15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/47


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti minimi tas-saħħa u s-sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jinħolqu minn aġenti fiżiċi (kampi elettromanjetiċi) (l-XX Direttiva individwali skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)”

COM(2011) 348 finali — 2011/0152 (COD)

2012/C 43/10

Relatur uniku: is-Sinjura LE NOUAIL MARLIÈRE

Nhar it-22 ta’ Lulju 2011 il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u nhar it-13 ta’ Settembru 2011 il-Parlament Ewropew, iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti minimi tas-saħħa u s-sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jinħolqu minn aġenti fiżiċi (kampi elettromanjetiċi) (l-XX Direttiva individwali skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)

COM(2011) 348 finali — 2011/0152 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Novembru 2011. Ir-relatur uniku kienet is-Sinjura LE NOUAIL MARLIÈRE.

Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tas-7 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’144 vot favur, 45 vot kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jirrakkomanda l-adozzjoni ta’ din id-direttiva u t-traspożizzjoni tagħha fil-liġijiet tal-Istati Membri mill-aktar fis possibbli.

1.2   Madankollu, il-Kumitat jappoġġja l-adozzjoni immedjata ta’ prinċipju tal-prekawzjoni billi jitqiesu r-riskji tal-effetti bijoloġiċi mhux termali tal-emissjonijiet ta’ kampi elettromanjetiċi. Is-saħħa tal-ħaddiema fuq tul ta’ żmien trid tiġi żgurata totalment f’livell għoli bl-introduzzjoni tal-aħjar teknoloġiji disponibbli bi spejjeż ekonomikament aċċettabbli. Il-Kumitat jistenna li tiġi inkorporata dispożizzjoni rilevanti fid-direttiva.

1.3   Sabiex dan il-prinċipju tal-prekawzjoni jsir effettiv u kredibbli, il-Kumitat jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni maħsub biex jiġu stabbiliti valuri ta’ limitu. Iżda biex dan l-approċċ ikun siewi għalkollox, il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu determinati limiti fissi fejn jinżammu bħala referenza l-limiti użati fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/40/KE (mill-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, il-Litwanja, il-Latvja, l-Estonja u l-Italja). Il-Kumitat jinsisti fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ l-indipendenza tal-korpi xjentifiċi involuti fl-istabbiliment tal-livelli ta’ espożizzjoni tal-ħaddiema għar-radjazzjoni elettromanjetika, tal-effetti u l-konsegwenzi tagħha fuq is-saħħa pubblika u ta’ miżuri li jridu jittieħdu għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema li huma esposti għal din ir-radjazzjoni.

1.4   Hemm bżonn li jintemmu l-kunflitti ta’ interess fost il-membri ta’ dawn il-korpi, f’dak li għandu x’jaqsam mal-finanzjament tar-riċerki tagħhom kif ukoll man-nomina tagħhom (proċeduri u sejħiet għall-offerti, rikors għal istituti ta’ riċerka pubbliċi indipendenti).

1.5   Il-Kumitat jirrikonoxxi l-bżonn ta’ deroga għax-xogħlijiet li jużaw immaġini b’reżonanza manjetika fil-kamp mediku (MRI - Magnetic Resonance Imaging), iżda, madankollu din id-deroga għandu jkollha limitu ta’ żmien u għandha tkun akkumpanjata minn żieda fir-riżorsi li jingħataw għar-riċerka ta’ teknoloġiji ġodda għall-protezzjoni tal-ħaddiema mill-effetti tal-kampi elettromanjetiċi u ta’ tekniki alternattivi. Ħaddiema soġġetti għad-deroga għandhom ikunu koperti minn miżuri miżjuda sabiex ikunu protetti, superviżjoni medika speċjali, assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili sabiex ikunu koperti żbalji fit-twettiq ta’ xogħolhom li ġejjin minn espożizzjoni qawwija għal kampi elettromanjetiċi. Il-Kumitat huwa tal-fehma wkoll li l-prinċipji hawn fuq imsemmija għandhom jiġu applikati mhux biss għall-ħaddiema mediċi, iżda wkoll għall-ħaddiema l-oħra kollha li jistgħu jiġu esklużi mill-prinċipji ġenerali tad-direttiva fuq il-bażi tad-deroga inkluża fl-Artikolu 3 tal-proposta.

