28.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-intraprenditorja soċjali u l-intrapriża soċjali” (opinjoni esploratorja)

2012/C 24/01

Relatur: is-Sinjura RODERT

F'ittra datata s-6 ta’ Ġunju 2011, is-Sur Maroš ŠEFČOVIČ, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, b'konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex ifassal opinjoni esploratorja dwar

l-Intraprenditorija Soċjali u l-Intrapriża Soċjali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Ottubru 2011.

Matul l-475 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta’ Ottubru 2011 (seduta tas-26 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'106 voti favur u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Huwa u jesplora l-inizjattivi li jippromovu l-intraprenditorija soċjali, il-KESE jidhirlu li jeħtieġ li l-intraprenditorija soċjali titqies fil-kuntest tal-idea iktar ġenerali tal-intrapriża soċjali billi hemm bżonn ta’ inizjattivi fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tagħha.

1.2   L-intrapriża soċjali hija element ewlieni tal-mudell soċjali Ewropew. Hija marbuta mill-qrib mal-Istrateġija UE2020 u tagħmel kontribut konsiderevoli lis-soċjetà. Bl-appoġġ u l-promozzjoni tal-intrapriża soċjali nistgħu nisfruttaw il-potenzjal ta’ tkabbir tagħha kif ukoll il-kapaċità tagħha li toħloq valur soċjali. Il-KESE jappoġġja l-qafas politiku u l-pjan ta’ azzjoni li tnedew mill-Kummissjoni għall-promozzjoni tal-intrapriża soċjali fl-Ewropa u jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tagħha kemm fil-livell tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri.

1.3   Peress li d-definizzjonijiet nazzjonali jvarjaw, id-deskrizzjoni tal-intrapriża soċjali għandha tkun ibbażata fuq il-karatteristiċi komuni bħall-objettivi soċjali, l-investiment mill-ġdid tal-profitti, l-kotra kbira ta’ forom legali u l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati.

1.4   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jiżguraw li l-intrapriżi soċjali jiġu inklużi u kkunsidrati fl-inizjattivi u l-programmi tal-politika pubblika immirati lejn l-intrapriżi b'mod indaqs bħall-forom l-oħra ta’ intrapriżi. L-aħjar mod kif jiġu promossi l-inizjattivi tal-intrapriża soċjali huwa permezz ta’ fondi tal-UE għal postijiet ta’ laqgħat għall-iskambju tal-ideat u l-mudelli.

1.5   Aċċess aħjar għall-kapital u strumenti finanzjarji adattati huma prijoritajiet għall-intrapriżi soċjali. Il-Kummissjoni għandha tiġbor u taqsam mal-oħrajn il-prattiki tajbin u l-inizjattivi tal-innovazzjoni li diġà jeżistu fl-Istati Membri, bħall-kapital ibridu u l-forom ta’ kooperazzjoni bejn l-investimenti pubbliċi u privati, u tiżgura li l-oqfsa regolatorji attwali tal-UE ma jxekklux l-iżvilupp ta’ strumenti ġodda.

1.6   Huwa kruċjali li l-perjodu ta’ programmazzjoni tal-fond strutturali li jmiss jinkludi b'mod espliċitu programmi biex jinbdew u jiġu żviluppati intrapriżi soċjali. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi parir dwar kif jistgħu jingħaqdu l-istrumenti finanzjarji minn sorsi differenti u kif jista' jiġi organizzat is-self għalihom.

1.7   Il-Kummissjoni għandha tniedi eżerċizzju pan-Ewropew biex tqabbel l-approċċi tal-finanzjament pubbliku li huma partikolarment favorevoli għall-intraprenditorija soċjali. Il-Kummissjoni għandha wkoll tħeġġeġ u tivvaluta l-prevalenza ta’ sejħiet għall-offerti b'kunsiderazzjonijiet soċjali u tindirizza l-kwistjoni tal-“gold-plating” fl-akkwist pubbliku. Hija u tivvaluta l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-eżenzjoni sħiħa tas-servizzi soċjali kollha ta’ interess ġenerali, jew tipprovdi notifika ta’ eżenzjoni għas-servizzi pubbliċi ż-żgħar u ċerti servizzi soċjali sabiex tħeġġeġ iktar start-ups ta’ intrapriżi soċjali.

