29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/142


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: kontribut Ewropew lejn livell massimu ta’ impjiegi”

COM(2010) 682 finali

2011/C 318/24

Relatur: is-Sinjura DRBALOVÁ

Korelatur: is-Sur ZUFIAUR NARVAIZA

Nhar it-23 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: kontribut Ewropew lejn livell massimu ta’ impjiegi

COM(2010) 682 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Ġunju 2011.

Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011 (seduta tat-13 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’130 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 6 astensjonijiet.

Preambolu

Din l-opinjoni tal-KESE dwar “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi” torbot mal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

Din l-opinjoni tal-KESE tressaq approċċ olistiku ġdid, billi teżamina l-aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi b’rabta stretta mal-inizjattivi ewlenin l-oħra u l-ħames miri orizzontali fil-livell tal-Unjoni Ewropea;

F’dan il-kuntest, din l-opinjoni tal-KESE tenfasizza li għandha tiġi żgurata l-koerenza bejn il-politiki fil-livell tal-Unjoni u l-politiki nazzjonali, u toħroġ fid-dieher il-konsegwenzi kif ukoll ir-rwol prinċipali tal-atturi nongovernattivi konċernati.

1.   Konklużjonijiet u proposti

1.1

Il-Kumitat jinsab imħasseb dwar l-impatt tal-kriżi ekonomika dinjija fuq il-funzjonament tas-suq tax-xogħol u għal din ir-raġuni, b’mod ġenerali, bi pjaċir jilqa’ l-aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi , li permezz tagħha l-Kummissjoni tipprova tagħti kontribut biex jiżdiedu l-impjiegi u jittejjeb it-tħaddim tas-swieq tax-xogħol. Huwa jappella lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex jużaw b’mod effettiv id-djalogu soċjali d-djalogu mas-soċjetà ċivili organizzata sabiex jinstabu soluzzjonijiet u miżuri biex is-sitwazzjoni tmur għall-aħjar f’dan il-qasam.

1.2

Madankollu, il-Kumitat jiddispjaċih li l-inizjattiva ma tenfasizzax kemm huwa urġenti li jinħolqu impjiegi ta’ kwalità u li ma tagħtix biżżejjed inċentiv lill-Istati Membri biex jistabbilixxu objettivi nazzjonali iktar ambizzjużi bbażati fuq ir-riformi strutturali u l-politiki ta’ investiment li jiġġeneraw tkabbir ġenwin u possibbiltajiet ġodda ta’ impjieg.

1.3

Il-Kumitat jagħraf li din l-aġenda ssejset fuq il-kunċett tal-flessigurtà u jenfasizza li għandu jinstab bilanċ tajjeb bejn l-elementi interni u esterni tal-flessigurtà, sabiex is-swieq tax-xogħol jitħaddmu b’mod iktar effiċjenti u fl-istess ħin il-ħaddiema jitħarsu aħjar. Il-Kumitat jirrakkomanda li ssir analiżi tas-sitwazzjoni mill-bidu nett, li jiġi monitorjat is-segwitu tal-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-politiki tal-flessigurtà, filwaqt li jiġi enfasizzat ir-rwol tal-imsieħba soċjali fil-qafas ta’ dan il-proċess, bil-għan li jitkomplew jiġu ffaċilitati r-riintegrazzjoni u t-transizzjoni fis-suq tax-xogħol.

1.4

Il-Kumitat jilqa’ r-rabta stabbilita fil-qafas ta’ dokument uniku ta’ strateġija bejn il-politika tal-edukazzjoni u dik tal-impjieg. Madankollu, jiddispjaċih li r-rabta bejn it-titjib u l-aġġornament tal-ħiliet u ż-żieda fil-produttività tax-xogħol ma tissemmiex.

1.5

Il-Kumitat jirrikonoxxi li l-Kummissjoni qed tipprova tipproponi strumenti u inizjattivi ġodda, iżda jirrakkomanda li tissaħħaħ il-konnessjoni bejniethom u s-sinerġija tagħhom mal-istrumenti eżistenti. Il-KESE huwa tal-fehma li l-approċċ adottat mill-Kummissjoni fir-rigward tar-rwol tal-istrumenti mhux vinkolanti għandu jirrispetta l-kompatibbiltà reċiproka tal-azzjonijiet ta’ politika u l-inizjattivi adottati fil-livell tal-Unjoni. Fl-istess ħin, huwa tal-fehma li analiżi koerenti mill-ġdid tal-leġislazzjoni tal-UE fil-qasam soċjali għandha tappoġġja iktar milli tfixkel l-implimentazzjoni tar-riformi benefiċjali tas-suq tax-xogħol mill-Istati Membri u tippromovi l-investiment soċjali.

1.6

Il-Kumitat jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tieħu nota tal-konklużjonijiet tal-ħames stħarriġ tal-Eurofound dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa hi u tikkunsidra li terġa’ tiftaħ id-dibattitu dwar il-kwalità tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

1.7

Il-Kumitat jisħaq fuq il-bżonn li l-fondi Ewropej jintużaw b’mod iktar effikaċi u, kif għamlet il-Kummissjoni, jistieden lill-Istati Membri jiffokaw l-interventi tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u fondi oħra fuq l-erba’ prijoritajiet fundamentali ta’ din il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u biex b’dan il-mod jikkontribwixxu għall-għanijiet ta’ din l-aġenda u għall-miri nazzjonali tal-Istrateġija Ewropa 2020.

2.   Preżentazzjoni tal-proposta

2.1

Fit-23 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet id-dokument tagħha dwar l-Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: kontribut Ewropew lejn livell massimu ta’ impjiegi, li hija bbażata fuq sensiela ta’ inizjattivi preċedenti mmirati biex itejbu l-ħiliet fl-UE, il-previżjonijiet tagħhom u biex isir tqabbil mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol. Il-KESE analizza dawn l-inizjattivi fil-qafas ta’ opinjoni preċedenti (1).

2.2

Madankollu, din l-aġenda l-ġdida tal-Kummissjoni għandha ambitu usa’, hija ssegwi l-għan komuni stabbilit li sal-2020 l-UE tilħaq rata ta’ impjieg ta’ 75 % tal-irġiel u n-nies bejn l-età ta’ 20 u 64 sena, u tiddefinixxi l-azzjonijiet miftiehma skont erba’ prijoritajiet fundamentali:

funzjonament aħjar tas-swieq tax-xogħol;

żieda fil-ħiliet tal-forza tax-xogħol;

kwalità aħjar tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol;

politiki iktar sodi biex jippromovu l-ħolqien tal-impjiegi u d-domanda tax-xogħol.

