28.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/111


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: L-assigurazzjoni ta’ ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020”

COM(2011) 244 finali

2012/C 24/24

Relatur: is-Sur RIBBE

Nhar it-3 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: L-assigurazzjoni ta’ ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020

COM(2011) 244 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ Ottubru 2011. Ir-relatur kien is-Sur RIBBE.

Matul l-475 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta’ Ottubru 2011 (seduta tas-26 ta’ Ottubru 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'120 vot favur, 5 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Sommarju tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat

1.1

F'din ir-raba' opinjoni tiegħu dwar il-politika tal-bijodiversità f'temp ta’ erba' snin biss, il-KESE mill-ġdid jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni tagħmilha ċara li hemm bżonn isir ħafna iktar sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-għanijiet li stabbilixxa l-Kunsill Ewropew.

1.2

Il-KESE jqis b'mod kritiku l-fatt li l-Kummissjoni ma twettaq l-ebda analiżi ġenwina tar-raġuni għalfejn ir-rakkomandazzjonijiet li ilhom magħrufa snin u li dejjem intalqgħu mill-Kumitat, pereżempju l-160 miżura tal-pjan ta’ azzjoni għall-bijodiversità tal-2006, ma ġewx implimentanti jew ma ġewx implimentati b'mod adegwat. L-analiżi tar-raġunijiet għaliex ma ġiex implimentat jew ma rnexxiex il-katalgu wiesa' ta’ miżuri inkluż fil-pjan ta’ azzjoni għall-bijodiversità tal-2006 hija aktar u aktar importanti għaliex fl-aħħar mill-aħħar dan hu l-uniku mod biex jiġu żviluppati strateġiji u miżuri mmirati ġodda li jkunu aktar promettenti.

1.3

Din l-istrateġija ma fiha xejn fundamentalment ġdid. Il-problema ma tistax tiġi indirizzata billi jitressaq dokument ta’ strateġija ġdida bil-proposti qodma u magħrufa ta’ qabel. Rigward il-preservazzjoni tal-bijodiversità, mhux mil-liġijiet, direttivi, programmi, proġetti mudell, dikjarazzjonijiet politiċi jew dokumenti gwida li aħna neqsin, iżda mill-implimentazzjoni u l-azzjonijiet konġunti fil-livelli kollha tal-azzjoni politika.

1.4

Il-qasam politiku għadu ma sabx is-saħħa u r-rieda biex iwettaq il-miżuri li ilhom magħrufa bħala miżuri neċessarji snin sħaħ, għalkemm il-Komunikazzjoni tagħmilha ċara għal darb'oħra li kemm is-soċjetà kif ukoll l-ekonomija jistgħu jibbenefikaw minn politika tal-bijodiversità stretta. Lanqas id-direttivi ċentrali tal-UE dwar il-ħarsien tan-natura għadhom ma ġew implimentati b'mod sħiħ fl-Istati Membri, 32 u 19-il sena wara li daħlu fis-seħħ rispettivament.

1.5

Il-KESE jirrikonoxxi għalkollox li nkisbu xi suċċessi parzjali fil-preservazzjoni tal-bijodiversità. Madankollu, dan m'għandux inessina li b'mod globali l-bijodiversità sejra lura. Għalhekk, l-UE għandha l-isfida li tiżviluppa strateġija ffokata fuq l-implimentazzjoni prattika.

1.6

B'xorti ħażin għadu mhux ċar kif tista' tingħeleb il-problema tan-nuqqas ta’ rieda politika. F'dan il-kuntest, l-istrateġija għall-bijodiversità analizzata hawnhekk ma tirrappreżenta l-ebda progress ġenwin. Id-dibattiti li saru s'issa fil-Kunsill tal-Ministri dwar din il-Komunikazzjoni juru li għadna 'l bogħod mill-integrazzjoni tal-politika tal-bijodiversità f'oqsma oħra ta’ politika.

