28.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/99


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Att dwar is-Suq Uniku — Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja — ‘Flimkien għal tkabbir ġdid’ ”

COM(2011) 206 finali

2012/C 24/22

Relatur: is-Sinjura FEDERSPIEL

Korelaturi: is-Sur SIECKER u s-SUR VOLEŠ

Nhar it-13 ta’ April 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Att dwar is-Suq Uniku – Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja – “Flimkien għal tkabbir ġdid”

COM(2011) 206 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Ottubru 2011.

Matul l-475 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta’ Ottubru 2011 (seduta tas-27 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’150 vot favur u 4 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ilu jsegwi s-Suq Uniku mill-qrib mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili u waqqaf l-Osservatorju tas-Suq Uniku (SMO) fl-1994 għal dan il-għan. Ikkontribwixxa għall-inizjattiva tal-Kummissjoni li terġa’ tniedi u tagħti impetu ġdid lis-Suq Uniku, iżda jiddispjaċih li ma inkludietx għalkollox ir-rapporti Monti, Lamssoure, González, Grech u Herzog bil-għan li s-Suq Uniku jitpoġġa għas-servizz tal-konsumaturi u taċ-ċittadini b’mod effettiv, hekk kif talab il-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010.

1.2   Fl-opinjoni tiegħu dwar l-Att dwar is-Suq Uniku (1), il-KESE identifika għadd ta’ miżuri li kienu nieqsa mill-Att dwar is-Suq Uniku. L-ixpruni li huma nieqsa jinkludu l-imposti tad-drittijiet tal-awtur, ir-reviżjoni tad-direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, in-newtralità tan-netwerk, il-protezzjoni tad-data, il-ħarsien tal-investitur, il-protokoll dwar il-progress soċjali, l-istatuti Ewropej dwar il-kumpaniji privati, l-akkwist elettroniku, l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu Ewropej, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-mikronegozji u n-negozji tal-familji, il-miżuri favur l-appoġġ għat-twaqqif ta’ kumpaniji ġodda u l-estensjoni ta’ dawk li diġà jeżistu, il-karti ta’ kreditu u ta’ debitu, il-ħlasijiet elettroniċi, il-kreditu tal-konsumaturi u d-dejn eċċessiv, it-trasferimenti interbankarji, iż-żgħażagħ, miżuri biex tiġi kompluta l-implimentazzjoni tal-euro u t-titjib tal-funzjonament taż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA), eċċ.

1.3   Il-Kumitat għażel għadd ta’ prijoritajiet għal Suq Uniku integrat, li ħafna minnhom issa huma msemmija fil-lista ta’ azzjonijiet ta’ prijorità msejħa t-tnax-il xprun: il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali bħala parti integrali tas-Suq Uniku, Servizzi, Prodotti finanzjarji għall-konsumatur, Servizzi ta’ Interess Ġenerali – SGI, l-Iżvilupp Sostenibbli, Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju u tipi oħra legali ta’ intraprenditorija, il-Kompetittività, l-Istandardizzazzjoni, is-Suq Uniku Diġitali, il-Governanza Korporattiva u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, il-moviment ħieles tal-ħaddiema u l-libertajiet ekonomiċi, il-leġislazzjoni dwar l-akkwist pubbliku, id-Dimensjoni esterna u l-aċċess għall-ġustizzja/rimedju kollettiv.

2.   Sinteżi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1   Is-Suq Intern għandu n-nuqqasijiet tiegħu, imressqa għall-attenzjoni minn Mario Monti fir-rapport tiegħu dwar “Strateġija ġdida għas-Suq Uniku”, kif ukoll mill-Parlament Ewropew fir-rapport ta’ Louis Grech “Ir-realizzazzjoni tas-suq uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini”. Sabiex nagħmlu tajjeb għal dawn in-nuqqasijiet, jeħtieġ li tiġi żviluppata strateġija proattiva u trażversali. Dan jinvolvi li tintemm il-frammentazzjoni tas-suq, jiġu eliminati l-ostakli u kull xkiel għall-moviment tas-servizzi, għall-innovazzjoni u l-kreattività. Dan jinvolvi r-rinfurzar tal-fiduċja taċ-ċittadini fis-suq intern tagħhom u li l-konsumaturi jiġu offruti l-vantaġġi kollha ta’ suq uniku.

2.2   Sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, il-Kummissjoni ressqet 50 proposta għal dibattitu. Dawn ġew ippreżentati fil-Komunikazzjoni “Lejn Att dwar is-Suq Uniku” (2). Abbażi tal-kontributi li saru matul id-dibattitu pubbliku, il-Kummissjoni identifikat tnax-il xprun. Għal kull wieħed minnhom, il-Kummissjoni tipproponi li sat-tmiem tal-2012 l-UE tadotta miżura ewlenija sabiex tistimula t-tkabbir u tirrinforza l-fiduċja taċ-ċittadini.

2.3   Sabiex l-azzjonijiet proposti jipproduċu l-effetti mistennija f’termini ta’ tkabbir u impjiegi, jeħtieġ li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni effettiva tagħhom. Jeżistu mill-inqas erba’ kundizzjonijiet: (1) djalogu mtejjeb mas-soċjetà ċivili kollha kemm hi; (2) sħubija mill-qrib mal-parteċipanti varji fis-suq; (3) proviżjoni effiċjenti ta’ informazzjoni għaċ-ċittadini u l-intrapriżi; u (4) monitoraġġ iżjed mill-qrib tal-applikazzjoni tal-leġislazzjoni dwar is-suq uniku. Sa tmiem l-2012, se jitnieda stadju ġdid fl-iżvilupp tas-Suq Uniku. Id-diskussjonijiet se jkunu msejsa fuq studju ekonomiku komprensiv, li r-riżultati tiegħu għandhom jippermettu li jiġu identifikati l-oqsma speċifiċi fejn jeżisti potenzjal għal tkabbir li mhux qed jiġi sfruttat, flimkien ma’ xpruni ġodda possibbli għat-tkabbir. Il-Kummissjoni se tikkonsulta wkoll is-soċjetà ċivili u l-atturi kollha tas-Suq Uniku permezz tal-istrumenti ġodda ta’ governanza tagħha.

