15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/94


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tad-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni”

COM(2011) 634 finali — 2008/0183 (COD)

2012/C 43/21

Relatur: is-Sur SOMVILLE

Nhar is-17 ta’ Ottubru 2011, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikoli 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tad-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni

COM(2011) 634 finali — 2008/0183 (COD)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-21 ta’ Novembru 2011.

Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tat-8 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’139 vot favur, vot wieħed kontra (1) kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat bi pjaċir jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni, b’mod partikolari l-espansjoni tal-bażi legali proposta għall-applikazzjoni tal-Pjan Ewropew għall-għajnuna lill-persuni l-aktar fil-bżonn fl-2012 u l-2013. L-għan ta’ dan il-programm huwa li jintlaħqu l-għanijiet tal-PAK filwaqt li tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali tal-Unjoni. B’hekk, din il-bidla hija saħansitra iktar importanti għax hija stabbilita fl-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020.

1.2

Il-KESE jagħraf li hemm bżonn li tiġi segwita l-implimentazzjoni tal-programm u li l-finanzjament tiegħu mill-baġit tal-PAK għas-snin 2012 u 2013 jinżamm fil-livell attwali. Is-solidarjetà fir-rigward tal-gruppi żvantaġġati minn dejjem kienet valur imħares mill-Unjoni fid-diversi politiki tagħha u hekk għandu jibqa’ jkun.

1.3

Fil-fehma tal-KESE din l-għajnuna hija verament fundamentali billi wara l-kriżi ekonomika u dik finanzjarja, l-għadd ta’ ċittadini marġinati fil-programm dejjem qed jiżdied.

1.4

Mil-lat tas-soċjetà ċivili, il-KESE jappoġġja din il-proposta iktar u iktar għax l-implimentazzjoni tagħha fl-Istati Membri ssir minn għadd ta’ volontarji, membri ta’ organizzazzjonijiet umanitarji, li ma jifilħux għal tnaqqis ta’ 75 % tal-mezzi disponibbli għall-Pjan Ewropew bejn l-2011 u l-2012, u saħansitra li jiġi eliminat minħabba nuqqas ta’ ħażniet tal-intervent fl-2013. Il-Kumitat iqis li dan il-programm iffinanzjat mill-fondi Ewropej jippermetti li tingħata immaġni pożittiva tal-Unjoni f’għajnejn iċ-ċittadini Ewropej.

1.5

Barra minn hekk, il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat għadd ta’ rakkomandazzjonijiet mill-opinjoni preċedenti ta’ Jannar 2011 (1), bħal dawk relatati maż-żamma tal-finanzjament ta’ 100 % mill-baġit tal-PAK għall-2012 u l-2013, u l-possibbiltà tar-rimborż ta’ ċerti spejjeż amministrattivi, tat-trasport u tal-ħażniet appoġġjati mill-organizzazzjonijiet umanitarji.

1.6

Il-KESE jirrikonoxxi l-possibbiltà li jitħalla f’idejn l-Istati Membri biex jagħżlu l-prodotti manifatturati fl-Unjoni. F’dan il-kuntest, is-sistema mhux biss ser taqdi r-rwol tagħha li tistabbilizza s-suq intern iżda fl-istess ħin toffri wkoll il-garanzija sħiħa li l-prodotti li jiġu distribwiti jkunu tal-istandard għoli impost fuq il-produtturi Ewropej.

2.   Sfond

2.1

Il-Kumitat ifakkar li t-tqassim b’xejn tal-ikel lill-persuni l-iktar fil-bżonn fil-Komunità tnieda fl-1986-87, wara xitwa partikolarment ħarxa. Il-prodotti tal-ikel, distribwiti mill-assoċjazzjonijiet umanitarji fid-diversi Stati Membri, ġew mill-ħażniet tal-intervent.

2.2

Billi saret ħaġa uffiċjali, il-fatt li ntużaw il-ħażniet tal-intervent wassal għal ħidma lejn żewġ għanijiet: l-għajnuna għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni u fl-istess ħin kontribut biex terġa’ tinkiseb ċerta stabbiltà fis-swieq tal-agrikoltura.

2.3

Ir-riformi suċċessivi tal-PAK li nbdew fl-1992 wasslu għal tnaqqis konsiderevoli tal-ħażniet tal-intervent. Għad li darba dawn il-ħażniet kienu strutturali, żviluppaw b’mod gradwali u saru relatati mal-klima ekonomika attwali. U l-livell tal-ħażniet attwali ma jippermettix iktar li tiġi ssodisfata biss id-domanda għall-għajnuna alimentari.

2.4

Fl-1995, kienu diġà saru bidliet fil-programm biex in-nuqqas ta’ prodotti mill-ħażniet tal-intervent jiġi kumpensat bix-xiri mis-suq.