1.8   Madankollu, minħabba l-forom legali varjati u l-missjonijiet soċjali speċifiċi tagħhom, f'ċerti Stati Membri jeżistu vantaġġi fiskali. Dawn għandhom jiġu valutati u kondiviżi biex jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ regoli adatti.

1.9   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iħeġġu l-ħolqien ta’ programmi ta’ appoġġ speċifiku għall-iżvilupp ta’ intrapriżi soċjali u l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ intraprendituri soċjali.

1.10   Flimkien mal-intrapriżi soċjali, il-Kummissjoni għandha tieħu l-inizjattiva li tesplora l-possibbiltà ta’ sistema Ewropea komuni biex tkejjel ir-riżultati soċjali u tħeġġeġ l-użu ta’ sistemi li jeżistu diġà. Barra minn hekk, għandhom jiġu investigati inizjattivi biex tinħoloq sistema ta’ rappurtaġġ aktar trasparenti sabiex titrawwem iktar fiduċja mill-investituri. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tniedi studju dwar it-tikketti soċjali eżistenti bil-għan li toħloq sistema Ewropea komuni jew kodiċi tal-kondotta.

1.11   L-intrapriża soċjali għandha tiġi inkluża fil-programmi ta’ riċerka, innovazzjoni u żvilupp. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inizjattivi biex tinġabar u tixtered statistika dwar l-intrapriżi soċjali fl-Ewropa. Dan jista' jkun il-kompitu ta’ osservatorju għall-intrapriżi soċjali fil-livell tal-UE.

1.12   Bħal kull min iħaddem, l-intrapriżi soċjali għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u jikkonformaw ma’ kwalunkwe ftehim kollettiv stabbilit biex jiġi żgurat li qed jiġu applikati kif suppost.

1.13   L-Istati Membri l-ġodda għandhom jiġu enfasizzati b'mod partikolari sabiex jiġi żgurat il-ħolqien tal-intrapriża soċjali, billi jinfetħu s-servizzi pubbliċi, jiġu adottati politiki tal-inklużjoni soċjali u jiġu promossi tipi ta’ intrapriża soċjali bħall-ekonomija soċjali.

2.   Daħla

2.1   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn Att dwar is-Suq Uniku” tas-27 ta’ Ottubru 2010 (1), ippreżentat miżuri għall-ksib tal-kunċett ta’ “ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna”. Waħda mill-miżuri proposti kienet l-inizjattiva tal-“Intraprendenza Soċjali”. Din il-proposta baqgħet miżura ewlenija fl-aħħar verżjoni tal-Komunikazzjoni ta’ April 2011 dwar l-Att dwar is-Suq Uniku (2) u ġiet enfasizzata bħala qasam ta’ prijorità fl-opinjoni tal-KESE INT/548 (3), bħala tweġiba għall-konsultazzjoni dwar l-Att dwar is-Suq Uniku.

2.2   L-Ewropa qed tiffaċċja sfidi li jirrikjedu soluzzjonijiet li jgħaqdu l-benesseri ekonomiku u soċjali. Il-promozzjoni tal-intraprenditorija soċjali u l-intrapriża soċjali, speċjalment fil-klima ekonomika ħarxa attwali, ser tisfrutta l-potenzjal ta’ tkabbir u l-valur soċjali miżjud tagħhom. Sabiex jiġi rilaxxat dan il-potenzjal għandu jiġi żviluppat qafas politiku ambizzjuż b'implimentazzjoni li tinvolvi firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati mis-setturi kollha tas-soċjetà (is-soċjetà ċivili, is-settur privat, is-settur pubbliku) fil-livelli kollha (lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew).

2.3   L-intraprenditorija soċjali u l-intrapriża soċjali jkopru diversi kunċetti li jinkludu atturi u termini differenti fil-livell tal-Istati Membri. Din l-opinjoni esploratorja jisimha “Intraprenditorija Soċjali u Intrapriża Soċjali”, għax il-KESE huwa tal-fehma li t-terminu iktar ġenerali “Intrapriża Soċjali” (li jinkludi l-intraprenditorija soċjali) għandu jintuża fid-dokument kollu billi hemm bżonn inizjattivi f'kull stadju taċ-ċiklu tal-ħajja tal-intrapriża soċjali.