3.   Osservazzjonijiet ġenerali u rakkomandazzjonijiet

3.1   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-ambizzjoni tal-Kummissjoni biex iżżid it-tkabbir u ssaħħaħ il-fiduċja fis-Suq Uniku. Il-Kumitat ifakkar li s-Suq Uniku huwa fattur ċentrali tal-integrazzjoni Ewropea, bil-potenzjal li jwassal benefiċċji li jinħassu b’mod dirett għall-partijiet interessati Ewropej u li jiġġenera tkabbir sostenibbli għall-ekonomiji Ewropej. Fl-ambjent attwali, dan ifisser li Suq Uniku li jaħdem tajjeb u li huwa orjentat lejn il-ġejjieni mhuwiex biss mixtieq iżda saħansitra essenzjali għall-ġejjieni politiku u ekonomiku tal-Unjoni Ewropea. Sabiex jinkisbu dawn il-benefiċċji, huwa kruċjali li l-proposti tal-Kummissjoni jkunu ambizzjużi u jmorru lil hinn mill-indirizzar ta’ sfidi ta’ livell baxx u ddettaljati biss.

3.2   Il-Kumitat jirrikonoxxi li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija biss it-tieni pass fi proċess, u b’ħafna passi oħra meħtieġa fil-futur. Din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-għażla tal-Kummissjoni biex tkompli bi tnax-il xprun meħuda mill-50 proposta oriġinali mill-Komunikazzjoni tagħha “Lejn Att dwar is-Suq Uniku”. Il-Kumitat innota li ħafna mill-ixpruni proposti ma kinux ġodda kif ġie twiegħed għaliex diġà kienu ġew inklużi fil-programmi ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2010 u l-2011 (3).

3.3   Barra minn hekk, il-Kumitat jixtieq jifhem il-ħsieb loġiku wara l-għażla politika ġenerali li fuqha tissejjes il-kisba tas-Suq Uniku u li fl-aħħar mill-aħħar wasslet lill-Kummissjoni tagħżel tnax mill-ammont kbir ta’ proposti. Dan il-proċess ma joħroġx fid-dieher la fil-Komunikazzjoni u lanqas fl-analiżi tal-miżuri msemmija.

3.4   Il-KESE jappella lill-KE biex tkompli b’ħidmietha fir-rigward tal-proposti l-oħra elenkati fil-Komunikazzjoni inizjali (COM(2010) 608) iżda li mhumiex inklużi fit-tnax-il xprun. Jirrakkomanda wkoll lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-ixpruni neqsin (ara l-punt 1.2) ppreżentati fl-opinjoni preċedenti tal-Kumitat dwar l-Att dwar is-Suq Uniku. Il-Kumitat jixtieq ikun informat dwar żviluppi fiż-żewġ oqsma u jfakkar lill-Kummissjoni li hija meħtieġa azzjoni ta’ segwitu mħaffa sabiex jiġi żgurat li aktar żvilupp tas-Suq Uniku jkun jista’ jaffettwa b’mod pożittiv it-tkabbir Ewropew fil-futur qrib.

3.5   Diġà qed jitlestew għadd ta’ proposti u huma skedati li jitressqu qabel is-sena dieħla. Il-KESE jistenna li jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni dwar dawn il-proposti u oħrajn konkreti sabiex jesprimi l-fehmiet tal-partijiet interessati rilevanti kollha. Barra minn hekk, il-KESE jinsab lest jipparteċipa fil-valutazzjoni tal-effetti li l-leġislazzjoni l-ġdida jkollha fuq is-Suq Uniku u jinsab lest jikkontribwixxi għall-istudju ekonomiku komprensiv, li r-riżultati tiegħu għandhom jgħinu biex jiġu identifikati oqsma speċifiċi fejn jeżisti potenzjal għal tkabbir li għadu ma ġiex sfruttat, flimkien ma’ xpruni ġodda possibbli għat-tkabbir. Il-KESE jinnota li jeħtieġ li jsir sforz ikbar sabiex jiġi determinat l-impatt ta’ leġislazzjoni passata u attwali dwar is-Suq Uniku, b’enfasi fuq jekk il-kombinazzjoni ta’ miżuri kellhiex suċċess biex twassal għal bidla fil-mod kif jaħdem is-Suq Uniku fir-rigward tal-benefiċċji li jinħassu direttament min-negozji, il-ħaddiema u l-konsumaturi.

3.6   Il-KESE jenfasizza wkoll li r-responsabbiltà għall-iżvilupp tas-Suq Uniku mhijiex biss tal-azzjonijiet u l-miżuri li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tad-DĠ Markt iżda jikkonċernaw ukoll ħafna oqsma ta’ politika oħra. F’dan il-kuntest il-Kumitat jinnota l-importanza ta’ inizjattivi bħall-Aġenda Diġitali (4) u r-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE (5) u jħeġġeġ lill-Kummisjsoni biex tiżgura li jsir progress fit-twettiq ta’ Suq Uniku li jiffunzjona fl-oqsma ta’ politika koperti minn dawn il-komunikazzjonijiet.

3.7   Fl-introduzzjoni l-Kummissjoni enfasizzat l-importanza tal-iżvilupp sostenibbli. Il-Kumitat jiddispjaċih li l-Istrateġija tal-Iżvilupp Sostenibbli ambizzjuża, li l-Kummisjoni adottat fl-2008, m’għandhiex segwitu f’din il-komunikazzjoni. Il-bżonn għal bidla lejn xejriet ta’ produzzjoni u konsum iżjed sostenibbli għandu jingħata l-appoġġ li jistħoqqlu.

