28.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/146


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “White Paper: Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport — Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti”

COM(2011) 144 finali

2012/C 24/32

Relatur: is-Sur COULON

Korelatur: is-Sur BACK

Nhar it-28 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-White Paper: Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti

COM(2011) 144 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Transport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Ottubru 2011.

Matul l-475 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta’ Ottubru 2011 (seduta tas-26 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'170 vot favur, 3 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

B'mod ġenerali, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa' b'sodisfazzjon il-White Paper “Pjan Direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport– Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti” (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Pjan Direzzjonali”). L-istrateġiji ppreżentati f'dan il-Pjan Direzzjonali b'mod ġenerali jikkonformaw ma’ dak li l-Kumitat stqarr f'opinjonijiet preċedenti. Madankollu, il-Kumitat jixtieq jesprimi xi riżervi dwar għadd ta’ oqsma.

1.2

Il-KESE jaqbel li l-viżjoni li sal-2050 jitnaqqsu l-gassijiet b'effett ta’ serra b'60 % fis-settur tat-trasport, għalkemm tidher diffiċli, tikkonforma mal-għanijiet globali tal-politika tal-UE fil-qasam tal-klima u li ssib bilanċ raġonevoli bejn il-bżonn ta’ tnaqqis rapidu tal-gassijiet b'effett ta’ serra u ż-żmien meħtieġ biex isir l-aħjar użu possibbli mill-effiċjenza fl-użu tal-enerġija f'Żona Ewropea tat-Trasport unika, u jiġu żviluppati karburanti u sistemi ta’ propulsjoni ġodda u sostenibbli sabiex titnaqqas id-dipendenza mill-karburanti fossili

1.3

Il-KESE josserva distakk kbir bejn l-għanijiet, il-modi li permezz tagħhom jintlaħqu u l-finanzjament meħtieġ biex jintlaħqu. Il-KESE jirrakkomanda konnessjoni aħjar bejn il-miżuri strateġiċi tal-Pjan Direzzjonali (sal-2050) u l-miżuri iżjed prattiċi u immedjati (2020 u 2030).

1.4

Kif jintqal tajjeb fil-Pjan Direzzjonali, biex il-modi ta’ trasport alternattivi jaslu jokkupaw proporzjon ikbar mis-suq, hemm bżonn ta’ investimenti kbar fl-infrastruttura. Iżda, id-dokument prinċipalment jittratta l-finanzjament tal-core network futur tat-TEN-T u jindika għadd ta’ modi possibbli biex tal-inqas tinstab parti mill-finanzjament meħtieġ. L-imposti u l-finanzi privati mhumiex soluzzjonijiet adegwati kullimkien. Dawn l-osservazzjonijiet huma marbuta wkoll mal-infrastruttura inġenerali, inklużi l-infrastruttura u l-manutenzjoni tat-toroq li għad hemm bżonnhom. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu allokati biżżejjed mezzi finanzjarji fil-qasam tal-infrastruttura tat-trasport fil-qafas Finanzjarju Multiannwali għal wara l-2013. Il-proġetti futuri jeħtieġu koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE rigward il-kriterji għall-ippjanar u l-prijoritizzazzjoni u għandhom jinkludu wkoll l-immodernizzar tal-infrastruttura eżistenti.

1.5

Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ strateġija favur trasport Ewropew effiċjenti u verament sostenibbli, li jqis l-isfidi ekonomiċi, ambjentali iżda wkoll dawk soċjali. L-iżviluppi fil-modi kollha tat-trasport għandhom iqisu aktar id-djalogu soċjali u jsaħħuh. Il-KESE jieħu nota tar-referenza fil-Pjan Direzzjonali għall-“obbligi minimi tas-servizz”. Madankollu, din il-kwistjoni taqa' taħt il-kompetenzi tan-negozjati kollettivi f'kull pajjiż tal-UE. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li d-djalogu soċjali huwa essenzjali għall-prevenzjoni tal-kunflitti soċjali u li għandu jiġi rispettat bis-sħiħ id-dritt tal-ħaddiema li jieħdu azzjoni kollettiva, b'konformità mal-Artikolu 151 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

1.6

Minbarra l-enfasi li titqiegħed fuq il-ħtieġa li jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għal impjiegi ta’ kwalità tajba fis-settur tat-trasport, għandhom jiġu proposti miżuri biex jiżdied it-taħriġ u biex il-partijiet interessati tas-settur jingħataw għajnuna meta jkunu qed jirreklutaw. B'mod ġenerali, id-dimensjoni soċjali tal-Pjan Direzzjonali hija dgħajfa.

1.7

Il-Pjan Direzzjonali għandu ton pjuttost pessimist dwar il-possibbiltà li t-trasport tal-merkanzija bit-triq jiġi dekarbonizzat. Forsi, apparti l-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ sistemi ta’ propulsjoni u karburanti ġodda, għandu jqis, għandu jikkunsidra l-possibbiltà li jagħti appoġġ akbar lill-miżuri li huma kapaċi jagħmlu l-aħjar użu minn dan it-trasport u li jnaqqsu l-għadd ta’ vjaġġi fl-istess waqt li jżommu l-kapaċità globali permezz ta’ miżuri marbuta mat-trasport elettroniku tal-merkanzija, il-loġistika u vetturi aħjar u l-iżvilupp ta’ Kurituri Ekoloġiċi.

1.8

Għalkemm il-Pjan Direzzjonali jiddependi minn taħlita ta’ modi differenti ta’ trasport (aspett wieħed tal-komodalità), jipproponi wkoll għanijiet speċifiċi marbuta ma’ bidla modali għat-trasport tal-merkanzija bit-triq (jiġifieri 30 % tal-merkanzija bit-triq fuq medda ta’ 'l fuq minn 300 km jgħaddu għal modi oħra bħall-ferrovija jew it-trasport fuq l-ilma sal-2030 u 'l fuq minn 50 % sal-2050). Dan l-approċċ propost abbażi tal-prinċipju “approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd” ma għandux bażi xjentifika adegwata u la l-White Paper u lanqas il-valutazzjoni tal-impatt ma tispjega r-raġuni għal dawn il-persentaġġi.

1.9

Il-Pjan Direzzjonali jirrakkomanda li l-politika ta’ deregolazzjoni tiġi estiża, speċjalment fi ħdan is-settur ferrovjarju. Il-membri tal-KESE jitolbu li ssir valutazzjoni bilanċjata tar-riformi li ġew implimentati fl-Istati Membri differenti, speċjalment l-arranġamenti tas-separazzjoni bejn il-ġestjoni tal-infrastruttura u l-użu tas-servizzi ferrovjarji, u l-impatt tagħhom fuq iż-żieda fl-attività u l-użu tal-ferroviji, is-sikurezza, l-impjieg, il-kwalità tas-servizzi, l-ispejjeż tal-produzzjoni u n-natura affordabbli tagħhom mil-lat tal-ispiża għall-passiġġieri.