2.3

Din l-aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi hija riżultat tal-prinċipji komuni tal-flessigurtà adottati mill-Kunsill fl-2007 (2). L-għan ta’ dawn il-politiki tal-flessigurtà – l-iktar bl-introduzzjoni ta’ miżuri sussidjati biex jiġi offrut it-taħriġ u biex jitnaqqas il-ħin tax-xogħol - huwa t-tisħiħ tal-adattabbiltà, l-impjieg u l-koeżjoni soċjali. Huma diġà kkontribwew sa ċertu punt biex tingħeleb l-agħar parti tal-kriżi, iżda s-sitwazzjoni tal-gruppi vulnerabbli għadha waħda diffiċli.

2.4

Għalhekk, il-Kummissjoni mill-ġdid qed tixpruna t-tisħiħ tal-elementi kollha tal-flessigurtà (dispożizzjonijiet kuntrattwali flessibbli u affidabbli, politiki attivi fis-suq tax-xogħol, strateġiji globali ta’ tagħlim tul il-ħajja u sistemi tas-sigurtà soċjali moderni) u t-twettiq tagħha. Il-miżuri stabbiliti minn kull Stat Membru favur il-flessigurtà għandhom jissaħħu u jiġu adattati għall-kuntest soċjoekonomiku ġdid bis-saħħa ta’ bilanċ ġdid bejn kull wieħed minn dawn l-erba’ elementi.

2.5

Il-Kummissjoni, fil-qafas tal-aġenda tagħha, tipproponi 13-il azzjoni appoġġjati minn 20 miżura ta’ akkumpanjament bil-għan li titnaqqas il-frammentazzjoni u li jiġu faċilitati t-tranżizzjonijiet lejn is-suq tax-xogħol, li l-ħaddiema jingħataw il-ħiliet meħtieġa għall-impjieg, li jittejbu l-kwalità u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, li jiġi appoġġjat il-ħolqien tal-impjiegi u li jiġu sfruttati l-istrumenti finanzjarji tal-UE.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Ir-rapport dwar l-impjiegi fl-UE ta’ Jannar 2011 (3) jinnota li “Is-suq tax-xogħol fl-UE kompla jistabilizza ruħu u issa f’xi Stati Membri hemm sinjali ta’ rkupru. (…) Madankollu, fil-livell ta’ 221,3 miljun persuna, l-għadd ta’ impjegati kien għadu sa dak il-punt 5,6 miljun anqas minn meta kien fl-ogħla livell fit-tieni tliet xhur tal-2008, ħaġa li tirrifletti tnaqqis sinifikanti fil-manifattura u fil-konstruzzjoni. Fost l-individwi ta’ bejn l-20 u l-64 sena kien hemm 208,4 miljun persuna li kellhom impjieg, li tfisser rata ta’ impjieg ta’ 68,8 %. (…) Bħalissa hemm 23,1 miljun persuna qiegħda. Il-qgħad għat-tul qed jiżdied fost il-gruppi kollha fil-popolazzjoni, għalkemm f’livelli differenti. Minn dawn, madwar 5 miljun kienu ilhom qiegħda għal bejn 6 sa 11-il xahar. Il-kriżi kabbret ir-riskju għall-immigranti b’livell baxx ta’ sengħa u dawk ġejjin minn barra l-UE.” Minkejja il-progress li sar, ir-rapport iqis li s-sitwazzjoni tas-swieq tax-xogħol għadha waħda fraġli. Skont l-informazzjoni mill-OECD għal Mejju 2011, ir-rata tal-qgħad fiż-żona tal-euro laħqet 9,9 % (4).

3.2

Għalhekk, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jinsab imħasseb dwar il-funzjonament tas-swieq tax-xogħol u, b’mod ġenerali, bi pjaċir jilqa’l-Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: kontribut Ewropew lejn livell massimu ta’ impjiegi”, li permezz tagħha l-Kummissjoni tipprova tagħti kontribut biex jiżdiedu l-impjiegi, tissaħħaħ il-kwalità tal-impjiegi u jittejjeb il-funzjonament tas-swieq tax-xogħol b’konformità mal-miri tal-Istrateġija Ewropea għall-impjieg u l-linji gwida għall-impjieg. F’dan ir-rigward, il-KESE joħroġ fid-dieher ir-rwol tal-imsieħba soċjali u huwa tal-fehma li l-gvernijiet tal-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw iktar mid-djalogu soċjali u d-djalogu mas-soċjetà ċivili organizzata sabiex ikunu jistgħu jipproponu u jimplimentaw miżuri li jikkontribwixxu b’mod effettiv biex is-sitwazzjoni tmur għall-aħjar.

3.3

L-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir (5), li ħareġ f’Jannar 2011 fl-okkażjoni tal-bidu tal-ewwel semestru Ewropew, wera li l-Istati Membri ftit li xejn urew ambizzjoni fil-miri nazzjonali li stabbilixxew u bilkemm laħqu 2 - 2,4 % mill-mira komuni tagħhom tar-rata tal-impjieg (75 %). Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-politiki intiżi biex jilħqu l-mira proposta għandhom iqisu l-konklużjonijiet tal-laqgħa li saret fi Vjenna f’Marzu bejn ir-rappreżentanti tal-IMF, l-ILO u l-imsieħba soċjali dwar “Id-djalogu dwar it-tkabbir u l-impjieg fl-Ewropa  (6)”.

3.4

Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni kkuntentat li tirreaġixxi għall-urġenza tas-sitwazzjoni b’miżuri tradizzjonali u jiddispjaċih ukoll li m’hemmx enfasi fuq elementi ta’ appoġġ għall-fatturi ta’ tkabbir li jistgħu jistimolaw il-ħolqien tal-impjiegi. Mhuwiex biżżejjed li jiġi żgurat li n-nies jibqgħu attivi u li jingħataw il-ħiliet adegwati biex ikunu jistgħu jsibu impjieg: it-tiġdid ekonomiku għandhu jissejjes fuq it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi.

3.5

Sabiex jingħelbu l-isfidi li qed tiffaċċja, qabel kollox l-Ewropa għandha terga’ tibda ssellef, tinvesti u timplimenta r-riformi strutturali. Għandhom jiġu identifikati l-miżuri konkreti meħtieġa biex jitneħħew l-ostakli għall-ħolqien tal-impjiegi u ż-żieda fil-produttività. Il-produttività, fost affarijiet oħra, tiddependi wkoll mill-kwalità tal-impjieg. Għadd minn dawn ir-riformi, li għandhom ikunu bbażati kemm jista’ jkun fuq il-kunsens, għandhom jitwettqu fil-livell nazzjonali u kull Stat Membru għandu jkun konxju li għandu jiffavorixxi l-kreditu għall-intrapriżi u l-familji, iwettaq investiment produttiv u jipproċedi b’riformi effettivi biex jinħolqu l-impjiegi. Iż-żieda fil-produttività tax-xogħol u l-kwalità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa huwa l-mezz biex tittaffa l-biża’ marbuta mad-dgħufija u l-instabbiltà tas-salarji.