1.7

Għaldaqstant, huwa importanti immens li fil-proċessi ta’ riformi politiċi imminenti (pereżempju rigward il-politika tas-sajd, tal-agrikoltura, tat-trasport, tal-enerġija u tal-koeżjoni) tinħoloq rabta mill-qrib mal-istrateġija għall-bijodiversità. Però l-KESE għadu qed jara xi nuqqasijiet f'dan il-qasam. Dan jgħodd ukoll għall-pjani mressqa għall-perspettivi finanzjarji 2014-2020, li fil-fehma tal-KESE ma jidhrux li huma adegwati biex jiżguraw biżżejjed riżorsi finanzjarji. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-istrateġija għall-bijodiversità tagħha stess b'aktar serjetà!

1.8

Meta kienet qed titfassal din l-opinjoni, b'referenza għal dan il-punt saru paralleli mal-kriżi tad-dejn u tal-euro. Jekk l-Istati Membri tal-UE ma jeħdux il-prinċipji u l-kriterji tagħhom bis-serjetà, kemm jekk dawn ikunu regoli dwar il-ħarsien tan-natura u kemm jekk huma kriterji ta’ stabbiltà għall-unjoni monetarja stabbiliti fit-Trattat ta’ Maastricht, xejn ma jkun ta’ barra minn hawn jekk a) jinqalgħu problemi fil-qasam politiku u jekk b) iċ-ċittadini jitilfu l-fiduċja tagħhom fil-politika.

1.9

Huwa ċar li hemm bżonn tal-informazzjoni u l-għarfien dwar id-diversità bijoloġika, dwar l-interazzjonijiet kumplessi tagħhom mal-iżvilupp u l-impjieg kif ukoll dwar l-identifikazzjoni u l-appoġġ tal-prattiki tajbin.

1.10

Il-Kummissjoni hi mitluba biex fl-aħħar tippreżenta l-lista ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, liema lista kienet tħabbret fl-2006.

2.   Elementi ewlenin u kuntest tad-dokument tal-Kummissjoni

2.1

Fl-2001, il-Kunsill Ewropew ta’ Göteborg adotta l-istrateġija tal-UE għas-sostenibbiltà li fasslet għan ċar għall-qasam tal-politika tal-bijodiversità. Dan kien jgħid hekk: Il-ħarsien u r-restawr tal-ħabitats u s-sistemi naturali u t-twaqqif tat-telfien tal-bijodiveristà sal-2010 (1).

2.2

F'Marzu 2010, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE kellhom jagħrfu li ma laħqux l-għan tagħhom. Għaldaqstant ħarġu favur mira ġdida li pproponiet il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha Alternattivi għal viżjoni Ewropea u mira għall-bijodiversità wara l-2010  (2). Din hi mira għas-sena 2020 li tgħid li għandu “jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistema fl-UE sal-2020 u jiġu rriġenerati kemm jista' jkun, filwaqt li tiżdied il-kontribuzzjoni tal-UE biex jiġi evitat telf globali tal-biodiversità”.

2.3

Il-Kunsill talab lill-Kummissjoni tfassal strateġija ġdida sabiex jintlaħaq dan l-għan u din qed tiġi ppreżentata f'din il-Komunikazzjoni.

2.4

Hawnhekk il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa li tittieħed azzjoni, permezz ta’ fatti li ilhom magħrufin snin twal:

it-telf tal-bijodiversità, flimkien mat-tibdil fil-klima, jitqies bħala “l-aktar theddida kritika għall-ambjent fuq livell dinji”, u jingħad li t-tnejn huma marbuta ferm ma’ xulxin;

l-estinzjoni tal-ispeċi qed isseħħ b'ritmu li qatt ma kien daqshekk mgħaġġel: illum l-ispeċi qed jintilfu b'rata ta’ bejn 100 u 1 000 darba aktar mgħaġġla mir-rata normali;

huma biss 17 % tal-ħabitats u l-ispeċi u 11 % tal-ekosistemi ċentrali mħarsa mil-leġislazzjoni tal-UE li jinsabu fi stat favorevoli (3)  (4);

il-ftit benefiċċji tal-miżuri introdotti sa mill-2011 “ingħelbu mill-pressjonijiet kontinwi u dejjem jikbru fuq il-bijodiversità fl-Ewropa: it-tibdil fl-użu tal-art, l-isfruttament tal-bijodiversità u l-komponenti tagħha, il-firxa ta’ speċi aljeni invażivi, it-tniġġis u t-tibdil fil-klima kollha jew baqgħu kostanti jew qed jiżdiedu”;

il-fatt li l-valur ekonomiku li għandha l-bijodiversità mhux qed jiġi rifless fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ukoll qed ikollu impatt qawwi fuq it-telf tal-bijodiversità.