2.4   Din l-opinjoni esploratorja tidentifika oqsma prijoritarji biex jinħoloq ambjent favorevoli għall-intrapriżi soċjali fl-Ewropa. Il-KESE diġà semma dan is-suġġett f'diversi opinjonijiet (4) tul is-snin u jilqa' l-attenzjoni l-ġdida li l-Kummissjoni qed tagħti lill-intrapriża soċjali. Huwa importanti wkoll li jiġi rikonoxxut il-ħidma sostanzjali li saret mid-diversi partijiet interessati f'dan il-qasam tul is-snin, li parti minnha ġiet ikkunsidrata f'din l-opinjoni (5).

3.   Kummenti tal-KESE

3.1   Definizzjoni tal-intrapriża soċjali

3.1.1   Id-diversi tradizzjonijiet lingwistiċi u kulturali wasslu għal tifsiriet differenti tal-kunċetti tal-intrapriża soċjali.

3.1.2   Il-KESE jifhem li hemm bżonn definizzjoni ċara biex l-isforzi jkunu ffukati, iżda jipproponi li minflok definizzjoni tingħata deskrizzjoni bbażata fuq karatteristiċi komuni, bħal:

objettivi primarjament soċjali u mhux objettivi ta’ profitti, b'benefiċċji soċjali li jservu l-pubbliku ġenerali jew il-membri tagħhom;

organizzazzjonijiet li huma primarjament mingħajr skop ta’ qligħ li ż-żieda tagħhom prinċiplament tiġi investita mill-ġdid u mhux imqassma lill-azzjonisti privati jew lis-sidien;

organizzazzjonijiet b'varjetà ta’ forom u mudelli legali: pereżempju: kooperattivi, impriżi mutwi, assoċjazzjonijiet volontarji, fondazzjonijiet, kumpaniji bi skop ta’ qligħ u dawk mingħajr; li sikwit jgħaqqdu forom legali differenti u xi kultant ibiddlu l-forma tagħhom skont il-bżonnijiet tagħhom;

operaturi ekonomiċi li jipproduċu prodotti u servizzi (sikwit ta’ interess ġenerali), sikwit b'element qawwi ta’ innovazzjoni soċjali;

organizzazzjonijiet li joperaw bħala entitajiet indipendenti, b'element qawwi ta’ parteċipazzjoni u kodeċiżjoni (persunal, utenti, membri), governanza u demokrazija (rappreżentattiva jew miftuħa);

dawk li sikwit ikunu ġejjin minn organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili jew ikunu assoċjati magħhom.

3.1.3   L-intrapriżi soċjali jagħtu kontribut importanti lis-soċjetà u huma element prinċipali tal-mudell soċjali Ewropew. Huma jikkontribwixxu għall-miri tal-Istrateġija UE2020 billi joħolqu l-impjiegi, jiżviluppaw soluzzjonijiet innovattivi biex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-pubbliku, u billi jsaħħu l-koeżjoni u l-inklużjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva. Huma jaqdu rwol partikolari fil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa, l-anzjani, iż-żgħażagħ, il-minoritajiet u l-migranti. Għandu jiġi rikonoxxut ukoll il-fatt li l-maġġoranza tal-intrapriżi soċjali huma SMEs, ħafna drabi mill-ekonomija soċjali u bosta minnhom attivi fl-integrazzjoni fix-xogħol.

3.1.4   Il-ħidma li għaddejja bħalissa tal-Kummissjoni dwar l-istrutturi legali għall-ekonomija soċjali għandha tqis dawn il-karatteristiċi biex jiġi żgurat li l-forom kollha tal-intrapriżi soċjali jiġu inklużi. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll studju dwar il-forom legali u l-inizjattivi leġislattivi ġodda li qed ifeġġu f'xi Stati Membri (6), sabiex tevalwa kemm huma utli.