3.6

Ir-rapport konġunt dwar l-impjieg jenfasizza wkoll il-bżonn tal-interazzjoni tal-politika tal-impjieg, tal-appoġġ għat-tkabbir ekonomiku u l-konsolidazzjoni baġitarja (u jikkonferma l-bżonn li jitkompla l-appoġġ għall-gruppi vulnerabbli permezz ta’ servizzi soċjali ta’ kwalità għolja u strateġija ta’ inklużjoni attiva). Ir-rapport jenfasizza r-rwol ta’ ambjent ekonomiku favorevoli u t-tkabbir ekonomiku bbażat fuq l-innovazzjoni biex tiżdied id-domanda għax-xogħol.

3.7

L-istess rapport josserva wkoll li matul l-2010, ġie nnotat ċertu żbilanċ bejn l-offerta u d-domanda għall-impjiegi, li jista’ jindika lakuna bejn il-kwalifiki tal-persuni li qed ifittxu impjieg u l-ħiliet meħtieġa għall-impjiegi disponibbli. Għal din ir-raġuni, ir-rapport jirrakkomanda li din il-kwistjoni tiġi analizzata bir-reqqa sabiex jiġi verifikat jekk din it-tendenza hijiex biss waħda temporanja jew hemmx ir-riskju li ssir strutturali.

3.8

Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni għadha ma faslitx proposta leġislattiva ġdida u li tagħraf ir-rwol u l-valur miżjud tal-istrumenti legali mhux vinkolanti bħala komplementari fil-qafas legali attwali. L-imsieħba soċjali għandhom jiġu konsultati dwar xi wħud mill-inizjattivi proposti, bħall-konsultazzjoni dwar il-qafas Ewropew tar-ristrutturar, ir-reviżjoni tal-leġislazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-infurmar u l-konsultazzjoni mal-ħaddiema, ix-xogħol part-time u l-kuntratti fuq perjodu determinat, il-ftuħ mill-ġdid tad-dibattitu dwar il-kwalità tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Wara li jsiru dawn il-konsultazzjonijiet, għandu jiġi deċiż dwar kemm huma opportuni u rilevanti l-emendi li jistgħu jinħtieġu.

3.9

Il-Kumitat bi pjaċir jilqa’ t-tentattiv tal-Kummissjoni li tipproponi sensiela ta’ inizjattivi ġodda innovattivi u strumenti għall-appoġġ tal-aġenda l-ġdida għall-ħiliet u l-impjiegi. Madankollu, huwa tal-fehma li għandha tiġi analizzata l-koerenza reċiproka tal-istrumenti l-ġodda u eżistenti sabiex ikunu jistgħu jinħolqu s-sinerġiji meħtieġa fil-qafas tal-implimentazzjoni tagħhom. L-istrateġija tal-ħiliet il-ġodda għandha tqis ukoll it-transizzjoni lejn mudell ta’ produzzjoni bbażat fuq l-iżvilupp sostenibbli u l-isforzi biex l-impjiegi jsiru iktar ekoloġiċi.

3.10

Fir-reġjuni li m’għandhomx produzzjoni industrijali, l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) huma kruċjali biex jinħolqu l-opportunitajiet kemm issa kif ukoll fil-ġejjieni. Barra minn hekk, ħafna drabi dawn joffru impjiegi li jirrekjedu ħafna kwalifiki, li jkunu aċċessibbli faċilment u li jistgħu jiffaċilitaw il-ksib ta’ bilanċ bejn il-ħajja privata, ix-xogħol, u l-kura tal-membri oħra tal-familja. L-inizjattiva marbuta mal-SMEs (Small Business Act) għandha tissarraf f’azzjoni konkreta fil-livell nazzjonali u Ewropew. Għalhekk, il-miżuri definiti fl-aġenda mmirati biex jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs huma milqugħa. It-tneħħija tal-burokrazija żejda u l-aċċess għall-finanzjament għandhom jieħdu prijorità.

3.11

Fid-dawl tal-konklużjonijiet tat-tielet rapport Ewropew dwar id-demografija għall-2010 (7), li jippreżenta informazzjoni ġdida dwar il-popolazzjoni Ewropea, il-Kumitat japprova wkoll l-inizjattivi favur il-mobbiltà, il-migrazzjoni u l-integrazzjoni fl-Ewropa. Il-KESE jinsab konvint li ż-żamma tal-mobbiltà fl-UE u l-immigrazzjoni mill-pajjiżi terzi ser jgħinu lill-UE tikseb riżultat ekonomiku pożittiv. L-immigrazzjoni ekonomika lejn l-UE u s-semplifikazzjoni tal-mobbiltà bejn l-Istati Membri huma indispensabbli biex l-Unjoni tkompli tkun ċentru ta’ attrazzjoni għall-intrapriża u l-investiment, li jippermettilha toħloq impjiegi ġodda, kemm għaċ-ċittadini tal-UE kif ukoll għal dawk minn pajjiżi terzi. Fir-rigward ta’ dan kollu, għandu jiġi applikat il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament (8).

3.12

Il-politiki tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol fl-Ewropa għandhom ikomplu joħolqu miżuri konkreti sabiex jiġi implimentat il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u l-garanzija tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u bejn il-gruppi kollha ta’ ħaddiema. Għalhekk, il-Kumitat bi pjaċir jilqa’ wkoll l-istrateġiji li l-Kummissjoni ppubblikat fl-2010 favur, fost oħrajn, il-persuni b’diżabbiltà (9) u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa (10). Fost il-miri ta’ dawn iż-żewġ strateġiji nsibu l-ugwaljanza fl-aċċess għas-suq tax-xogħol, għall-edukazzjoni u għat-taħriġ professjonali.

3.13

Il-Kumitat iqis ukoll li l-azzjonijiet ewlenin u l-miżuri proposti fl-Att għal-Suq Uniku adottat għal xogħol, intraprenditorija u skambju aħjar huma pożittivi (11) u li jqisu r-rwol sinifikanti tal-ekonomija soċjali u tal-kooperattivi fis-suq intern tal-UE u l-importanza tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji. Huwa jqis ukoll li għandu jitqies ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzata, li jħaddmu n-nies u joħolqu l-impjiegi. Iżda l-parteċipazzjoni tagħhom fit-tħejjija tal-politiki hija kundizzjoni preliminarja biex jiġi sfruttat il-potenzjal tagħhom.

3.14

Il-Kumitat jinsab imħasseb sew dwar ir-rata għolja tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa. Mill-2008, din ir-rata telgħet għal 30 %. Il-medja Ewropea żdiedet għal 21 % fost iż-żgħażagħ taħt il-25 sena. U għalkemm minn Settembru 2010 ’l hawn is-sitwazzjoni tidher li stabilizzat f’xi pajjiżi filwaqt li f’oħrajn il-qgħad għadu qed jiżdied, iqis li għandha tkompli tingħata attenzjoni partikolari. Il-Kumitat esprima l-fehmiet tiegħu dwar l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea “Żgħażagħ attivi” f’opinjoni dwar dan is-suġġett (12).