2.5

It-tkabbir tal-Unjoni Ewropea wassal lill-Kummissjoni biex fl-2009 tadatta l-programm, l-iktar billi żżid il-baġit relatat.

2.6

Fl-2008, fil-konfront tal-iżvilupp osservat, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni dwar il-programm tal-prodotti tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn. Minn din il-konsultazzjoni ħarġet proposta għal regolament lill-Kunsill bil-għan li titkompla s-sistema tal-għajnuna għall-persuni l-aktar fil-bżonn.

2.7

Din il-proposta ġabet magħha sensiela ta’ bidliet għar-regoli eżistenti: sorsi ta’ provvisti; żieda fil-varjetà tal-prodotti disponibbli; pjan ta’ distribuzzjoni tliet darbiet fis-sena; it-twaqqif ta’ prijoritajiet għall-azzjoni mill-Istati Membri; l-introduzzjoni progressiva tal-kofinanzjament; l-adattar għaż-żieda fil-baġit disponibbli. Fil-Kunsill, din il-proposta ġiet imblokkata minn minoranza.

2.8

Nhar is-17 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni adottat proposta emendata, li kkunsidrat parzjalment l-opinjoni tal-PE dwar il-proposta inizjali (opinjoni tas-26 ta’ Marzu 2009): żieda fir-rata ta’ kofinanzjament; limitu għall-għajnuna mill-UE għal EUR 500 miljun fis-sena; il-possibbiltà li l-Istati Membri jkollhom l-għażla preferenzjali għall-prodotti tal-ikel b’oriġini Ewropea.

2.9

Fil-Kunsill Agrikoltura u Sajd tas-27 ta’ Settembru 2010, id-diskussjoni ntemmet bill-konferma tal-minoranza li timblokka.

2.10

Il-KESE ħareġ opinjoni dwar din il-proposta emendata fl-20 ta’ Jannar 2011 (2).

2.11

Fit-13 ta’ April 2011, il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ħarġet sentenza (Każ T-576/08) dwar il-każ tal-Ġermanja kontra l-Pjan tal-2009 dwar il-provvista tal-prodotti tal-ikel rilaxxati mill-ħażniet tal-intervent għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni. Il-kanċellazzjoni tapplika għall-prodotti kollha fis-suq, il-kwantitajiet li jinħarġu mill-ħażniet tal-intervent ma ġewx affettwati.

2.12

B’hekk, għall-2012, il-Kummissjoni pprevediet baġit ferm imnaqqas fejn ġiet ikkunsidrata biss l-oriġni “tal-ħażniet tal-intervent”.

2.13

Fil-Kunsill Agrikoltura u Sajd tal-20 ta’ Settembru 2011, ma ntlaħqet l-ebda maġġoranza suffiċjenti rigward il-proposta tas-17 ta’ Settembru 2010.

2.14

Proposta ġdida emendata li saret fit-3 ta’ Ottubru 2011 tressqet quddiem il-Kunsill Agrikoltura u Sajd tal-20 ta’ Ottubru 2011 fejn minkejja l-bidliet għall-proposta inizjali xorta kien hemm minoranza li mblokkatha. Fil-fatt kien dwar din il-proposta l-ġdida li l-KESE ntalab joħroġ opinjoni b’urġenza.

3.   Il-Proposta tal-Kummissjoni

3.1

Għal iktar minn għoxrin sena, l-għajnuna alimentari għall-persuni l-aktar fil-bżonn ġiet rilaxxata mill-ħażniet tal-intervent. Għad li fil-bidu dawn il-ħażniet kienu importanti, ir-riformi suċċessivi tal-PAK wasslu biex din l-importanza titnaqqas b’mod konsiderevoli. Minn natura strutturali reġgħu saru marbuta mal-klima ekonomika attwali.

3.2

L-għan prinċipali tal-PAK oriġinali, li kien iż-żieda fil-produttività, tnaqqas b’mod progressiv favur l-idea tas-sostenibbiltà tal-biedja, inkluż adattar aħjar bejn il-provvista u d-domanda. Din l-orjentazzjoni l-ġdida teħtieġ bidla fil-qafas legali tal-Pjan Ewropew għall-Persuni l-aktar fil-bżonn.

3.3

It-tkabbir suċċessiv, iż-żieda fil-prezz tal-prodotti tal-ikel, u aktar reċentement, il-kriżi ekonomika wasslu għal żieda importanti fil-bżonnijiet. Fil-fatt, l-għadd ta’ persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni ma waqafx jiżdied. Barra minn hekk, fl-2008 l-għadd ta’ persuni f’din is-sistema ta’ għajnuna żdied għal iktar minn 13-il miljun. Fl-2010, kien hemm aktar minn 18-il miljun persuna li bbenefikaw mill-pjan Ewropew tal-għajnuna alimentari f’20 Stat Membru.