3.8   Qabel it-Trattat ta’ Lisbona l-interess politiku u ekonomiku ta’ Ewropa qed tingħaqad mill-ġdid kellu prijorità fuq kwistjonijiet soċjali u s-sostenibbiltà. Fit-Trattat ta’ Lisbona dik l-inugwaljanza ġiet ibbilanċjata, bl-interessi l-oħra jkollhom importanza indaqs (għalkemm ir-riżultati ta’ dan fil-prattika għad iridu jidhru). Madankollu, jissemma bosta drabi fil-Komunikazzjoni li m’għandux ikun hemm piżijiet żejda għan-negozji jew spejjeż żejda għall-konsumaturi għalkemm ma ssirx referenza għall-impatt fuq il-ħaddiema u l-awtoritajiet pubbliċi.

3.9   Il-KESE jixtieq itenni l-appell tiegħu għal approċċ olistiku. Filwaqt li jaħseb li l-promozzjoni tat-tkabbir u tal-potenzjal tan-negozju hija essenzjali, il-Kumitat madankollu jħoss li l-proposti għandhom jiffokaw iżjed fuq il-konsumaturi u ċ-ċittadini bħala atturi indipendenti fil-ħolqien tas-Suq Uniku.

3.10   Il-KESE jitlob għal politika ta’ tolleranza żero fejn jidħol in-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE mill-Istati Membri u jfakkar lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u implimentazzjoni inkonsistenti, mhux sħiħa u ttardjata tibqa’ ostaklu ewlieni għal Suq Uniku li jiffunzjona. Il-Kumitat ikun tabilħaqq sodisfatt li kieku jiġu ppubblikati t-tabelli ta’ korrelazzjoni mill-Istati Membri li jistgħu jikkontribwixxu għal promozzjoni u fehim aħjar tas-Suq Uniku (6).

4.   Kummenti u rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar it-tnax-il xprun

4.1   Azzjonijiet għall-SMEs

4.1.1   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti li għandhom iwasslu għal soluzzjoni għal uħud mill-problemi li jiffaċċjaw l-SMEs, b’mod speċjali fir-rigward ta’ iktar aċċess għal finanzjar transkonfinali ta’ kapital ta’ riskju. Madankollu, il-Kumitat jinnota li dan mhux se jkun biżżejjed biex jiġi indirizzat l-aċċess ristrett iktar ġenerali għal fondi li ħafna SMEs qed jiffaċċjaw madwar l-Ewropa minħabba l-kriżi. Barra minn hekk, għandha tingħata iktar attenzjoni lill-ħtiġijiet tal-mikronegozji u n-negozji tal-familja li ta’ sikwit ma jistgħux jaċċessaw mekkaniżmi ta’ appoġġ li jeżistu u li s-sostenibbiltà finanzjarja tagħhom ta’ spiss tiddgħajjef minħabba pagamenti tard jew pagamenti li ma jsirux. Għandu jiġi evalwat l-effett ta’ Basel III fuq ir-rieda tal-banek li jiffinanzjaw lill-SMEs.

4.1.2   Il-KESE jixtieq ukoll ifakkar li l-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet ewlenin l-oħra ser ikollhom impatt kbir jew iżgħar fuq l-SMEs. Ir-rwol tas-“Small Business Act” m’għandux jiġi sottovalutat. Il-prinċipju ta’ “l-ewwel aħseb fiż-żgħir” għalhekk għandu jiġi applikat f’kull proposta leġislattiva, u l-effetti tagħha fuq l-SMEs u fuq il-mikronegozji u n-negozji tal-familja għandhom jiġu valutati minn qabel. L-implimentazzjoni u l-monitoraġġ għandhom jitqiesu bħala prijorità għall-politika tal-SMEs tal-UE.

4.1.3   Ir-reġim lingwistiku futur tal-privattiva tal-UE irid jassigura li ser ikun hemm appoġġ finanzjarju għall-kumpaniji minn dawk il-pajjiżi li l-lingwa uffiċjali tagħhom ma tintużax bħala lingwa uffiċjali tal-privattiva tal-UE, sabiex tiġi evitata kull diskriminazzjoni.

4.2   Il-mobilità taċ-ċittadini

4.2.1   L-azzjoni ewlenija proposta sabiex tinkiseb iżjed mobilità għaċ-ċittadini hija li tiġi modernizzata s-sistema tal-għarfien tal-kwalifiki professjonali. Il-promozzjoni tal-mobilità okkupazzjonali u ġeografika tal-ħaddiema tista’ tgħin biex jitjieb il-funzjonament tas-swieq tax-xogħol Ewropej u l-forniment ta’ servizzi transkonfinali. Kumpaniji madwar l-Ewropa qed ibatu minn nuqqasijiet serji ta’ ħiliet, u kawża waħda ta’ dan hija l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali insuffiċjenti. Filwaqt li kull progress li jsir f’dan il-qasam huwa apprezzat, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tindirizza wkoll firxa wiesgħa ta’ ostakli oħrajn li għadhom iwaqqfu liċ-ċittadini milli jiċċaqalqu b’mod faċli minn fruntiera għal oħra fl-UE.

4.2.2   Kien sar tentattivi biex il-kwalifiki professjonali jiġu rikonoxxuti, fl-aħħar tas-snin tmenin, meta kien hemm inqas Stati Membri. Id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, adottata fl-2005 kkonsolidat il-15-il direttiva preċedenti li jkopru kategoriji separati ta’ professjonijiet regolati. Billi għadha ma laħqitx l-objettiv tagħha, fl-2010 l-KE bdiet tirrivedi t-traspożizzjoni tad-Direttiva.

4.2.3   Il-KESE jixtieq jenfasizza li kull leġislazzjoni addizzjonali għad-direttiva attwali għandha tiġi ppreċeduta minn dijanjożi ddettaljata dwar kif il-leġislazzjoni attwali tkun tista’ tiġi emendata biex tappoġġja iżjed l-għarfien reċiproku ta’ kwalifiki professjonali. Il-KESE jirrimarka:

It-tnaqqis fl-għadd ta’ professjonijiet regolati: għandu jsir monitoraġġ sistematiku dwar il-ħtieġa għal professjonijiet regolati biex jibqgħu regolati b’rispett għall-ħtiġijiet ġodda tas-suq tax-xogħol.