2.   Daħla

2.1   Il-Proposta għal Direttiva li qed tiġi analizzata hawnhekk għandha l-għan li temenda d-Direttiva 2004/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’April 2004 fuq il-ħtiġijiet minimi għas-saħħa u s-sigurtà fir-rigward tal-esposizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jiġu minn aġenti fiżiċi (kampi elettromanjetiċi), li oriġinarjament kellha tiġi trasposta fil-leġislazzjoni tal-Istati Membri fit-30 ta’ April 2008. L-għan tagħha mhuwiex il-protezzjoni tal-pubbliku ġenerali. Minħabba l-mistoqsijiet speċifiċi li qajjem it-teħid ta’ immaġini mediċi permezz tar-reżonanza manjetika (MRI), u l-bżonn li titkompla l-analiżi tal-impatt tad-direttiva, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet u kisbet skadenza addizzjonali sat-30 ta’ April 2012 għat-traspożizzjoni tad-Direttiva.

2.2   Dan l-abbozz huwa riformulazzjoni tad-Direttiva tal-2004, b’sistema ġdida ta’ valuri ta’ limitu u valuri ta’ azzjoni għall-frekwenzi l-baxxi, u jimmira li jipproteġi mill-effetti diretti u indiretti marbutin mal-espożizzjoni tal-ħaddiema għall-kampi elettromanjetiċi, iżda biss għall-effetti magħrufa fuq żmien qasir. B’mod partikolari, dan l-abbozz ma jkoprix ir-riskji li qed jiġu diskussi dwar l-effetti mhux termali tal-espożizzjoni għal ċerti kampi bi frekwenza baxxa.

2.3   Wara li tqisu użi mediċi speċifiċi, ingħatat deroga lis-setturi mediċi li jużaw l-MRI. Barra minn hekk, derogi minn uħud mill-istandards ta’ protezzjoni tad-direttiva jingħataw lill-forzi armati, u l-Istati Membri, f’każijiet oħra, jitħallew jeċċedu dawn l-istandards temporanjament “f’sitwazzjonijiet speċifiċi”.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ma ġiex ikkonsultat direttament dwar id-Direttiva tal-2004 iżda ġie kkonsultat fl-2008 dwar il-Proposta għall-postponiment tal-iskadenza għat-traspożizzjoni b’erba’ snin. F’din l-opinjoni (1), il-KESE:

tenna l-appell tiegħu tal-1993 (2) lill-Kummissjoni “sabiex tagħmel riċerka ħalli tidentifika r-riskji għas-saħħa tal-ħaddiema minħabba (…) l-espożizzjoni għall-kampi manjetiċi (…) (inkluż l-espożizzjoni fuq medda ta’ snin)”,

jinnota li l-“livelli kurrenti ta’ ħarsien għall-ħaddiema mir-riskji ta’ espożizzjoni għall-kampi elettromanjetiċi jvarjaw bejn l-Istati Membri individwali”, u li “l-preparazzjoni urġenti ta’ test imtejjeb għad-direttiva, li jipprovdi lill-ħaddiema kollha b’livell xieraq ta’ sigurtà (…) għandha tiġi trattata bħala kwistjoni prijoritarja”.

3.2   L-istudji xjentifiċi wasslu biex joħorġu fid-dieher għadd ta’ effetti ħżiena tal-kampi elettromanjetiċi fuq is-saħħa:

3.2.1   Għall-kampi manjetostatiċi: reazzjonijiet fil-ġilda, tibdil fl-elettrokardjogramma (jitreġġgħu lura sa intensità ta’ 2 Tesla (3)), ilmenti bħalma huma dardir qawwi, viżjoni ta’ tikek bojod, u vertiġini (osservati anki b’intensità tal-kamp ta’ 1.5T) (4).

3.2.1.1   Fir-rigward ta’ kampijiet ta’ frekwenza baxxa (anqas minn 10 MHz): tfixkil ta’ proċessi elettrofiżjoloġiċi fil-ġisem li jistgħu jwasslu għal sensazzjonijiet viżwali (fosfeni), stimulazzjoni tat-tessut nervuż u muskolari, disfunzjonijiet kardjoloġiċi, eċċ. (5).

