22.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 376/69


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/105/KE u 2009/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”

COM(2011) 315 finali – 2011/0150 (COD)

2011/C 376/13

Relatur: is-Sur PEZZINI

Nhar l-24 ta’ Ġunju 2011, il-Kunsill u nhar it-23 ta’ Ġunju 2011, il-Parlament Ewropew, iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/105/KE u 2009/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

COM(2011) 315 finali – 2011/0150(COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-30 ta’ Awwissu 2011.

Matul l-474 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 u t-22 ta’ Settembru 2011 (seduta tal-21 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’121 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li għandha l-għan li tirrevedi s-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni, sabiex jiġi ppreservat l-għadd ta’ elementi ta’ suċċess tagħha, jiġu korretti d-difetti u biex jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn id-dimensjonijiet: dik internazzjonali, dik Ewropea u dik nazzjonali, filwaqt li jiġu assigurati livelli ta’ eċċellenza kwalitattivi fil-livell dinji.

1.2   Il-Kumitat huwa konvint mill-ħtieġa li jinħoloq qafas leġislattiv u regolamentari Komunitarju, li jkun flessibbli u dinamiku, sabiex jiġi ottimizzat il-valur miżjud tal-istandardizzazzjoni teknika Ewropea, bil-għan li tappoġġja l-kompetittività, l-innovazzjoni u t-tkabbir.

1.3   Il-Kumitat itenni l-importanza tal-istandardizzazzjoni Ewropea għall-funzjonament u t-tisħiħ tas-suq intern, b’mod partikolari fis-setturi tas-saħħa, is-sigurtà, tal-protezzjoni tal-ambjent, il-konsumaturi u l-interoperabbiltà, setturi li fil-preżent dejjem qed jirreferu iktar għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT).

1.4   Il-Kumitat iqis li huwa fundamentali li r-ritmi u l-pass tat-tħejjija tal-istandards ikunu adegwati, u li l-kamp ta’ azzjoni jiġi amplifikat għas-setturi tas-servizzi u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, dejjem b’attenzjoni partikolari għall-objettivi ta’ kwalità, sigurtà u r-rata ta’ produzzjoni tal-istandards, bl-użu ta’ pjattaformi ta’ konsultazzjoni fuq l-internet, u ta’ skambju ta’ informazzjoni onlajn.

1.5   Skont il-KESE, l-ispeċifikazzjonijiet adottati minn forum u/jew konsorzji industrijali internazzjonali fis-settur tal-ICT għandhom jiġu aċċettati biss wara proċess ta’ approvazzjoni mill-Korpi Ewropej tal-Istandardizzazzjoni (ESOs), bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-SMEs, konsumaturi, operaturi tal-ambjent, ħaddiema u organizzazzjonijiet li għandhom interessi soċjali kbar.

1.6   Il-KESE japprova s-semplifikazzjoni tas-sistemi ta’ finanzjament, mibnija fuq bażi legali adegwata, tal-ESOs, tal-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni u l-korpi l-oħra inkarigati li jwettqu l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni f’kollaborazzjoni, kif ukoll tal-korpi Ewropej li jirrappreżentaw il-partijiet interessati.

1.7   Il-KESE jirrakkomanda li jitħejja dokument komuni ta’ programmazzjoni li jippermetti li tiġi garantita l-koerenza, il-koordinazzjoni u l-korrispondenza għall-objettivi tal-ġejjieni tas-suq. Minn din il-perspettiva jeħtieġ li l-partijiet interessati kollha fil-programmazzjoni annwali jieħdu sehem fit-tħejjija tal-programmi ta’ ħidma tal-ESOs, il-korpi l-oħra tal-iżvilupp ta’ tekniki settorjali speċifiċi (ICT), is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni u l-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni.

1.8   Il-Kumitat jenfasizza wkoll l-importanza li, fi żmien qasir, ikunu disponibbli standards tekniċi aġġornati fis-settur tas-servizzi, li ser ikompli jiżviluppa bħala element determinanti u innovattiv tal-ekonomija għall-2020. Fl-istess waqt, jirrimarka li għandha titqies in-natura speċifika tas-servizzi u li l-mudell tal-istandardizzazzjoni tal-prodotti ma jistax jiġi kkuppjat b’mod awtomatiku. Aktar żvilupp tal-istandards fil-qasam tas-servizzi jrid jikkunsidra l-ħtiġijiet tas-suq u tas-soċjetà.