1.10

Il-Pjan Direzzjonali jipproponi li jsir obbligatorju li l-għoti tal-kuntratti ta’ servizz pubbliku jseħħ biss abbażi ta’ sejħiet għall-offerti kompetittivi. Il-KESE jittama li, qabel ma tressaq proposta dwar din il-kwistjoni u mhux iktar minn sitt xhur mit-3 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni Ewropea tipproduċi rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, kif ipprevedut fl-Artikolu 8(2) tiegħu.

1.11

Il-Kumitat jenfasizza l-kwistjoni importanti tat-trasport pubbliku urban fil-qafas ta’ politika sostenibbli tat-trasport. Huwa assolutament bżonjuż li jiġi żviluppat transport pubbliku urban effikaċi, sigur, affordabbli u kompetittiv fil-konfront tat-trasport privat. Dan huwa importanti minħabba l-effetti tajbin mil-lat ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet, l-istorbju u l-konġestjoni tat-traffiku. Għalhekk, il-Kumitat jaqbel li l-Unjoni Ewropea, mingħajr ma thedded il-prinċipju tas-sussidjarjetà, tistabbilixxi għanijiet għall-Istati Membri fil-qasam tal-iżvilupp tat-trasport pubbliku urban u timmobilizza l-fondi strutturali u l-fondi ta’ koeżjoni biex tikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-immodernizzar tiegħu, filwaqt li tagħmel l-osservatorju tal-mobbiltà urbana iżjed operattiv.

1.12

Fl-aħħar nett, il-Pjan Direzzjonali jindirizza t-trasport tal-merkanzija urbana, iżda b'mod mhux rigoruż biżżejjed u b'ton difensiv. Ir-rilevanza u l-possibbiltà li tiġi żviluppata linja komuni ta’ azzjoni, u li tiġi proposta leġislazzjoni obbligatorja f'dan il-qasam setgħu ġew eżaminati, fid-dawl tal-fatt li d-distribuzzjoni tal-aħħar mil fiż-żoni urbani hija vitali għall-moviment liberu tal-merkanzija u għat-tħeġġiġ ta’ għazliet modali sostenibbli.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-għan globali tal-White Papers tal-1992 u tal-2001 kien li t-trasport isir aktar sostenibbli fl-operat tagħhom, pereżempju permezz ta’ bidla modali mit-toroq lejn modi ta’ trasport li jirrispettaw aktar l-ambjent bħat-trasport marittimu, it-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni jew ferrovjarju, filwaqt li t-trasport jiġi mġiegħel iħallas l-ispejjeż reali tiegħu għas-soċjetà permezz tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, iżda wkoll billi jsir sforz biex jitnaqqas il-bżonn għat-trasport billi jsir ippjanar effikaċi.

2.2

Mal-mogħdija taż-żmien, u speċjalment minħabba r-reviżjoni f'nofs it-terminu tal-2006 tal-White Paper tal-Kummissjoni Ewropea li kienet ħarġet fl-2001, l-enfasi waqgħet aktar fuq żieda fil-komodalità, il-ktajjen ta’ trasport multimodali effikaċi u l-ħtieġa għal infrastruttura adegwata u sistemi ta’ appoġġ adatti, bħala mezzi għat-tnaqqis tal-marka ambjentali (environmental footprint) tas-settur tat-trasport.

2.3

Il-Pjan Direzzjonali huwa differenti mill-White Papers ta’ qabel minn naħa minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, peress li huwa msejjes fuq viżjoni b'medda ta’ erbgħin sena, sal-2050, filwaqt li ċerti miri huma stabbiliti għal żmien iżjed immedjat, għall-2020 u 2030, u min-naħa l-oħra billi jistqarr b'mod ċar li t-trażżin tal-mobbiltà mhuwiex soluzzjoni alternattiva. Madankollu, il-Pjan Direzzjonali jiddefinixxi miri ambizzjużi fir-rigward tas-sostenibbiltà, partikolarment f'termini tat-tnaqqis tad-dipendenza miż-żejt, it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta’ serra u l-iżvilupp teknoloġiku.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-Pjan Direzzjonali u jqis li hu kontribut siewi għall-iżvilupp ta’ sistema tat-trasport effikaċi u sostenibbli fl-Ewropa. L-istrateġiji ppreżentati f'dan il-Pjan Direzzjonali b'mod ġenerali jikkonformaw ma’ dak li l-Kumitat stqarr f'opinjonijiet preċedenti.

3.2

Jinnota b'dispjaċir il-fatt li l-lista tal-inizjattivi ftit li xejn fiha indikazzjonijiet dwar skadenzi. Jista' jkun possibbli li naslu għal ċerti minnhom billi nqabblu din il-lista mal-lista tal-għaxar għanijiet fis-Sezzjoni 2.5 fil-Pjan Direzzjonali, imma dan iwassal biss għal suppożizzjonijiet. Fil-prattika, il-Pjan Direzzjonali ma jippreżentax rabta ċara bejn il-miżuri strateġiċi (minn issa sal-2050) u l-miżuri tattiċi (li jistgħu jiġu adottati immedjatament). B'mod partikolari, il-Pjan Direzzjonali għandu jippreżenta pjan ta’ ħidma iżjed preċiż għall-perjodu 2013-2020.

3.3

Il-KESE jirrikonoxxi r-rwol kruċjali li jaqdi s-settur tat-trasport bħala fattur għall-kompetittività u l-prosperità, il-bżonn li tinħoloq sistema integrata tat-trasport Ewropew, kif ukoll il-bżonn li tittejjeb is-sostenibbiltà u jiġu promossi modi tat-trasport b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi, is-sigurtà u l-indipendenza tal-provvista u t-tnaqqis tal-konġestjoni tat-traffiku. Għalhekk, il-KESE jista' japprova l-enfasi fuq il-ktajjen loġistiċi multimodali u użu aktar effikaċi tal-infrastruttura tat-trasport. Jappoġġja wkoll l-istrateġija tal-Pjan Direzzjonali li jsir rikors għal sehem akbar ta’ miżuri xprunati mis-suq meta mqabbel mal-verżjonijiet preċedenti tal-White Paper.