3.2.2   Għall-kampi elettromanjetiċi bi frekwenza għolja (ogħla minn 100 kHz): ipertermija, minħabba li t-tessuti bijoloġiċi jkunu assorbew l-enerġija.

3.2.3   Riskji ta’ effetti indiretti, li wkoll huma ta’ ħsara għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, bħal splużjonijiet jew nirien ikkawżati minn ark elettriku, projezzjoni ta’ oġġetti ferromanjetiċi, funzjonament ħażin ta’ sistemi elettroniċi, l-effett ħażin fuq ħaddiema meqjusa partikolarment fil-periklu mill-effett tal-kampijiet elettromanjetiċi, bħalma huma l-persuni b’impjanti mediċi li jużaw tagħmir elettroniku li jinġarr fuq il-ġisem, nisa tqal, persuni li qed jiġu ttrattati għall-kanċer, eċċ.

3.3   Għadu għaddej dibattitu fundamentali dwar l-effetti psikoloġiċi, mhux termali u fuq perjodu ta’ żmien medju, tal-kampi bi frekwenza baxxa.

3.3.1   Fost ir-riskji ssuspettati nsibu: problemi fis-sistema newroendokrinali (ormoni, melatonina), problemi newrodeġenerattivi (marda ta’ Parkinson, marda tal-Alzheimer, sklerosi), effetti fuq ir-riproduzzjoni u l-iżvilupp tal-bnedmin u/jew tal-annimali (riskji ta’ korriment, malformazzjonijiet) u riskji akbar ta’ kanċer (tumuri fil-moħħ, lewkimja fit-tfal).

3.3.2   L-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC - International Agency for Research on Cancer, taħt l-awspiċi tad-WHO) ikkategorizzat il-kampi elettromanjetiċi bi frekwenza baxxa u kampijiet elettromanjetiċi ta’ frekwenza tar-radju fil-kategorija 2b, jiġifieri “li jista’ jkun li jikkawżaw il-kanċer fil-bniedem”: fl-2001, minħabba r-riskji possibbli tal-lewkimja fit-tfal, u mill-ġdid fl-2011 wara l-istudju Interphone (suspett li jiżdied ir-riskju ta’ glioma, forma malinja ta’ kanċer tal-moħħ).

3.4   Ir-rapport Huss li ħareġ dan l-aħħar (6) wissa dwar l-effetti bijoloġiċi mhux termali, li potenzjalment jagħmlu ħsara lill-pjanti, l-insetti u l-annimali kif ukoll lill-organiżmu uman, b’rabta mal-espożizzjoni għal kampi elettromanjetiċi, inkluż għal espożizzjonijiet f’livelli inqas mil-livelli rakkomandati mill-ICNIRP (7), u li parti essenzjali minnu tidher fil-Proposta attwali għal Direttiva tal-Kummissjoni Ewropea.

3.5   Dan ir-rapport, ibbażat fuq l-analiżi sintetika ta’ diversi riżultati xjentifiċi u fuq seduti mal-partijiet interessati kollha (xjentisti, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, NGOs u assoċjazzjonijiet taċ-ċittadini, intraprendituri, eċċ.) jikkonkludi li hemm bżonn li l-UE tadotta prinċipju tal-prekawzjoni tat-tip ALARA (as low as reasonably achievable - l-inqas li jista’ jintlaħaq b’mod raġonevoli), miżuri ta’ prevenzjoni effikaċi kif ukoll li ssir reviżjoni tal-valuri ta’ limitu attwali, mingħajr ma nistennew li l-provi xjentifiċi u kliniċi kollha jaqblu bejniethom, għax l-istennija tista’ twassal għal spejjeż ekonomiċi u għas-saħħa għoljin ħafna, kif ġara fil-passat pereżempju bl-asbestos, il-poliklorobifenil (PCB) u t-tabakk.

