28.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/139


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-Internet miftuħ u n-newtralità fl-Ewropa”

COM(2011) 222 finali

2012/C 24/31

Relatur: is-Sur PEGADO LIZ

Nhar id-19 ta’ April 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-internet miftuħ u n-newtralità tan-net fl-Ewropa

COM(2011) 222 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Ottubru 2011.

Matul l-475 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta’ Ottubru 2011 (seduta tas-26 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’151 vot favur u astensjoni 1 (waħda).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-kunċetti tal-“internet miftuħ” u n-“newtralità tan-net”, jiġifieri l-“libertajiet tal-internet”, huma essenzjali għal kull regolamentazzjoni maħsuba biex tiggarantixxi l-libertà li l-internet jintuża bħala mezz ta’ komunikazzjoni.

1.2   Il-garanzija ta’ internet miftuħ u tan-newtralità tan-net ġiet rikonoxxuta bħala mira politika fundamentali fil-livell tal-UE f’diversi dokumenti importanti, u ssemmiet b’mod partikolari bħala għan politiku fl-Aġenda Diġitali, waħda mill-aktar pilastri importanti tal-Istrateġija Ewropa 2020.

1.3   Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni maħsuba biex tissorvelja l-impatt tal-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq fuq il-libertajiet tal-internet. Madankollu, il-Komunikazzjoni ma tissodisfax dak li kien qed jistenna b’mod leġittimu l-KESE.

1.4   Il-Kummissjoni tirrikonoxxi ċerti sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għall-ksur ta’ dawn il-prinċipji, iżda minflok ma tieħu azzjoni biex tħarishom, qed tipproponi li wieħed jistenna u mbagħad jara.

1.5   Billi din il-kwistjoni hi importanti immens għall-futur ekonomiku u soċjali tal-Ewropa, il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li l-prinċipji tal-internet miftuħ u n-newtralità tan-net jiddaħħlu b’mod formali fil-liġi tal-UE mill-aktar fis possibbli, dejjem fid-dawl tal-iżvilupp tat-teknoloġiji (l-aktar avvanzati) f’dan il-qasam.

1.6   Barra minn hekk, il-KESE jemmen li issa huwa ż-żmien adatt biex jiġu definiti l-prinċipji li jiggarantixxu internet miftuħ u newtrali, u l-Kumitat qed jirrakkomanda sett ta’ prinċipji li fil-fehma tiegħu għandhom jiġu adottati, kif jintqal f’punt 7.12.

1.7   Il-KESE jemmen ukoll li dawn il-prinċipji huma kruċjali għall-iżvilupp futur tal-internet bħala għodda biex tittejjeb iċ-ċittadinanza abbażi tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u bħala kundizzjoni essenzjali biex jintlaħqu l-miri tas-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS – World Summit on the Information Society) li ġew definiti f’Ġinevra (2003) u f’Tuneż (2005).

1.8   Fil-fehma tal-KESE, it-teħid ta’ azzjoni immedjata f’dan il-qasam ser ikun deċiżiv biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, biex tiġi implimentata l-Aġenda Diġitali u biex jitkompla s-suq intern, u jilqa’ l-istqarrijiet pubbliċi reċenti tal-Kummissarju Kroes f’dan ir-rigward.

1.9   Għaldaqstant, il-Kumitat jitlob lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri jadottaw approċċ proattiv biex jissalvagwardjaw il-libertajiet tal-internet, u jassumi li l-Kummissjoni ser taġixxi b’mod korrispondenti.

2.   Sinteżi, natura u kontenut tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1   Il-Komunikazzjoni hija dokument politiku li jissodisfa l-impenn li daħlet għalih il-Kummissjoni Ewropea fid-dikjarazzjoni tagħha fil-pakkett ta’ riforma dwar it-telekomunikazzjoni tal-2009 (1), jiġifieri li “tissorvelja l-impatt tal-iżviluppi tas-suq u tat-teknoloġija fuq il-‘libertajiet tal-internet’ billi tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill qabel l-aħħar tal-2010 dwar jekk hemmx bżonn gwida addizzjonali”.

2.1.1   F’din id-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni stqarret l-impenn qawwi u ċar tagħha favur il-“preservazzjoni tal-karattru miftuħ u newtrali tal-internet, b’kunsiderazzjoni sħiħa għar-rieda tal-koleġislaturi biex issa, in-newtralità tal-internet tkun imħaddna bħala objettiv politiku u prinċipju regolatorju li għandu jkun imħeġġeġ mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali”.

2.2   Irridu niftakru li fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, il-Kummissjoni ħabbret li “ser timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġislattivi ġodda dwar il-kwalità miftuħa u newtrali tal-internet” (2).

2.3   Il-Komunikazzjoni tiddeskrivi l-proċess tal-konsultazzjoni pubblika u tat-tiftix tal-fatti li wettqet il-Kummissjoni fl-2010 (3) kif ukoll is-summit konġunt organizzat mill-Kummissjoni u mill-Parlament fil-11 ta’ Novembru 2010 (4).

2.4   Il-Kummissjoni tikkonkludi li għalissa m’għandha tittieħed l-ebda azzjoni għaliex l-evidenza mhix suffiċjenti biex tirrakkomanda li hemm bżonn aktar leġislazzjoni f’dan l-istadju.

2.4.1   Matul il-proċess ta’ konsultazzjoni, diversi partijiet interessati u l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) indikaw li xi Fornituri tas-Servizz tal-Internet (ISPs) qed “irażżnu”, “jimblukkaw” u jitolbu prezzijiet diskriminatorji għal ċerti tipi ta’ traffiku (5).

2.4.2   Madankollu, il-Kummissjoni tittama li r-regoli dwar il-kuntratti (6), it-trasparenza (7), il-bdil tal-operatur (8) u l-kwalità tas-servizz (9) li jiffurmaw parti mill-qafas rivedut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tal-UE jikkontribwixxu għall-produzzjoni ta’ riżultati kompetittivi.