L-idea ta’ Karta Professjonali Ewropea trid tiġi studjata iżjed (għarfien awtomatiku mill-awtoritajiet kompetenti, li jkunu jistgħu joħorġu dawn il-karti l-ewwel nett).

L-aġġornar tal-istandards minimi ta’ taħriġ għandu jissejjes fuq ir-riżultati f’termini ta’ ħiliet u kompetenzi minflok fuq sigħat li wieħed iqatta’ l-iskola.

Sabiex tiġi assigurata l-koeżistenza tas-sistema ġenerali tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali minn naħa, u l-EQF (7) u l-għodod ta’ trasparenza l-oħra tal-proċess ta’ Bolonja u ta’ Kopenħagen min-naħa l-oħra.

4.2.4   Il-KESE jissuġġerixxi li sakemm inkun hemm armonizzazzjoni sħiħa bejn is-27 Stat Membru għandha tiġi evalwata l-possibilità ta’ approċċ ieħor imsejjes fuq attivitajiet konġunti bejn numru iżgħar ta’ Stati Membri, potenzjalment bl-użu tal-kooperazzjoni msaħħa, li jsegwi xejriet ta’ migrazzjoni u żviluppi fis-suq tax-xogħol; dan jista’ jwassal għas-suċċess meħtieġ sabiex titjieb il-mobilità tal-ħaddiema. Wara dan l-ewwel pass, jista’ jkun iżjed faċli li jintlaħaq l-objettiv ta’ armonizzazzjoni sħiħa.

4.2.5   Il-KESE ma jarax il-bżonn li tiġi riveduta d-Direttiva dwar l-istituzzjonijiet tal-pensjoni tax-xogħol billi din stabbilixxiet qafas legali suffiċjenti. Għadu neċessarju li jitjieb il-funzjonament tal-elementi transkonfinali tagħha.

4.3   Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali (DPI)

4.3.1   Id-DPI jridu jaħdmu għall-kreaturi, l-utenti tad-dritt tal-awtur u l-konsumaturi (8). Il-konsumaturi għandu jkollhom aċċess għal kontenut li huwa marbut mad-dritt tal-awtur u prodotti u servizzi bbażati fuq materjal marbut mad-dritt tal-awtur ikun xi jkun il-post fejn huma bbażati fl-UE. Huwa meħtieġ approċċ iktar pan-Ewropew għal-liċenzjar u l-ħlasijiet.

4.3.2   Għall-konsumaturi, il-qafas legali tad-DPI attwali jħawwad l-imħuħ; dan huwa saħansitra agħar fuq livell pan-Ewropew. Il-qafas legali jrid jiġi kkjarifikat u s-sanzjonijiet legali u l-infurzar tal-liġi jridu jkunu proporzjonati: il-konsumaturi individwali li jistgħu jiksru r-regoli tad-DPI mingħajr ma xtaqu u/jew fuq skala żgħira għall-konsum personali tagħhom jistgħu jiġu ttrattati differenti minn attività kriminali fuq skala kbira/kummerċjali.

4.4   L-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi

4.4.1   Is-Soluzzjoni Alternattiva Tat-Tilwim (ADR) tista’ tkun strument utli li jgħin biex jitħares il-konsumatur u biex id-dritt tiegħu jiġi rrispettat malajr u mingħajr wisq spejjeż. Mhux biss fir-rigward tal-kummerċ elettroniku, iżda b’mod ġenerali. L-interessi tal-konsumaturi jridu jkunu fiċ-ċentru ta’ dan il-mekkaniżmu mhux ġudizzjarju u għandu jkollhom ukoll rikors għal soluzzjonijiet legali jekk ikun hemm bżonn. Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta leġislattiva għall-ADR, kif tħabbar fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2011, u jfakkar li l-proposta trid tingħata protezzjoni minn livell għoli.

4.4.2   Barra mill-ADR, id-DĠ Ġustizzja wettaq konsultazzjoni dwar ir-Rimedju Kollettiv. Sfortunatament, proposta leġislattiva mhijiex prevista f’Novembru – iżda biss Komunikazzjoni oħra dwar ir-riżultati tal-konsultazzjoni fir-Rebbiegħa, li huwa diżappuntanti. Issa wasal il-waqt li nimxu minn konsultazzjoni għal azzjoni. Il-Kumitat qed iħares ’il quddiem lejn proposta leġislattiva fil-futur qrib. Proposta bħal din trid twassal għal mekkaniżmu ta’ rimedju kollettiv li jopera kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll b’mod transkonfinali u li huwa aċċessibbli għall-konsumaturi kollha fis-Suq Uniku.

4.4.3   Dawn il-mekkaniżmi għandhom ikunu disponibbli għal kull min ikollu d-drittijiet tiegħu mhux irrispettati fis-Suq Uniku. Mhumiex biss il-konsumaturi li jaraw id-drittijiet tagħhom mhux irrispettati minn fornituri ta’ prodotti u servizzi, permezz ta’ termini kuntrattwali u prattiki kummerċjali mhux ġusti. Anke ħaddiema li d-drittijiet tagħhom ma jiġux irrispettati u ċittadini inġenerali li jbatu minn diskriminazzjoni għandu jkollhom aċċess għal sistemi ta’ rimedju kollettiv. L-SMEs jista’ jkun li jeħtieġu protezzjoni simili kontra prattiki kummerċjali mhux ġusti, eċċ.

4.4.4   Bejn wieħed u ieħor il-konsumaturi għadhom ma jħossux li kisbu xi benefiċċji mis-Suq Uniku fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur. Filwaqt li l-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-kontinwazzjoni tal-ħidma fuq it-trasparenza tal-miżati tal-banek u fuq ħarsien aħjar ta’ minn jissellef, għad fadal xi jsir biex jitħeġġeġ l-aċċess transkonfinali għas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur. Barra minn hekk, għandhom ikunu disponibbli kontijiet ta’ pagamenti bażiċi għaċ-ċittadini kollha madwar l-UE.