3.4

B’segwitu ta’ dawn id-diversi żviluppi, jekk il-Pjan Ewropew attwali jibqa’ bbażat fuq id-distribuzzjoni ta’ prodotti rilaxxati mill-ħażniet Ewropej tal-intervent, qed jiġi previst li, temporanjament, il-prodotti jinxtraw mis-suq sabiex jiġi kumpensat in-nuqqas fil-ħażniet.

3.5

F’April 2011, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkanċellat id-dispożizzjonijiet tal-pjan ta’ distribuzzjoni tal-2009 li kienu jipprevedu x-xiri tal-prodotti mis-suq billi l-ħażniet tal-intervent kienu bin-nieqes dak iż-żmien.

3.6

Wara din id-deċiżjoni, fir-regolament ta’ implimentazzjoni tagħha l-Kummissjoni ħadet ħsieb li fil-Pjan Ewropew tal-2012 issir distribuzzjoni biss mill-ħażniet tal-intervent. B’mod konkret, b’ammont ta’ EUR 113-il miljun, il-Pjan 2012 ser ikollu kwart tal-baġit li kellhom il-pjani annwali preċedenti.

3.7

Fil-proposta li qed niddiskutu f’din l-opinjoni, il-Kummissjoni tqis ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Lulju 2011 fejn huwa appella lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiżviluppaw soluzzjoni tranżizzjonali għas-snin li fadal tal-qafas finanzjarju multiannwali b’tali mod li jiġi evitat tnaqqis qawwi fl-għajnuna alimentari u li jiġi żgurat li l-persuni dipendenti mill-għajnuna alimentari ma jbatux mill-faqar tal-ikel.

3.8

Din il-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni hija bbażata fuq bażi legali doppja, li ma tirreferix biss għall-artikoli tat-Trattat relatati mal-PAK iżda anke għall-artikolu relatat mal-koeżjoni ekonomika u soċjali.

3.9

Il-proposta tiġbor diversi elementi li kienu ssemmew fil-proposta tal-2010, bħall-għoti tal-permess lill-Istati Membri biex jiddeċiedu jagħtu preferenza għall-prodotti rilaxxati mill-Unjoni jew anke li l-Istati Membri jitħallew jiddeċiedu dwar ir-rimborż ta’ ċerti spejjeż amministrattivi u spejjeż tat-trasport u ta’ ħażna li bħalissa qed jinġarrbu mill-korpi maħtura. Dan kollu qed isir fil-limitu tar-riżorsi disponibbli.

3.10

L-introduzzjoni tal-kofinanzjament, li kienet issemmiet fil-proposta inizjali tal-2008, u ġiet konfermata fil-proposta tal-2010, tħalliet barra f’din il-proposta l-ġdida. Fil-proposta l-ġdida jiġi suġġerit li tinżamm ir-rata ta’ finanzjament ta’ 100 % mill-baġit tal-Unjoni, li bħalissa japplika għall-Pjan Ewropew. Il-limitu annwali ta’ EUR 500 miljun fir-rigward tal-kontribut finanzjarju mill-Unjoni nżamm f’din il-proposta.

4.   Konklużjonijiet ġenerali

4.1

Kif fakkar il-KESE fl-opinjoni preċedenti “L-iskema tad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni hija implimentata f’20 Stat Membru. (…) id-distribuzzjoni tal-ikel issir fi sħubija mal-NGOs”.

4.2

L-NGOs jaħdmu b’għadd kbir ta’ volontarji. Dawn ma jistgħux jemmnu li hemm ir-riskju li l-attività umanitarja tagħhom ser tonqos għal 25 % meta mqabbla mas-snin ta’ qabel, sakemm ma jintlaħaqx ftehim malajr fil-livell Ewropew. Madankollu, il-ħtieġa għall-azzjoni f’dan il-qasam qatt ma kienet daqshekk kbira.

4.3

Ir-riformi suċċessivi tal-PAK li nbdew fl-1992 wasslu biex b’mod progressiv, il-ħażniet tal-intervent reġgħu nagħtaw rwol ta’ azzjoni relatata mal-klima ekonomika. Fil-futur, ir-riżultat ta’ dawn ir-riformi relatat mas-swieq ser ikollu jitwettaq b’ħażniet limitati, u saħansitra bl-ebda ħażniet ta’ xi prodotti f’ċerti perjodi.

4.4

F’dan il-kuntest, sabiex jiġi kumpensat in-nuqqas fil-ħażniet, il-KESE jqis li huwa kruċjali li tinħareġ proposta mill-iktar fis biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jixtru l-prodotti mis-suq, bħala komplement għall-ħażniet tal-intervent. Fil-fehma tagħna, din l-għażla hija iktar u iktar importanti għax l-għadd ta’ persuni li qed japplikaw għal din l-għajnuna alimentari qed jiżdied.