2.5

F'din il-komunikazzjoni tingħata iktar attenzjoni milli qatt ingħatat qabel f'dokumenti oħra tal-UE lill-aspetti ekonomiċi tat-telf tal-bijodiversità, u dan jidher fost aspetti oħra fl-użu dejjem iktar frekwenti tal-kunċett tas-“servizzi tal-ekosistemi”. Mill-ġdid terġa' ssir referenza għall-istudju tat-TEEB (5) u bħala eżempju jintuża d-dakkir tal-insetti li fl-UE għandu valur ekonomiku stmat għal EUR 15-il biljun fis-sena. Minnu tinsilet il-konlużjoni li “t-tnaqqis kontinwu ta’ naħal u insetti oħra li jdakkru jista' jkollu konsegwenzi serji fuq il-bdiewa Ewropej […]”.

2.6

Fit-tielet parti tal-komunikazzjoni jiġi deskritt qafas ta’ azzjoni għall-għaxar snin li ġejjin, liema qafas jikkonsisti f'sitt miri:

Mira 1: L-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar l-Għasafar u d-Direttiva dwar il-Ħabitats;

Mira 2: Iż-żamma u t-titjib tal-ekosistemi u tas-servizzi tagħhom;

Mira 3: Żieda tal-kontribuzzjoni tal-agrikoltura u l-forestrija għaż-żamma u t-titjib tal-bijodiversità;

Mira 4: Garanzija ta’ użu sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd;

Mira 5: Il-ġlieda kontra speċijiet aljeni invażivi; u

Mira 6: Għajnuna biex tiġi evitata t-telfa tal-bijodiversità fuq livell dinji.

2.7

Kull mira tinqasam f'pakkett ta’ azzjonijiet imfassla sabiex iwieġbu għall-isfidi speċifiċi indirizzati mill-mira. B'kollox jiġu deskritti 37 miżura.

2.8

Il-komunikazzjoni tirrepeti bosta drabi li jeħtieġ li l-politika tal-bijodiversità tiġi integrata aħjar f'oqsma oħra ta’ politika tal-UE (bħall-politika tal-agrikoltura u tas-sajd).

2.9

Zewġ oqsma b'mod partikolari għandhom bżonn il-fondi: it-tlestija tan-Netwerk Natura 2000 u l-implimentazzjoni tal-impenji globali (6).

2.10

Il-komunikazzjoni tgħid ukoll li “r-riforma ta’ sussidji li jagħmlu l-ħsara […] se tkun ukoll ta’ benefiċċju għall-bijodiversità”.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Fi Frar 2007, f'Lulju 2009 u f'Settembru 2010, il-KESE diġà esprima l-fehma tiegħu dwar il-politika tal-bijodiversità.

3.2

Il-KESE jinnota li l-oqsma, il-miri u l-miżuri msemmija f'dan l-abbozz ta’ strateġija kienu diġà komponent ċentrali tal-pjan ta’ azzjoni fl-2006.

3.3

Din l-istrateġija ma fiha xejn fundamentalment ġdid, iżda terġa' turi liema approċċi huma assolutament indispensabbli u liema huma l-aktar approċċi urġenti u liema huma promettenti. Il-parti l-kbira tal-istrateġija hija “copy u paste” ta’ fatti, proposti u miżuri qodma li ilhom magħrufa ħafna. Dan juri li l-kwistjonijiet ilhom żmien sew magħrufin. Ma hemmx għalfejn nerġgħu nikkunsidraw x'għandu jsir, iżda għandna nistaqsu għalfejn dak li għandu jsir mhux qed isir u kif nistgħu naġixxu b'mod immirat. Madankollu, s'issa l-istrateġija ma tagħtix risposta għal din il-kwistjoni ċentrali.