3.4

F'opinjonijiet preċedenti, il-KESE talab ukoll għal miżuri ċari u konkreti li jkunu adattati biex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa. Fuq għadd ta’ punti, il-Pjan Direzzjonali jista' jitqies bħala pass kbir 'il quddiem f'dan ir-rigward. Nibdew billi nsemmu d-dikjarazzjoni ġenerali fil-paragrafu 13 li jgħid li jekk kollox jibqa' kif inhu, mhux ser ikun hemm riżultati adegwati mil-lat tad-dipendenza miż-żejt, l-emissjonijiet tas-CO2, l-aċċessibbiltà u l-ispejjeż soċjali tal-inċidenti u tat-tniġġis mill-istorbju.

3.5

Il-biċċa l-kbira tal-inizjattivi previsti huma maħsuba għall-implimentazzjoni ta’ sistema tat-trasport komodali fi ħdan iż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport. L-enfasi fuq il-komodalità hija apprezzata. Il-KESE jenfasizza li l-approċċ ta’ komodalità li fuqu jissejjes il-Pjan Direzzjonali jfisser li jsir l-aħjar użu possibbli mill-modi kollha tat-trasport u bejniethom. Iżda, ċerti miżuri previsti jitolbu xi kummenti.

3.6

Il-Pjan Direzzjonali jistabbilixxi għanijiet ambizzjużi ħafna marbuta mal-idea li s-sistema tat-trasport issir iżjed ekoloġika, iżda l-idea mhijiex realistika mil-lat ta’ kif dan ser jinkiseb u kemm ser jiswa. Il-KESE jinsab imħasseb dwar id-distakk bejn l-għanijiet, il-modi li permezz tagħhom jintlaħqu u l-finanzjament meħtieġ biex jintlaħqu.

3.7

Il-mira fit-tul li l-emissjonijiet tas-CO2 fis-settur tat-trasport jitnaqqsu b'60 % sal-2050 hija għan ambizzjuż ħafna li jista' jaqdi rwol ċentrali fl-iżvilupp tekniku u tal-politika fis-settur tat-trasport sakemm jinżamm preżenti fil-ġejjieni qarib.

3.8

Il-KESE jaqbel li l-għan marbut mal-emissjonijiet huwa konformi mal-pożizzjoni globali tal-UE dwar il-ħarsien tal-klima u li permezz tiegħu hemm bilanċ bejn il-bżonn li jitnaqqsu malajr l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta’ serra fis-soċjetà u l-possibbiltà li jintużaw karburanti alternattivi mill-iżjed fis fil-ħidma importanti tas-settur tat-trasport fl-ekonomija tal-Unjoni. Il-Kumitat jissuġġerixxi li din il-mira għat-tul proposta fil-Pjan Direzzjonali tkun komplementata b'miri speċifiċi u li jistgħu jitkejlu tul perjodu ta’ żmien medju għat-tnaqqis tad-dipendenza miż-żejt, it-tnaqqis tal-istorbju u tat-tniġġis tal-arja.

3.9

Il-KESE jieħu nota tal-istqarrija ċara u importanti li ssir fil-paragrafu 18 tal-Pjan Direzzjonali li “it-trażżin tal-mobilità mhuwiex alternattiva.” Fil-fehma tal-Kumitat, huwa importanti li din l-istqarrija ma tiġix interpretata li tmur kontra kull miżura biex it-trasport isir iżjed effiċjenti fl-użu tal-enerġija u jnaqqas l-emissjonijiet, pereżempju permezz tal-ottimizzazzjoni tat-tagħbijiet, il-loġistika mtejba biex isiru tagħbijiet aħjar u l-promozzjoni tal-possibbiltajiet tat-trasport pubbliku. Dawn il-miżuri huma mniżżlin fil-Pjan Direzzjonali u b'mod ġenerali jintlaqgħu tajjeb. Dan iħeġġeġ bidla fl-imġieba u fil-konsum. Naturalment, ser tkun sfida li jinstab bilanċ bejn il-kisba tal-għanijiet marbuta mal-emissjonijiet imniżżla fil-Pjan Direzzjonali u l-fatt li jibqgħu jiġu ssodisfati l-bżonnijiet marbuta mal-mobbiltà taċ-ċittadini tal-UE. Huwa għalhekk li l-KESE jqis li dak li jintqal fil-paragrafu 18 huwa importanti.

3.10

Rigward it-trasport tal-merkanzija bit-triq, il-KESE jappoġġja l-bżonn li jiġu użati b'mod effiċjenti r-riżorsi disponibbli billi jiġu kkoordinati kunsinni iżgħar, u billi jiġu stabbiliti l-aħjar “kurituri ekoloġiċi” multimodali loġistiċi permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-atturi pubbliċi u privati. Iżda, il-KESE josserva li l-għan ambizzjuz tad-dekarbonizzazzjoni (- 60 % CO2) jista' jitlob firxa ta’ miżuri usa' u iżjed vigoruża.

3.11

Il-Pjan Direzzjonali jqis il-bżonn li tissaħħaħ il-kompetittività ta’ modi alternattivi tat-trasport bit-triq. Il-Kumitat jappoġġja dan il-għan, bil-kundizzjoni li jitwettaq permezz tal-promozzjoni ta’ kapaċità u kwalità ogħla tal-ferroviji, tal-passaġġi fuq l-ilmijiet interni u tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra kif ukoll servizzi intermodali effiċjenti, u mhux billi jixxekkel l-iżvilupp ta’ servizzi sostenibbli marbuta mat-toroq fi ħdan l-UE.

3.12

Filwaqt li tippromovi b'mod attiv il-modi alternattivi tat-trasport, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom iħabirku bis-sħiħ ukoll biex it-trasport bit-triq ikun iżjed sostenibbli mil-lat mhux biss ekonomiku u ekoloġiku iżda wkoll soċjali. Il-KESE huwa mħasseb dwar it-tensjonijiet li kien hemm minħabba sigurtà soċjali u livelli ta’ salarju differenti fis-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Il-Kumitat jenfasizza l-importanza tad-djalogu soċjali f'dan is-settur, u dwar l-implimentazzjoni effiċjenti tal-miżuri ta’ sorveljanza previsti fil-pakkett tat-trasport bit-triq, li għandu jidħol fis-seħħ fl-4 ta’ Diċembru 2011. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni ta’ dan il-pakkett min-naħa tal-Istati Membri, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi meħtieġa kollha għall-infurzar u l-kontroll tal-acquis tat-trasport bit-triq. L-UE għandha tieħu miżuri wkoll biex tiżgura kompetizzjoni ġusta, kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u sikurezza msaħħa fit-toroq, fost l-oħrajn l-aċċess għas-suq tat-trasport intern minn operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq li joperaw f'pajjiżi terzi u r-riskji potenzjali marbuta mad-distorsjoni tas-suq.