4.5

Il-KESE jqis li sabiex jiġi evitat it-tnaqqis drastiku tal-ikel disponibbli fil-Pjan Ewropew sal-2014, meta suppost ikun hemm dispożizzjonijiet dwar il-qafas finanzjarju multiannwali 2014-2020, hemm bżonn urġenti li r-rakkomandazzjoni fil-punt 4.4 titwettaq mill-iktar fis.

4.6

Il-KESE, bħala rappreżentant tas-soċjetà ċivili Ewropea fid-diversità kollha tagħha, ma jistax jifhem kif l-UE qed tnaqqas l-għajnuna tagħha għall-persuni l-iktar fil-bżonn preċiżament f’dan il-perjodu ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja. Infakkru li fl-2008, l-għadd ta’ persuni li kienu qed jibbenefikaw minn dan il-Pjan Ewropew kien 13-il miljun fi 18-il Stat Membri tal-UE u li n-numru issa laħaq iktar minn 18-il miljun persuna fl-2010.

4.7

F’dan il-kuntest, il-KESE bi pjaċir jinnota li l-Presidenza Pollakka, minkejja n-nuqqas ta’ qbil dwar dan il-punt fil-Kunsill Agrikoltura u Sajd tal-20 ta’ Ottubru 2011, tixtieq tkompli bl-isforzi tagħha sabiex tinstab soluzzjoni biex jiġi evitat it-tnaqqis ta’ 75 % tal-fondi allokati lill-Pjan Ewropew għall-2012 u r-riskju ta’ nuqqas ta’ pjan għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-2013, minħabba ħażniet tal-intervent attwali insuffiċjenti.

4.8

Il-KESE japprova bis-sħiħ il-fatt li din il-proposta, li tapplika biss għall-2012 u l-2013, minn issa tiddependi minn bażi legali doppja, li tistabbilixxi li l-programm huwa intiż mhux biss biex jindirizza l-għanijiet tal-PAK fejn jiżgura s-sigurtà alimentari tal-popolazzjoni, iżda anke biex isaħħaħ il-koeżjoni soċjali tal-Unjoni.

4.9

Dawn l-elementi huma parti integrali tal-Istrateġija “Ewropa 2020”. Fir-rigward tal-koeżjoni soċjali, il-KESE jfakkar dwar il-kapitolu dwar din l-istrateġija dedikata għall-ġlieda kontra l-faqar. Id-dritt għal biżżejjed ikel u dieta bilanċjata huwa s-sisien ta’ kull programm tal-ġlieda kontra l-esklużjoni.

4.10

Il-KESE bi pjaċir jinnota li l-Kummissjoni għadha qed tipproponi li jiġu kkunsidrati ċerti spejjeż amministrattivi, tat-trasport u tal-ħażniet li qed jitħallsu mill-korpi maħtura. Madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li din il-kunsiderazzjoni ser tnaqqas mill-pakkett finanzjarju disponibbli għall-implimentazzjoni tal-Pjan.

4.11

L-istess bħall-Parlament Ewropew, il-KESE japprova l-għażla li tħalliet f’idejn l-Istati Membri biex fis-sejħiet għall-offerti tagħhom jagħtu preferenza lill-prodotti mill-Unjoni. F’din is-sistema ta’ għajnuna, billi hija bbażata fuq għan soċjali u ekonomiku filwaqt li tikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni tas-suq intern, ma tkunx ħaġa sewwa li l-prodotti destinati għall-Pjan Ewropew ma jkunux joffru l-garanziji neċessarji tar-rispett tal-istandards għoljin imposti fuq il-produtturi Ewropej.

4.12

Fir-rigward tal-kofinanzjament, għall-kuntrarju tal-proposta emendata preċedenti, il-KESE bi pjaċir josserva li l-finanzjament sħiħ (100 %) tal-Pjan Ewropew inżamm, allokat mill-baġit tal-Unjoni. Dan ifisser li ġiet aċċettata waħda mir-rakkomandazzjonijiet li saru fl-opinjoni preċedenti tal-KESE. Dan l-element huwa iktar u iktar importanti meta jitqies li hemm ir-riskju li l-kriżi ekonomika u dik finanzjarja attwali tista’ twassal biex ċerti Stati Membri jkollhom inqas fondi għax ikun impossibbli li jikkofinanzjaw il-programm li kieku l-persentaġġi proposti fil-verżjoni preċedenti ġew aċċettati.

Brussell, 8 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 84, 17.03.2011, p. 49.

(2)  ĠU C 84, 17.03.2011, p. 49.