3.4

Għaldaqstant, id-dokument tal-Kummissjoni mhuwiex sodisfaċenti. Għal din ir-raġuni, il-KESE jitlob li l-istrateġija għall-bijodiversità tal-2020 tkun iffokata aktar fuq l-implimentazzjoni prattika tagħha.

3.5

Il-KESE jixtieq ifakkar il-konklużjonijiet li diġà kien wasal għalihom fl-2007:

Il-konservazzjoni tal-bijodiversità hija kompitu neċessarju u ċentrali li mhux sempliċiment obbligu etiku u morali. Jeżistu wkoll raġunijiet ekonomiċi għaliex hemm bżonn tittieħed azzjoni iktar rapida u effettiva.

It-tnaqqis tal-ispeċijiet fl-Ewropa huwa r-riżultat ta’ miljuni ta’ deċiżjonijiet li ttieħdu fl-aħħar deċennji ta’ snin, deċiżjonijiet li kważi kollha ttieħdu fil-qafas tal-leġislazzjoni li diġà teżisti.

L-iżvilupp tal-bijodiversità għadu negattiv. S'issa għad ma kienx hemm ir-rieda politika li jiġu implimentati l-miżuri li ilhom meqjusa meħtieġa għal snin twal.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tidentifika tajjeb ħafna r-raġunijiet li jwasslu għal din is-sitwazzjoni, jiġifieri: “in-nuqqas ta’ kontroll, u n-nuqqas ta’ ekonomija konvenzjonali biex tirrikonoxxi l-valur ekonomiku tal-kapital naturali u tas-servizzi tal-ekosistemi”.

Dawn l-elementi u l-fatt li r-raġunijiet etiċi u morali għall-konservazzjoni tal-bijodiversità jiġu ttrattati bħala kwistjonijiet ta’ importanza sekondarja fl-ippjanar u l-proċessi politiċi ta’ evalwazzjoni wasslu għall-kulminazzjoni tas-sitwazzjoni attwali.

Il-KESE kien laqa' l-preżentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-2006 u jqis li l-160 (!) miżura msemmija jagħmlu sens. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri lanqas dak iż-żmien ma kienu ġodda, anzi kienu ilhom żmien fuq l-aġenda. Il-KESE jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-pjan ta’ azzjoni kważi ma jindirizzaw xejn il-kwistjoni li qamet fl-opinjoni esploratorja tal-Kumitat tat-18 ta’ Mejju 2006 (7) dwar kif ser jiġu spjegati l-lakuni bejn l-azzjoni li għandha tittieħed, dak li ntqal li ser isir u r-realtà fir-rigward tal-konservazzjoni tal-bijodiversità.

Il-KESE jappoġġja l-kunċett tar-“responsabbiltà globali” tal-UE.

3.6

Il-punti ewlenin tal-opinjoni adottata fis-sessjoni plenarja tal-2007 għadhom jgħoddu llum daqs kemm kienu dakinhar. Il-KESE jiddispjaċih ħafna li xejn deċiżiv ma nbidel fis-snin li għaddew.

3.7

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lanqas ma tinkludi analiżi tar-raġunijiet għaliex ma ġiex implimentat jew ma rnexxiex il-katalgu wiesa' ta’ miżuri inkluż fil-pjan ta’ azzjoni għall-bijodiversità tal-2006. Analiżi sħiħa tal-falliment hija aktar u aktar importanti għaliex fl-aħħar mill-aħħar dan hu l-uniku mod biex jiġu żviluppati strateġiji u miżuri mmirati ġodda li jkunu aktar promettenti. Il-problema ma tistax tiġi indirizzata billi jitressaq dokument ta’ strateġija ġdida bil-proposti qodma u magħrufa.