3.13

Kif jintqal tajjeb fil-Pjan Direzzjonali, biex il-modi alternattivi tat-trasport jaslu jokkupaw proporzjon ikbar mis-suq, hemm bżonn ta’ investimenti kbar fl-infrastruttura, inkluż dak fil-qasam tat-trasport bit-triq. Iżda, id-dokument ma jagħti l-ebda ħjiel dwar kif dan għandu jiġi ffinanzjat. Il-fatt li nirrikorru b'mod ġenerali għal investimenti privati u nollijiet relatati mal-infrastruttura ma jistax jitqies bħala soluzzjoni għal kollox. Kif intqal f'għadd ta’ opinjonijiet preċedenti, il-Kumitat jaqbel mal-internalizzazzjoni fis-settur tat-trasport. Il-Kumitat jaqbel li b'koerenza mal-prinċipju “min iniġġes iħallas”, l-istrumenti ekonomiċi għandhom jirriflettu l-ispiża vera tat-trasport għas-soċjetajiet tagħna, biex jinfluwenzaw l-imġieba tas-suq f'direzzjoni sostenibbli. F'dan ir-rigward, id-dħul minn dawn it-tariffi addizzjonali għandu jiġi riżervat għall-iżvilupp ta’ transport sostenibbli u biex is-sistema tat-trasport kollha titpoġġa fl-aħjar kundizzjoni biex tinkiseb politika ta’ mobbiltà sostenibbli ġenwina. Id-dħul għandu jinżamm separat ukoll mit-tariffi li ġew stabbiliti għal skopijiet ta’ finanzjar, li huma skont il-prinċipju “min juża' jħallas”.

3.14

Rigward l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, il-KESE jtenni li din il-miżura għandha tiġi applikata għall-modi tat-trasport kollha bl-istess mod (1). F'opinjoni reċenti, il-KESE kkonkluda li l-UE għandha timplimenta sostituzzjoni gradwali tat-taxxi eżistenti fis-settur tat-trasport permezz ta’ strumenti iżjed effiċjenti abbażi tas-suq għall-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni fl-istruttura tal-ipprezzar.

3.15

Il-KESE għandu dubji kbar dwar kemm huwa adatt l-għan speċifiku marbut mal-bidla modali tal-Pjan Direzzjonali, jiġifieri 30 % tal-merkanzija bit-triq fuq medda ta’ 'l fuq minn 300 km jgħaddu għal modi oħra bħall-ferrovija jew it-trasport fuq l-ilma sal-2030 u 'l fuq minn 50 % sal-2050. Dan l-approċċ propost abbażi tal-prinċipju “approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd” ma għandux bażi xjentifika adegwata u la l-White Paper u lanqas il-valutazzjoni tal-impatt ma tispjega r-raġuni għal dawn il-persentaġġi. Barra minn hekk, jekk tiġi implimentata din ix-xorta ta’ viżjoni, bosta Stati Membri periferiċi jkollhom piż kbir xi jġorru, li jdgħajjef il-prinċipju tal-koeżjoni reġjonali. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lil din il-kwistjoni u tagħti l-ispjegazzjonijiet kollha meħtieġa. Iżda, il-KESE josserva wkoll li madwar 85 % tal-volum tal-merkanzija fl-UE huma fuq distanzi qosra ta’ inqas minn 150 km; f'dan il-każ, mhuwiex probabbli li jkun hemm soluzzjoni alternattiva reali għat-trasport bit-triq fl-għexieren ta’ snin li ġejjin.

3.16

L-istess jgħodd rigward l-għan li l-ivvjaġġar għandu b'mod ġenerali jaqleb għall-ferrovija għal distanzi ta’ tul medju. Għażla siewja li ma ġietx ikkunsidrata fil-Pjan Direzzjonali hija li jkun hemm iżjed trasport pubbliku permezz tal-karozzi tal-linja.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jappoġġja l-programm tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport. Huwa jinnota li l-ħtiġijiet tal-Ewropa estiża fil-qasam tal-infrastruttura tat-trasport kibru u trid issir ċerta riflessjoni dwar kif il-politika u l-istrumenti ta’ implimentazzjoni attwali għandhom jiġu adattati għall-isfidi tal-ġejjieni (2).

4.2

Il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta’ Ajru Uniku Ewropew li huwa fattur fundamentali biex tiġi żgurata l-kompetittività tas-settur Ewropew tal-avjazzjoni fis-suq dinji. Il-Kumitat jitlob impenn iżjed qawwi min-naħa tal-partijiet interessati kollha fil-qasam tal-avjazzjoni biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa u rapida tal-miri ambizzjużi tal-UE għas-sikurezza, il-kosteffettività, il-kapaċità u s-sostenibbiltà tas-settur tat-trasport tagħha.

4.3

Il-KESE josserva li l-ħolqien ta’ żona ferrovjarja unika Ewropea hija neċessarja biex ikun hemm kompetizzjoni sostenibbli ma’ modi oħra ta’ trasport. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet li jiżguraw kemm jista' jkun kundizzjonijiet tas-suq u dawk tal-finanzjament ugwali bejn il-modi differenti tat-trasport (3).

4.4

Il-KESE jfakkar li l-ħolqien ta’ żona ferrovjarja unika Ewropea jiddependi bil-bosta mill-progress li jsir fil-qasam tal-interoperabbiltà teknika (3).

4.5

Il-Pjan Direzzjonali jirrakkomanda li l-politika ta’ deregolazzjoni tiġi estiża fi ħdan is-settur ferrovjarju. Iżda, qabel ma jittieħdu passi oħra f'dik id-direzzjoni, inkluża s-separazzjoni strutturali bejn is-servizzi u l-infrastruttura, il-KESE jitlob li ssir valutazzjoni bilanċjata tal-impatt tagħhom fuq il-kompetittività, il-kwalità tas-servizz, l-impjieg u l-ispejjeż tal-produzzjoni tas-settur ferrovjarju, sabiex jiġi kkunsidrat il-fatt li l-esperjenzi tar-riformi differenti fl-Istati Membri għandhom it-tendenza jvarjaw ħafna.