3.15

Ir-rata tal-impjieg tal-persuni b’diżabbiltà fl-Ewropa għadha madwar 50 %. Jekk l-Ewropa verament tixtieq tiżgura t-trattament indaqs tal-Ewropej kollha filwaqt li tikseb l-għan komuni tagħha tar-rata tal-impjieg, il-persuni b’diżabbiltà jridu jiksbu impjiegi mħallsa u ta’ kwalità. L-Istrateġija Ewropea għall-2010-2020 favur il-persuni b’diżabbiltà tħaddan tmien oqsma ta’ azzjoni prinċipali fejn l-UE għandha timmonitorja l-attivitajiet tagħha, fosthom l-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ tan-nisa u l-irġiel b’diżabbiltà (13). Il-Kummissjoni tista’ tistudja l-mudelli li japplikaw għall-Istati Membri li jwasslu għall-appoġġ tal-inċentivi legali, politiċi, relatati man-negozjar kollettiv jew finanzjarji tal-intrapriżi, l-amministrazzjonijiet u l-provvedituri tas-servizzi soċjali biex jimpjegaw dawn il-persuni. Billi l-ICTs bħalissa jirrappreżentaw 6 % tal-PDG tal-UE, l-aġenda diġitali proposta mil-Kummissjoni għandha taffettwa lil kulħadd, b’mod speċjali f’termini ta’ pjani tat-taħriġ u l-inklużjoni ta’ gruppi soċjali li għalihom dawn it-teknoloġiji jirrappreżentaw katalista għall-impjieg.

4.   Il-flessigurtà u l-ħolqien tal-impjiegi

4.1

Din l-aġenda hija bbażata fuq il-prinċipju tal-flessigurtà. Il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa għal politiki komprensivi dwar it-taħriġ tul il-ħajja, politiki attivi tas-suq tax-xogħol li huma effikaċi fit-tħejjija tan-nies għall-impjiegi, fil-medjazzjoni tax-xogħol, u biex iżidu l-offerta tal-impjieg. Barra minn hekk, hemm bżonn sistemi ta’ benefiċċji tal-qgħad li jħeġġu l-mobbiltà tax-xogħol, jiżguraw iktar sigurtà soċjali u professjonali u jservu bħala ħarsien kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar. Il-possibbiltà tal-ħolqien ta’ arranġamenti kuntrattwali flessibbli u flessibbiltà interna għandhom ikunu elementi fundamentali tad-djalogu soċjali. Il-KESE jqis li huwa importanti li l-miżuri u l-politiki li jiġu adottati ma jxekklux l-isforzi biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti mill-Aġenda (livell massimu ta’ impjiegi, iż-żamma tal-kwalità tal-impjiegi, fost oħrajn) u li ma jheddux id-drittijiet tax-xogħol tal-ħaddiema.

4.2

Fil-passat, il-Kumitat diġà kien tal-fehma li hemm vantaġġi li s-sigurtà u l-flessibbiltà jitqiesu simultanjament fis-suq tax-xogħol, billi dawn il-kunċetti, fil-prinċipju, mhumiex opposti. Forza tax-xogħol stabbli u motivata ssaħħaħ il-kompetittività u l-produttività tal-intrapriżi. Il-ħaddiema jeħtieġu organizzazzjoni iktar flessibbli tax-xogħol sabiex ikunu jistgħu jiksbu bilanċ bejn il-ħajja professjonali tagħhom u l-ħajja privata u sabiex ikollhom l-aċċess għat-taħriġ kontinwu li jippermettilhom jieħdu sehem fiż-żieda tal-produttività u l-innovazzjoni. Madankollu, il-KESE jenfasizza li, fil-qafas tad-djalogu soċjali, għandha ssir analiżi bir-reqqa u b’mod regolari tal-implimentazzjoni tal-flessigurtà sabiex ikun possibbli li jiġi żgurat l-miżuri li ttieħdu jissodisfaw l-għan li jinħolqu iktar impjiegi aħjar.

4.3

Il-parti interna tal-flessigurtà uriet l-effikaċja tagħha matul il-kriżi, meta l-intrapriżi u t-trejdjunjins kienu taw soluzzjonijiet konkreti dwar kif għandu jinżamm l-impjieg, l-iktar permezz ta’ formuli għat-tnaqqis tal-perjodu tax-xogħol. Il-parti esterna tal-flessigurtà ssir importanti fiż-żmien meta l-ekonomija tkun qed tirkupra, tista’ tikkontribwixxi għaż-żieda fl-impjiegi sakemm titwettaq b’mod bilanċjat mal-flessibbiltà interna u, b’mod ġenerali, man-negozjar kollettiv u bi protezzjoni soċjali adegwata tal-ħaddiema. F’dan ir-rigward, kull Stat Membru għandu punt ta’ tluq differenti. Qabel kollox trid tinstab doża bbilanċjata ta’ miżuri. L-ipotesi fundamentali hawnhekk hija li dawn il-politiki jirriżultaw mid-djalogu soċjali. Fil-fehma tal-Kumitat l-applikazzjoni tal-flessigurtà interna u esterna għandha titqies b’mod iktar bilanċjat fir-rakkomandazzjonijiet annwali mill-Kummissjoni lill-Istati Membri.

4.4

Il-Kumitat iħabbar li d-diskussjoni dwar it-tisħiħ tal-erba’ elementi tal-flessigurtà ser tkompli għaddejja u ser twassal għal konferenza komuni tal-partijiet interessati kollha fl-2011. Il-Kumitat huwa tal-fehma li spinta ġdida favur il-flessigurtà għandha tirriżulta f’approċċ komuni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, li għandu jissejjes fuq prinċipji komuni u fuq tagħlimiet konkreti mil-livell nazzjonali dwar kif dan il-prinċipju jikkontribwixxi fil-prattika għall-ħolqien ta’ numru ikbar ta’ impjiegi ta’ kwalità aħjar u jiżgura protezzjoni biżżejjed tal-ħaddiema, l-iżjed għal dawk l-iktar vulnerabbli.

4.5

F’dan il-kuntest, il-Kumitat japprezza l-proġett komuni tal-imsieħba soċjali Ewropej fil-qafas tal-programm ta’ ħidma multianniwali tagħhom għall-2009-2011 (14) li jiffoka fuq il-mod kif kull Stat Membru jimplimenta fil-prattika l-prinċipju tal-flessigurtà u fuq ir-rwol li jaqdu l-imsieħba soċjali f’dan il-proċess.