3.6   Wara dan ir-rapport, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa vvutat dwar riżoluzzjoni (8) li fiha ntqal li “għall-istandards u l-limiti tal-emissjonijiet ta’ kampi elettromanjetiċi ta’ kull tip u ta’ kull frekwenza (…), għandu jiġi applikat il-prinċipju tal-prekawzjoni ALARA, jiġifieri l-aktar livell baxx li jista’ jintlaħaq b’mod raġonevoli”. Barra minn hekk, ir-riżoluzzjoni tindika li peress li qed nitkellmu dwar is-saħħa tal-bnedmin, “għandu jiġi applikat dan il-prinċipju tal-prekawzjoni meta l-valutazzjoni xjentifika ma tippermettix li jiġi determinat ir-riskju b’biżżejjed ċertezza”. Ir-rakkomandazzjonijiet “iqisu mhux biss l-effetti msejħa termali, iżda wkoll l-effetti mhux termali jew bijoloġiċi tal-emissjonijiet jew ir-radjazzjoni tal-kampi elettromanjetiċi”. Hemm bżonn li tittieħed azzjoni għax “meta jitqies li l-espożizzjoni tan-nies qed tikber (…), l-ispejjeż ekonomiċi u umani tal-fatt li ma jsir xejn jistgħu jkunu għaljin ħafna jekk ma jingħatax widen lit-twissijiet bikrin”. Ir-riżoluzzjoni tinsisti wkoll fuq il-bżonn ta’ indipendenza u kredibbiltà assoluti tal-esperti xjentifiċi, sabiex tinkiseb “valutazzjoni trasparenti u oġġettiva tal-effetti ħżiena potenzjali fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem”. Fl-aħħar nett ir-riżoluzzjoni tistieden biex “tingħata ħarsa mill-ġdid lejn il-bażijiet xjentifiċi tal-istandards attwali tal-espożizzjoni għal kampi elettromanjetiċi stabbiliti mill-ICNIRP, li fihom lakuni serji”.

3.7   Ir-reazzjonijiet reċenti u ġustifikati tal-imsieħba soċjali għall-Proposta attwali għal Direttiva sostanzjalment enfasizzaw:

l-importanza li ma tiġi eskluża l-ebda kategorija ta’ ħaddiema, u l-ħtieġa li jimtela l-vojt leġislattiv Ewropew dwar l-espożizzjoni tal-ħaddiema għall-kampi elettromanjetiċi;

in-nuqqas ta’ oppożizzjoni għal deroga rigward il-ħaddiema li jużaw l-MRI, dejjem jekk din id-deroga jkollha limitu ta’ żmien (li mhuwiex il-każ f’din id-direttiva), u li tkun akkumpanjata minn testijiet mediċi ta’ segwitu speċifiċi;

it-tħassib tagħhom dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji fuq tul ta’ żmien (li ma tqisux fil-Proposta għal Direttiva), billi pproponew il-ħolqien ta’ forums għad-djalogu bejn l-esperti tal-ICNIRP u l-esperti nazzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

3.8   Minkejja l-effetti possibbli fuq is-saħħa tal-bniedem, sal-lum għad m’hemm l-ebda leġislazzjoni Ewropea għall-armonizzazzjoni tal-protezzjoni tal-ħaddiema li huma esposti għal kampi elettromanjetiċi fit-territorju tal-UE.

3.9   Il-KESE jtenni l-ħtieġa għal leġislazzjoni li tħares kontra l-effetti tal-espożizzjoni tal-ħaddiema għall-kampi elettromanjetiċi, f’qasam fejn għad fadal ħafna x’isir f’dak li għandu x’jaqsam mal-metodoloġiji u l-għarfien xjentifiku, fejn ir-riżultati ta’ studji xjentifiċi jikkonfermaw li l-kamp elettromanjetiku għandu effett ħażin fuq il-ħaddiema, iżda ma jaqblux fil-valutazzjoni tal-iskala tal-effett fuq il-ġisem tal-bniedem.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Il-Kummissjoni Ewropea għażlet li tibbaża l-Proposta tagħha għal Direttiva fuq livell ta’ prekawzjonijiet li qed jikber fir-rigward tal-valuri ta’ limitu, aktar milli fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni aktar ġenerali tat-tip ALARA; fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem, għandhom jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex il-ħaddiema ma jiġux soġġetti għar-riskji ta’ effetti fit-tul. Din il-ġabra ta’ suppożizzjonijiet dwar dawn ir-riskji bbażata fuq għadd kbir ta’ studji xjentifiċi hija rrifjutata biss minn żewġ kummissjonijiet xjentifiċi, l-ICNIRP u l-SCENIHR (9). Għandu jiġi enfasizzat li dan jirriżulta prinċipalment mill-għadd żgħir ta’ studji xjentifiċi fuq ħaddiema li twettqu tul dawn l-aħħar snin, minħabba l-fatt li x-xjentisti ffukaw l-aktar fuq il-kwistjoni tal-espożizzjoni tal-bniedem għall-effetti tas-sistemi tat-telefowns ċellulari.