4.4.5   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Siġurtà Ġenerali tal-Prodotti b’enfasi ikbar fuq il-perspettiva tal-konsumatur u qed jistenna bil-ħerqa li jikkummenta dwar il-proposti konkreti. Bl-istess mod, jilqa’ b’sodisfazzjon livell ogħla ta’ sorveljanza tas-suq kemm nazzjonali kif ukoll pan-Ewropea.

4.4.6   Id-drittijiet diretti tal-konsumaturi u ċ-ċittadini li joriġinaw mis-Suq Uniku huma element ewlieni tat-tiswir tal-integrazzjoni tas-suq, u jipprovdu benefiċċju aċċesssibbli b’mod dirett mill-integrazzjoni ekonomika Ewropea, kemm jekk fil-qasam tad-drittijiet tal-passiġġieri, fir-rigward tat-tariffi tar-roaming kif ukoll fil-kummerċ elettroniku. Il-konsumaturi/passiġġieri jrid ikollhom rikors mgħaġġel u faċli għal mekkaniżmi li jistgħu jipprovdulhom l-għajnuna biex jiksbu d-drittijiet tagħhom, b’mod speċjali meta jinsabu f’sitwazzjoni ħażina, pereżempju meta jinqabdu barra mingħajr mezz kif jerġgħu lura f’pajjiżhom. Barra minn hekk, l-applikazzjoni uniformi hija kruċjali billi l-passiġġieri ma jiġux ittrattati b’mod indaqs fl-UE billi l-infurzar ivarja b’mod konsiderevoli, kif ukoll l-interpretazzjoni tar-regoli u r-regolamenti attwali.

4.5   Servizzi

4.5.1   Il-Kumitat jappoġġja l-proposta għall-estensjoni tal-istandards fuq is-servizzi, iżda jirrimarka li għandu jitqies il-karattru speċifiku tas-servizzi u l-mudell tal-istandardizzazzjoni tal-prodotti ma jistax jiġi kkoppjat b’mod awtomatiku. Aktar żvilupp tal-istandards fil-qasam tas-servizzi jrid jikkunsidra l-ħtiġijiet tas-suq u dawk soċjetali kif ukoll is-sikurezza tal-konsumatur.

4.5.2   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta rigward il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-servizzi tan-negozju sabiex jiġu identifikati l-ostakli u s-sitwazzjonijiet ta’ konġestjoni ewlenin fis-suq.

4.5.3   Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva biex jiġu modernizzati l-amministrazzjonijiet pubbliċi billi jitwaqqfu “punti uniċi ta’ kuntatt”, u ma jistax ma jfaħħarx l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni amministrattiva fi kwistjonijiet transkonfinali. Din il-kooperazzjoni trid tiġi estiża wkoll għall-oqsma ta’ politika fejn hemm fin-nofs il-konformità mal-obbligi. Il-KESE huwa tal-fehma li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-impatt tad-Direttiva tas-Servizzi u dwar il-funzjonament tas-settur tas-servizzi huma prematuri billi d-Direttiva ilha fis-seħħ biss għal ftit snin (9).

4.6   Netwerks

4.6.1   Fil-qasam tan-netwerks tal-enerġija (10), il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Istati Membri jridu jibqgħu jkollhom il-libertà tal-għażla dwar it-tip ta’ enerġija li jagħżlu. Il-promozzjoni tal-interess ġenerali tfisser l-iżgurar ta’ netwerks tajbin, servizz ta’ kwalità tajba u l-miżuri kollha li jassiguraw aċċess universali, is-sigurtà u l-kontinwità tan-netwerks bi prezz raġonevoli. L-Unjoni għandha titkellem b’leħen wieħed fix-xena internazzjonali dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-enerġija u n-netwerks tat-trasport tal-enerġija; għandha tindirizza dawn il-kwistjonijiet, b’mod partikolari s-sikurezza tal-provvisti tal-enerġija bħala parti integrali tad-dimensjoni tal-Unjoni (ENP) u tipproponi standards ta’ governanza f’pajjiżi ta’ transitu. L-Istati Membri, flimkien mal-Unjoni, għandhom jiddefendu s-solidarjetà fil-qasam tal-enerġija fid-dinja u jirrispettaw il-prinċipju ta’ interess ġenerali fl-Unjoni. Barra minn hekk, il-KESE jappella biex jitwaqqaf kumitat konsultattiv Ewropew dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima.

4.6.2   Dwar kwistjonijiet tat-trasport (11), il-KESE jappella għal konnessjonijiet aħjar kemm bejn il-punent u l-lvant tal-UE kif ukoll bejn it-tramuntana u n-nofsinhar. Il-KESE jixtieq ukoll li tingħata konsiderazzjoni espliċita lill-hekk imsejħa politika tal-viċinat b’aktar konnessjonijiet lejn il-ġirien tal-lvant u tan-nofsinhar tal-UE. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiffokaw fuq kollox fuq proġetti tan-netwerk minflok ta’ infrastruttura individwali. Dan jippromovi wkoll is-solidarjetà bejn l-Istati Membri. Il-Kumitat jixtieq jenfasizza li jekk l-għan tal-UE huwa li toħloq suq uniku tat-trasport reali u integrat fl-Ewropa u tkompli l-politika tal-koeżjoni, hija meħtieġa bidla radikali fl-għażla tan-netwerks. F’dan ir-rigward, il-KESE japprova r-reviżjoni reċenti tal-politika tat-TEN-T. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda użu kawt u selettiv tas-Sħubijiet Pubbliċi Privati (PPP) fil-finanzjar ta’ proġetti TEN-T. Għandhom jitqiesu l-livelli differenti ta’ esperjenzi fost l-Istati Membri u hija meħtieġa strateġija konsistenti ta’ finanzjar sabiex jiġu mobilizzati l-istrumenti nazzjonali finanzjarji kollha rilevanti tal-UE bħala parti mill-approċċ ta’ “finanzjament aħjar”.