4.6

It-tkabbir ekonomiku jibqa’ l-lieva prinċipali għall-ħolqien tal-impjiegi. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat huwa konxju li teżisti rabta mill-qrib bejn l-aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi u l-approċċ strateġiku ġdid tal-Unjoni fir-rigward tal-innovazzjonijiet, il-ħolqien ta’ żona Ewropea għar-riċerka u l-ħolqien ta’ bażi industrijali kreattiva, dan kollu bl-użu sħiħ tal-potenzjal tas-suq intern tal-UE.

4.7

Madankollu, il-Kummissjoni qed tipprevedi rkupru ekonomiku bil-mod, li jista’ jxekkel il-ħolqien tal-impjiegi. Jekk l-UE tixtieq tikseb l-għan tagħha ta’ rata ta’ impjieg ta’ 75 % u tevita tkabbir mingħajr ħolqien ta’ impjiegi, hija għandha tkun konxja li huwa indispensabbli li jiġu definiti u implimentati l-politiki konkreti li fil-qafas tad-djalogu soċjali jixprunaw ir-reklutaġġ, it-taħriġ professjonali kontinwu u arranġamenti flessibbli tax-xogħol u li jagħmlu l-kwalità tal-impjieg element ċentrali tal-flessigurtà.

4.8

Il-KESE huwa konxju li l-funzjonament tajjeb tas-suq tax-xogħol huwa fattur li jinfluwenza l-kompetittività fl-Ewropa. L-indikaturi li jkejlu l-progress li jkun inkiseb f’dan il-qasam għandhom jinkludu: ir-rata tal-qgħad għat-tul u tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u r-rata ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol.

4.9

Il-Kummissjoni pproponiet il-prinċipju ta’ kuntratt uniku , li l-effetti reali tiegħu bħalissa huma s-suġġett ta’ dibattitu mqanqal. Fl-opinjoni tiegħu dwar l-inizjattiva “Żgħażagħ attivi”, il-KESE jistqarr li l-prinċipju tal-kuntratt uniku fuq perjodu indefinit jista’ jservi bħala wieħed mill-modi intiżi biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi bejn il-persuni integrati fis-suq tax-xogħol u dawk li huma esklużi. Il-KESE jagħraf id-differenzi konsiderevoli li jeżistu bejn l-Istati Membri fl-aċċess għas-suq tax-xogħol. Ċerti sistemi, fost dawk l-iktar riġidi, iżommu l-persuni milli jkollhom aċċess għall-impjieg; oħrajn joffru iktar possibbiltajiet, fil-forma ta’ kuntratti fuq perjodu qasir, flessibbli żżejjed u li ma jagħtux id-dritt sħiħ għall-benefiċċji soċjali. Il-KESE huwa tal-fehma li għandu jiġi nnotat li l-miżuri għall-adozzjoni għandhom jimmiraw li jiżguraw lill-persuni kuntratti tax-xogħol stabbli li jfixklu d-diskriminazzjoni skont l-età, il-ġeneru jew ta’ kwalunkwe tip ieħor. Madankollu, il-miżuri adottati m’għandhomx iwasslu għal prekarjetà tal-impjiegi mifruxa jew għal iktar riġidità fil-mod kif il-kumpaniji jorganizzaw ix-xogħol. L-intrapriżi għandhom bżonn diversi tipi ta’ kuntratti tax-xogħol sabiex jadattaw il-forza tax-xogħol tagħhom, filwaqt li l-ħaddiema għandhom bżonn il-flessibbiltà biex jiksbu bilanċ bejn il-ħajja professjonali u l-ħajja privata tagħhom.

4.10

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li jiġu stabbiliti prinċipji gwida favur it-twaqqif ta’ kundizzjonijiet favur il-ħolqien tal-impjiegi, inklużi l-miżuri ta’ akkumpanjament tagħhom, bħal Erasmus għall-intraprendituri u t-tħejjija tal-għalliema fir-rigward ta’ kwistjonijiet marbuta mal-ispirtu tal-intraprenditorija. Madankollu, l-Istati Membri jridu jittraduċu dawn il-prinċipji gwida f’azzjonijiet konkreti bil-għan li jistimolaw ir-reklutaġġ tal-ħaddiema, l-iktar tal-ħaddiema bi ftit kwalifiki (15).

4.11

Il-KESE jappoġġja wkoll il-ħolqien ta’ Forum soċjali tripartitiku li ltaqa’ għall-ewwel darba fl-10 u l-11 ta’ Marzu 2011. Dan il-forum għandu jsir pjattaforma permanenti biex tiġi stabbilita relazzjoni ta’ fiduċja bejn l-imsieħba soċjali u l-persuni li jfasslu l-politiki.

4.12

Id-djalogu soċjali Ewropew u n-negozjar kollettiv fil-livell nazzjonali huma strumenti kruċjali biex jittejjeb il-funzjonament tas-swieq tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Fil-ftehim awtonomu komuni tagħhom dwar is-swieq tax-xogħol inklużivi (16) l-imsieħba soċjali Ewropej jirrakkomandaw li l-Istati Membri jfasslu u jimplimentaw politiki globali għall-promozzjoni tas-swieq tax-xogħol aċċessibbli għal kulħadd. Sakemm ikun possibbli, u b’kunsiderazzjoni tal-ispeċifiċitajiet nazzjonali, l-imsieħba soċjali għandhom ikunu involuti fil-livell adatt fil-miżuri relatati:

mal-firxa u l-kwalità tal-miżuri transitorji speċifiċi għall-persuni li jiffaċċjaw diffikultajiet fis-suq tax-xogħol;

mal-effikaċja tas-servizzi għall-impjieg u s-servizzi ta’ konsulenza dwar il-karriera;

mal-edukazzjoni u t-taħriġ;

mar-rilevanza tal-investiment fl-iżvilupp reġjonali;

mal-adegwatezza tal-aċċess għat-trasport / il-kura / id-djar / l-edukazzjoni;

mal-iffaċilitar tal-ħolqien u l-iżvilupp tal-intrapriżi sabiex jissaħħaħ kemm jista’ jkun il-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi fl-UE; barra minn hekk, l-intraprendituri għandhom ikunu jistgħu jinvestu f’kumpaniji li huma sostenibbli u li jtejbu l-ambjent;

mal-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet kif ukoll tas-sistemi fiskali u l-benefiċċji li jippermettu lill-persuni jidħlu, jibqgħu u jiżviluppaw fis-suq tax-xogħol.

5.   Nagħtu lill-individwi l-ħiliet neċessarji għat-twettiq ta’ impjieg

5.1

Il-Kumitat bi pjaċir jinnota li l-kwistjonijiet tal-edukazzjoni u r-realtà tas-suq tax-xogħol qed jiġu trattati flimkien fil-qafas tal-istess dokument ta’ strateġija.