4.2   Argument ieħor li qed jintuża bħalissa minn dawn il-korpi u li jwassal biex jiġu rrifjutati l-effetti kollha fuq tul ta’ żmien, huwa bbażat fuq il-fatt li mhumiex magħrufin il-mekkaniżmi bijoloġiċi li bihom l-espożizzjoni għall-kampi elettromanjetiċi jista’ jkollha konsegwenzi fuq l-organiżmi ħajjin. Dan l-argument aktar għandu jxaqleb lejn l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-prekawzjoni, jekk jiġu osservati ċerti effetti b’mod regolari, qabel ma l-komunità xjentifika tkun tista’ tagħti spjegazzjonijiet bijoloġiċi preċiżi.

4.3   F’dan il-kuntest inċert, il-Kumitat jemmen li “jekk l-espożizzjoni ambjentali tista’ titnaqqas, dan it-tnaqqis għandu jseħħ, b’mod partikolari permezz tal-applikazzjoni tal-aħjar teknoloġiji disponibbli u bi spejjeż ekonomikament aċċettabbli”.

4.3.1   Huwa importanti li l-livelli tal-espożizzjoni permessi mir-rekwiżiti tad-direttiva għal tal-inqas ma jeċċedux il-limiti stabbiliti mill-ħidma tal-esperti rikonoxxuti tal-Istati Membri, ibbażati fuq data xjentifika u ppubblikati f’konformità mal-prinċipji tal-pubblikazzjonijiet xjentifiċi.

4.4   Huwa utli li nirreferu għall-opinjoni tal-Aġenzija Franċiża għas-Sigurtà tas-Saħħa, l-Ambjent u x-Xogħol:

 

“B’mod partikolari nqisu:

il-lakuni metodoloġiċi marbutin mal-karatterizzazzjoni tal-espożizzjoni f’kundizzjonijiet sperimentali osservati f’għadd kbir ta’ studji;

il-possibbiltà ta’ effetti fuq tul ta’ żmien fuq kundizzjonijiet partikolari u l-ħtieġa li l-effetti ta’ espożizzjonijiet fuq tul ta’ żmien (kroniċi) jiġu dokumentati aħjar;

l-importanza li titkompla r-riċerka dwar ċerti effetti bijoloġiċi eventwali għal espożizzjonijiet f’livelli ‘mhux termali’;

 

Fl-2009 ipproponiet:

1)

li tiġi żgurata l-kwalità metodoloġika tal-istudji in vitro u in vivo dwar il-parti fiżika b’mod partikolari (karatterizzazzjoni tal-espożizzjoni u forma tas-sinjali), iżda wkoll dwar il-parti bijoloġika (esperimenti fl-għami, kontrolli adatti, identifikazzjoni tal-pożittivi foloz, repetizzjoni tal-esperimenti, validità statistika suffiċjenti, eċċ.);

2)

li jitwettqu studji b’mod partikolari dwar ir-riproduzzjoni u l-iżvilupp fuq diversi ġenerazzjonijiet ta’ annimali (pereżempju fuq annimali bi predispożizzjoni għal mard li għalih il-ġeni umani huma magħrufin li huma suxxettibli - mard newrodeġenerattiv, ċerti tipi ta’ kanċer, mard awtoimmunitarju) biex jitqabblu dejjem ma’ annimali normali u abbażi ta’ kundizzjonijiet ta’ espożizzjoni realistiċi karatterizzati perfettament;

3)

li jerġgħu jsiru xi studji li ġew analizzati f’dan ir-rapport u li juru effetti bijoloġiċi li x’aktarx huma fiżjoloġiċi (b’mod partikolari fuq il-fluss tad-demm fil-moħħ);

4)

li jiġu żviluppati studji dwar faxex ta’ frekwenzi inqas minn 400 MHz (b’mod partikolari għall-effetti kroniċi li mhumiex b’saħħithom ħafna) u lil hinn minn 2,5 GHz  (10)”.