4.7   Is-Suq Uniku diġitali

4.7.1   Il-kummerċ elettroniku jidher li huwa wieħed mill-akbar vittmi tal-frammentazzjoni tas-Suq Uniku. In-nuqqas ta’ regoli armonizzati, in-nuqqas ta’ interoperabbiltà tas-sistemi tal-informazzjoni (12), il-problemi mhux solvuti dwar id-dritt tal-proprjetà intellettwali, in-nuqqas ta’ sigurtà tal-pagamenti u l-inċertezza dwar id-drittijiet tal-konsumatur, speċjalment fir-rigward tas-sigurtà tal-prodott, ifixklu l-esplojtazzjoni bis-sħiħ tal-potenzjal kbir tal-kummerċ transkonfinali onlajn kemm għall-provvedituri kif ukoll għall-konsumaturi. Filwaqt li l-azzjonijiet proposti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni jindirizzaw uħud mill-ostakli għas-Suq Uniku Diġitali, il-Kumitat ifakkar li hemm bżonn impenn akbar biex is-Suq Uniku jitħejja għall-era tal-għarfien, inkluż pereżempju regoli ta’ livell għoli u uniformi dwar il-protezzjoni tad-data fil-qasam tal-firem elettroniċi. F’dan il-kuntest, il-KESE jtenni mill-ġdid it-talba tiegħu li n-newtralità tan-netwerk tiġi rikonoxxuta bħala waħda mill-prinċipji ewlenin fis-suq uniku diġitali.

4.7.2   Is-soluzzjoni għall-problema msemmija fir-rigward tal-kummerċ elettroniku fil-Komunikazzjoni tista’ trawwem il-fiduċja tal-konsumatur fis-Suq Uniku. Madankollu, s’issa ftit li xejn ġiet proposta azzjoni konkreta. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa Pjan ta’ Azzjoni ambizzjuż għall-iżvilupp ta’ kummerċ elettroniku li għandu l-konsumatur fil-qofol tiegħu. Ir-riżultat għandu jkun suq onlajn tal-UE fejn il-konsumatur jista’ jħossu protett u sigur, fejn ikun jaf kif jaċċessa appoġġ għad-drittijiet tiegħu f’każ ta’ ksur.

4.7.3   Suq Uniku Diġitali operattiv għandu jwassal biex jiġu eliminati dawk l-ostakli li jesperjenzaw il-konsumaturi u n-negozji abbażi ta’ nazzjonalità/residenza. Dan ifisser li l-konsumaturi jistgħu jordnaw prodotti diġitali bħall-mużika b’mod liberu minn pajjiżi oħra fl-UE. Dan huwa partikolarment importanti biex is-Suq Uniku jkun rilevanti għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ ċittadini Ewropej.

4.8   L-intraprenditorija soċjali

4.8.1   Il-KESE jilqa’ l-promozzjoni tal-intraprenditorija soċjali u l-inizjattiva tal-Kummissjoni għal qafas politiku mmirat lejn il-ksib tal-potenzjal tiegħu. L-inizjattivi mmirati lejn l-intraprenditorija soċjali għandhom isegwu l-prinċipji bażiċi tal-leġislazzjoni dwar is-Suq Uniku, bħall-kompetizzjoni u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, u għandhom iqisu l-ħidma li saret mill-KESE f’dan il-qasam (13).

4.8.2   Il-KESE appoġġa l-istabbiliment ta’ Statut Ewropew tal-Fondazzjonijiet iżda jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra jekk il-miżuri leġislattivi biex jiġu ffaċilitati l-operazzjonijiet transkonfinali ta’ fondazzjonijiet eżistenti jistgħux ikunu triq komplementari li ta’ min isegwiha, fid-dawl tal-parteċipazzjoni baxxa ta’ preċedenti eżistenti bħall-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea u Soċjetà Ewropea.

4.8.3   Il-Kummissjoni għandha tqawwi l-impenn tal-UE biex issaħħaħ il-governanza korporattiva bil-għan li tkompli tiżviluppa l-parteċipazzjoni tal-impjegati u li ttejjeb it-trasparenza tal-informazzjoni pprovduta min-negozji. Id-dritt tal-impjegati għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni ġie integrat bħala dritt fundamentali skont it-Trattat f’forom differenti ta’ parteċipazzjoni tal-ħaddiema: TFUE Art. 151(1) Id-djalogu bejn min imexxi u l-ħaddiema u 153(1)(f), li jgħid li l-Unjoni għandha ssostni u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fl-oqsma li ġejjin: ir-rappreżentanza u d-difiża kollettiva tal-interessi tal-ħaddiema u s-sidien, inkluża t-tmexxija konġunta. Għaldaqstant, il-konsultazzjoni pubblika għandha tħares sew lejn kif tista’ titjieb it-trasparenza fl-informazzjoni pprovduta mill-intrapriżi dwar l-aspetti soċjali, ambjentali u dawk relatati mad-drittijiet tal-bniedem. Il-KESE ser jivvaluta l-Inizjattiva tan-Negozji Soċjali b’mod kritiku, inkluża l-possibbiltà li tinżamm il-bażi volontarja tar-responsabbiltà soċjali korporattiva meta tasal talba konkreta għal opinjoni għand il-Kumitat.

4.9   It-tassazzjoni

4.9.1   Rigward ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija, il-KESE jenfasizza li l-kunċett li tiġi introdotta taxxa fuq il-karbonju għandu jikkomplementa lis-skema għan-negozjar tal-emissjonijiet u l-pjan ta’ azzjoni għall-effiċjenza energetika (14). It-taxxa fuq il-karbonju għandha tipprovdi l-appoġġ finanzjarju meħtieġ biex jiżdied l-impenn tar-riċerka u l-iżvilupp għal proċessi u teknoloġiji innovattivi li huma bbażati fuq livelli baxxi ta’ emissjonijiet, u d-dħul minn din it-taxxa għandu jkun iddedikat esklużivament għal dawn l-għanijiet. Din it-taxxa m’għandhiex tipperikola t-tkabbir jew toħloq oppożizzjoni politika jew pubblika u l-implimentazzjoni tagħha m’għandhiex twassal għal rati ogħla ta’ faqar f’termini ta’ enerġija.