2.4.3   Barra minn dan, il-Kummissjoni temmen li għandu jingħata żmien biżżejjed biex jiġu implimentati dawn id-dispożizzjonijiet u biex wieħed jara kif ser joperaw fil-prattika (10).

2.5   Il-Komunikazzjoni ma tiddefinixxix b’mod espliċitu t-termini ewlenin billi dawn jistgħu jiġu interpretati mil-leġislazzjoni Ewropea. Fil-fatt tgħid li “m’hemmx definizzjoni stabbilita ta’ ‘newtralità tan-net’ ”.

2.5.1   Minflok tiddefinixxihom, il-Komunikazzjoni tikkombina ż-żewġ termini flimkien u tfisser fil-qosor il-pożizzjoni legali tal-UE dwarhom billi tirreferi għall-Artikolu 8(4)(g) tad-Direttiva Qafas li jobbliga lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (ARN) jiżguraw li l-utenti aħħarija jkollhom aċċess għall-informazzjoni u jkunu jistgħu jqassmuha jew li jużaw l-applikazzjonijiet u s-servizzi li jagħżlu huma (skont il-liġi applikabbli) (11).

2.6   Il-Komunikazzjoni tagħlaq bl-impenn min-naħa tal-Kummissjoni li tippubblika r-riżultati tal-investigazzjonijiet li ser ikompli jagħmel il-BEREC dwar il-prattiki tal-ISPs li jistgħu jkunu antikompetittivi u kontra l-prinċipji ta’ internet miftuħ u newtrali. Jekk jiġu kkonfermati problemi sinifikanti u persistenti u l-Kummissjoni tqis li hemm bżonn ta’ aktar regolamentazzjoni, din ser tagħti parir lill-Kunsill dwar x’azzjoni tista’ tkun meħtieġa.

3.   Dwar xiex qed nitkellmu?

3.1   In-nuqqas ta’ definizzjoni espliċita tat-termini ewlenin inkwistjoni huwa problema serja. Mingħajr definizzjoni, l-argumenti ma jistgħux jiġu ppreżentati b’mod ċar u ma tistax tingħata gwida ċara għas-suq u r-regolaturi dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi Ewropea f’din il-kwistjoni.

3.2   L-internet mituħ

3.2.1   L-internet miftuħ huwa kunċett li jmur lura għal meta beda l-internet u meta nħoloq il-World Wide Web (il-Web), li bih il-kontenut ta’ fuq l-internet pubbliku sar disponibbli għal kull min għandu konnessjoni tal-internet madwar id-dinja.

3.2.2   L-internet miftuħ huwa l-prinċipju li, bħala utenti, aħna ħielsa li nidħlu fuq l-internet pubbliku mingħajr restrizzjonijiet mill-gvernijiet jew mill-ISPs fuq il-kontenut, is-siti, il-pjattaformi, it-tipi ta’ tagħmir li jistgħu jkunu assoċjati, u l-modi ta’ komunikazzjoni permessi.

3.2.3   Huwa “miftuħ” għaliex juża standards pubbliċi mingħajr ħlas li minnhom jista’ jibbenefika kulħadd biex jibni websajts, applikazzjonijiet u servizzi, u għaliex jiġġestixxi t-traffiku kollu bejn wieħed u ieħor bl-istess mod.

3.2.4   Ladarba tkun fuq l-internet pubbliku, m’għandekx għalfejn titlob permess jew tħallas aktar lill-ISPs biex tkun onlajn mal-utenti l-oħra. Jekk toħloq servizz ġdid innovattiv, m’għandekx għalfejn iġġib permess biex taqsmu mal-bqija tad-dinja.

3.2.5   Din il-libertà li persuna tikkomunika u tkun innovattiva hija r-raġuni għaliex l-internet kien ta’ suċċess notevoli.

3.2.6   Fil-verità, illum, ħafna mill-internet pubbliku m’għadux “miftuħ”. Il-Web għadu miftuħ, iżda l-applikazzjonijiet li nistgħu nużaw fuq l-ismart phones, is-siti tan-netwerking soċjali li għandna aċċess għalihom u l-kontenut li nħallsu għalih jagħmlu parti minn internet magħluq, aċċessibbli biss permezz ta’ interfaces privati u l-interfaces tal-programmi ta’ applikazzjoni (12).

3.2.6.1   Għadd dejjem jiżdied ta’ pajjiżi (13), kumpaniji (14) u operaturi tan-netwerk (15) qed jillimitaw l-aċċess għall-internet pubbliku jew jibdlu l-mod ta’ kif jopera għal raġunijiet politiċi, teknoloġiċi jew kummerċjali.

3.2.7   Madankollu, il-kunċett tal-internet miftuħ huwa r-raġuni għaliex l-internet stimola l-innovazzjoni ekonomika, il-parteċipazzjoni demokratika, il-libertà ta’ espressjoni u t-tagħlim onlajn madwar id-dinja kollha. Huwa kunċett importanti immens għall-valuri li nħaddnu ta’ libertà, ugwaljanza u drittijiet tal-bniedem, hekk kif dikjarat fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

3.2.8   Mingħajr ma jissemma b’mod espliċitu, il-prinċipju tal-internet miftuħ huwa indirizzat fl-Artikolu 1(3a) u fl-Artikolu 8(4)(g) tad-Direttiva Qafas dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi u fil-paragrafu 28 tad-Direttiva 2009/136/KE dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini.

3.3   In-newtralità tan-net

3.3.1   Il-prinċipju tan-newtralità tan-net ġej mill-kunċett tal-internet miftuħ. Filwaqt li l-internet miftuħ huwa relatat ma’ standards miftuħin u l-libertà li wieħed jidħol fuq l-internet u jużah, in-newtralità tan-net tikkonċerna t-trattament kummerċjali tal-konsumaturi tal-internet mill-ISPs. L-għan ta’ dan il-prinċipju hu li jħares id-drittijiet tal-konsumatur skont il-prinċipju tal-internet miftuħ mingħajr interferenza kummerċjali mhux raġonevoli min-naħa tal-fornituri tan-netwerk.