5.2

Permezz tal-ħafna opinjonijiet tiegħu, il-KESE kkontribwixxa għar-rikonoxximent tal-edukazzjoni bħala dritt fundamentali tal-bniedem. Ġie rikonoxxut li l-għan ewlieni tal-edukazzjoni għadu u jibqa’ li jitrabbew ċittadini ħielsa u indipendenti bi spirtu ta’ kritika li jkunu jistgħu jieħdu sehem fl-iżvilupp tas-soċjetà.

5.3

Fuq il-bażi tal-kunċett tal-edukazzjoni għall-inklużjoni, il-KESE, f’għadd ta’ opinjonijiet (17), jirrakkomanda wkoll li l-UE u l-Istati Membri jirrevedu l-politiki edukattivi, il-kontenut, il-prijoritajiet u l-istrutturi tal-edukazzjoni, u l-allokazzjoni tar-riżorsi, u jirrevedu u/jew jaġġornaw ukoll il-politiki tal-impjieg, tal-offerta ta’ servizzi pubbliċi ta’ kwalità u li jagħtu attenzjoni lill-gruppi speċifiċi (it-tfal, il-persuni bi bżonnijiet speċjali, l-immigranti, eċċ.) u li dawn il-politiki kollha jinkludu perspettiva ta’ ġeneru.

5.4

M’hemm l-ebda dubju dwar ir-rabta bejn il-kwalifiki għoljin tal-forza tax-xogħol u livell ogħla ta’ impjieg. Is-Cedefop jipprevedi li t-talba għall-persuni b’ħafna kwalifiki ser tiżdied b’iktar minn 16-il miljun filwaqt li d-domanda għall-ħaddiema bi ftit kwalifiki ser tonqos bi 12-il miljun. Għad li l-Kummissjoni tagħraf l-importanza tal-aġġornament u t-titjib tal-ħiliet, il-Kumitat jiddispjaċih li ma tenfasizzax biżżejjed ir-rabta bejn il-ħiliet u l-produttività. Hija ħaġa indispensabbli li tiżdied il-produttività fl-Ewropa mhux tal-inqas minħabba t-tnaqqis tal-ħaddiema. Il-Kumitat huwa tal-fehma wkoll li l-Kummissjoni ma tipproponi l-ebda miżura biex jiżdiedu l-ħiliet tal-ħaddiema li għandhom ftit kwalifiki jew li m’għandhom l-ebda kwalifika, u lanqas m’hija tfittex soluzzjonijiet għat-tul sabiex tappoġġja l-parteċipazzjoni tal-persuni li jeħtieġu approċċi mmirati sabiex jiżviluppaw il-ħiliet u jsibu impjieg (pereżempju persuni b’diżabbiltajiet intellettwali).

5.5

Il-Kumitat bi pjaċir jilqa’ l-perspettiva Ewropea għall-ħiliet, iżda jqis li din l-aġenda għandha tisħaq iktar fuq il-kwistjoni tat-tqabbil aħjar tal-ħiliet għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol u fuq il-kwalifiki professjonali għall-ħaddiema sabiex ikunu iktar kapaċi jaħdmu. Il-Kummissjoni m’għandhiex tqis biss l-istrutturi formali ta’ valutazzjoni tal-ħiliet. Il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, l-intrapriża u t-trejdjunjins hija mod tajjeb biex jiġu previsti l-bżonnijiet attwali u futuri tal-ħiliet.

5.6

Fl-opinjoni tiegħu fuq inizjattiva proprja “Żgħażagħ attivi”, il-Kumitat appoġġja l-ħolqien ta’ passaport Ewropew tal-ħiliet. Huwa jqis li “l-passaporti eżistenti (Europass u l-passaport taż-żgħażagħ) għandhom jingħaqdu fi strument globali uniku li jkopri, f’formola waħda, CV tradizzjonali, edukazzjoni formali (Europass) u edukazzjoni mhux formali u informali.(…) Is-suċċess tal-Passaport Ewropew tal-Ħiliet ser jiddependi, fost affarijiet oħrajn, mill-mod kif jiġi kkunsidrat minn min iħaddem u kif jintuża miż-żgħażagħ, li għalihom jeħtieġ li jibqgħu disponibbli miżuri ta’ konsultazzjoni u ta’ appoġġ.

5.7

Il-Kumitat iqis li t-tfassil ta’ strateġiji globali tal-edukazzjoni u ta’ taħriġ tul il-ħajja huwa kruċjali u għalhekk japprova t-tħejjija ta’ gwida strateġika Ewropea, li tiddefinixxi qafas għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja, u r-riformulazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għall-edukazzjoni u t-taħriġ tal-adulti.

5.8

Il-Kumitat jappoġġja wkoll l-inizjattivi l-oħra li qed jitħejjew, bħat-tlestija tal-klassifika Ewropea għall-kompetenzi, il-ħiliet u l-impjiegi (ESCO), bħala l-interface komuni bejn id-dinja tax-xogħol u d-dinja tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u r-riforma tas-sistemi tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali. Għal dan il-għan, hemm bżonn li b’mod partikolari jiġu studjati l-mudelli edukattivi fl-Ewropa, li jiġu analizzati s-sistemi edukattivi, li jiġu vvalutati mill-ġdid il-metodi pedagoġiċi u tat-tagħlim u li jsir investiment qawwi f’edukazzjoni ta’ kwalità aċċessibbli għal kulħadd. Is-sistemi edukattivi għandhom ikunu kapaċi jħejju lill-individwi jirreaġixxu għall-isfidi attwali tas-suq tax-xogħol. Huwa tal-ikbar importanza li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib mal-intrapriżi. Il-klassifika tal-ESCO għandha tinfiehem iktar u tkun faċli biex tintuża, l-iktar mill-SMEs. L-inventorju previst jista’ jservi bħala fattur restrittiv għall-flessibbiltà meta jkun hemm taħlita ta’ ħiliet meħtieġa biex jitwettqu kompiti li dejjem jiġġeddu jew jinbidlu u li l-intrapriżi ż-żgħar ikollhom iwettqu b’għadd ta’ ħaddiema limitat.

5.9

Sabiex jiġi żgurat tqabbil aħjar tal-ħiliet mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, il-Kumitat jenfasizza r-rwol strateġiku li jistgħu jaqdu l-kunsilli settorjali għall-impjieg u l-ħiliet fil-livell tal-UE (CSE). Dawn il-kunsilli jikkostitwixxu pjattaforma eċċezzjonali biex jixxandru l-esperjenzi konkreti tad-diversi atturi soċjali li jikkostitwixxu dawn il-kunsilli, bħal pereżempju dwar l-analiżi tal-impjiegi u l-kompetenzi tal-futur u l-inventorju tagħhom (ESCO) jew l-analiżi tal-bidliet li jsiru lil ċerti ħiliet professjonali meħtieġa għal impjiegi speċifiċi (18).