4.9.2   It-taxxa fuq il-karbonju għandha tkun ibbażata fuq il-konsum pjuttost milli fuq il-produzzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa għadd ta’ linji gwida ġenerali dwar l-impożizzjoni ta’ din it-taxxa fuq il-karbonju filwaqt li tħalli d-dettalji tagħha għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri individwali tal-UE. L-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jimponu din it-taxxa skont l-istrutturi industrijali ta’ manifattura u ta’ produzzjoni tal-enerġija rispettivi tagħhom.

4.9.3   Il-Kumitat jilqa’ azzjonijiet li ser jindirizzaw uħud mill-inkonsistenzi tat-tassazzjoni, f’oqsma bħall-VAT, it-taxxi fuq l-enerġija u l-bażi tat-taxxa korporattiva. Filwaqt li trid tingħata attenzjoni biex tiġi żgurata l-kapaċità tal-Istati Membri individwali biex jiffinanzjaw is-servizzi pubbliċi tagħhom b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, hemm bżonn ukoll li jiġu enfasizzati d-diffikultajiet li jiffaċċjaw iċ-ċittadini u l-SMEs fl-esperjenza ta’ kuljum tas-Suq Uniku, diffikultajiet li huma kkawżati minn sistemi tat-taxxa differenti u li l-implimentazzjoni tagħhom hija neċessarja bies jiġi żgurat li s-suq uniku jaħdem b’mod aktar effettiv. It-taxxa proposta fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji għandha tgħin ukoll biex jiġu indirizzati wħud mir-riskji mhux sostenibbli f’dan is-settur.

4.10   Il-koeżjoni soċjali

4.10.1   Il-KESE jappoġġja l-idea li l-Kummissjoni qed tippreżenta taħt it-titlu tal-koeżjoni soċjali. Din tmur lil hinn mis-sempliċi implimentazzjoni aħjar tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema, kif proponiet inizjalment il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni dwar “Lejn Att dwar is-Suq Uniku”. Il-Kummissjoni beħsiebha tadotta proposta leġislattiva biex ittejjeb l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema, li ser tinkludi jew tkun kompletata permezz ta’ kjarifika dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet soċjali fundamentali fil-kuntest tal-libertajiet ekonomiċi tas-Suq Uniku. Mhijiex qed tipproponi reviżjoni iżda qed tissuġġerixxi att legali ieħor dwar l-implimentazzjoni mtejba tad-Direttiva. Il-kontradizzjonijiet fl-applikazzjonijiet tad-Direttiva għandhom jiġu ċċarati u l-kompetenza tal-Istati Membri li jinfurzaw l-istandards tax-xogħol u s-sistemi ta’ relazzjonijiet industrijali tagħhom, inkluż ir-rwol kruċjali tan-negozjar kollettiv fil-forom differenti tiegħu, għandha tiġi definita b’mod adatt. Ir-riżultat ta’ din il-kjarifika għandu juri jekk tkunx meħtieġa reviżjoni tad-Direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema. Dan m’għandux isir għad-detriment tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fuq il-bażi taċ-ċittadinanza. Kull reviżjoni tal-leġislazzjoni eżistenti jew kull att leġislattiv ġdid għandu jkun imsejjes fuq konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u l-bilanċ bejn standards tax-xogħol għolja u l-libertajiet ekonomiċi, u għandu jindirizza l-problemi kkawżati mis-swieq tax-xogħol illegali.

4.11   L-ambjent kummerċjali

4.11.1   Ir-regolamentazzjoni m’għandhiex tiġi kkunsidrata bħala ostaklu jew piż meta tikkonċerna s-salvagwardja tal-interessi soċjetali, inklużi d-drittijiet tal-konsumatur u tal-ħaddiema. Is-semplifikazzjoni proposta tad-direttiva dwar il-kontabbiltà li tnaqqas il-piż amministrattiv għall-intrapriżi, speċjalment l-SMEs, tidher li hija kontribut tajjeb għal ambjent li jirrispetta l-kummerċ iżda din għandha tkun biss parti minn reviżjoni komprensiva tal-piż regolatorju mhux meħtieġ li l-intrapriżi Ewropej għandhom jiffaċċjaw u li jagħmilhom anqas kompetittivi fis-suq globali.

4.11.2   Il-KESE jilqa’ u jappoġġja l-azzjonijiet proposti bħall-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali, Statut tal-Kumpaniji Privati Ewropej li jikkorrespondi mar-rekwiżiti soċjetali, u implimentazzjoni aktar koerenti tas-Small Business Act mill-UE u l-Istati Membri, iżda jenfasizza l-bżonn li jkompli jonqos il-piż amministrattiv mhux meħtieġ u jistenna li l-Kummissjoni tipproponi miri għal wara l-2012 meta l-piż amministrattiv għandu jkun naqas b’25 %. Il-Kumitat jinnota li t-tnaqqis ta’ piż mhux meħtieġ huwa dejjem mixtieq kemm jekk għan-negozji, għall-konsumaturi jew għall-awtoritajiet pubbliċi, iżda hemm bżonn ta’ valutazzjoni bir-reqqa biex jiġi żgurat li l-għan oriġinali tal-leġislazzjoni ma jiġix kompromess. Il-Kumitat ifakkar li approċċ komuni tal-UE jista’ wkoll inaqqas il-piż amministrattiv jekk jissostitiwixxi 27 approċċ nazzjonali differenti.

4.12   L-akkwist pubbliku

4.12.1   Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva li tiġi żviluppata politika bbilanċjata dwar l-akkwist li trawwen id-domanda għal żvilupp ambjentali sostenibbli, innovattiv u soċjalment responsabbli. Għandha tingħata attenzjoni wkoll biex, madwar l-UE, jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-korruzzjoni u l-użu ħażin tal-fondi pubbliċi fil-proċess tal-akkwist. Iżda hemm ir-riskju li l-akkwist pubbliku jsir kumpless wisq biex jiġi applikat b’mod konsistenti (15). Tal-anqas, għandhom jittieħdu aktar passi biex tinbena l-kapaċità fl-amministrazzjoni pubblika biex jiġu applikati r-regoli tal-akkwist pubbliku b’mod konsistenti, filwaqt li dawn ikunu jistgħu joħolqu domada ġdida li l-akkwist pubbliku għandu bżonn biex jissodisfa l-ispeċifiċitajiet tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tippromovi wkoll użu aktar mifrux tal-kodiċi ta’ kondotta mill-awtoritajiet pubbliċi biex l-akkwist isir aktar faċli għall-SMEs (16).