3.2   Ninkludu lill-intrapriża soċjali fil-politika pubblika dwar l-intrapriza

3.2.1   Il-politiki pubbliċi għall-iżvilupp u t-tkabbir tal-intrapriża huma marbuta ma’ bosta oqsma ta’ politika bħall-kompetizzjoni, is-suq intern, il-finanzi u l-innovazzjoni. L-inizjattivi tal-politika pubblika, li jiffaċilitaw it-tnedija u l-operat ta’ negozji, għandhom iqisu u jinkludu lill-intrapriżi soċjali fl-istess livell bħal tipi oħra ta’ intrapriża kemm fil-livell tal-Istati Membri u dak tal-UE, filwaqt li jirrikonoxxu l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom.

3.2.2   L-intrapriżi soċjali sikwit ikunu bbażati lokalment, u l-espansjoni ma tkunx dejjem ta’ interess jew prijorità ovvja. Aktar milli jikkompetu jew jespandu l-mudell tagħhom, sikwit jippreferu approċċi oħra għat-tkabbir. Dan għandu jiġi kkunsidrat meta jkunu qed jiġu esplorati inizjattivi transkonfinali għall-intrapriżi soċjali. L-UE u l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu forums, skambji ta’ trainees, “kampijiet għall-innovazzjoni soċjali” u netwerks għall-franchising soċjali li jistgħu jkunu modi aħjar biex jitħeġġu ideat ġodda u kooperazzjoni transkonfinali.

3.3   Nistimolaw l-investiment soċjali

3.3.1   L-aċċess għall-kapital, għat-tnedija kif ukoll għat-tkabbir, huwa prijorità għall-intrapriżi soċjali. Illum il-ġurnata hemm nuqqas ta’ strumenti finanzjarji żviluppati speċifikament għall-intrapriżi soċjali, minkejja l-interess konsiderevoli għall-kooperazzjoni fost l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-intrapriżi soċjali. Issa qed jitfaċċaw għadd ta’ strumenti finanzjarji innovattivi fil-livell lokali u nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tniedi l-ħidma għall-ġbir u t-tixrid ta’ dawn l-inizjattivi innovattivi u l-għarfien espert li diġà jeżisti fl-Istati Membri biex tistimola l-investiment soċjali għall-intrapriżi soċjali fl-Ewropa. Hi u tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-punti li ġejjin.

3.3.1.1   L-intrapriża soċjali, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi u d-diversi forom legali tagħha, ma tistax tuża l-istess strumenti finanzjarji bħall-tipi oħra ta’ negozju. L-intrapriżi soċjali pjuttost għandhom bżonn forma ta’ kapital ibridu  (7) mfassla speċifikament għalihom. Il-kapital ibridu jiġbor flimkien l-għotjiet (għotjiet pubbliċi, fondi filantropiċi, donazzjonijiet) u strumenti tal-ekwità u tad-dejn/qsim tar-riskju. L-istrumenti finanzjarji tat-tip tal-kapital ibridu jinkludu għotjiet li jistgħu jiġu rkuprati, self li jista' jinħafer, għotjiet konvertibbli, u ftehimiet ta’ qsim tad-dħul. Il-kapital ibridu jinvolvi interazzjoni mill-qrib bejn il-kapital pubbliku u privat.

3.3.1.2   Il-ħolqien ta’ intermedjarji mmirati speċifikament lejn l-intrapriżi soċjali għandhom jiġu kkunsidrati ukoll. Dawn jaqdu rwol ewlieni biex jiġbru flimkien l-intrapriżi soċjali u l-investituri, jipprovdu informazzjoni dwar il-kapital u jipprovdu l-kapital, u joffru konsulenza u appoġġ. Jeżistu għadd ta’ eżempji interessanti li għandhom jiġu analizzati f'aktar dettall (8).

3.3.1.3   Il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni wkoll lill-ħolqien ta’ tipi differenti ta’ fondi ta’ investiment soċjali  (9) (banek kooperattivi (10), banek soċjali (11), banek kummerċjali bi programmi soċjali (12)), kif ukoll lil strumenti innovattivi oħra bħall-bonds b'impatt soċjali (13). Huwa partikolarment importanti li dawn l-inizjattivi jiġu appoġġjati fid-dawl tal-fondi pubbliċi li dejjem qed jonqsu.