3.8

Minkejja li l-Kummissjoni ilha snin tipprova tpoġġi iktar enfasi fuq l-argumenti ekonomiċi favur iż-żamma tal-bijodiversità, ir-riżultati huma ftit. Il-KESE, li darba ddeskriva l-politika tal-bijodiversità bħala “kwistjoni ekonomika fit-tul” u qal li “l-ministri tal-affarijiet ekonomiċi u finanzjarji għandhom għalhekk jindirizzaw din il-kwistjoni” (8), jilqa' l-isforz li sar sabiex jintwerew il-konsegwenzi ekonomiċi tan-nuqqas ta’ politika tal-bijodiversità. Però s'issa l-politika tal-bijodiversità għadha ma ġietx integrata biżżejjed fil-politika ekonomika u finanzjarja tal-UE. L-istrateġija l-ġdida għandha tagħti risposta dwar kif dan jista' jinbidel.

3.9

Min-naħa l-oħra, il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni sħiħa lejn il-periklu tal-fatt li tiżdied l-enfasi fuq il-kwistjonijiet ekonomiċi, jiġifieri li fil-futur il-ħarsien tal-bijodiversità tkun ikkonċentrata fuq dawk l-oqsma li huma jew jidhru li huma ekonomikament vijabbli fuq perjodu qasir. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tirrifletti dwar l-approċċ għall-ispeċijiet u l-ħabitats li l-valur ekonomiku tagħhom ma jistax jiġi kkalkulat b'mod dirett. Jista' jkun diffiċli, pereżempju, li jiġi kkalkulat sal-inqas euro u ċenteżmu l-valur tal-mammiferi l-kbar bħal-lupu, l-ors jew il-linċi, u l-istess jista' jingħad għaż-żrinġ komuni, il-ġurad, iċ-ċikonja u eluf ta’ speċijiet oħra. Flimkien ma’ dawn jeżistu speċijiet li l-“prestazzjoni” tagħhom lanqas ekonomikament ma tista' tiġi stmata biżżejjed, anke 'l barra mid-dibattitu politiku: fejn hemm programmi ta’ ħarsien għall-batterji, il-fungi jew id-dud tal-art, jiġifieri d-dekompożituri li mingħajrhom id-dekompożizzjoni tas-sustanzi organiċi ma tkunx possibbli?

3.10

L-istrateġija tiffoka ħafna fuq l-agrikoltura, il-forestrija u l-politika tas-sajd. Minn banda, dan hu ġġustifikat għaliex a) dawn il-politiki jaffettwaw il-bijodiversità, u b) dawn huma osqma ta’ politika li jokkupaw superfiċje kbira u jistgħu jiġu influwenzati mill-UE. Mill-banda l-oħra, setturi oħra li għandhom impatt ħażin fuq il-bijodiversità, bħat-trasport u l-iżvilupp urban, ma jiġux indirizzati biżżejjed.

3.11

Meta l-Kummissjoni fl-abbozz tal-istrateġija tinnota li “ir-riforma ta’ sussidji li jagħmlu l-ħsara […] se tkun ukoll ta’ benefiċċju għall-bijodiversità”, naturalment għandha raġun. Trid biss tippreżenta l-lista ta’ sussidji li jagħmlu l-ħsara. Ilha li wegħdet li ser tagħmel dan mill-2006, iżda s'issa għadha ma ppreżentathiex.

3.12

Il-KESE jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni ħabbret li issa l-infiq kollu ser jiġi ċċekkjat għall-kompatibbiltà mal-bijodiversità, u li bl-inizjattiva “no net loss” ser jiġi żgurat li ma ssirx aktar ħsara lill-bijodiversità.

4.   Kummenti dwar il-miri speċifiċi

4.1

Billi jindirizza s-sitt miri individwali u xi miżuri, il-KESE jixtieq jiċċara r-raġuni għalfejn huwa jqis li l-istrateġija tal-bijodiversità attwali xejn ma hija ambizzjuża mil-lat tekniku. Ir-raġuni għalfejn il-Kummissjoni qed iżżomm lura ħafna hija u tfassal il-miżuri għandha probabbilment natura politika. In-negozjati ferm diffiċli fil-Kunsill tal-Ambjent dwar it-twaqqif ta’ miżuri individwali juru li l-bijodiversità għadha, bħal qabel, mhix integrata fl-oqsma oħra ta’ politika.