4.12.2   Minn mindu beda l-proġett tas-Suq Uniku f’nofs is-snin tmenin, ġiet diskussa l-integrazzjoni ta’ klawżola soċjali fundamentali fir-regoli. Dawn it-talbiet intlaqgħu parzjalment waqt ir-reviżjoni tar-regoli dwar l-akkwisti fl-2005. Ir-reviżjoni tad-direttivi tal-UE dwar l-akkwist pubbliku għandha tagħti lok għall-isfruttar sħiħ tal-qafas attwali għall-integrazzjoni tal-kriterji soċjali u ambjentali fil-kuntratti pubbliċi, li għandhom jiġu applikati wkoll minn provvedituri ta’ servizzi ta’ pajjiżi terzi, bil-kundizzjoni li dawn il-kriterji jkunu bbilanċjati fir-rigward tal-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-UE kif stabbilit fit-Trattat ta’ Lisbona.

4.12.3   L-inizjattiva tal-Kummissjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku għandha tagħti aktar attenzjoni lill-iżbilanċ persistenti fil-ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku bejn l-UE u l-imsieħba kummerċjali ewlenin tagħha. Għandu jitqies sa liema punt is-swieq tal-akkwist pubbliku tal-UE jistgħu jibqgħu miftuħin b’mod sostenibbli filwaqt li pajjiżi terzi jżommu sitwazzjoni fejn il-kundizzjonijiet mhumiex ugwali għal kulħadd. F’dan ir-rigward, il-konvenzjonijiet ratifikati tal-ILO u d-drittijiet tal-bniedem iridu jiġu rrispettati mill-atturi kollha, kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-pajjiżi terzi. L-UE għandha tippromovi b’mod attiv din il-politika fil-livell globali.

5.   Il-kundizzjonijiet għas-suċċess

5.1   Il-Kumitat jilqa’ r-rikonoxximent fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-importanza u r-rieda tas-soċjetà ċivili li tkun involuta fl-iżvilupp tas-Suq Uniku. Ifakkar li r-rwol tal-Kumitat huwa li jaġixxi bħala pont bejn l-Ewropa u s-soċjetà ċivili organizzata u b’hekk jinsab f’pożizzjoni unika biex jgħin lill-Kummissjoni tiżviluppa aktar is-Suq Uniku. F’dan il-kuntest, il-Kumitat ifakkar lill-Kummissjoni li mhuwiex biżżejjed li sempliċement tikkonsulta iżda għandha turi kif il-konsultazzjonijiet u l-opinjonijiet konsultattivi sawru l-proposti.

5.2   Il-Forum tas-Suq Uniku għandu jkun pjattaforma effettiva għall-interazzjoni tal-amministrazzjonijiet tal-UE u dawk nazzjonali/reġjionali li huma responsabbli għall-funzjonament bla xkiel tas-Suq Uniku flimkien mal-atturi prinċipali. Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ il-kunċett tal-Ġimgħa tas-Suq Uniku, li ġiet stabbilita mill-Kummissarju Barnier, li tinvolvi lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Istati Membri individwali.

5.3   Is-sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (17) hija l-għodda teknika prinċipali għall-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali u għandha potenzjal addizzjonali bħala interfaċċja għall-utenti tas-Suq Uniku.

5.4   L-appoġġ li qed jiddgħajjef taċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tal-integrazzjoni Ewropea jirrikjedi strateġija ta’ komunikazzjoni intensiva u mmirata li tinkludi l-mobilizzazzjoni tal-għodod kollha li jipprovdu l-appoġġ meħtieġ lill-intrapriżi, il-ħaddiema u liċ-ċittadini, bħal Solvit, EURES, in-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi, iċ-ċentri Ewropej tal-konsumaturi, RAPEX, eċċ. L-Iżvilupp ta’ punt ta’ dħul uniku (“Your Europe”) għall-intrapriżi u ċ-ċittadini jista’ jkun utli iżda biss bil-kundizzjoni li l-informazzjoni tkun kompleta, rilevanti, awtorevoli u aċċessibbli. Hemm bżonn li jiġi rikonoxxut il-fatt li ċ-ċittadini u l-intrapriżi wkoll għandhom ikunu jistgħu jressqu l-mistoqsijiet tagħhom direttament lil persuna, pjuttost milli jibbażaw fuq materjal elettroniku.

Brussell, 27 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 47.

(2)  COM(2010) 608 finali; Opinjoni tal-KESE: ĠU C 132, 3.5.2011, p. 47.

(3)  COM(2010) 135 finali, 31.3.2010 u COM (2010) 623 finali, 27.10.2010.

(4)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2010:0245:FIN:MT:PDF.

(5)  http://ec.europa.eu/justice/citizen/files/com_2010_603_en.pdf.

(6)  ĠU C 248, 25.08.2011, p. 87.

(7)  Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (European Qualifications Framework)

(8)  ĠU C 18, 19.1.2011, p. 105.

(9)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 109.

(10)  ĠU C 306, 16.12.2009, p. 51.

(11)  ĠU C 318, 23.12.2009, p. 101.

(12)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 105.

(13)  Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(14)  Ara paġna 7 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(15)  Ara l-opinjonijiet tal-KESE ĠU C 224, 30.8.2008, p. 32, ĠU C 318, 29.10.2011, p. 99 u ĠU C 318, 29.10.2011, p. 113.

(16)  “Kodiċi Ewropew tal-Aħjar Prattiki għall-Iffaċilitar tal-Aċċess mill-SMEs għall-Kuntratti tal-Akkwist Pubbliku”, SEC(2008) 2193.

(17)  Għal aktar informazzjoni: http://ec.europa.eu/internal_market/imi-net/index.html