3.3.2   Il-prinċipju tan-newtralità tan-net ifisser li l-kumpaniji li jipprovdu s-servizz tal-internet għandhom jittrattaw b’mod ugwali s-sorsi kollha ta’ data simili tal-internet u m’għandhomx jiddistingwu bejn it-tipi differenti ta’ traffiku għal finijiet kummerċjali.

3.3.2.1   Skont dan il-prinċipju, l-utenti tal-internet għandu jkollhom kontroll fuq x’kontenut jaraw u x’applikazzjonijiet jużaw fuq l-internet, u li l-ISPs m’għandhomx ikunu jistgħu jużaw is-saħħa tagħhom fis-suq biex jiddiskriminaw kontra kontenut jew applikazzjonijiet li jkunu qed jikkompetu.

3.3.2.2   Dan il-prinċipju jista’ jkun kompatibbli mal-miżuri tal-ġestjoni tat-traffiku sakemm dawn il-miżuri ma jkunux diskriminatorji, ikunu trasparenti għall-konsumaturi, u jittieħdu b’mod leġittimu biex is-servizz ikun ta’ kwalità. Madankollu, il-miżuri tal-ġestjoni tat-traffiku m’għandhomx joħolqu inċentivi biex in-netwerk jiżviluppa aktar bil-mod sabiex jintalbu prezzijiet ogħla minħabba l-iskarsezza tar-riżorsi.

3.3.3   Dan il-prinċipju jgħid li s-suq tal-konnettività għandu jibqa’ legalment separat mis-suq tal-kontenut u l-applikazzjonijiet, jiġifieri l-kumpaniji li joperaw fiż-żewġ swieq iridu jisseperaw b’mod adegwat il-ġestjoni tas-swieq rispettivi.

3.3.4   Madankollu, dan il-prinċipju jista’ jkun li hu mhedded (16). L-ISPs jistgħu jużaw l-infrastruttura tagħhom biex jimblukkaw l-applikazzjonijiet u l-kontenut tal-internet (pereżempju websajts, servizzi, protokolli), b’mod partikolari dawk tal-kompetituri, jew li jbiddlu l-mudelli tan-negozju tagħhom biex inaqqsu l-kwalità u l-ambitu tal-aċċess li jgawdu l-utenti differenti. Bidliet bħal dawn fil-mudelli tan-negozju jistgħu jirriżultaw f’diskriminazzjoni mhux ġusta fil-prezzijiet kif ukoll f’diskriminazzjoni fil-kwalità tas-servizz.

3.4   Opinjonijiet preċedenti tal-KESE

3.4.1   F’diversi opinjonijiet, il-KESE ħa pożizzjoni ċara favur dawn iż-żewġ prinċipji, l-aktar fuq il-bażi tal-libertà u d-drittijiet tal-bniedem; il-protezzjoni tad-data u l-protezzjoni tal-privatezza; il-governanza demokratika u kollaborattiva; l-inklużjoni u l-għoti tas-setgħa; l-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku (17).

3.4.2   B’mod partikolari, fl-opinjoni tiegħu CESE 362/2011, il-KESE diġà stqarr li: “Il-Kumitat jikkunsidra li l-prinċipju tan-newtralità tan-[net] hu ta’ importanza kritika għall-ġejjieni tas-servizzi tal-Internet fl-Ewropa” (18).

4.   L-ekonomija wara l-prinċipji: ir-rabta mal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Aġenda Diġitali

4.1   L-ekonomija diġitali

4.1.1   Bl-inizjattiva ewlenija tal-Aġenda Diġitali (19), l-Istrateġija Ewropa 2020 (20) tipprova tqawwi l-potenzjal enormi ta’ tkabbir li għandhom l-internet u l-ekonomija diġitali.

4.1.2   Illum il-ġurnata żewġ biljun persuna għandhom konnessjoni tal-internet, u l-ammont annwali tat-transazzjonijiet elettroniċi (kummerċ elettroniku) jilħaq kważi EUR 5,5 triljun. Il-konsum u l-infiq relatat mal-internet illum huma akbar minn dawk tal-biedja u l-enerġija; u f’pajjiżi fejn il-penetrazzjoni tal-internet hija aktar avvanzata, matul l-aħħar ħames snin dan ikkontribwixxa għal 21 % tat-tkabbir tal-PDG (21).

4.1.3   Skont studju reċenti li sar mill-McKinsey Global Institute (22) fost kważi 5 000 SME, ir-rata tat-tkabbir tal-SMEs bi preżenza qawwija tal-Web kienet ’il fuq minn darbtejn aktar mgħaġġla minn ta’ dawk fejn il-Web ma kienx preżenti jew il-preżenza tiegħu kienet minima. Barra minn hekk, in-numru ta’ impjiegi li ħolqu tal-ewwel kien aktar mid-doppju minn ta’ dak li ħolqu tat-tieni.

4.1.4   Sabiex jinkiseb l-akbar benefiċċju minn dan il-mutur qawwi tat-tkabbir u t-trasformazzjoni, għandu jsir kull sforz biex jingħata aċċess massimu għall-internet u l-libertà li jintuża, u biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-ispejjeż għall-konsumaturi u l-intrapriżi.

4.2   L-SMEs, l-innovazzjoni, l-impjieg u t-tkabbir

4.2.1   L-Istrateġija Ewropa 2020 tpoġġi enfasi speċjali fuq it-titjib tal-ambjent tan-negozju għall-SMEs, fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż tat-transazzjonijiet, fuq it-tħeġġiġ tal-innovazzjoni fl-SMEs, u fuq l-għajnuna għall-istart-ups.

4.2.2   Kull politika li tabbanduna l-prinċipji tal-internet miftuħ u n-newtralità tan-net biex tiffavorixxi lill-operaturi tan-netwerks bi ħsara għat-23 miljun SME (23) u l-konsumaturi Ewropej ser ixxekkel il-kapaċità tal-Ewropa li tittrasforma l-ekonomija u s-soċjetà kif ippjanat fl-Istrateġija Ewropa 2020.