4.6

Il-KESE jfakkar fil-ħtieġa li jinstabu sorsi ġodda ta’ finanzjament għall-infrastruttura ferrovjarja, fuq il-bażi ta’ analiżi oġġettiva u komparattiva tal-ispejjeż/benefiċċji. F'dan il-kuntest, ifakkar fl-opinjoni reċenti tiegħu dwar iż-żona ferrovjarja unika li fiha ppropona li “jiġu diskussi l-inċentivi ta’ investiment relatati mal-proposta 15 (li ‘se tiffavorixxi l-ħolqien ta’ self obbligatorju għall-finanzjament tal-proġetti Ewropej (“project bonds” ’)) u l-proposta 16 (li ‘se tesplora miżuri li jistgħu jħeġġu l-investimenti privati – l-aktar dawk fit-tul – sabiex dan jikkontribwixxi aħjar għat-twettiq tal-għanijiet tal- Istrateġija Ewropa 2020’) tal-Komunikazzjoni ‘Lejn Att dwar is-Suq Uniku’ ”. Il-KESE jista' jappoġġja t-twaqqif ta’ fond uniku tat-trasport biss jekk dan ikun newtrali u jiżgura l-istess kundizzjonijiet fost il-modi kollha tat-trasport  (3).

4.7

Il-Pjan Direzzjonali jipproponi li jsir obbligatorju li l-għoti tal-kuntratti ta’ servizz pubbliku jseħħ biss abbażi ta’ sejħiet għall-offerti kompetittivi. Il-KESE jittama li, qabel ma tressaq proposta dwar din il-kwistjoni u mhux iktar minn sitt xhur mit-3 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni Ewropea tipproduċi rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, kif ipprevedut fl-Artikolu 8(2) tiegħu.

4.8

Il-KESE jenfasizza li t-trasport marittimu Ewropew huwa minn ta’ quddiem nett fil-livell dinji fil-provvista ta’ kull xorta ta’ servizz marittimu In-natura globali tat-trasport marittimu għandha tiġi kkunsidrata minn kull aspett bħall-aċċess għas-suq ħieles, il-pożizzjoni kompetittiva tat-trasport marittimu tal-UE, is-sikurezza, l-ambjent u s-swieq tax-xogħol.

4.9

Il-KESE josserva li l-Istati Membri tal-UE jitħeġġu jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu (MLC) tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO), sabiex ikun hemm sitwazzjoni ta’ kundizzjonijiet indaqs fil-kamp internazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-istandards ogħla li jistgħu jeżistu fl-UE. Il-leġislazzjoni tal-UE għandha tikkonforma bis-sħiħ mal-leġislazzjoni internazzjonali, b'mod partikolari l-MLC u l-Istandards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara (STCW) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO).

4.10

L-għan tal-kunċett taċ-“Ċinturin Blu”, l-ispazju marittimu Ewropew komuni li jippromovi l-Pjan Direzzjonali, huwa li jnaqqas il-piżijiet amministrattivi fuq il-proċeduri doganali fit-trasport marittimu fi ħdan l-UE. Dan huwa pożittiv ħafna. Peress li ma jirreferix għall-istandards soċjali, il-KESE jistenna li l-istandards marittimi soċjali ser jingħataw spinta permezz tal-applikazzjoni u l-infurzar imminenti tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006 tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) mill-Istati Membri tal-UE. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi l-miżuri neċessarji sabiex ikun hemm armonizzazzjoni tal-istandards soċjali f'dak li jirrigwarda t-traffiku fl-UE, filwaqt li titqies ukoll il-ħtieġa għal sitwazzjoni ta’ kundizzjonijiet indaqs f'dan ir-rigward fil-kamp internazzjonali.

4.11

Rigward il-ħolqien ta’ reġistru tal-UE u ta’ bandiera tal-UE għat-trasport bil-baħar u t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, il-fattibbiltà ta’ reġistru tal-UE għandha tiġi vvalutata bir-reqqa. Ikun diffiċli – jekk mhux saħansitra impossibbli – li reġistru tal-UE ikun assoċjat ma’ sistema favorevoli li tipprovdi benefiċċji (eż. tnaqqis fit-taxxi portwarji, fl-ispejjeż tal-assigurazzjoni jew numru iżgħar ta’ spezzjonijiet). Fil-fatt, bosta kwistjonijiet huma koperti minn ftehimiet internazzjonali bejn l-Istati Membri tal-UE li jipprovdu klawżola ta’ “trattament nazzjonali”. Il-ħolqien ta’ reġistru tal-UE jitlob governanza ekonomika komuni fil-livell tal-UE li attwalment ma teżistix.

4.12

Bl-istess mod bħall-kunċett ta’ reġistru tal-UE, l-idea ta’ għassies tal-kosta fil-livell Ewropew hija tema li titqajjem kontinwament. Din hija prinċipalment kwistjoni għall-Istati Membri tal-UE peress li hija fil-kompetenza esklużiva tagħhom. Peress li l-attivitajiet marbuta mal-għassiesa tal-kosta huma ttrattati b'mod differenti minn Stat Membru għal ieħor, jidher li l-ħolqien ta’ għassies tal-kosta fil-livell Ewropew mhuwiex meħtieġ, jew almenu għadu kmieni wisq. Minflok, l-isforzi għandhom ikunu mmirati lejn kooperazzjoi iżjed mill-qrib bejn l-għassiesa tal-kosta tal-Istati Membri individwali, b'mod partikolari dwar kwistjonijiet bħall-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tad-drogi. Fil-każijiet fejn dawn it-tipi ta’ arranġamenti ta’ kooperazzjoni diġà jeżistu, għandhom isiru sforzi biex jitjiebu.

4.13

Il-bżonn ta’ innovazzjoni huwa importanti meta niġu għat-tisħiħ tal-prestazzjoni ambjentali tat-trasport marittimu. Jistgħu jinstabu raġunijiet biżżejjed sabiex, mill-2015 'il quddiem, l-UE teżamina l-applikazzjoni ta’ regoli speċifiċi dwar il-kontenut tal-kubrit fil-karburant marittimu użat fil-Baħar Baltiku u l-Baħar tat-Tramuntana, u tara kif tista' tindirizza l-effetti tad-distorsjoni ta’ din il-miżura fuq il-kompetizzjoni kif ukoll l-effetti potenzjali fuq il-bidla modali.