4.2

Mira 1

4.2.1

Id-Direttiva dwar l-Għasafar tal-1979 u d-Direttiva dwar il-Ħabitats tal-1992 huma direttivi ċentrali għall-ħarsien tan-natura fl-Ewropa, li mingħajr l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom il-ħarsien tan-natura fl-Ewropa mhux possibbli. Madankollu, il-fatt li l-ewwel mira tal-istrateġija l-ġdida għall-bijodiversità jisimha “L-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar l-Għasafar u d-Direttiva dwar il-Ħabitats” jista' jinfiehem bħala sinjal fatali. Il-KESE jemmen li l-fatt li 32 u 19-il sena wara li daħlu fis-seħħ rispettivament dawn id-direttivi għadhom ma ġewx implimentati bis-sħiħ huwa l-akbar problema tal-politika tal-bijodiversità fl-Ewropa. Dan hu prova ċara li fejn tidħol il-konservazzjoni tal-bijodiversità, għad jonqos ir-rieda politika u mhux il-bażijiet legali jew l-istrateġiji. Hawnhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja naturalment għandha rwol x'taqdi, għaliex lanqas l-istrateġiji tajbin ma jistgħu jissostitwixxu n-nuqqas apparenti ta’ rieda politika.

4.2.2

Id-diżappunt tal-KESE fuq l-implimentazzjoni bil-mod ta’ dawn id-direttivi jkompli jikber għaliex il-biċċa l-kbira tal-miżuri prattiċi b'riżultat pożittiv kienu assoċjati direttament jew indirettament ma’ dawn id-direttivi dwar il-ħarsien tan-natura. Minn żmien għal żmien tqum il-mistoqsija politika ta’ jekk dawn id-direttivi u l-miri tagħhom għadhomx rilevanti. Il-KESE jwieġeb din il-mistoqsija b'mod ċar u tond li “iva”. Ma jara l-ebda possibbiltà li l-miri l-ġodda jintlaħqu mingħajr l-implimentazzjoni rapida u sħiħa tad-direttivi eżistenti.

4.2.3

Meta kienet qed titfassal din l-opinjoni, b'referenza għal dan il-punt saru paralleli mal-kriżi tad-dejn u tal-euro. Jekk l-Istati Membri tal-UE ma jeħdux il-prinċipji u l-kriterji tagħhom bis-serjetà, kemm jekk dawn ikunu regoli dwar il-ħarsien tan-natura u kemm jekk huma kriterji ta’ stabbiltà għall-unjoni monetarja stabbiliti fit-Trattat ta’ Maastricht, xejn ma jkun ta’ barra minn hawn jekk a) jinqalgħu problemi fil-qasam politiku u jekk b) iċ-ċittadini jitilfu l-fiduċja tagħhom fil-politika.

4.2.4

Fost l-azzjonijiet imsemmija sabiex jintlaħaq dan l-għan, it-tieni azzjoni; il-“Garanzija ta’ finanzjament xieraq għas-siti tan-Natura 2000” hija deskritta bħala prijorità. Il-KESE jqisha wkoll bħala prijorità iżda ma jista' jsib xejn fl-abbozz tal-perspettivi finanzjarji għall-2014-2020 li jissuġġerixxi li t-titjib sostanzjali meħtieġ ser isir fil-perjodu finanzjarju l-ġdid. Ikun sinjal tajjeb li jingħata primjum għall-ġestjoni taż-żoni tan-Natura 2000, pereżempju permezz tal-agrikoltura, iżda din mhix prevista fir-riforma tal-PAK.