3.3.2   Huwa kruċjali li l-Kummissjoni tiżgura li l-qafas regolatorju tal-UE (pereżempju r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat) jappoġġja aktar milli jfixkel il-ħolqien ta’ dawn l-istrumenti finanzjarji ġodda.

3.3.3   Il-perjodu ta’ programmar li jmiss tal-fondi strutturali għandu jinkludi b'mod ċar programmi għat-tnedija u l-iżvilupp tal-intrapriżi soċjali u għandhom jibqgħu disponibbli għal perjodu itwal sabiex jiġi żgurat li appoġġ jinżamm matul il-fażi sensittiva tat-tnedija tan-negozju. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi parir dwar prattika tajba dwar kif jistgħu jingħaqdu u jiġi organizzat is-self għall-istrumenti finanzjarji minn sorsi differenti.

3.4   Nimmodernizzaw il-finanzjament pubbliku

3.4.1   L-intrapriżi soċjali sikwit jipproduċu prodotti u servizzi ta’ interess ġenerali li jkunu finanzjati primarjament mill-fondi pubbliċi. Fl-applikazzjoni tagħhom, l-oqfsa legali attwali sikwit jiffavorixxu atturi privati kbar b'ħafna kapital. Għandhom jiġu żviluppati strumenti legali ġodda, u/jew l-istrumenti eżistenti għandhom jiġu żviluppati, sabiex ikunu adatti aħjar għall-intrapriżi soċjali. Il-Kummissjoni għandha tniedi eżerċizzju pan-Ewropew biex tqabbel l-approċċi tal-finanzjament pubbliku li huma partikolarment favorevoli għall-intraprenditorija soċjali.

3.4.2   Kif osserva l-KESE fl-opinjoni tiegħu INT/570 (14), il-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-akkwist pubbliku, inklużi l-intrapriżi soċjali, għandha tiżdied. Huwa kruċjali li jiġi żgurat aċċess indaqs għall-akkwist pubbliku għall-atturi kollha. L-akkwist pubbliku għandu jiġi ssemplifikat bis-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi. Il-Kummissjoni taqdi rwol essenzjali f'dan ir-rigward għall-ġbir u t-tixrid ta’ mudelli sempliċi u effettivi għall-intrapriżi soċjali.

3.4.3   L-opinjoni tal-KESE tenfasizza wkoll l-importanza tal-aspetti innovattivi, ambjentali u soċjali tal-akkwist. Il-gwida tal-Kummissjoni “Buying social” (15) li tidentifika modi kif jiġi kkunsidrat it-tħassib soċjali u ambjentali fir-rigward tal-akkwist hija ċentrali u għandha tingħata profil ogħla. Il-Kummissjoni għandha tieħu passi wkoll biex tħeġġeġ u tevalwa l-prevalenza tas-sejħiet għall-offerti b'kunsiderazzjonijiet soċjali.

3.4.4   Il-Kummissjoni għandha tieħu pożizzjoni soda ta’ tmexxija biex tiġġieled il-gold plating tal-akkwist li jsir f'xi Stati Membri, billi tiġbed l-attenzjoni għall-istrumenti finanzjarji pubbliċi alternattivi, iktar adatti u innovattivi.

3.4.5   L-intrapriżi soċjali sikwit isibu sfidi fir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Fl-opinjoni TEN/455 (16), il-KESE jappoġġja approċċ ġdid aktar diversifikat u proporzjonat, il-bżonn li jitqiesu mhux biss il-kriterji ekonomiċi iżda wkoll l-aspetti soċjali, territorjali u ambjentali u li titkejjel l-effiċjenza f'termini ta’ kwalità, riżultati u sostenibbiltà. L-isforzi li qed isiru bħalissa biex jiġu ssemplifikati u ċċarati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għalhekk għandhom jikkunsidraw kif kwalunkwe reviżjoni ta’ dawn ir-regoli tolqot lill-intrapriżi soċjali. Huwa importanti wkoll li jiġu enfasizzati l-eżenzjonijiet li diġà jeżistu għal dawn ir-regoli (17).