4.14

Il-Pjan Direzzjonali jagħti ħarsa ġenerali lejn il-finanzjament tal-infrastruttura tat-toroq permezz ta’ nollijiet imsejsa fuq il-prinċipji “l-utent iħallas” u “min iniġġes iħallas”. Filwaqt li ċertament huwa interessanti mill-perspettiva tal-intrapriżi li tiġi operata triq fil-partijiet ċentrali tal-Ewropa li għandhom livelli għolja ta’ traffiku, eċċ., din ix-xorta ta’ intrapriża tidher iżjed riskjuża fil-bosta Stati Membri periferiċi. Bl-istess mod, in-nollijiet tat-triq għoljin jaffettwaw b'mod partikolari lill-merkanzija minn jew lejn żoni periferiċi u jistgħu jwasslu għall-periklu ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, l-iżjed fost l-industriji li jikkompetu f'suq dinji. Tajjeb li jiġi enfasizzat li l-finanzjament tal-infrastruttura għandu, normalment, ikun fil-kompetenza tal-Istat, jew tal-Unjoni Ewropea, iżda jista' jkun hemm deroga għal din ir-regola meta l-kundizzjonijiet marbuta ma’ finanzjament privat li huma raġonevoli għall-utent (inklużi l-persuni ekonomikament u fiżikament vulnerabbli).

4.15

Il-KESE josserva r-rieda li jiġu introdotti regoli iżjed liberali fir-rigward tal-kabotaġġ tat-triq. Naturalment, il-Kumitat jaqbel li l-limitazzjonijiet attwali jwasslu għal fatturi ta’ tagħbija (loading factors) iżjed baxxi u għal iżjed vjaġġi mingħajr tagħbijiet (empty running) u għalhekk mhumiex konformi mal-politika ġenerali mħaddna fil-pjan direzzjonali li r-riżorsi jintużaw bl-aħjar mod possibbli. Min-naħa l-oħra, il-Kumitat jixtieq jenfasizza li s-settur għadu 'l bogħod ħafna mil-livell ta’ armonizzazzjoni u infurzar soċjali u fiskali meħtieġ għal ftuħ totali tas-suq. Il-liberalizzazzjoni tal-kabotaġġ taggrava l-problemi marbuta mal-livelli differenti ta’ salarji u sigurtà soċjali. Id-djalogu soċjali u l-monitoraġġ adegwat b'konformità mal-pakkett tat-trasport bit-triq li ser jibda japplika mill-4 ta’ Diċembru 2011 jista' jgħin biex jissolvew dawn it-tipi ta’ problemi, li għandhom jiġu indirizzati wkoll fil-ħidma tal-grupp attwali ta’ livell għoli dwar it-trasport bit-triq, li ġie inkarigat mill-Kummissjoni biex jeżamina l-funzjonament ta’ dan is-suq. Il-KESE jenfasizza l-bżonn li jiġu infurzati kompletament id-dispożizzjonijiet tad-direttiva dwar il-ħaddiema distakkati, b'mod partikolari fil-każ tat-trasport bit-triq b'servizzi ta’ kabotaġġ (4).

4.16

Il-KESE jagħti importanza kbira, bil-għan li jiġu ffaċilitati l-moviment liberu tal-merkanzija u l-provvista libera ta’ servizzi fil-qasam tat-trasport internazzjonali, lill-implimentazzjoni adegwata u effiċjenti tas-sistema Ewropea għan-nollijiet tat-toroq li tevita l-għadd kbir ta’ unitajiet abbord (on board units) u kuntratti. Il-KESE jaqbel mal-ħolqien ta’ punt fokali uniku li jkun adatt għall-utenti.

4.17

L-għan tal-White Paper huwa li tnaqqas l-imwiet b'inċidenti tat-traffiku b'50 % sal-2020 u b'100 % sal-2050. Iżda, l-orjentazzjonijiet ta’ politika dwar is-sikurezza tat-triq 2011-2020 li ġew ippubblikati dan l-aħħar ma jindirizzawx it-trasport kummerċjali bit-triq. Il-Kumitat jirrakkomanda li: 1) il-Kummissjoni Ewropea tindirizza l-fatturi kollha li għandhom impatt negattiv fuq is-sikurezza tat-triq, inkluża l-għeja tas-sewwieqa; 2) titħejja statistika armonizzata u dettaljata li tkopri bosta aspetti tal-inċidenti tat-toroq biex jiġu indirizzati l-kawżi reali tar-rati għolja tal-inċidenti tat-toroq; 3) jkun hemm appoġġ u investiment adegwati f'żoni ta’ parkeġġ u faċilitajiet għall-mistrieħ siguri, aċċessibbli u affordabbli maħsuba għas-sewwieqa professjonali; 4) is-sikurezza tat-triq tkun għan prinċipali fl-atti leġislattivi futuri kollha adottati fil-livell Ewropew.

4.18

Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-kuntest dinji li jopera fih is-settur tat-trasport ġie kkunsidrat u li l-enfasi ssir fuq il-bżonn li l-istandards ambjentali jkunu kemm jista' jkun globali.

4.19

Rigward l-“istrateġija Ewropea għat-trasport: riċerka, innovazzjoni u tħaddim”, l-għanijiet tagħha li tappoġġja l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ propulsjoni iżjed nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ta’ sistemi ta’ appoġġ lill-operazzjonijiet tat-trasport u lil-loġistika jidhru promettenti.

4.20

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva li jiġi żviluppat pjan strateġiku għat-teknoloġiji tat-trasport, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-pjan strateġiku għat-teknoloġiji tal-enerġija li jeżisti diġà, bil-għan li jiġu implimentati mill-iżjed fis ir-riżultati tar-riċerka u jiġu appoġġjati l-inizjattivi li diġà qed jiġu implimentati, bħall-inizjattiva favur il-vetturi ekoloġiċi u l-istrateġija tal-2010 favur l-iżvilupp ta’ vetturi nodfa.

4.21

Il-promozzjoni tal-iżvilupp teknoloġiku u tal-miżuri li għandhom l-għan li jinfluwenzaw l-imġieba marbuta mal-mobbiltà u l-ippjanar tal-operazzjonijiet tal-merkanzija huma ż-żewġ aspetti tat-tieni taqsima tal-istrateġija proposta mill-Kummissjoni Ewropea. Il-miżuri previsti huma kompatibbli mal-iżvilupp tas-suq ħieles u, għalhekk, nilqgħuhom b'sodisfazzjon.

4.22

Il-Kumitat jenfasizza li l-miżuri proposti għall-iżvilupp ta’ xejriet ta’ mġieba ġodda mil-lat kemm tat-trasport tal-merkanzija kif ukoll tal-passiġġieri għandhom jirriflettu d-domanda reali għat-trasport u, fil-każ tat-trasport pubbliku, ir-realtajiet soċjali. Pereżempju, filwaqt li l-ħruġ ta’ biljetti intermodali għall-passiġġieri jista' jkun inizjattiva utli, il-Kumitat huwa tal-fehma li jkun iżjed effiċjenti li titkompla t-teknoloġija avvanzata tat-telefonija ċellulari li ma tirrikejedix ħruġ ta’ biljetti; b'hekk, permezz ta’ mowbajls mgħammra bit-teknoloġija Near Field Communication (NFC) permezz ta’ kards jew ċippijiet, ikunu jistgħu jintużaw trasportaturi differenti. Għandha tiġi kkunsidrata standardizzazzjoni rapida tat-teknoloġija NFC fl-Ewropa, bil-għan li jistgħu jkunu jsiru vjaġġi bla xkiel bejn it-trasportaturi u l-fruntieri tal-pajjiżi. Trid tingħata attenzjoni lit-tnaqqis tal-ispejjeż tat-trasport permezz tal-miżuri l-ġodda adottati.

