

(6)  ĠU L 81, 22.3.2007, p. 1.

(7)  ĠU L 386, 29.12.2006, p. 1.

(8)  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

Fil-21 ta' April 2009, il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha għal Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp u r-Regolament (KE) Nru 1889/2006 dwar l-istabbiliment ta' strument ta' finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja.

Il-Parlament Ewropew adotta l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari fil-21 ta' Ottubru 2010.

Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fl-10 ta' Diċembru 2010.

II.   OBJETTIV

L-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) huwa wieħed minn biss żewġ strumenti finanzjarji tal-UE għal azzjoni esterna li ma jipprevedix eċċezzjoni għall-prinċipju ta' noneliġibbiltà tal-ispejjeż relatati ma' taxxi, dazji u spejjeż oħra għall-finanzjament tal-UE. L-istrument għall-promozzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja (EIDHR) huwa l-istrument l-ieħor.

L-istrumenti finanzjarji l-oħra kollha tal-UE għal azzjoni esterna jistabbilixxu li l-appoġġ tal-UE ma jistax jintuża fil-prinċipju biex jiġu ffinanzjati tali spejjeż, b’hekk jippermettu li jkun hemm flessibbiltà każ b’każ, fejn adatt, fl-interessi tal-implimentazzjoni tajba tal-programmi u l-proġetti.

L-objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni huwa li tiġi allinjata d-dispożizzjoni rilevanti ta' dan l-istrument ma' strumenti oħrajn, billi jiżdied il-kliem “fil-prinċipju” fl-Artikolu 25, paragrafu 2 tar-Regolament.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

Il-Kunsill ma kellu assulutament l-ebda diffikultà rigward il-bidla unika ssuġġerita mill-Kummissjoni fil-proposta inizjali tagħha bil-ħsieb li jiġu armonizzati d-dispożizzjonijiet rilevanti fl-istrumenti finanzjarji eżistenti.

Il-Kunsill aċċetta wkoll tliet emendi pjuttost tekniċi adottati mill-Parlament Ewropew, bil-għan ta' aktar ċarezza u preċiżjoni. B’mod partikolari, il-Kunsill qabel li l-proposta inizjali tinqasam fi tnejn sabiex ikun rifless li kienu kkonċernati żewġ strumenti distinti, id-DCI u l-EIDHR.

Madankollu l-Kunsill ma kienx f’pożizzjoni li jista’ jaċċetta dawk l-emendi adottati mill-Parlament Ewropew li jintroduċu l-applikazzjoni tal-proċedura dwar l-atti delegati (l-Artikolu 290 tat-TFUE) għall-adozzjoni ta' dokumenti ta' strateġija u programmi ta' kooperazzjoni pluriennali. Il-Kunsill jemmen li l-programmi ta' kooperazzjoni pluriennali, minħabba li mhumiex atti legalment vinkolanti, ma jikkostitwixxux atti ta' applikazzjoni ġenerali, li jissupplimentaw jew jemendaw l-att bażiku. Huma jikkostitwixxu miżuri ta' implimentazzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 291 tat-TFUE.

IV.   KONKLUŻJONI

Filwaqt li l-proposta tal-Kummissjoni ma kienet tippreżenta l-ebda diffikultà lill-Kunsill, il-Kunsill aċċetta numru ta' emendi adottati mill-Parlament Ewropew.

Il-Kunsill iqis li l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari hija kompromess ibbilanċjat u jappella lill-Parlament Ewropew biex ikompli jimxi fuq dan it-test sabiex jippreżerva l-ispirtu u l-objettiv tal-proposta inizjali, jiġifieri li tiġi żgurata l-konsistenza tal-istrumenti finanzjarji tal-UE għal azzjoni esterna u li tkun permessa flessibbiltà minima imma neċessarja fl-implimentazzjoni tagħhom.