1.9   Il-KESE jqis li huwa importanti li jiġi żgurat qafas stabbli ta’ programmar finanzjarju multiannwali għas-sistema ta’ standardizzazzjoni Ewropea, u huwa mħasseb li l-approprjazzjonijiet baġitarji għal dan il-għan huma proposti mill-Kummissjoni biss għall-2013.

1.10   Il-Kumitat jirrakkomanda l-akbar interazzjoni possibbli bejn il-proċessi tekniċi ta’ standardizzazzjoni u l-programmi Ewropej għar-riċerka u l-innovazzjoni, sabiex ikunu żgurati l-applikazzjoni rapida tat-teknoloġiji l-ġodda u l-vantaġġi kompetittivi mistennija għall-ekonomija Ewropea fis-suq globali.

1.11   Il-KESE jirrakkomanda rabtiet mill-qrib bejn l-ESOs u l-Uffiċċji tal-Brevetti, li jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR).

1.12   Il-Kumitat jitlob li r-regoli l-ġodda jipprovdu malajr it-tisħiħ tal-pożizzjoni Ewropea fil-kuntest tal-istandardizzazzjoni internazzjonali, sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ u tiżdied il-kompetittività Ewropea.

2.   Introduzzjoni

2.1   Il-Kumitat dejjem enfasizza r-rwol essenzjali tal-istandardizzazzjoni teknika, bħala appoġġ għal:

il-kwalità tal-prodotti u s-servizzi Ewropej,

il-kompetittività tagħhom fis-suq intern u f’dak globali,

il-ħarsien tal-konsumatur,

it-titjib tal-istandards soċjali u ambjentali.

2.2   Il-Kumitat dejjem kien favur użu aktar fil-wisa’ tal-istandardizzazzjoni Ewropea fil-politiki u l-leġislazzjoni tal-Unjoni, sabiex, b’konformità mal-bżonnijiet kemm tas-soċjetà kif ukoll tal-intrapriżi, tiġi estiża l-espansjoni tal-istandardizzazzjoni teknika f’oqsma ġodda bħalma huma s-servizzi, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, it-trasport, il-ħarsien tal-konsumatur, u r-rispett għall-ambjent (1).

2.3   Il-Kumitat ħa wkoll l-opportunità biex jenfasizza li l-istandardizzazzjoni Ewropea hija essenzjali għall-funzjonament u l-konsolidazzjoni tas-suq intern, b’mod partikolari permezz tad-direttivi tal-approċċ il-ġdid fis-setturi (2).

2.4   Fl-Opinjoni riċenti tiegħu, “Lejn Att dwar is-Suq Uniku”, il-Kumitat tenna li l-“istandards huma mezz importanti biex jinbena s-Suq Uniku”. Fl-istess ħin, il-Kumitat “jenfasizza l-importanza ta’ parteċipazzjoni akbar tal-konsumaturi u l-SMEs, filwaqt li jiġi żgurat b’mod kontinwu u sostenibbli li l-fatturi ta’ spiża li jillimitaw il-parteċipazzjoni tagħhom f’dan il-proċess jingħelbu. L-istandards m’għandhomx jiġu ddettati minn atturi speċifiċi. L-istandards tal-UE għandhom jaqdu rwol ferm akbar fil-kummerċ globali u għandhom jiġu promossi fin-negozjati kummerċjali li jmiss fil-livell bilaterali u multilaterali. (3)

2.5   L-istandardizzazzjoni teknika għandha rwol ta’ importanza fundamentali fil-funzjonament tas-suq intern u fil-kompetittività internazzjonali ta’ prodotti u servizzi bħala strument strateġiku li jiggarantixxi l-kwalità tal-prodotti u s-servizzi, l-interoperabbiltà tan-netwerk u s-sistemi, livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur u l-ambjent kif ukoll livelli ogħla ta’ innovazzjoni u ta’ inklużjoni soċjali.