3.4.6   Fir-reviżjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra testendi l-eżenzjonijiet għas-servizzi soċjali kollha ta’ interess ġenerali, jew, kif suġġerit fl-opinjoni tal-KESE, tipprovdi notifika ta’ eżenzjoni għas-servizzi pubbliċi fuq skala żgħira u ċerti servizzi soċjali. L-inċertezza u ż-żieda fil-piż amministrattiv għall-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jistgħu jiskoraġġixxu lill-investituri privati u lill-uffiċjali tal-akkwist pubbliku milli jimpenjaw ruħhom fl-intrapriżi soċjali. L-eżenzjonijiet jistgħu jistimolaw aktar innovazzjoni u start-ups ġodda. Madankollu, inizjattivi bħal dawn xorta għandhom jipprovdu mekkaniżmu biex tiġi evitata l-korruzzjoni.

3.4.7   Madankollu, minħabba l-fatt li l-intrapriżi soċjali għandhom forom legali differenti, sikwit ikunu soġġetti għal regoli u kundizzjonijiet fiskali differenti. Minħabba l-għanijiet soċjali tagħhom u t-tqassim limitat jew restritt tal-profitti, l-intrapriżi soċjali jibbenefikaw minn tnaqqis fit-taxxa u konċessjonijiet fiskali oħra f'xi Stati Membri. Dawn għandhom jiġu riveduti u kondiviżi biex jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ regoli adatti għall-intrapriżi soċjali irrispettivament mill-forma legali tagħhom.

3.5   Inniedu programmi ta’ żvilupp għall-intrapriżi soċjali

3.5.1   L-intrapriżi soċjali għandhom bżonn aċċess għal programmi ta’ appoġġ żviluppati speċifikament għall-iżvilupp. L-inizjattivi li jinvolvu hubs li jipprovdu appoġġ għall-intrapriżi, postijiet tax-xogħol u servizz ta’ konsulenza wrew li huma effettivi matul il-fażi inizjali tat-twaqqif ta’ intrapriża soċjali hekk kif kienu l-programmi ta’ taħriġ minn netwerks tal-intrapriżi soċjali. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-programmi li jipprovdu t-tħejjija għall-investiment. It-twaqqif u t-tixrid ta’ dawn it-tipi ta’ programmi ta’ appoġġ għandu jitħeġġeġ madwar l-UE.

3.5.2   Hemm bżonn li jsir sforz biex tiġi appoġġjata l-ġenerazzjoni li jmiss tal-intraprendituri soċjali. L-intraprenditorija soċjali għandha titħeġġeġ fit-tagħlim formali, informali u dak mhux formali. It-taħriġ speċjali għall-intrapriża soċjali (18) għandu jinqasam bejn l-Istati Membri.

3.5.3   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw u jikkooperaw ma’ atturi u netwerks stabbiliti tal-intrapriżi soċjali. L-intrapriżi soċjali ħafna drabi joriġinaw mis-settur tal-volontarjat jew mill-ekonomija soċjali. Huma jipprovdu mezz eċċellenti biex jintlaħqu l-intraprendituri u l-intrapriżi soċjali.

3.6   Nissensibilizzaw lill-pubbliku dwar l-intrapriżi soċjali u nrawmu l-fiduċja fihom

3.6.1   L-intrapriżi soċjali għandhom joħorġu iktar fid-dieher u għandhom jiġu rikonoxxuti bħala settur essenzjali fis-soċjetà biex jinkiseb il-potenzjal sħiħ tagħha. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra “ċertifikazzjoni” Ewropea tal-intrapriżi soċjali li żżid is-sensibilizzazzjoni u r-rikonoxximent u tgħin biex trawwem il-fiduċja u d-domanda. L-ewwel pass għandu jkun studju, imniedi mill-Kummissjoni u mwettaq f'kollaborazzjoni mal-intrapriżi soċjali, dwar it-tikketti eżistenti u sistemi oħra ta’ ċertifikazzjoni li diġà jeżistu f'ħafna Stati Membri (19).