4.5   Dwar il-prinċipju tal-prekawzjoni, tajjeb li nfakkru fl-artiklu ppubblikat fil-31 ta’ Mejju 2011 tas-Sur Olivier Godard, Direttur tar-riċerka fiċ-Ċentru Nazzjonali għar-Riċerka Xjentifika Franċiż (CNRS), Laboratorju tal-ekonometrija (UMR 7176), Skola politeknika, Franza, bl-isem ta’ “Principe de précaution: un bon principe en manque d’organisation de sa mise en œuvre” (Prinċipju tal-prekawzjoni: prinċipju tajjeb b’nuqqas ta’ organizzazzjoni fl-implimentazzjoni tiegħu) (11).

Brussell, 7 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 204/110, 09.08.2008, p. 110.

(2)  Dwar il-Proposta ta’ Direttiva tal-Kunsill rigward il-preskrizzjonijiet minimi tas-sigurtà u tas-saħħa relattivi għall-espożizzjoni ta’ ħaddiema għar-riskji ġejjin minn aġenti fiżiċi – ĠU C 249, 13.09.1993 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Il-kamp elettromanjetiku jitkejjel f’teslas, li s-simbolu tagħhom huwa T. It-tesla hija għalhekk l-unità tas-sistema internazzjonali għad-densità tal-fluss manjetiku li tikkorrispondi għal Weber għal kull metru kwadru.

(4)  WILÉN J 2010 - WILÉN J, DE VOCHT F. 2010. Health complaints among nurses working near MRI scanners - A descriptive pilot study. Eur J Radiol. 2010 Ottubru 13.

(5)  ICNIRP Guidelines for limiting exposure to time-varying electric, magnetic, and electromagnetic fields (up to 300 GHz) (Linji gwida sabiex tiġi limitata l-espożizzjoni għal kampi elettriċi, manjetiċi u elettromanjetiċi li jvarjaw biż-żmien (sa 300 GHz)). Health Physics, 74, 4 April 1998, 494–522; 494–522 - http://www.icnirp.de/documents/emfgdl.pdf.

(6)  Il-periklu potenzjali tal-kampi elettromanjetiċi u l-effetti tagħhom fuq l-ambjent, 6 ta’ Mejju 2011 - Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal- Ewropa, Kummissjoni għall-Ambjent, l-Agrikoltura u l-Kwistjonijiet Territorjali. Dokument 12608, p. 3 http://assembly.coe.int/Main.asp?link=/Documents/WorkingDocs/Doc11/EDOC12608.htm.

(7)  International Commission on Non-Ionizing Radiation Protection (Kummissjoni Internazzjonali għall-ħarsien mir-radjazzjoni mhux jonizzanti).

(8)  Riżoluzzjoni 1815 (2011) - http://assembly.coe.int/Mainf.asp?link=/Documents/AdoptedText/ta11/FRES1815.htm.

(9)  Scientific Committee on Emerging and Newly Identified Risks (il-kumitat xjentifiku dwar ir-riskji tas-saħħa emerġenti u li nstabu dan l-aħħar).

(10)  Opinjoni tal-AFSSET dwar l-aġġornament tal-għarfien espert dwar ir-radjufrekwenzi http://www.afsset.fr/upload/bibliotheque/403036549994877357223432245780/09_10_ED_Radiofrequences_Avis.pdf.

(11)  http://www.gabrielperi.fr/IMG/article_PDF/article_a1246.pdf u http://www.gabrielperi.fr/IMG/pdf/PubOlivier_Godard-precaution-0411.pdf.