4.3   Is-suq intern u l-kompetizzjoni ġusta

4.3.1   Internet miftuħ u newtralità tan-net li jiggarantixxu l-kompetizzjoni ġusta u jistimolaw l-innovazzjoni huma prinċipji essenzjali wkoll biex jinkiseb Suq Uniku Diġitali (24) b’saħħtu.

5.   Xi operaturi tan-netwerk iressqu argumenti kontra l-prinċipju tan-newtralità tan-net

5.1   Xi operaturi tan-netwerk qed jaħdmu biex jipperswadu lill-gvernijiet nazzjonali, il-Kummissjoni u l-PE jgħinuhom iżidu s-sehem tagħhom fid-dħul mill-internet (25). Qed jargumentaw li jekk mhux ser ikunu jistgħu joħolqu sorsi ġodda ta’ dħul mill-forniment tal-kontenut, mhux ser jaffordjaw l-investiment kapitali meħtieġ biex jipprovdu l-broadband b’veloċità għolja li għandha bżonn l-Ewropa (26).

5.1.1   Xi operaturi tan-netwek privati li jikkompetu fis-suq tal-konnettività tal-internet u li jippruvaw jiksbu ritorn f’qasir żmien fuq l-investiment, qed joqogħdu attenti kif jinvestu f’dan il-qasam bħalissa għaliex mhumiex jaraw li n-negozju qed iħalli biżżejjed profitti, speċjlament fir-reġjuni periferiċi.

5.2   Madankollu, fis-suq tal-konnettività qed jidħlu fornituri tal-infrastruttura ġodda li huma appoġġjati mill-investiment tal-Ewropa biex jipprovdu broadband b’veloċità għolja (27) u r-rati tat-tkabbir attraenti fid-domanda għall-bandwidth. Hekk kif fl-Ewropa qed jiżviluppa suq aktar kompetittiv għall-infrastruttura tal-broadband, id-disponibbiltà tal-bandwidth u l-prezz tal-forniment tiegħu qed jiġu influwenzati b’mod pożittiv mill-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda kemm għall-broadband terrestri kif ukoll dak bla wajers. Pereżempju, qed isiru proġetti kbar biex jiġi pprovdut l-internet b’veloċità għolja, speċjalment fiż-żoni rurali, bis-saħħa tad-dividend diġitali marbut mal-bidla mix-xandir analogu għal dak diġitali.

5.3   Il-problema hi li l-proposti ta’ xi ISPs li jibdlu l-mudelli tan-negozju tagħhom billi jiċħdu l-prinċipju tan-newtralità tan-net ser iżidu l-prezz tal-kontenut u s-servizzi fuq l-internet jew inaqqsu l-ftuħ tal-internet.

5.3.1   Jekk jiddgħajjef il-prinċipju tan-newtralità tan-net u b’hekk l-ISPs ikunu jistgħu “jintaxxaw”, irażżnu jew jimblukkaw it-traffiku tal-internet bejn il-konsumaturi u l-fornituri tas-servizzi, il-prezz tas-servizzi tal-internet ser jiżdied fl-Ewropa u dan ser ikollu effetti ħżiena fuq l-innovazzjoni, it-tkabbir, l-impjieg u l-Istrateġija Ewropa 2020.

5.3.2   Ser ikun fil-periklu wkoll il-ksib tal-miri tad-WSIS li ġew definiti f’Ġinevra (2003) u f’Tuneż (2005) b’konformità mal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju (MDGs) (28).

6.   Il-KPN  (29) iwassal għall-ħolqien tal-liġi dwar in-newtralità tan-net fil-Pajjiżi l-Baxxi

6.1   Fil-Komunikazzjoni tad-19 ta’ April, il-Kummissjoni tgħid li l-evidenza dwar l-interferenza tal-operaturi fit-traffiku tal-internet biex jieħdu vantaġġ kummerċjali ma kinitx suffiċjenti biex tiġġustifika l-introduzzjoni immedjata ta’ aktar leġislazzjoni biex jitħares il-prinċipju tan-newtralità tan-net.

6.2   Madankollu, sussegwentement, fl-10 ta’ Mejju, l-ISP Olandiż KPN (30) indika li kien qed jippjana li minn Lulju jibda jitlob aktar flus meta l-konsumaturi jużaw ċerti applikazzjonijiet tal-internet, bħall-VoIP (Skype) u l-WhatsApp, applikazzjoni tal-ismartphone li tissostitwixxi l-SMS.

6.2.1   Ġie żvelat li l-KPN, bħal ISPs oħra, kien qed juża teknoloġija msejħa “spezzjoni fil-fond tal-pakkett” (DPI – deep packet inspection) (31) biex janalizza t-traffiku tal-internet tal-konsumaturi tiegħu u kien qed jippjana li jintroduċi ħlas addizzjonali għat-telefonati VoIP, it-traffiku tal-WhatsApp u kull kontenut ieħor li ried jillimita jew jagħmel il-profitt minnu.

6.2.2   Peress li kien fl-interess strateġiku tiegħu li jinjora l-prinċipju tan-newtralità tan-net u peress li ma kien hemm l-ebda rekwiżit legali biex jiġi rispettat dan il-prinċipju, il-KPN stqarr b’mod miftuħ li beħsiebu jibda “jintaxxa” ċerti tipi ta’ traffiku tal-internet.

6.3   L-iżvelar pubbliku tal-azzjonijiet u l-intenzjonijiet futuri tal-KPN ħolqu tempesta politika fil-Pajjiżi l-Baxxi, u dan wassal biex fit-22 ta’ Ġunju t-Tieni Kamra tal-Parlament Olandiż adottat l-ewwel liġijiet fl-Ewropa li jħarsu l-prinċipji tal-internet miftuħ u n-newtralità tan-net.