3.6.2   Fir-riċerka u t-tfassil tal-politika, in-negozju sikwit jiġi assoċjat mal-profitti u n-negozju privat. Għalhekk għandhom jittieħdu passi biex l-intrapriża soċjali tiġi inkluża fil-programmi ta’ riċerka u ta’ żvilupp fuq bażi kontinwa.

3.6.3   Hemm nuqqas ta’ statistika kkonsolidata dwar l-intrapriża soċjali fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE. L-użu ta’ kontijiet satelliti (20) għandu jiġi promoss fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, it-twaqqif ta’ osservatorju għall-intrapriżi soċjali fil-livell tal-UE jista' jgħin biex l-għarfien jinġabar, jitqabbel u jixxerred pubblikament fuq bażi sistematika.

3.6.4   Il-benefiċċji tal-intrapriża soċjali għandhom joħorġu iktar fid-dieher billi jiġu kkalkolati valuri oħra apparti l-valur purament ekonomiku. Jeżistu bosta strumenti biex jitkejlu r-riżultati soċjali (21), pereżempju SROI, IRIS u ISO 26000 kif ukoll metodi għall-kontabbiltà soċjali. Sfortunatament, dawn sikwit ikunu kumplikati biex jintużaw minn atturi żgħar. L-UE, f'kooperazzjoni mal-intrapriża soċjali, ir-riċerkaturi u l-provvedituri tal-kapital, għandha tieħu passi biex tiżviluppa sistema Ewropea komuni li tuża approċċ usa' u ssemplifikat ibbażat fuq dawn is-sistemi eżistenti.

3.6.5   Iż-żieda fil-fiduċja u l-kunfidenza fl-intrapriża soċjali tiddependi mir-responsabbiltà u t-trasparenza. L-intrapriżi soċjali ħafna drabi jiddependu minn fondi pubbliċi, donazzjonijiet privati u miżati ta’ sħubijiet. L-użu ta’ dawn ir-riżorsi għandu jiġi rrapurtat b'mod aktar miftuħ b'sistema ta’ rappurtar miftuħ biex tingħata fiduċja lill-investituri. Żieda fit-trasparenza u r-rappurtar miftuħ jistgħu wkoll inaqqsu r-riskju li l-intrapriżi soċjali jikkonvertu malajr f'tipi ta’ kumpaniji bi skop ta’ qligħ u salarji eċċessivi fost id-diretturi u l-membri tal-bord.

3.6.6   Biex jiġu stabbiliti l-aħjar kundizzjonijiet għall-intrapriża soċjali hemm bżonn ta’ tmexxija u djalogu kontinwu bejn is-setturi kollha tas-soċjetà. Taħt it-tmexxija tal-Kumissjoni, dan jirrikjedi l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u s-soċjetà kollha kemm hi, b'enfasi partikolari fuq l-awtoritajiet reġjonali, li ħafna drabi jkunu l-partijiet interessati ewlenin. Il-KESE, kif ukoll il-Kumitat tar-Reġjuni, jistgħu jaqdu rwol kruċjali fil-passi li jmiss ta’ din il-ħidma minħabba l-kompożizzjoni, l-għarfien espert u r-rabta mill-qrib mal-Istati Membri.

3.7   Kummenti oħra

3.7.1   L-intrapriżi soċjali sikwit jinvolvu l-voluntiera. Huwa importanti li r-rwol tagħhom ikun ċar. Id-deċizjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2009 (22), tenfasizza li l-attivitajiet volontarji huma attivitajiet “li persuna twettaq minn rajha, b'għażla jew motivazzjoni tagħha stess”. L-attivitajiet tal-volontarjat ma jissostitwixxux opportunitajiet ta’ impjieg professjonali bi ħlas iżda jżidu valur għas-soċjetà.

3.7.2   L-intrapriżi soċjali għandhom jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ kundizzjonijiet deċenti tax-xogħol u jikkonformaw ma’ kwalunkwe ftehim kollettiv fis-seħħ. Fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni Ewropea u l-liġijiet nazzjonali u/jew il-ftehimiet kollettivi fil-qasam tal-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-impjegati, l-intrapriżi soċjali għandhom jidentifikaw l-iktar mod adatt biex jiżguraw li dawn id-drittijiet jiġu applikati sew.