2.6   Sabiex dan ir-rwol ikun effikaċi bis-sħiħ, jeħtieġ, fost oħrajn, li:

il-proċess ta’ standardizzazzjoni teknika Ewropea tkun tista’ twieġeb malajr għall-ħtiġijiet tal-leġislatur – fuq inizjattiva tal-Kummissjoni – u ta’ dinja produttiva li qed tinbidel malajr, fejn it-tul tal-ħajja u ċ-ċikli ta’ żvilupp tal-prodotti dejjem qed isiru iqsar, u b’hekk jeħtieġu li jkunu aktar rapidi u flessibbli sabiex jindirizzaw l-isfidi tal-ġejjieni;

l-istandards tekniċi jkunu kapaċi jsegwu r-ritmi mgħaġġlin tal-iżvilupp teknoloġika, għax jekk le jsiru inutli, u jkopru setturi dejjem usa’ – b’mod partikolari t-teknoloġiji tal-informazzjoni u s-servizzi – billi jassiguraw il-kwantità, il-veloċità u l-kwalità fit-tħejjija tal-istandards stess; anki permezz ta’ pjattaformi ta’ konsultazzjoni fuq l-internet, il-proċess ta’ tħejjija u l-applikazzjoni tal-istandards jeħtieġ li jkun kapaċi jadatta għall-esiġenzi tal-intrapriżi żgħar u medji, u mhux bil-maqlub, billi jkunu żgurati livelli għolja ta’ rappreżentazzjoni u parteċipazzjoni fil-proċess ta’ standardizzazzjoni, b’mod partikolari fil-livell Ewropew filwaqt li jinżamm bilanċ bejn id-delegazzjonijiet nazzjonali peress li, b’mod ġenerali, ir-relazzjoni bejn l-SMEs u l-istandards tekniċi hija diffiċli u kumplessa;

jiġu assigurati livelli ogħla u usa’ ta’ leġittimizzazzjoni u kunsens permezz ta’ proċess ta’ kooperazzjoni fuq bażi volontarja, miftuħa u trasparenti fejn l-industrija, l-SMEs, l-awtoritajiet pubbliċi u partijiet interessati oħra tas-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jieħdu azzjoni flimkien b’opportunitajiet ugwali ta’ aċċess: l-istandards jirreferu, ta’ spiss, għas-sigurtà u l-benessri taċ-ċittadini, għall-effiċjenza tan-netwerks, għall-ambjent u għas-setturi l-oħra ta’ importanza pubblika. Għaldaqstant, dawn is-setturi għandu jkollhom rappreżentanza u influwenza adatta;

is-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni għandha tirrisspondi għall-bżonn li jiġu garantiti l-interoperabbiltà u l-kompatibbiltà sħiħa tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tal-ICT, permezz ta’ standards Ewropej ta’ riferiment approvati;

is-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni tkun tista’ tibbenefika minn appoġġji finanzjarji semplifikati u adegwati sabiex tkun assigurata l-parteċipazzjoni sħiħa tal-partijiet interessati kollha fit-tħejjija tal-istandards, bl-inklużjoni awtomatika tad-dimensjoni ta’ standardizzazzjoni fil-programmi ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni pubblika, biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-Istrateġija Ewropa 2020;

jiġu integrati, ladarba jiġi assigurat livell ta’ trasparenza, ftuħ u parteċipazzjoni bilanċjata tal-partijiet interessati kollha, l-istandards prodotti mill-forum u konsorzji tal-ICT rikonoxxuti fil-livell dinji, u verifikati mill-korpi Ewropej tal-istadardizzazzjoni (ESOs) – CEN, CENELEC, ETSI  (4), sabiex issir referenza fil-leġislazzjoni Ewropea, fil-qasam tal-akkwisti;

is-sistema tal-iskambju tal-informazzjoni bejn il-korpi u l-istrutturi kollha tal-istandardizzazzjoni fl-Ewropa tissaħħaħ adegwatament u li jiġi garantit aċċess ekwu għall-istandardizzazzjonijiet lill-partijiet interessati kollha.

2.7   Fir-rigward tal-appoġġ finanzjarju, jeħtieġ li nfakkru li d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE – li dwarha l-Kumitat kien ta l-opinjoni tiegħu – diġà tistabbilixxi r-regoli dwar il-kontribut tal-UE għall-finanzjament tal-istandardizzazzjoni Ewropea, sabiex jiġi garantit li l-istandards Ewropej u prodotti oħra tal-istandardizzazzjoni Ewropea jitfasslu u jiġu riveduti b’konformità mal-objettivi, il-leġislazzjoni u l-politiki tal-Unjoni: l-istess dispożizzjonijiet għandhom japplikaw għall-korpi li, minkejja li mhumiex rikonoxxuti bħala korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni fl-ambitu tar-Regolament preżenti, ingħataw il-kompitu li jwettqu ħidma preliminari bħala appoġġ għall-istandardizzazzjoni Ewropea.