5.10

Il-Kumitat bi pjaċir jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tistudja s-sitwazzjoni tal-kategoriji professjonali mobbli ħafna, b’mod partikolari r-riċerkaturi, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-mobbiltà ġeografika u intersettorjali sabiex sal-2014 tinkiseb żona Ewropea tar-riċerka.

5.11

Bi pjaċir jinnota wkoll li l-Kummissjoni qed tagħmel sforz sistematiku biex tirreaġixxi għall-iżviluppi demografiċi u n-nuqqas ta’ ċerti kwalifiki fis-swieq tax-xogħol Ewropej billi tappoġġja l-migrazzjoni ekonomika legali fil-qafas tal-programm ta’ Stokkolma. Sabiex jiżdied kemm jista’ jkun il-kontribut potenzjali tal-migrazzjoni għal-livell massimu tal-impjiegi, l-immigranti li diġà huma residenti fl-Unjoni Ewropea għandhom jiġu integrati aħjar, l-iktar billi jitneħħew l-ostakli għall-impjieg, bħad-diskriminazzjoni jew in-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki, li jesponu lill-migranti għall-qgħad u l-esklużjoni soċjali. Il-programm ġdid għall-integrazzjoni li ġie mħabbar, mingħajr dubju huwa pass fid-direzzjoni t-tajba.

5.12

Il-Kumitat mill-ġdid jenfasizza li għandhom jiġu validati r-riżultati tat-tagħlim mhux formali, bħalma semma fl-opinjoni tiegħu hawn fuq imsemmija dwar l-inizjattiva “Żgħażagħ attivi”. Id-dibattitu dwar il-mezzi ta’ validazzjoni għandu jiffoka wkoll fuq il-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ provdut, is-superviżjoni u s-segwitu tiegħu. Kulħadd għandu jkun jista’ jibbenefika mill-miżuri għall-iżvilupp tal-esperjenza mhux formali.

6.   Intejbu l-kwalità tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol

6.1

F’din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tistabbilixxi l-livell massimu tal-impjieg bħala objettiv. Madankollu, għandu jinfiehem li dan ifisser it-titjib tal-kwalità tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

6.2

Il-konklużjonijiet tal-ħames stħarriġ tal-Eurofound (19) dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol jindikaw li l-iżvilupp ta’ impjieg u xogħol ta’ kwalità huwa kruċjali biex jitwettqu l-għanijiet Ewropej (tal-Istrateġija Ewropa 2020). Dan l-istħarriġ jiddeskrivi wkoll xi tendenzi attwali tas-suq tax-xogħol Ewropew. Fost l-aspetti pożittivi nsibu li s-sigħat normali tal-xogħol (40 siegħa) għadhom l-istandard għall-maġġoranza tal-ħaddiema Ewropew, u li s-sehem ta’ ħaddiema b’kuntratt indefinit kien qed jiżdied sal-2007, meta feġġet il-kriżi globali. Madankollu, dan ir-rapport juri wkoll li minn dak iż-żmien ’l hawn in-nuqqas ta’ stabbiltà u l-intensità tax-xogħol żdiedu u li għadd kbir ta’ Ewropej għandhom il-biża’ li jitilfu xogħlhom qabel ma jagħlqu s-60 sena.

6.3

L-impatt tal-kriżi ekonomika dinjija fuq is-suq tax-xogħol x’aktarx ser jinħass għat-tul. Għalhekk, il-Kumitat jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tikkunsidra l-konklużjonijiet tal-ħames stħarriġ tal-Eurofound dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa hi u tikkunsidra li tiftaħ mill-ġdid id-dibattitu dwar il-kwalità tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol (dwar ir-riżultati pożittivi, il-problemi persistenti u dawk ikkawżati mill-kriżi).

6.4

Għandha tingħata prijorità lill-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-impenn li jirriformaw is-suq tax-xogħol tagħhom sabiex jappoġġjaw it-tkabbir u biex jinstab bilanċ bejn l-offerta u d-domanda.

6.5

Minn dan il-lat, il-proposta tal-Kummissjoni li tanalizza l-effikaċja tal-leġislazzjoni tal-UE f’dan il-qasam soċjali qabel kollox għandha l-għan li tappoġġja l-implimentazzjoni tar-riformi mill-Istati Membri li huma konsistenti mal-prijorità biex jinħolqu impjiegi ta’ kwalità.

6.6

Fir-rigward tad-direttiva dwar l-issekondar ta’ ħaddiema, il-KESE japprova l-impenn tal-Kummissjoni biex tappoġġja implimentazzjoni unita u korretta, sabiex issaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri, biex toħloq sistema ta’ informazzjoni elettronika u biex tirrispetta l-istandards tal-Istati Membri fil-qasam tax-xogħol, filwaqt li tirrispetta l-liġi tax-xogħol nazzjonali u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

6.7

Tul l-aħħar 20 sena, l-intensità tax-xogħol żdiedet b’mod konsiderevoli. Mill-istudji tal-Aġenzija Ewropea għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, li saru fil-qafas tal-istrateġija Komunitarja għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, ġibdu l-attenzjoni għar-riskji attwali u futuri, bħall-istress, il-problemi muskuloskeletiċi, il-vjolenza u l-harassment fuq il-post tax-xogħol. Fir-rigward tar-reviżjoni tal-leġislazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-Kumitat huwa tal-fehma li din għandha tkun is-suġġett ta’ djalogu u ftehimiet mal-imsieħba soċjali. L-ewwel nett għandha tiġi enfasizzata l-implimentazzjoni konsegwenti tal-istrumenti eżistenti, is-sensibilizzazzjoni u l-assistenza għall-ħaddiema u l-intrapriżi.

6.8

Fir-rigward tal-attivitajiet li tnedew fil-qasam tal-infurmar u l-konsultazzjoni, il-KESE jappoġġja l-konsultazzjoni prevista tal-imsieħba soċjali Ewropej fil-kuntest tal-ħolqien ta’ qafas Ewropew għar-ristrutturar. Fil-qafas ta’ dan id-djalogu, ser ikun possibbli li jiġi determinat jekk id-direttivi eżistenti jistabbilixxux qafas adegwat għal djalogu kostruttiv bejn il-management, it-trejdjunjins u r-rappreżentanti tal-persunal fil-livell tal-intrapriża.

6.9

Fir-rigward tad-direttivi dwar ix-xogħol part-time u l-kuntratti definiti li jwasslu għall-ftehimiet komuni tal-imsieħba soċjali Ewropej u li s’issa kienu strument effettiv għat-tisħiħ tal-flessibbiltà interna, il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tiċċekkja jekk l-imsieħba soċjali jaħsbux li hemm bżonn li jiġu riveduti.