3.7.3   L-intrapriża soċjali nħolqot f'kuntesti nazzjonali differenti. B'mod partikolari, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiffoka fuq appoġġ u inizjattivi adatti għall-iżvilupp tal-intrapriża soċjali fl-Istati Membri l-ġodda. Inizjattivi importanti għandhom jadottaw il-bidliet għas-sistema tas-sigurtà soċjali, jippromovu l-ħolqien ta’ atturi tal-ekonomija soċjali/intrapriża soċjali u jiftħu s-suq tas-servizzi pubbliċi.

3.7.4   L-UE għandha wkoll tippromovi l-intrapriża soċjali lil hinn mill-fruntieri tagħha. Il-mudell tal-UE għall-intrapriża soċjali għandu jiġi jixxerred biex jispira l-iżvilupp ta’ mudelli simili fil-pajjiżi kandidati u fil-livell internazzjonali.

Brussell, 26 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM (2010) 608 finali.

(2)  COM (2011) 206 finali.

(3)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 47.

(4)  Ara ĠU C 95, 30.3.1998, p. 99; ĠU C 117, 26.4.2000, p. 52; ĠU C 112, 30.4.2004, p. 105; ĠU C 234, 22.9.2005, p. 1; ĠU C 120, 20.5.2005, p. 10; ĠU C 318, 23.12.2009, p. 22; ĠU C 44, 16.2.2008, p. 84.

(5)  EMES Network (www.emes.net), Ciriec International (www.ciriec.ulg.ac.be), Cecop (www.cecop.coop)

(6)  Il-Community Interest Company (CIC) (Kumpanija ta’ Interess Komunitarju), ir-Renju Unit 2005, il-Liġi Taljana 118/2006 u d-digriet 155/2006, il-Liġi Finlandiża Nru 1351/2003, L-Att tal-Intraprenditorija Soċjali tas-Slovenja, 2011.

(7)  http://www.schwabfound.org/pdf/schwabfound/SocialInvestmentManual.pdf

(8)  www.unltd.org.uk; www.commoncapital.org.uk; www.cafonline.org

(9)  L-atturi prinċipali li joffru investimenti soċjali huma l-fondi tal-filantropija b'kapital riskjuż, fondi ta’ investiment soċjali, il-konsulenzi għall-iffinanzjar u l-kambji soċjali. Għal iktar dettalji ara Investor Perspectives on Social Enterprise Financing http://217.154.230.218/NR/rdonlyres/1FC8B9A1-6DE2-495F-9284-C3CC1CFB706D/0/BC_RS_InvestorPerspectivesonSocialInvestment_forweb.pdf Wieħed mill-eżempji ta’ investimenti soċjali fir-Renju Unit huwa l-Big Society Capital. Ara: http://www.cabinetoffice.gov.uk/content/big-society-capital

(10)  www.eurocoopbanks.coop.

(11)  www.triodos.be

(12)  Inizjattiva mill-grupp bankarju Intesa Sanpaolo għall-intrapriżi soċjali; Banca Prossima; www.bancaprossima.com.

(13)  www.socialfinance.org.uk/sib.

(14)  ĠU C 318 29.10.2011, p. 113.

(15)  http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=596&furtherNews=yes

(16)  ĠU C 248, 25.08.2011, p. 26.

(17)  Bħall-appoġġ għat-taħriġ tal-impjegati, l-għajnuna għall-impjiegi, l-għajnuna għall-persuni b'diżabbiltà kif ukoll tipi ta’ għajnuna iżgħar.

(18)  Programmi bħal dawn jeżistu pereżempju fl-Italja, fl-Università ta’ Trento u l-Università Bocconi.

(19)  www.standardsmap.org/en u www.socialenterprisemark.org.uk.

(20)  http://unstats.un.org/unsd/publication/SeriesF/SeriesF_91E.pdf

(21)  www.thesroinetwork.org; http://iris.thegiin.org; www.iso.org/iso/social_responsibility.

(22)  ĠU L 17, 22.1.2010, p. 43.