4.23

Rigward it-trasport tal-merkanzija, il-Kumitat huwa tal-fehma li l-idea ta’ dokument uniku tat-trasport f'forma elettronika hija pożittiva jekk dan jgħin biex inaqqas l-għadd diġà abbundanti wisq ta’ formoli kuntrattwali.

4.24

L-enfasi fuq il-bżonn li jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għal impjiegi ta’ kwalità tajba hija element importanti u pożittiv għall-iżvilupp futur tal-industrija tat-trasport. Għalhekk huwa importanti li jiġu proposti miżuri bil-għan li jsaħħu t-taħriġ u jakkumpanjaw lill-atturi tas-suq fl-isforzi tagħhom ta’ reklutaġġ, fil-modi kollha tat-trasport.

4.25

Il-KESE jirreferi għall-opinjoni reċenti tiegħu dwar “Kif il-politiki tal-UE affettwaw l-opportunitajiet ta’ xogħol, il-ħtiġijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tat-trasport” li fiha jirrakkomanda “li n-nisa u l-ħaddiema żgħażagħ għandhom jinġibdu lejn l-opportunitajiet tax-xogħol fis-settur tat-trasport permezz ta’ miżuri li jtejbu l-kwalità tal-impjiegi fil-modi kollha tat-trasport, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, l-opportunitajiet tal-karriera u s-saħħa u s-sigurtà fit-tħaddim u fuq il-post tax-xogħol u li jikkontribwixxu għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata” (5).

4.26

Il-KESE jirrakkomanda użu iżjed għaqli u strett tal-iskemi fil-kuntest tal-qafas għall-għajnuna mill-Istat (SAG) fis-settur marittimu, b'mod partikolari billi tiġi eżaminata l-possibbiltà li tissaħħaħ ir-rabta bejn l-għoti tas-sussidji pubbliċi jew l-eżenzjonijiet mit-taxxa u l-garanziji fil-qasam tal-impjieg u l-obbligi ta’ taħriġ.

4.27

Il-KESE jappoġġja wkoll il-bżonn li jinħoloq osservatorju tal-kwistjonijiet soċjali, tal-impjieg u tat-taħriġ għas-settur tat-trasport.

4.28

B'mod ġenerali, id-dimensjoni soċjali tal-pjan direzzjonali hija dgħajfa. B'mod partikolari, id-dokument ma jagħmel l-ebda progress fil-qasam tad-dumping soċjali u dak tas-salarji li jirrappreżenta problema serja għal mill-inqas tliet setturi: it-trasport bit-triq, it-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni u t-trasport marittimu. Kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati – u kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd – jistgħu jiġu żgurati permezz ta’ djalogu soċjali u l-inroduzzjoni ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol minimi, kif suġġerit fil-Pjan Direzzjonali. Iżda, miżuri speċifiċi, bħal miżuri dedikati marbuta mal-għajnuna mill-Istat, jistgħu jkunu meħtieġa għal setturi li huma esposti b'mod dirett għal kompetizzjoni ma’ prezzijiet baxxi. Ir-reviżjoni li jmiss tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-settur tat-trasport marittimu ser tipprovdi opportunità inizjali biex din l-għajnuna tintuża biex tħeġġeġ l-iżvilupp tal-impjieg u t-taħriġ għaċ-ċittadini tal-UE u taż-Żona Ekonomika Ewropea.

4.29

Huwa utli li t-trasport urban kemm tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija jkun enfasizzat fil-pjan direzzjonali, peress li kulma jmur iżjed u iżjed nies fl-Ewropa qed jgħixu f'żoni urbani. Il-Pjan Direzzjonali jgħid li t-trasport urban mhuwiex fl-ambitu tal-mandat leġislattiv tal-UE u li dan jillimita l-possibbiltajiet li jiġu adottati miżuri ta’ politika. Iżda, almenu fejn jirrigwarda l-merkanzija, ikun tajjeb li wieħed jistaqsi sa liema punt l-aħħar kilometri ta’ traġitt huma marbutin u importanti għall-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan is-suq intern. Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea teżamina l-possibbiltà li tintroduċi miżuri ta’ politika Ewropej f'dan il-qasam, jekk meħtieġ. Għal darb'oħra, il-Kumitat josserva li l-Pjan Direzzjonali jiġbor fih għadd ta’ suġġerimenti li għamel fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-trasport urban, bħas-sistemi ta’ koordinazzjoni għat-trasport tal-passiġġieri, u taċ-ċentri tal-loġistika għall-merkanzija.

4.30

Il-KESE josserva b'sodisfazzjon l-attenzjoni li ngħatat lill-użu tal-vetturi elettriċi u tal-infrastrutturi meħtieġa għall-iċċarġjar tal-batteriji, kif ukoll lill-kwistjonijiet ta’ standardizzazzjoni marbuta ma’ dan. Fl-opinjoni preċedenti tiegħu dwar din il-kwistjoni (6), il-Kumitat diġà esprima l-appoġġ qawwi tiegħu għall-miżuri bil-għan li jkun hemm użu iżjed mifrux tal-vetturi elettriċi, b'mod partikolari l-karozzi elettriċi.