7.   L-istrumenti finanzjarji tal-UE

7.1

Matul perjodu ta’ konsolidazzjoni baġitarja, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jiffokaw fuq użu aħjar tar-riżorsi finanzjarji tal-UE u fl-istess ħin, fl-istess ħin jiffavorixxu l-ħolqien tal-impjiegi u ż-żieda fil-kwalifiki professjonali. M’hemm l-ebda dubju li l-politika ta’ koeżjoni tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-ħiliet u l-ħolqien tal-impjiegi, inkluż fis-settur li qed jikber tal-ekonomija ekoloġika. Jista’ jsir ħafna iżjed biex jiġu sfruttati għalkollox il-possibbiltajiet offruti mill-istrumenti li jappoġġjaw ir-riformi fl-oqsma tal-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ,

7.2

Għalhekk, il-Kumitat jappoġġja lill-Kummissjoni meta tistieden lill-Istati Membri jiffokaw l-interventi tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-fondi l-oħra fuq l-erba’ prijoritajiet imħabbra minn din il-komunikazzjoni, kif ukoll fuq il-miżuri u r-riformi li jistgħu jirriżultaw, sabiex jikkontribwixxu wkoll għall-ksib tal-għanijiet tal-aġenda u l-għanijiet nazzjonali tal-Istrateġija Ewropa 2020.

7.3

F’dan ir-rigward, il-FSE jaqdi rwol kruċjali, billi ser jikkostitwixxi element pożittiv fl-oqsma kollha segwiti. Il-FSE jista’ jikkontribwixxi għall-appoġġ ta’ kull wieħed mill-elementi tal-flessigurtà, għall-previżjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet, għall-iżvilupp ta’ tipi innovattivi ta’ organizzazzjoni tax-xogħol, inklużi s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, għall-iżvilupp tal-intraprenditorija u biex jitħeġġeġ il-ħolqien tal-intrapriżi jew anke biex jiġu appoġġjati l-ħaddiema b’diżabbiltà u ċerti gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol jew gruppi fir-riskju tal-esklużjoni soċjali.

7.4

Il-KESE fassal bosta rakkomandazzjonijiet fil-qafas tal-opinjoni tiegħu dwar il-futur tal-FSE (20). Fost affarijiet oħra, f’din l-opinjoni l-KESE jistqarr li “Għandhom jinsiltu tagħlimiet mill-użu tal-FSE sabiex jiġi appoġġjat kemm l-irkupru kif ukoll it-tkabbir ekonomiku tal-Unjoni Ewropea u dan permezz tat-titjib fl-appoġġ tal-SMEs, tal-intrapriżi żgħar ħafna (VSEs) u tal-atturi tal-ekonomija soċjali b’konformità mal-għanijiet tal-FSE kif ukoll permezz tat-titjib soċjali kemm f’termini taż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi ta’ kwalità kif ukoll l-inklużjoni soċjali permezz tax-xogħol”.

7.5

Fir-rigward tal-baġit futur tal-UE, il-Kumitat iżid jgħid fl-istess opinjoni li: “Konsegwentement, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika attwali, il-FSE għandu jibqa’ strument strateġiku u finanzjarju importanti u għandu jiġi allokat iktar riżorsi skont l-isfidi li żdiedu u li ser ikollu jiffaċċja (rati ta’ qgħad għola), li għandhom jirriflettu ruħhom f’żieda fil-baġit ġenerali tal-UE b’minn tal-anqas 5,9 % b’konformità maż-żieda globali proposta mill-Kummissjoni Ewropea fil-baġit tal-UE għall-2011”.

7.6

Il-Kumitat jagħraf il-benefiċċji u r-riżultati li nkisbu s’issa fil-qafas tal-programm PROGRESS tal-Unjoni favur l-impjieg u s-solidarjetà soċjali, li ġie implimentat mill-qafas strateġiku 2007-2013. Fl-istess ħin, bi pjaċir jinnota li, fil-qafas tal-analiżi mill-ġdid tal-istrumenti finanzjarji tagħha, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika li tħaddan ukoll l-istruttura, il-valur miżjud, l-azzjonijiet, il-baġit u l-implimentazzjoni tal-istrument il-ġdid li ser isegwi l-programm PROGRESS u li ser jippermetti li jiġu ffaċċjati l-isfidi l-ġodda li ser tiltaqa’ magħhom l-Unjoni fil-qasam soċjali u l-qasam tal-impjieg.

Brussell, 13 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 128/74, 18.05.2010.

(2)  Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 u s-6 ta’ Diċembru 2007“Lejn prinċipji komuni ta’ flessigurtà” (dok. 1620/07).

(3)  Rapport konġunt dwar l-impjiegi, COM(2011) 11 finali, Brussell, Jannar 2011, http://ec.europa.eu/europe2020/pdf/3_mt_annexe_part1.pdf

(4)  Ir-rata tal-qgħad armonizzata tal-OECD, stqarrija għall-istampa tal-10 ta’ Mejju 2011, www.ocde.org (http://www.oecd.org/dataoecd/8/43/47811673.pdf).

(5)  Stħarriġ annwali dwar it-tkabbir, COM(2011) 11 finali, Brussell, 12.01.2011.

(6)  www.ilo.org: Djalogu dwar it-tkabbir u l-impjieg fl-Ewropa, 1-3 ta’ Marzu 2011, fi Vjenna.

(7)  Dokument ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni - Rapport dwar id-demografija għall-2010 http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/population/documents/Tab/report.pdf (disponibbli bl-Ingliż).

(8)  ĠU C 27/114, 3.02.2009 u CESE 801/2011, 4.05.2011.

(9)  COM(2010) 636 finali: “Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020: Impenn mill-Ġdid għal Ewropa mingħajr Ostakoli”, 15.11.2010.

(10)  COM(2010) 491 finali: Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010 -2015.

(11)  COM(2010) 608 finali, Lejn Att dwar is-Suq Uniku, Ottubru 2010.

(12)  ĠU C 132/55, 3.05.2011.

(13)  Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020: Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli COM(2010) 636 finali.

(14)  Studju konġunt tal-imsieħba soċjali Ewropej dwar “L-implimentazzjoni tal-flessigurtà u r-rwol tal-imsieħba soċjali”, imwettaq fil-kuntest tal-programm ta’ ħidma tad-djalogu soċjali tal-UE għall-perjodu 2009-2011.

(15)  Skont l-istħarriġ attwali tal-OECD, it-tnaqqis tal-kontribut tal-intrapriżi ser iwassal għal żieda ta’ 0,6 % fl-impjieg.

(16)  Ftehim awtonomu komuni dwar is-swieq tax-xogħol inklużivi (2010) negozjat fil-qafas tal-programm tax-xogħol komuni għall-perjodu 2009-2011.

(17)  ĠU C 18/18, 19.01.2011.

(18)  ĠU C 132/26, 3.05.2011, ĠU C 347/1, 18.12.2010 u ĠU C 128/74, 18.05.2010.

(19)  Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, il-ħames stħarriġ: www.eurofound.europa.eu.

(20)  ĠU C 132/8, 3.05.2011.