4.2.5

Huma biss 17 % tal-ħabitats u l-ispeċi u 11 % tal-ekosistemi ċentrali mħarsa mil-leġislazzjoni tal-UE li jinsabu fi stat favorevoli. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tikkonferma jekk l-għan li sal-2020 “ikun hemm żieda ta’ 100 % fil-valutazzjonijiet tal-ħabitats u żieda ta’ 50 % fil-valutazzjoni tal-ispeċijiet skont id-Direttiva […] li juru titjib fl-istati ta’ konservazzjoni” hux ser ikun biżżejjed biex iwaqqaf it-telfien tal-bijodiversità. Il-Kumitat jinterpreta din il-formulazzjoni bħala waħda li tfisser li l-Kummissjoni tkun sodisfatta jekk sal-2020, 34 % tal-ħabitats u l-ispeċi legalment protetti jkunu fi stat favorevoli (u jiġifieri żewġ terzi minnhom fi stat mhux favorevoli).

4.3

Mira 2

4.3.1

It-tieni mira, “Iż-żamma u t-titjib tal-ekosistemi u tas-servizzi tagħhom”, hija wegħda li l-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern ilhom li għamlu sa mill-2001. Sal-2020 għandu jsir titjib permezz, fost affarijiet oħrajn, ta’ infrastrutturi ekoloġiċi u tar-restawr ta’ mill-inqas 15 % tal-ekosistemi degradati (9).

4.3.2

Il-KESE jenfasizza li matul l-aħħar għaxar snin il-kunflitti dwar l-użu tal-art żdiedu drastikament fl-oqsma kollha (pereżempju, l-agrikoltura, il-forestrija, il-ġenerazzjoni tal-enerġija, it-trasport u l-iżvilupp urban). Fil-kundizzjonijiet attwali, ir-restawr tal-ekosistemi degradati ser ikomplu jżidu l-kunflitti dwar l-użu tal-art, peress li l-utenti tal-art jqisu l-ħarsien tan-natura bħala attività oħra li tikkompeti għall-użu tal-art. Il-KESE jħeġġeġ li jsiru proposti rigward is-soluzzjoni ta’ dawn il-kunflitti fl-istrateġija ta’ implimentazzjoni mħabbar għall-2012.

4.4

Mira 3

4.4.1

Anke t-tielet mira, iż-“Żieda tal-kontribuzzjoni tal-agrikoltura u l-forestrija għaż-żamma u t-titjib tal-bijodiversità”, ilha snin sħaħ tagħmel parti mid-diskussjoni mingħajr ma tinstab soluzzjoni għaliha. Il-KESE kemm-il darba ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-bdiewa u l-operaturi tal-foresti għandhom livell għoli u pożittiv ta’ affinità fejn jidħol il-ħarsien tan-natura u l-bijotopi. Ħafna proġetti pilota juru li bil-ħidma fi sħubija jistgħu jinkisbu riżultati pożittivi.

4.4.2

Il-bdiewa huma lesti jilqgħu l-isfida li poġġitilhom is-soċjetà li jaqdu “rwol multifunzjonali” minflok rwol ibbażat biss fuq il-produzzjoni. Madankollu huma jiffaċċjaw kompiti li jiswew il-flus iżda ma jrendux peress li l-prezzijiet tal-produzzjoni ma jinkludux il-kontribut addizzjoni mistennija tal-agrikoltura.

4.4.3

Il-politika agrikola komuni għandha tiġi adattata sabiex issolvi din id-dilemma. Il-Kumitat jagħmel referenza għall-opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar dan is-suġġett u ser isegwi mill-qrib ħafna r-riforma imminenti tal-PAK minn din il-perspettiva wkoll.

4.4.4

Barra minn hekk, għandhom jiġu eżaminati wkoll il-metodi ta’ finanzjament lil hinn mill-baġit agrikolu tal-UE sabiex jiġu żgurati l-inċentivi meħtieġa.