6.4   L-istqarrija li ħareġ il-KPN dwar l-intenzjoni tiegħu tat prova kategorika li xi operaturi tan-netwerk ma jarawx id-dispożizzjonijiet tal-Qafas rivedut dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-UE bħala protezzjoni serja tal-prinċipju tan-newtralità tan-net.

7.   L-UE għandha tieħu azzjoni issa jew għandha “tistenna u mbagħad tara”?

7.1   Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tipproponi li wieħed jistenna u mbagħad jara.

7.2   Il-Komunikazzjoni tgħid li t-traspożizzjoni tal-qafas regolatorju rivedut fil-liġi nazzjonali għandha tipprovdi protezzjoni biżżejjed għall-prinċipju tal-internet miftuħ. F’każ li operatur jikser il-liġi, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha s-setgħa ċara li taġixxi b’mod deċiżiv.

7.3   Madankollu, skont il-Komunikazzjoni m’għandux ikun hemm bżonn li jiġi infurzat il-prinċipju tan-newtralità tan-net. Minflok dan, il-Kummissjoni tipproponi li suq kompetittiv tal-konnettività bil-broadband, flimkien mat-trasparenza u d-dispożizzjonijiet dwar il-bdil tal-operatur fil-Qafas rivedut, għandu jkun adegwat.

7.4   Il-Komunikazzjoni timplika li jkun aħjar li wieħed jistenna u jara jekk il-liġijiet eżistenti u l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni hux ser ikunu adegwati biex iħarsu l-prinċipju tan-newtralità tan-net; u li l-implimentazzjoni ta’ leġislazzjoni ad hoc tista’ taffettwa ħażin l-iżvilupp tal-ekonomija tal-internet fl-Ewropa billi tiskoraġġixxi l-investiment jew tipprevjeni l-iżvilupp ta’ mudelli innovattivi tan-negozju.

7.5   Dawk li jappoġġjaw l-approċċ li wieħed jistenna u mbagħad jara, jiġbdu l-attenzjoni għas-suq kompetittiv tas-servizzi tal-ISP, u jgħidu li jekk l-operaturi tan-netwerk jintroduċu prezzijiet diskriminatorji għall-forniment tal-kontenut, il-konsumaturi li ma jkunux kuntenti ser jibdlu l-ISP.

7.5.1   Madankollu, dan l-argument jissottovaluta d-diffikultà reali li jsibu ħafna konsumaturi biex jibdlu l-operatur (32) kif ukoll il-ħsara li tista’ tagħmel azzjoni kollettiva min-naħa tal-akbar ISPs jekk ilkoll jiddeċiedu li jdaħħlu tariffi diskriminatorji għall-forniment tal-kontenut.

7.6   Illum il-ġurnata, 61 % tad-djar Ewropej li għandhom aċċess għall-internet bħalissa jixtru l-aċċess għall-internet bħala parti minn offerta li tinkludi l-internet, it-telefon u t-televiżjoni. Barra minn hekk, 92 % tad-djar b’pakkett ta’ dan il-grupp ta’ servizzi ma biddlux l-operatur tagħhom minkejja li 36 % kkunsidraw li jagħmlu dan (33). Jidher ċar li s-saħħa tal-ISP fis-suq qed tikber permezz ta’ prattiki ta’ marketing intelliġenti, u dan qed jaffettwa ħażin l-imġiba tal-konsumaturi rigward il-bdil tal-operatur – il-marketing intelliġenti jdgħajjef is-saħħa tal-konsumaturi. Bis-saħħa ta’ marketing intelliġenti l-ISPs ser ikunu jistgħu jużaw il-pożizzjoni tagħhom u jirnexxilhom jgħadduha lixxa meta jużaw prattiki li jmorru kontra l-prinċipju tan-newtralità tan-net, u b’hekk jagħmlu profitti eċċessivi u jdgħajfu l-kompetizzjoni u l-innovazzjoni, sakemm il-leġislazzjoni ma tipprevjenihomx milli jagħmlu dan.

7.7   Fi kwalunkwe każ, il-proċess tal-evalwazzjoni tal-effikaċja tar-regoli l-ġodda għall-komunikazzjonijiet elettroniċi ser jieħu perjodu konsiderevoli ta’ żmien.

7.7.1   Fid-dawl tat-tul ta’ żmien li jista’ jkun hemm bżonn biex azzjoni regolatorja titqies, titfassal u tidħol fis-seħħ fl-UE-27, u billi jidher li l-ISPs qed jgħaġġlu biex jintroduċu mudelli ġodda tan-negozju, jista’ jkun li n-newtralità tan-net diġà ma tkunx kunċett rilevanti qabel ma tinkiteb xi regolamentazzjoni.

7.8   Il-KESE jissuġġerixxi approċċ proattiv differenti, ibbażat l-aktar fuq il-prinċipji tal-prevenzjoni u l-prekawżjoni deskritti fl-opinjoni preċedenti tiegħu dwar l-approċċ proattiv tal-liġi tal-UE (34) u jilqa’ l-istqarrijiet reċenti ħafna tal-Kummissarju Kroes li jidher li jappoġġjaw dan l-approċċ.

7.9   B’konformità ma’ dan l-approċċ, il-prinċipji tal-internet miftuħ u n-newtralità tan-net għandhom ikunu definiti mingħajr ambigwità u jiddaħħlu fil-liġi Ewropea bħala prova ta’ approvazzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini kif definiti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

7.10   Il-Kummissjoni għandha tfassal il-prinċipji għal internet miftuħ u newtrali wara li tikkunsidra tajjeb diversi formulazzjonijiet u wara li tikkonsulta lill-partijiet interessati kollha, u għandha tikkunsidra l-evoluzzjoni tat-teknoloġija (l-aktar avvanzata) f’dan il-qasam.