2.8   Fid-dawl tal-ambitu wiesa’ ħafna tal-istandardizzazzjoni Ewropea fl-appoġġ tal-politika u l-leġislazzjoni tal-Unjoni u tat-tipi differenti ta’ attivitajiet tal-istandardizzazzjoni, jinħtieġ li jkun hemm arranġamenti differenti għall-finanzjament.

3.   Il-proposti tal-Kummissjoni

3.1   Il-proposta hija maħsuba biex tissodisfa l-ħtiġijiet li ġejjin;

sabiex tiggarantixxi appoġġ sinifikanti tas-suq intern tal-prodotti u s-servizzi, u sabiex tevita l-ħolqien ta’ ostakli għall-kummerċ intern tal-UE, l-adozzjoni ta’ standards Ewropej mill-ESOs għandha tikkonċerna kemm il-prodotti kif ukoll is-servizzi u għandha tkompli tibbenefika mill-kofinanzjament Komunitarju; il-proċess tat-tħejjija tal-istandards Ewropej għandu jitħaffef u jżomm mal-pass taċ-ċikli tal-iżvilupp tal-prodotti li kull ma jmorru dejjem iżidu fil-ħeffa;

peress li standard huwa r-riżultat ta’ kunsens milħuq minn dawk li jipparteċipaw fl-iżvilupp tiegħu, il-proċess ta’ standardizzazzjoni għandu jkun leġittimu permezz tal-involviment ta’ gruppi tas-soċjetà ċivili interessati, bħalma huma l-partijiet soċjali, l-SMEs, il-konsumaturi u l-ambjentalisti;

biex ikollhom disponibbli standards sabiex jiżguraw l-interoperabbilità bejn is-servizzi u l-applikazzjonijiet fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u komunikazzjoni, l-standards tal-ICT għandhom ikunu rikonoxxuti formalment, anki jekk dawn jitfasslu barra mill-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni ESOs, minn forums u konsorzji speċjalizzati.

3.2   Għal dan il-għan, il-proposta tipprovdi – apparti mill-emendi għad-direttivi 89/686/KEE u 93/15/KEE, 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/105/KE u 2009/23/KE – għar-reviżjoni u l-fużjoni, b’mod partikolari, ta’ direttivi u deċiżjonijiet.

3.3   Il-leġislazzjoni l-ġdida proposta – permezz tal-istrument ta’ regolament sabiex jiżgura applikazzjoni uniformi – timmira lejn:

trasparenza u kooperazzjoni akbar bejn il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni (NSBs), l-ESOs u l-Kummissjoni;

rikonoxximent tal-użu tal-istandards ICT (ħardwer, softwer, u servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni) anki jekk dawn ġew żviluppati minn korpi oħra, sakemm ikunu konsistenti mal-prinċipji TBT/WTO (Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ/Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ) u mal-ħtieġa ta’ interoperabbiltà Ewropea;

ippjanar annwali tal-prijoritajiet għal standardizzazzjoni fl-UE, u tal-mandati tal-Kummissjoni;

rappreżentanza miżjuda tal-SMEs, b’appoġġ finanzjarju mill-UE, iżda wkoll tal-konsumaturi, ambjentalisti u rappreżentanti ta’ interessi soċjali, ukoll għall-attivitajiet anċillarji/preparatorji;

miżuri għat-tħaffif fit-tħejjija tal-istandards tekniċi Ewropej fuq talba mill-Kummissjoni, b’appoġġ finanzjarju għall-ħidma tal-ESOs ta’ riċerka attiva għall-kunsens;

inċentivi li jinkludu wkoll il-promozzjoni ta’ standards tekniċi Ewropej fil-livell internazzjonali u ta’ programmi ta’ assistenza teknika u kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi;

il-promozzjoni tal-istandardizzazzjoni Ewropea u internazzjonali tinkludi l-faċilità għall-intrapriżi biex jittraduċu fil-lingwi uffiċjali tal-UE, sabiex jitjiebu l-koeżjoni u l-aċċess;

jiżdiedu l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni fis-servizzi li jappoġġjaw suq intern kompetittiv, filwaqt li jiġu evitati standards nazzjonali multipli, fuq mandat mill-Kummissjoni;