4.5

Mira 4

4.5.1

Ir-raba' mira, il-“Garanzija ta’ użu sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd” tindirizza b'mod dirett il-politika tas-sajd tal-UE. L-interessi tas-sajd kummerċjali u l-ħarsien tal-bijodiversità kontinwament għadhom qed jispiċċaw dejjem f'kunflitt. Għalhekk mhuwiex sorprendenti l-fatt li l-miri stabbiliti għall-agrikoltura u s-sajd (pereżempju Azzjoni 13: “ Titjib fil-ġestjoni ta’ stokkijiet tal-qabdiet ”) huma ġenerali immens u ma fihom kważi l-ebda miri kwantifikabbli għall-ħarsien tan-natura. Il-KESE jilqa' l-mira li mill-2015 (u mhux mill-2020) l-istokkijiet tal-ħut jinżammu f'livell (jew jerġgħu jinġiebu għal-livell) li jkunu jistgħu jipproduċu l-produzzjoni sostenibbli massima, iżda jrid jiġi rikonoxxut li din hi aktar mira għall-ekonomija tas-sajd milli mira għall-ħarsien tan-natura. Madankollu, id-diskussjonijiet li saru fil-Kunsill urew li hemm oppożizzjonijiet kbar anke għal formulazzjonijiet li mhumiex relattivament vinkolanti bħal dawn. Għall-KESE dan huwa sinjal li l-politika tal-bijodiversità għadha qed tingħata inqas prijorità mill-metodi ta’ produzzjoni li ilu ħafna li ġew rikonoxxuti bħala prattiki li mhumiex sostenibbli. Il-Kumitat ser ikompli jsegwi mill-qrib in-negozjati tar-riforma tal-politika tas-sajd.

4.6

Miri 5 u 6

4.6.1

Dwar il-ħames mira, “Il-ġlieda kontra speċijiet aljeni invażivi”, il-KESE diġà ħa pożizzjoni f'opinjoni preċedenti tiegħu (10). Din il-problema mhix ġdida u għadha qed tistenna soluzzjoni bħal fil-każ tas-sitt mira, “Għajnuna biex tiġi evitata t-telfa tal-bijodiversità fuq livell dinji”. Dwar din l-aħħar mira, il-Kumitat jistqarr li huwa ċar li ħafna mill-istqarrijiet u l-wegħdiet li saru dwar il-konservazzjoni tal-bijodiversità globali mhux qed jiġu implimentati. Il-proġett “Yasuni National Park” fl-Ekwador huwa eżempju fejn il-komunità globali riedet tgħin permezz ta’ kontributi finanzjarji sabiex jiġi abbandunat proġett tal-estrazzjoni taż-żejt. Il-fondi, madankollu, ma waslux fl-ammont imwiegħed u għalhekk l-estrazzjoni taż-żejt għadha għaddejja għad-detriment tan-natura fil-foresta tropikali.

4.6.2

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew sabiex jiċċaraw kemm ser jiġu allokati fondi għall-politika tal-bijodiversità globali fil-perjodu finanzjarju ġdid 2014-2020 għaliex dan mhux ċar fid-dokumenti attwali. S'issa l-UE u l-Istati Membri jagħtu inqas minn 0,004 % tar-riżorsi ekonomiċi tagħhom sabiex jiffinanzjaw il-miżuri globali għall-iżvilupp u l-konservazzjoni tal-bijodiversità. B'dan il-kontribut mhux ser jiġu solvuti l-problemi li wisq probabbli ser ikomplu jiżdiedu minħabba l-kompetizzjoni globali għall-art.

Brussell, 26 ta’ Ottubru 2011

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2001) 264 finali, 15.4.2001, p. 14 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  COM(2010) 4 finali.

(3)  http://www.eea.europa.eu/publications/eu-2010-biodiversity-baseline/

(4)  Ma tingħata l-ebda informazzjoni dwar il-ħabitats u l-ispeċi li mhumiex protetti minkejja li dawn huma importanti wkoll għall-bijodiversità.

(5)  “The Economics of Ecosystems and Biodiversity” (TEEB) (“L-Ekonomija tal-Ekosistemi u tal-Bijodiversità”), ara: http://teebweb.org.

(6)  Ara l-konferenza COP 10 li saret f'Nagoya fl-2010.

(7)  ĠU C 195, 18.8.2006, p. 96 (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 150, punt 1.6.

(9)  Dan l-għan jikkorrispondi mal-mira rilevanti tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika.

(10)  ĠU C 306, 16.12.2009, p. 42.