7.11   Għalkemm il-prinċipju tal-internet miftuħ huwa bejn wieħed u ieħor kopert b’mod adegwat fil-liġi tal-UE permezz tal-Artikoli 1(3a) u 8(4)(g) tad-Direttiva Qafas (35) flimkien mal-paragrafu 28 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini (36), dan jista’ jiġi definit b’mod aktar espliċitu u mingħajr ambigwità. Madankollu, il-prinċipju speċifiku tan-newtralità tan-net mhux definit fil-liġi tal-UE u lanqas mhu kopert b’mod adegwat minn għadd ta’ dispożizzjonijiet ikkumbinati flimkien.

7.12   Fil-fehma tal-Kumitat – l-aktar abbażi ta’ analiżi tal-prinċipji li jinsabu fil-linji gwida Norveġiżi dwar in-newtralità tal-internet (37), ir-risposta tal-BEUC għall-konsultazzjoni tal-KE dwar in-newtralità tan-net (38), ir-Riżoluzzjoni tad-Djalogu Trans-Atlantiku dwar il-Konsumatur (TACD, Trans Atlantic Consumer Dialogue) dwar in-newtralità tan-net (39), u l-liġi adottata dan l-aħħar fil-Pajjiżi l-Baxxi (40) – id-definizzjoni tal-prinċipji għandha tinkludi għall-inqas l-elementi li ġejjin:

i.

libertà u kwalità tal-aċċess għall-internet

Il-Kummissjoni Ewropea għandha taqbel fuq standard komuni fl-UE rigward il-“kwalità minima tas-servizzi” skont il-prinċipji ta’ interess ġenerali, u għandha tiżgura li jkun hemm monitoraġġ effettiv tal-applikazzjoni tiegħu.

ii.

nondiskriminazzjoni bejn il-flussi tat-traffiku tal-internet

Bħala regola ġenerali, m’għandha ssir l-ebda differenza bejn il-mod kif jiġi ttrattat il-fluss tad-data ta’ kull individwu fuq il-bażi tat-tip ta’ kontenut, is-servizz, l-applikazzjoni, il-mezz użat jew l-indirizz ta’ minn fejn tkun ġejja jew ta’ fejn tkun sejra d-data. Dan jgħodd għall-punti kollha tan-netwerk, inklużi l-punti tal-interkonnessjoni.

Jista’ jkun hemm xi eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju, bil-kundizzjoni li dawn ikunu konformi mal-linji gwida stabbiliti fir-rakkomandazzjoni proposta fil-punt (iii).

iii.

superviżjoni tal-mekkaniżmi għall-ġestjoni tat-traffiku tal-internet,

B’eċċezzjoni għall-prinċipji msemmija fil-proposti (i) u (ii), u sabiex jiġu limitati kemm jista’ jkun id-devjazzjonijiet minnhom, meta l-ISPs jużaw mekkaniżmi għall-ġestjoni tat-traffiku biex jiżguraw il-kwalità tal-aċċess għall-internet, huma għandhom jikkonformaw mal-prinċipji ġenerali tar-rilevanza, tal-proporzjonalità, tal-effiċjenza, tan-nondiskriminazzjoni bejn il-partijiet u tat-trasparenza.

iv.

servizzi ġestiti

Sabiex tinżamm il-kapaċità li l-atturi kollha jinnovaw, l-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom ikunu jistgħu joffru “servizzi ġestiti” flimkien mal-aċċess għall-internet, bil-kundizzjoni li s-servizz ġestit ma jnaqqasx il-kwalità tal-aċċess għall-internet taħt ċertu livell sodisfaċenti, u li l-bejjiegħa jirrispettaw il-liġijiet tal-kompetizzjoni u r-regolamentazzjoni speċifika tas-settur eżistenti.

v.

aktar trasparenza fir-rigward tal-utenti aħħarija u sett definit ta’ informazzjoni standard

Għandu jkun hemm informazzjoni ċara, preċiża u rilevanti fuq is-servizzi u l-applikazzjonijiet li tkun aċċessibbli mingħand l-ISPs: informazzjoni fuq il-kwalità tas-servizz, il-limitazzjonijiet possibbli u kwalunkwe prattika tal-ġestjoni tat-traffiku. Il-KE għandha tiggarantixxi t-trasparenza għall-konsumaturi, li tinkludi informazzjoni ċara dwar it-termini u l-kundizzjonijiet, id-dritt li jużaw kull applikazzjoni legali u l-mezz biex jibdlu l-fornitur. Il-KE għandha tippromovi aktar, taħt il-patroċinju tagħha, id-djalogu u l-mekkaniżmi koregolatorji effettivi bejn l-industrija u r-regolaturi nazzjonali, bil-għan li jintlaħaq ftehim madwar l-UE kollha dwar il-prinċipji ta’ trasparenza u sett ta’ informazzjoni standard.

Brussell, 26 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU L 337, 18.12.2009.

(2)  COM(2010) 245 finali tas-26.8.2010.

(3)  http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/library/public_consult/net_neutrality/index_en.htm.

(4)  http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/library/public_consult/net_neutrality/index_en.htm.

(5)  Trażżin: ISP jista’ jrażżan il-bandwidth biex inaqqas apposta l-veloċità ta’ servizz tal-konsumatur partikolari għal ċerti tipi ta’ traffiku. Il-BEREC irrapporta li ċerti fornituri fi Franza, il-Greċja, l-Ungerija, il-Litwanja, il-Polonja u r-Renju Unit “rażżnu” l-qsim ta’ fajls “peer-to-peer” (P2P) jew il-“video streaming”. Imblukkar: ISP jista’ jimblukka apposta l-indirizz tal-IP ta’ websajts speċifiċi biex il-konsumaturi tas-servizz tal-internet tiegħu ma jkollhomx aċċess għal ċerti applikazzjonijiet u servizzi. Il-BEREC irrapporta li ċerti operaturi tal-komunikazzjonijiet mobbli fl-Awstrija, il-Ġermanja, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall u r-Rumanija kienu qed jimblukkaw jew jitolbu aktar flus għas-servizzi ta’ “voice over internet protocol” (VoIP).

(6)  Artikolu 20(1)(b) tad-Direttiva Servizz Universali kif emendata mid-Direttiva dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini 2009/136/KE.

(7)  Artikolu 21(3)(c)(d) tad-Direttiva Servizz Universali kif emendata mid-Direttiva dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini 2009/136/KE.

(8)  Paragrafu 47 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini 2009/136/KE.

(9)  Artikolu 22(3) tad-Direttiva Servizz Universali kif emendata mid-Direttiva dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini 2009/136/KE.

(10)  Fid-19 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni bdiet il-proċedimenti kontra 20 Stat Membru talli naqsu milli jittrasponu l-qafas rivedut fil-liġi nazzjonali.

(11)  Direttiva 2002/21 kif emendata mid-Direttiva 2009/140/KE tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 337, 18.12.2009).

(12)  Interface tal-programmi ta’ applikazzjoni (API) hi kodiċi tal-ipprogrammar li jiddaħħal bejn żewġ programmi sabiex ikunu jistgħu jaqbdu ma’ xulxin u jaħdmu flimkien.

(13)  Il-“great firewall” taċ-Ċina diġà jimponi kontrolli stretti fuq il-links tal-internet mal-bqija tad-dinja, billi jissorvelja t-traffiku u jagħlaq l-aċċess għal bosta siti u servizzi. Pajjiżi oħrajn, fosthom l-Iran, Kuba, l-Arabja Sawdija u l-Vjetnam, wettqu azzjonijiet simili, u gvernijiet oħra qed jikkontrollaw b’mod aktar strett dak li n-nies jistgħu jaraw u jagħmlu fuq l-internet.

(14)  “Users of Apple’s mobile devices access many internet services through small downloadable software applications, or apps, rather than a web browser. By dictating which apps are allowed on its devices, Apple has become a gatekeeper. As apps spread to other mobile devices, and even cars and televisions, other firms will do so too.” (Min juża l-apparati mobbli tal-Apple jaċċessa ħafna mis-servizzi tal-internet permezz ta’ applikazzjonijiet tas-softwer żgħar li jistgħu jitniżżlu mill-internet, jew kif inhuma magħrufin “apps”, minflok mill-browser tal-internet. Peress li Apple tiddetta liema apps huma permessi fuq l-apparati tagħha, hi qed tikkontrolla l-aċċess għal dawn is-servizzi. Hekk kif l-apps jibdew jixxerrdu f’apparati mobbli oħra, u anke fil-karozzi u t-televiżjonijiet, kumpaniji oħra ser jibdew jagħmlu l-istess.) Economist, 2/9/2010.

(15)  L-ISPs u l-operaturi tan-netwerk tat-telekomunikazzjoni li qed ifittxu sorsi ġodda ta’ dħul qed jużaw it-teknoloġija biex jiddistingwu bejn it-tipi ta’ traffiku tal-internet fuq in-netwerk tagħhom sabiex ikunu jistgħu jitolbu aktar flus, jiddegradaw jew saħansitra jimblukkaw ċerti servizzi.

(16)  Fit-tweġiba tiegħu għall-konsultazzjoni pubblika tal-KE tat-30 ta’ Ġunju 2010, il-BEREC ressaq tliet preokkupazzjonijiet rigward l-iżviluppi futuri: 1) l-ambitu għad-diskriminazzjoni fil-prezzijiet permezz ta’ tekniki bħall-ispezzjoni fil-fond tal-pakkett (deep packet inspection) flimkien mal-inċentivi ekonomiċi u l-potenzjal għall-integrazzjoni vertikali ser joħolqu effetti antikompetittivi; 2) il-potenzjal għal konsegwenzi aktar fit-tul fl-ekonomija tal-internet (fuq l-innovazzjoni, il-libertà ta’ espressjoni, eċċ.); 3) il-ħsara jew il-konfużjoni tal-konsumatur minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza.

(17)  Ara l-opinjoni tal-KESE 984/2008 dwar in-Netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (TEN/327-329 tad-29 ta’ Mejju 2008), relatur: is-Sur Hernandez Bataller, speċjalment il-punti 1.1, 1.2.7 u 4.4; l-opinjoni tal-KESE 1915/2008 dwar l-Aċċess għal servizz b’veloċità għolja għal kulħadd: riflessjonijiet dwar l-evoluzzjoni tal-firxa tas-servizz universali tal-komunikazzjoni elettronika (TEN/353 tat-3 ta’ Diċembru 2008), relatur: is-Sur Hencks, speċjalment il-punt 1.5; l-opinjoni tal-KESE 1628/2010 dwar Aġenda Diġitali għall-Ewropa (TEN/426 tat-13 ta’ Diċembru 2010), relatur: is-Sur McDonogh, speċjalment il-punti 1.6, 1.9 u 4.5; l-opinjoni tal-KESE 525/2011 dwar l-Att dwar is-Suq Uniku (INT/548 tal-15 ta’ Marzu 2011), relaturi: is-Sinjura Federspiel, is-Sur Siecker u s-Sur Voles; u b’mod partikolari l-opinjoni reċenti tal-KESE 669/2011 dwar It-tisħiħ tal-kultura diġitali, il-kompetenzi diġitali u l-inklużjoni diġitali (TEN/453), relatur: is-Sinjura Batut.

(18)  Ara l-opinjoni CESE 362/2011 dwar L-ewwel programm tal-politika tal-ispettru tar-radju/Il-Broadband Ewropew (TEN/434-435).

(19)  Aġenda Diġitali għall-Ewropa – COM(2010) 245 finali.

(20)  COM(2010) 2020 finali.

(21)  Mill-McKinsey Global Institute “Internet matters: The Net’s sweeping impact on growth, jobs, and prosperity”, May 2011.

(22)  McKinsey Global Institute “Internet matters: The Net’s sweeping impact on growth, jobs, and prosperity”, May 2011 http://www.mckinsey.com/mgi/publications/internet_matters/pdfs/MGI_internet_matters_full_report.pdf.