tnaqqis fil-burokrazija amministrattiva permezz tal-ħlas ta’ pagamenti fissi mingħajr ma ssir verifika tal-ispejjeż reali;

l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ prestazzjoni bbażata fuq indikaturi u objettivi dwar ir-riżultat u l-impatt, li jkun hemm qbil dwarhom għal effiċjenza u ħeffa akbar tar-riżultati u tal-proċessi sabiex dawn jinkisbu;

rapport annwali lill-Kummissjoni mill-ESOs, b’mod speċjali dwar aspetti finanzjarji, it-trasparenza, il-veloċità, is-semplifikazzjoni, il-kapaċità ta’ involviment u l-kwalità tal-proċess.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Il-Kumitat jappoġġja l-miri tal-proposta tal-Kummissjoni, anki minħabba li proċess Ewropew ta’ standardizzazzjoni rapidu, effikaċi u inklużiv jirrappreżenta mhux biss element determinanti tal-arkitettura tas-suq uniku, li huwa l-qofol tal-integrazzjoni Ewropea u tal-Istrateġija Ewropa 2020 li hija maħsuba biex twettaqha, iżda wkoll, u fuq kollox, element ta’ bażi tal-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u strument li jagħti spinta ’l quddiem lill-innovazzjoni.

4.2   Fil-fehma tal-KESE jeħtieġ li l-korpi tal-istandardizzazzjoni jiġu mħeġġa biex fil-programmi ta’ ħidma jivvalutaw il-politiki tagħhom fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR), b’attenzjoni akbar fuq il-promozzjoni tal-innovazzjoni u relazzjonijiet aktar mill-qrib mal-Uffiċċji tal-Brevetti, b’mod speċjali dak Ewropew fi Munich, sabiex il-kwistjonijiet ta’ proprjetà intellettwali jitqiesu mill-bidu nett, biex b’hekk tkun żgurata kwalità aħjar kemm tal-brevetti kif ukoll tal-istandards infushom.

4.3   Għaldaqstant il-KESE japprova l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tirrevedi s-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni, biex tippreserva l-għadd ta’ aspetti ta’ suċċess tagħha u tikkoreġi n-nuqqasijiet, biex tikseb bilanċ tajjeb bejn id-dimensjoni Ewropea u dik nazzjonali u biex twieġeb għall-esiġenza u l-istennijiet il-ġodda tal-intrapriżi, il-konsumaturi, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà Ewropea bħala entità sħiħa.

4.4   Il-Kumitat iqis li huwa fundamentali li r-ritmi u l-pass tat-tħejjija tal-istandards ikunu adegwati, u li l-kamp ta’ azzjoni jiġi amplifikat għas-setturi tas-servizzi u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, bil-kundizzjoni li dawn l-azzjonijiet jissalvagwardjaw l-objettivi ta’ kwalità tal-istandards u li t-twessigħ għas-setturi ta’ tħejjija tal-istandards, apparti l-ESOs, iseħħ bl-istess garanziji ta’ trasparenza u ta’ parteċipazzjoni li dawn tal-aħħar huma marbutin magħhom.

4.4.1   Għal dan il-għan, il-Kumitat iqis li huwa essenzjali li l-ESOs u l-Kummissjoni jwettqu kontrolli ta’ prevenzjoni sabiex ikun żgurat li l-ispeċifikazzjonijiet adotti minn forums u/jew konsorzji industrijali internazzjonali, li għandhom jintużaw bħala riferiment fl-akkwist pubbliku, ikunu tfasslu b’mod newtrali, ekwu u trasparenti, bil-parteċipazzjoni adatta tar-rappreżentanti tal-SMEs, il-konsumaturi l-ambjentalisti, il-ħaddiema u l-organizzazzjonijiet li għandhom interessi soċjali kbar.

4.4.2   Il-KESE jirrakkomanda li din il-parteċipazzjoni miżjuda meħtieġa ma ttaqqalx il-proċeduri u r-ritmi tat-tħejjija tal-istandards b’mod kunsenwali; anzi dawn għandhom jitnaqqsu sew permezz ta’ rikors għal pjattaformi ta’ konsultazzjoni fuq l-internet, u ta’ skambju ta’ informazzjoni onlajn (5).