4.31

B'mod ġenerali, il-pjan direzzjonali jindirizza l-bżonn li jiġu kkunsidrati mill-ġdid ir-regoli dwar il-piżijiet u d-dimensjonijiet bil-għan li jinkseb l-ogħla livell ta’ effiċjenza possibbli fl-użu tar-riżorsi. Waħda mill-kwistjonijiet li tqum hija l-possibbiltà li tintuża s-sistema modulari Ewropea (SME) għall-vetturi tat-triq kollha li huma twal mhux iżjed minn 25,25 metru. Din is-sistema diġà hija aċċettata f'għadd dejjem jikber ta’ Stati Membri fit-traffiku nazzjonali. Il-Kumitat huwa konxju ferm tad-dibattitu li għadu għaddej dwar l-utilità ta’ din ix-xorta ta’ taħlit ta’ vetturi. Il-Kumitat jiddispjaċih li din il-kwistjoni mhix indirizzata biċ-ċar fil-Pjan Direzzjonali. Huwa tal-fehma li l-projbizzjoni attwali li jintużaw dawn it-tipi ta’ vetturi għat-trasport transkonfinali bejn Stati Membri li jawtorizzawhom ċertament tirrappreżenta xkiel regolatorju li joħloq ostaklu għall-moviment liberu tal-merkanzija bejn il-fruntieri u li mhijiex konsistenti mal-għan li tissaħħaħ l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tat-trasport permezz ta’ approċċ komodali. Għalhekk, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva u tneħħi din il-projbizzjoni. Fuq perjodu ta’ żmien itwal, għandu jiġi vvalutat jekk l-użu ta’ vetturi tat-triq iżjed twal li jaħdmu b'karburanti ġodda eċċ., jistax jintrabat mal-iżvilupp ta’ kurituri multimodali li fil-Pjan Direzzjonali huma kkunsidrati parti mill-core network tat-TEN-T. L-istess jgħodd ovvjament għall-introduzzjoni ta’ ferroviji itwal u itqal fl-UE biex isaħħu l-kapaċità fil-konnessjonijiet ferrovjarji ta’ din ix-xorta ta’ kurituri multimodali. Il-Kumitat jaf li l-prerekwiżit għal valutazzjoni pożittiva ta’ kwalunkwe bidla fil-piż tal-merkanzija fuq it-toroq huwa li din il-bidla m'għandu jkollha l-ebda riperkussjoni negattiva fuq l-użu multimodali tal-unitajiet tat-trasport, b'mod partikolari b'rabta mat-trasport bil-ferrovija/bit-triq. Kwalunkwe spiża addizzjonali tal-infrastruttura li tirriżulta minn vetturi jew ferroviji itwal u itqal ovvjament għandha tiġi valutata b'mod preċiż u għandha tinqasam b'mod adatt bejn l-utenti li jibbenefikaw minn din il-bidla.

4.32

Il-KESE jiddispjaċih li l-kwistjoni ta’ soluzzjonijiet iżjed effiċjenti u sostenibbli għall-mogħdijiet fl-Alpini ma ġietx indirizzata fil-White Paper. L-infrastruttura eżistenti tat-toroq u l-ferroviji ma għandhiex biżżejjed kapaċità biex tissodisfa d-domanda għall-għaxar snin li ġejjin. Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal din il-kwistjoni.

4.33

Il-Pjan Direzzjonali jgħid li huwa utli li l-operaturi jikkoordinaw l-ippjanar tat-trasport bil-għan li jsir l-aħjar użu mir-riżorsi. F'dan ir-rigward, il-KESE jistaqsi lilu nnifsu jekk il-Kummissjoni għandhiex tfassal linji gwida bil-għan li jitnaqqas ir-riskju ta’ kunflitt mar-regoli attwali fil-qasam tal-kompetizzjoni.

4.34

Il-Kumitat, fid-dawl tal-proċess ta’ tibdil demografiku, it-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-fatt li 15 % tal-popolazzjoni totali huma persuni b'diżabbiltà, jirrikonoxxi li sakemm kull ħolqa fil-katina tal-ivvjaġġar (inklużi l-ambjent mibni, il-mezzi tat-trasport, it-tagħmir varju, is-sistemi tal-informazzjoni, is-sistemi tar-riservazzjonijiet, is-servizzi, eċċ.) tkun aċċessibbli għal kulħadd, il-mobbiltà mhijiex possibbli. Għalhekk, il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ il-pjani tal-Kummissjoni Ewropea li tipproponi Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà.

4.35

Iżda, il-Kumitat jirrikonoxxi li minkejja l-bosta aspetti pożittivi fil-Pjan Direzzjonali, id-dokument injora l-aspetti prattiċi tad-diżabbiltà. Kunċetti prinċipali bħas-sostenibbiltà u s-sikurezza ġew diskussi mingħajr attenzjoni għall-kwistjoni tal-aċċessibbiltà. Il-Kumitat huwa tal-fehma li, sabiex niksbu aċċessibbiltà aħjar, huwa importanti li l-partijiet interessati kollha jaħdmu flimkien biex jipproduċu standards li huma kompatibbli bis-sħiħ bejn il-modi kollha tat-trasport bil-għan li jinħoloq trasport li jkun tabilħaqq ħieles mill-ostakli. Ir-regolamenti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri wkoll għandhom bżonn ta’ kjarifika u armonizzazzjoni f'għadd ta’ oqsma, bħall-fatt li l-persuni b'diżabbiltà ma jitħallewx jitilgħu abbord, id-dritt li jġibu magħhom tagħmir tal-mobbiltà u għodod ta’ assistenza, il-provvista ta’ informazzjoni, eċċ.

4.36

Il-Kumitat jipproponi li l-qafas finanzjarju multiannwali jinkludi l-aċċessibbiltà bħala rekwiżit għall-finanzjament. Ma għandu jiġi pprovdut l-ebda baġit tal-UE favur it-TEN jew kull tip ta’ finanzjament ieħor tal-UE sakemm il-proġetti jiżguraw konformità mal-prinċipju Disinn Għal Kulħadd. Bil-għan li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu għall-persuni b'diżabbiltà, il-Kumitat jipproponi wkoll l-adozzjoni ta’ Karta Ewropea għall-Mobbiltà li tista' twitti t-triq għal għadd ta’ konċessjonijiet armonizzati fil-pajjiżi tal-UE.

Brussell, 26 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar “Strateġija għat-twettiq tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni”, ĠU C 317, 23.12.2009, p. 80.

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-iżvilupp sostenibbli tal-politika tat-trasport tal-UE u t-TEN-T”, ĠU C 248, 25.8.2011, p. 31.

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar “Żona ferrovjarja unika Ewropea”, ĠU C 132, 3.5.2011, p. 99.

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar “Kif il-politiki tal-UE affettwaw l-opportunitajiet ta’ xogħol, il-ħtiġijiet ta’ taħriġ u l-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tat-trasport” (opinjoni esploratorja), ĠU C 248, 25.8.2011, p. 22.

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar “Kif il-politiki tal-UE affettwaw l-opportunitajiet ta’ xogħol, il-ħtiġijiet ta’ taħriġ u l-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tat-trasport” (opinjoni esploratorja), ĠU C 248, 25.8.2011, p. 22.

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar “Lejn użu aktar mifrux tal-vetturi elettriċi” (opinjoni esploratorja), ĠU C 144, 11.2.2011, p. 47.