(23)  Eurostat (Eurostat Yearbook 2010, http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/publications/eurostat_yearbook_2010).

(24)  Kif definit kemm fil-Komunikazzjoni “Lejn Att dwar is-Suq Uniku għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna – 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma’ xulxin” (COM(2010) 608 finali/2 tal-11.11.2010) kif ukoll fil-Komunikazzjoni “Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja – ‘Flimkien għal tkabbir ġdid’ ” (COM(2011) 206 finali tat-13.4.2011), punt 2.7.

(25)  Erbgħa mill-akbar ISPs fl-Ewropa – Deutsche Telekom, France Telecom, Telecom Italia, u Telefónica – ikkummissjonaw studju biex juru li dak li qed jgħidu huwa minnu: A.T. Kearney, 2010, A Viable Future Model for the Internet.

(26)  L-akbar ISPs fl-Ewropa qed jargumentaw li jekk jaġġornaw in-netwerks tagħhom biex jissodisfaw it-talba mbassra tal-broadband sal-2014 mingħajr dħul addizzjonali, ir-ritorn tagħhom fuq il-kapital ser jinżel bi tliet punti perċentwali għal madwar 9 %. A.T. Kearney, 2010, A Viable Future Model for the Internet.

(27)  Ara COM(2010) 471 finali – L-ewwel programm tal-politika tal-ispettru tar-radju, COM(2010) 472 finali – Il-Broadband Ewropew: investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment, u 2010/572/EU (ara http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2010:251:0035:0048:MT:PDF). Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aċċess irregolat għan-Netwerks ta’ Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss (NGA); ara wkoll it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Aġenda Diġitali (SEC(2011) 708 finali tal-31.5.2011) (mhux disponibbli bil-Malti).

(28)  Ara “Monitoring the WISIS Targets A mid-term review” (World Telecommunication/ICT Development Report 2010, ITU, Ġinevra, 2010)

(29)  Il-KPN huwa l-kumpanija Olandiża tat-telekomunikazzjoni b’interessi f’ħafna pajjiżi Ewropej. Huwa l-akbar ISP fil-Pajjiżi l-Baxxi, u d-dħul tiegħu fl-2010 kien ta’ EUR 13,4 biljun bi profitti ta’ EUR 1,8 biljun.

(30)  Ara l-webcast tal-“KPN Investor Day: Group Strategy” hawnhekk: http://pulse.companywebcast.nl/playerv1_0/default.aspx?id=12193&bb=true&swf=true.

(31)  L-ispezzjoni fil-fond tal-pakkett hija teknika użata minn ISP biex jeżamina l-pakkett ta’ data fid-dettall hekk kif id-data tgħaddi minn punt ta’ spezzjoni. L-ispezzjoni (u l-iffiltrar) fil-fond tal-pakkett tippermetti l-ġestjoni avvanzata tan-netwerk, is-servizz tal-utent u l-funzjonijiet tas-sigurtà kif ukoll is-smigħ sigriet, iċ-ċensura, l-estrazzjoni tad-data mill-internet, eċċ.

(32)  Fl-analiżi li għamel l-Ofcom tal-bdil tal-operatur fir-Renju Unit (10 ta’ Settembru 2010) insab li, kieku kellhom l-għażla, 45 % tal-konsumaturi tal-broadband jemmnu li huwa “wisq battikata” biex jibdlu l-operatur, u li l-konsumaturi aktarx ma jibdlux l-operatur għax sempliċement wieħed jew tnejn mill-użijiet tal-internet tagħhom ġew projbiti jew iridu jħallsu aktar tagħhom: http://stakeholders.ofcom.org.uk/binaries/consultations/consumer-switching/summary/switching.pdf.

(33)  L-istatistika kollha ġejja mill-Istħarriġ dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi fid-djar, Ewrobarometru Speċjali 362, Lulju 2011, http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_362_en.pdf.

(34)  Ara l-opinjoni tal-KESE, CESE 1905/2008 dwar “L-approċċ proattiv tal-liġi: pass ieħor ’il quddiem lejn regolamentazzjoni aħjar fil-livell tal-UE”ĠU C 175, 28.7.2009, p. 26.

(35)  Direttiva 2002/21 kif emendata mid-Direttiva 2009/140/KE tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 337, 18.12.2009).

(36)  2009/136/KE.

(37)  Linji gwida għan-newtralità tal-internet (2009): http://www.npt.no/ikbViewer/Content/109604/Guidelines%20for%20network%20neutrality.pdf.

(38)  Il-konsumaturi għandhom ikunu intitolati:

1.

Għal konnessjoni tal-internet bil-veloċità u l-affidabbiltà reklamata.

2.

Għal konnessjoni tal-internet li tippermettilhom:

a.

jibagħtu u jirċievu l-kontenut tal-għażla tagħhom;

b.

jużaw is-servizzi u l-applikazzjonijiet tal-għażla tagħhom;

c.

jużaw ħardwer u softwer tal-għażla tagħhom li ma jagħmlux ħsara fin-netwerk.

3.

Għal konnessjoni tal-internet ħielsa mid-diskriminazzjoni rigward it-tip ta’ applikazzjoni, servizz, jew kontenut jew abbażi tal-indirizz ta’ min jibgħat jew ta’ min jirċievi.

4.

Għal kompetizzjoni bejn il-fornituri tan-netwerk, l-applikazzjoni, is-servizzi u l-kontenut.

5.

Ikunu jafu xi prattiki tal-ġestjoni tan-netwerk qed jintużaw mill-fornituri tan-netwerk tagħhom (http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/doc/library/public_consult/net_neutrality/comments/08industry_social_consumer_orgs_ngos_etc/beuc.pdf).

(39)  Riżoluzzjoni tat-TACD ta’ April 2010 (Nru tad-dokument: INFOSOC 42-09).

(40)  Traduzzjoni mhux uffiċjali: https://www.bof.nl/2011/06/15/net-neutrality-in-the-netherlands-state-of-play/.