4.5   Bl-istess mod, il-Kumitat jitlob li r-regolament jipprevedi t-tħejjija ta’ pjanijiet ta’ tbassir multiannwali dwar l-istandardizzazzjoni fl-Ewropa sabiex tingħata risposta aktar effikaċi u koordinata lill-politiki globali, meħtieġa biex jindirizzaw il-kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp ta’ Smart Grids, l-enerġiji rinnovabbli u t-trażmissjoni tagħhom, u l-isfidi urġenti ambjentali u soċjali.

4.6   Il-KESE huwa tal-fehma li sabiex tiġi promossa u faċilitata l-parteċipazzjoni effettiva għall-proċess ta’ standardizzazzjoni tal-partijiet interessati kollha, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali, għandhom jiġu promossi programmi ta’ formazzjoni u jittieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni l-aktar dgħajfa, li attwalment ma jħaddmux segretarjati ta’ kumitati tekniċi, ikunu jistgħu jassumu rwol aktar attiv fil-proċess ta’ standardizzazzjoni.

4.7   It-twaqqif ta’ programmi ta’ ħidma annwali mill-ESOs, il-korpi l-oħra tal-iżvilupp ta’ tekniki settorjali speċifiċi (ICT), is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni, u l-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni, jista’ jkun miżura effikaċi sabiex ikunu assigurati ritmi, pass u volumi ta’ produzzjoni ta’ standardizzazzjoni ta’ kwalità, bil-kundizzjoni li jiġi assigurat qafas ta’ koerenza u koordinazzjoni kif ukoll parteċipazzjoni effettiva tal-partijiet interessati kollha fil-programm annwali.

4.8   Il-KESE japprova s-semplifikazzjoni tas-sistemi ta’ finanzjament,mibnija fuq bażi legali adegwata, tal-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni, tal-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni u l-korpi l-oħra inkarigati li jwettqu l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni f’kollaborazzjoni, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet Ewropej ta’ rappreżentanza tal-partijiet interessati msemmija fl-Anness III.

4.8.1   Il-KESE huwa mħasseb li l-approprjazzjonijiet baġitarji għal din il-kwistjoni huma proposti mill-Kummissjoni biss għall-2013, u jemmen li huwa importanti li jiġi assigurat qafas stabbli ta’ programmazzjoni multiannwali ta’ finanzjamenti, li jibda mill-iktar fis possibbli.

4.9   F’dak li jirrigwarda l-produzzjoni ta’ standards Ewropej armonizzati, li jiggarantixxu li l-prodotti jissodisfaw il-preskrizzjonijiet fundamentali stabbiliti mil-leġislazzjoni tal-UE, fin-nuqqas ta’ standards armonizzati, in-negozji ma jkunux jistgħu jużaw l-istandard relevanti biex jikkonferixxu preżunzjoni ta’ konformità u jridu juru konformità mar-rekwiżiti essenzjali skont il-modulu ta’ stima għall-konformità stabbilit fil-leġislazzjoni applikabbli tal-UE. F’kull każ, in-negozji ma jistgħux jiffrankaw l-ispejjeż minħabba l-framentazzjoni tas-suq intern jew minħabba l-proċeduri għall-istima tal-konformità (6).

4.9.1   Dwar dan il-punt, il-Kumitat jemmen li l-produzzjoni u l-użu tagħhom għandhom jingħataw inċentiv akbar fuq bażi volontarja sabiex jiġu garantiti livelli dejjem ogħla tas-sigurtà tal-prodotti.

4.10   Il-Kumitat iqis li r-regolament propost għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jħeġġu t-traspożizzjoni fil-livell internazzjonali tal-istandards tekniċi adottati mis-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni u li jsaħħu r-rwol tal-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni u tal-ESOs fil-korpi internazzjonali tal-istandardizzazzjoni. Dan jista’ jsir permezz ta’ inizjattivi kkoordinati Ewropej li jsaħħu l-kompetittività internazzjonali u l-innovazzjoni tal-Unjoni.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   Skont il-Kumitat, kien ikun opportun li fl-Anness 1 jiġu elenkati l-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni rikonoxxuti.

5.2   Huwa importanti li jkun hemm distinzjoni bejn l-“ispeċifikazzjonijiet tekniċi” tal-istandards formali: il-KESE jipproponi li fil-Premessa 19 jiġu miżjuda “standards u speċifikazzjonijiet tekniċi” rilevanti u li jinbidel it-tqegħid tal-kliem minn “standards” għal “speċifikazzjonijiet tekniċi” fil-Premessi 20 u 22.

5.3   Fl-Artikolu 2 jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li “speċifikazzjoni teknika, ‘approvata minn korp rikonoxxut ta’ attività ta’ standardizzazzjoni’ għal applikazzjoni…” u għandu jiżdied punt 9 ġdid: (9) “Korp nazzjonali tal-istandardizzazzjoni”, korp imsemmi fl-Anness II.

5.4   Fl-Artikolu 3, il-KESE huwa tal-fehma li l-NSBs għandhom ikunu jistgħu jesprimu l-objezzjonijiet tagħhom anki jekk ma jistgħux jopponu għall-programmi ta’ ħidma Ewropej, u għalhekk jipproponi li l-punt 5 jiġi modifikat kif ġej: “Il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni ma jistgħux joġġezzjonaw għal suġġett ta’ standardizzazzjoni fil-programm tagħhom tax-xogħol milli jiġi diskuss fil-livell Ewropew b’mod konformi mar-regoli stabbiliti mill-korpi Ewropej ta’ standardizzazzjoni u jimpenjaw ruħhom li ma jieħdu l-ebda azzjoni li tista’ tippreġudika deċiżjoni f’dan ir-rigward”.

5.4.1   Il-KESE jipproponi wkoll li jiżdied punt 6 ġdid, kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jiżguraw li, matul it-tħejjija ta’ standard Ewropew li hemm riferenza għalih fl-Artikolu 7, il-korpi tagħhom ta’ standardizzazzjoni ma jieħdu l-ebda azzjoni li tista’ tippreġudika l-armonizzazzjoni maħsuba u, b’mod partikolari, li ma jippubblikaw, fil-qasam involut fil-kwistjoni, l-ebda standard nazzjonali ġdid jew rivedut li ma jkunx konformi ma’ standard Ewropew eżistenti”.

5.5   Fl-Artikolu 7, il-KESE jipproponi li wara l-punt 3 jiżdied punt 3.1 ġdid, kif ġej: “3.1 Fil-każ li jkun hemm talba għal standard armonizzat, dan għandu jiġi formalizzat minn ftehim bejn il-Kummissjoni u l-korp Ewropew tal-istandardizzazzjoni rilevanti”.

5.5.1   Il-KESE jemmen li l-proposta li l-ESO jkollhom biss xahar biex jirrispondu għat-talba tal-Kummissjoni potenzjalment tista’ tillimita l-konsultazzjoni tal-partijiet interessati. Il-KESE jirrakkomanda tliet xhur.

5.6   Fl-Artikolu 9, il-KESE jipproponi li jiġi modifikat is-sottotitlu: “Rikonoxximent għall-akkwist pubbliku tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fil-qasam tal-ICT” u biex fl-ewwel sentenza tal-artikolu jiżdied dan li ġej: “Fuq proposta … jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, fis-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tista’…”.

5.7   Fl-Artikolu 16, il-KESE jipproponi li jiżdied punt a1) kif ġej:

a1)

tiġi aġġornata l-lista tal-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni mniżżlin fl-Anness I fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 21”.

u li l-punt b) jinbidel kif ġej:

b)

tadatta l-kriterji għar-rikonoxximent tal-‘ispeċifikazzjonijiet tekniċi’ fil-qasam tal-ICT għall-finijiet ta’ akkwist pubbliku għall-iżviluppi tekniċi”.

5.8   Fl-Artikolu 17, il-KESE jipproponi li jiżdied dan li ġej mal-punt 2:

Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 16 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mill-1 ta’ Jannar 2013. “Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar x’sar fir-rigward tas-setgħat delegati u għandha tressqu flimkien mar-rapport previst fl-Artikolu 19 paragrafu 3.”

Brussell, 21 ta’ Settembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 110, 9.5.2006, p. 14.

(2)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(3)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 47.

(4)  ETSI: l-istitut Ewropew tal-istandards tat-telekomunikazzjonijiet huwa korp tal-istandardizzazzjoni tal-UE indipendenti li ma jagħmilx profitt fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet.

(5)  Kif diġa jiġri fl-ISO u l-IES, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi “huma riżultati tanġibbli li l-kunsens għalihom ma kienx suffiċjenti għall-istatus ta’ standards Internazzjonali”.

(6)  COM (2011) 315 Memorandum ta’ Spjegazzjoni, punt 1 u premessi 18 u 36.