28.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/81


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-ġestjoni finanzjarja, għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew huma mhedda b'diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom”

COM(2011) 482 finali — 2011/0211 (COD)

2012/C 24/17

Relatur Ġenerali: is-Sur SMYTH

Nhar it-2 ta’ Settembru u l-5 ta’ Ottubru 2011 rispettivament, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 177 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-ġestjoni finanzjarja, għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew huma mhedda b'diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom

COM(2011) 482 finali – 2011/0211 (COD).

Nhar l-20 ta’ Settembru 2011, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-457 Sessjoni Plenarja tiegħu tas-26 u s-27 ta’ Ottubru 2011 (seduta tas-27 ta’ Ottubru) li jaħtar lis-Sur Smyth bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b'89 vot favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jinnota l-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament Nru 1083/2006 b'mod li jkun hemm żieda fil-pagamenti għal dawk il-pajjiżi li huma milquta mill-kriżi u li qed jirċievu għajnuna mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) jew mill-mekkaniżmu tal-Bilanċ tal-Ħlasijiet (BoP) għall-perjodu li matulu jibbenefikaw minn dawn il-mekkaniżmi ta’ appoġġ, iżda mingħajr ma jkun hemm żieda fl-allokazzjoni globali fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni għall-perjodu ta’ progammazzjoni 2007-2013.

1.2

Il-KESE japprova din il-proposta.

1.3

Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni, li kompliet tibni fuq il-Komunikazzjoni tagħha dwar “Politika reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020” (COM(2010) 553), ma marritx pass 'il quddiem u ma pproponietx faċilità ta’ finanzjament li tkun 100 % tal-UE għall-proġetti relatati mal-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, liema faċilità kienet tkun partikolarment vantaġġjuża għall-SMEs u kienet tagħti kontribut sabiex jintlaħqu wħud mill-għanijiet stabbiliti mill-Istrateġija Ewropa 2020.

2.   Raġuni

2.1

Skont il-proposta tal-Kummissjoni, bħalissa sitt pajjiżi li jibbenefikaw mill-mekkaniżmi tal-EFSM u l-BoP ikollhom jikkontribwixxu inqas għall-proġetti li huma jikkofinanzjaw fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE. Għaldaqstant, ikollhom isibu inqas fondi kumplementari fil-livell nazzjonali, u fi żmien fejn il-baġits nazzjonali tagħhom jinsabu taħt pressjoni konsiderevoli, dan jaf jagħti kontribut sinifikanti għall-irkupru ta’ dawn l-ekonomiji li jinsabu f'diffikultà.

2.2

Il-Kumitat jaqbel li huwa essenzjali li l-prosperità u l-kompetittività jiġu stimolati f'dawk l-Istati Membri li huma l-aktar milquta mill-kriżi u b'hekk jappoġġja l-proposta hawn fuq imsemmija.

2.3

F'Ottubru 2010, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar “Politika reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020” (COM(2010) 553), li tenfasizza b'mod ċar kemm hu importanti li l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp jiġu żviluppati fl-Unjoni kollha u tisħaq fuq ir-rwol li l-politika reġjonali tista' taqdi f'dan ir-rigward. Il-Komunikazzjoni tenfasizza wkoll l-użu relattivament skars tal-fondi disponibbli għall-innovazzjoni. Għalhekk, il-KESE jara opportunità mitlufa fil-fatt li l-proposta attwali ma tipprovdix għal finanzjament ta’ 100 % mill-Unjoni għall-proġetti relatati mal-innovazzjoni, ħaġa li kienet tkun partikolarment vantaġġjuża għall-SMEs.

Brussell, 27 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON