25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/81


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tad-Danubju”

COM(2010) 715 finali

2011/C 248/14

Korelatur: is-Sur BARÁTH

Korelatur: is-Sur MANOLIU

Nhar it-8 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tad-Danubju

COM(2010) 715 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta’ Mejju 2011.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011 (seduta tas-16 ta’ Ġunju 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'150 vot favur, 3 voti kontra u 20 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja b'mod ċar u deċiż il-viżjoni ġdida tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-politika makroreġjonali u, f'dan il-kuntest, it-twaqqif ta’ Strateġija Ewropea għad-Danubju. Il-KESE, bħala r-rappreżentant istituzzjonali tas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea, huwa ħerqan biex jaqdi rwol determinanti fit-tfassil u t-twettiq ta’ din l-Istrateġija, b'mod partikolari permezz tal-Forum għas-soċjetà ċivili previst fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ din l-Istrateġija.

1.2

L-interess tal-KESE fil-kwistjonijiet relatati mar-Reġjun tad-Danubju u l-impenn tiegħu favur dawn il-kwistjonijiet ma bdewx ilbieraħ. Fil-fatt, matul dawn l-aħħar snin, adotta bosta dokumenti li jittrattaw oqsma differenti, speċjalment it-trasport jew il-protezzjoni tal-ambjent. Fost l-oħrajn, nistgħu nsemmu l-opinjoni ECO/277 li turi b'mod ċar ir-raġunijiet għaliex il-KESE jqis li huwa importanti li tiġi definita Strateġija għar-Reġjun tad-Danubju.

1.3

Il-KESE iqis li, fil-kuntest tat-tfassil tal-Istrateġija għad-Danubju, jeħtieġ li jitqiesu r-rwol tax-xmara fit-tiswir ta’ kuxjenza u identità komuni għar-Reġjun tad-Danubju, li fihom id-djalogu interkulturali u s-solidarjetà jokkupaw post ċentrali. Dan huwa kontribut reġjonali għat-tiswir ta’ kuxjenza Ewropea komuni.

1.4

Il-KESE jittama li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu jirriflettu b'mod adegwat l-impenn tal-Kumitat u tas-soċjetà ċivili organizzata favur l-Istrateġija, kif ukoll l-appoġġ sod li jagħtuha. Il-KESE jistenna li, bis-saħħa tal-implimentazzjoni tagħha u tal-Pjan ta’ Azzjoni u bl-għajnuna tas-sistema ta’ governanza fis-seħħ, din l-Istrateġija tkun kapaċi tikkontribwixxi tassew għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol taċ-ċittadini kollha tar-Reġjun tad-Danubju, li huwa jqis bħala l-mera tal-Ewropa, kif ukoll għat-tnaqqis tad-diskrepanza li teżisti bejn dan ir-reġjun u l-aktar reġjuni żviluppati tal-Unjoni. Il-Kumitat jistenna wkoll li l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tikkunsidra l-esiġenzi tal-protezzjoni tal-ambjent, tiżgura l-preservazzjoni tar-riżorsi tal-ilma u ssaħħaħ il-protezzjoni tal-wirt kulturali tar-Reġjun.

1.5

Ta' min jinnota li, bl-aħħar tkabbiriet tal-Unjoni Ewropea, iċ-ċentru ġeografiku tagħha ċċaqlaq b'mod ċar lejn il-Lvant, filwaqt li ċ-ċentru tal-gravità ekonomika tagħha baqa' bħal qabel fl-Ewropa tal-Punent. Il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, li hija element determinanti tal-Istrateġija għad-Danubju u l-Pjan ta’ Azzjoni, kif ukoll l-ideat fil-livell prattiku li jinsabu wara t-twettiq tagħhom, jiffurmaw kontribut adegwat għat-tneħħija ta’ dan l-iżbilanċ. Il-KESE jqis li l-approċċ makroreġjonali l-ġdid ser ikun jista' jservi ta’ mudell għal bosta reġjuni oħra tal-UE.

1.6

Il-KESE huwa tal-fehma li l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni huma ta’ natura miftuħa u jilqgħu lil kulħadd, huma sensittivi għall-aspetti soċjali, ekonomiċi u ambjentali u jirriflettu tajjeb ir-rakkomandazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. L-Istrateġija tkun effikaċi bil-kundizzjoni li, flok approċċ settorjali, tippreferi b'mod sistematiku approċċ integrat u sostenibbli. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istrateġija tikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat trattament ta’ privileġġ għall-aktar gruppi soċjali żvantaġġati u li tintegra l-istrumenti tal-ġlieda kontra l-faqar.

1.7

Il-KESE iqis li l-Istrateġija tirrifletti l-politika l-ġdida tal-UE fil-livell makroreġjonali li qed titfassal bħalissa u, għaldaqstant, tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni tal-attività tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni li diġà jeżistu fir-reġjun f'livelli differenti u f'diversi oqsma, kif ukoll għat-titjib tal-effikaċja tagħhom u t-tneħħija tal-isforzi doppji. Madankollu, jeħtieġ li tissaħħaħ il-koerenza mal-orjentazzjonijiet il-ġodda tal-politika ta’ koeżjoni.

1.8

Għall-KESE, is-sistema ta’ governanza tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija għandha tkun ċara, sempliċi u trasparenti, u għandha tagħmilha possibbli li jinkiseb suċċess fit-triq li twassal lejn l-ilħiq tal-objettivi. Il-KESE beħsiebu jippromovi l-użu eżawrjenti tal-possibbiltajiet li joffri t-Trattat ta’ Lisbona, billi japplika b'mod sistematiku l-prinċipju tad-demokrazija parteċipattiva u billi jikkontribwixxi b'mod effettiv għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni. Kundizzjoni importanti biex jinkiseb suċċess huwa li kull wieħed mill-atturi jiġi assoċjat u involut b'mod attiv permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija, li tingħata attenzjoni għall-flessibbiltà u li ssir reviżjoni perjodika. F'dan il-kuntest, il-KESE jinsab sodisfatt bil-ħolqien ta’ Forum tas-Soċjetà Civili dwar id-Danubju, forum li għalih il-Pjan ta’ Azzjoni jipprevedi rwol ewlieni għall-Kumitat u l-kontropartijiet nazzjonali tiegħu.

1.9

Il-KESE huwa tal-fehma li l-Istrateġija, bħala politika ta’ żvilupp makroreġjonali, ser tikkontribwixxi fil-livell ta’ kontenut għat-tisħiħ tal-proċess tal-integrazzjoni Ewropea, b'mod partikolari fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 (għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv) u għat-tqarrib tas-sitt pajjiżi terzi tar-reġjun lejn l-Unjoni Ewropea billi tgħinhom fl-aspirazzjonijiet tagħhom għall-integrazzjoni.

1.10

Il-Kummissjoni qed tfassal din l-Istrateġija minħabba li r-reġjun mhu ser jibbenefika mill-ebda trattament speċjali, anke jekk dan jista' jfisser progress fil-politika makroreġjonali tal-UE. Għaldaqstant, minkejja l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin, l-Istrateġija m'għandhiex tkun dik tar-rifjut triplu:

1)

l-Istrateġija ma tipprevedi l-ebda għajnuna Ewropea ġdida. Jistgħu jiġu mobilizzati aktar fondi mir-reġjun fil-livell internazzjonali, nazzjonali u reġjonali jew fil-livell tas-settur privat, iżda jeħtieġ li jiġi promoss użu aħjar tal-fondi eżistenti;

2)

il-KESE jqis il-koordinazzjoni tar-riżorsi finanzjarji bil-ħsieb tal-objettivi stabbiliti bħala titjib li, bis-saħħa ta’ reviżjoni kontinwa, ser jippermetti li jinkisbu possibbiltajiet ġodda ta’ finanzjament. Huwa jirrakkomanda li jitwaqqaf fond speċifiku;

3)

l-Istrateġija ma teħtieġ l-ebda bidla fil-leġislazzjoni tal-Unjoni, peress li din toħloq il-leġislazzjoni tagħha għas-27 Stat Membru u mhux għal makroreġjun biss; madankollu, il-KESE, bħalma diġà enfasizza fl-opinjoni tiegħu dwar l-Istrateġija għall-Baħar Baltiku (1), jirrakkomanda t-tisħiħ tar-riżorsi tas-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat li l-Istrateġija tiġi akkumpanjata b'mod adatt;

4)

il-KESE jqis li, jekk ikun hemm bżonn, jistgħu jsiru modifiki min-naħa tal-partijiet interessati fil-kooperazzjoni territorjali msaħħa fil-livell reġjonali u nazzjonali jew f'livelli oħrajn, sabiex jiġu kkunsidrati ċerti objettivi speċifiċi;

5)

l-Istrateġija ma toħloqx strutturi oħra li huma fundamentalment differenti minn dawk magħrufin fil-prattika attwali tal-UE. L-Istrateġija hija implimentata minn strutturi ġodda ta’ koordinazzjoni għar-reġjun u minn entitajiet eżistenti, li għandhom jottimizzaw il-komplementarità tagħhom;

6)

fil-fehma tal-KESE, għandhom jitnaqqsu kemm jista' jkun l-obbligi amministrattivi; jeħtieġ li jinħoloq grupp ta’ riċerkaturi sabiex il-kwistjonijiet relatati mal-Istratreġija għad-Danubju jiġu analizzati u eżaminati b'mod xjentifiku. Ser ikollha titwaqqaf sistema ta’ għotjiet ta’ flus bħala kontribut għall-ħidma ta’ dan il-grupp.

2.   L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju: kummenti ġenerali

2.1

Il-KESE jinnota li r-Reġjun tad-Danubju nbidel b'mod konsiderevoli u li l-baċir tax-xmara llum il-ġurnata sar, fil-biċċa l-kbira, żona tal-Unjoni Ewropea. Jeżistu perspettivi ġodda biex tingħata tweġiba għall-isfidi u biex isir l-aħjar użu mill-potenzjal tar-reġjun. L-iżvilupp soċjoekonomiku, il-kompetittività, il-ġestjoni tal-ambjent kif ukoll it-tkabbir b'konsum baxx tal-enerġija jistgħu jissaħħu u s-sigurtà u l-kurituri tat-trasport jistgħu jiġu mmodernizzati.

2.2

L-Istrateġija (2), permezz tal-ħolqien ta’ qafas ta’ kooperazjoni fuq perjodu twil dwar firxa wiesgħa ta’ aspetti, għandha l-għan li tiżviluppa l-kultura soċjali u l-potenzjal ekonomiku immens tar-reġjun u li ttejjeb il-kundizzjonijiet ambjentali tiegħu.

2.3

Il-KESE jqis li l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju għandha l-vokazzjoni li taqdi rwol ewlieni fit-titjib tat-trasport sostenibbli, l-interkonnessjoni tas-sistemi tal-enerġija, il-protezzjoni tal-ambjent, il-preservazzjoni tar-riżorsi tal-ilma u l-ħolqien ta’ dinamika ġdida għan-negozju. Il-KESE jaqbel ukoll li din l-Istrateġija ser iġġib magħha valur miżjud ġdid billi tissorvelja l-koerenza bejn oqsma differenti ta’ politika u koordinazzjoni msaħħa bejn l-Istati li jieħdu sehem u billi tiddefinixxi approċċ integrat lejn l-iżvilupp sostenibbli.

2.4

Ir-Reġjun tad-Danubju huwa spazju storiku, soċjali, ekonomiku u funzjonali, delimitat mill-baċir tax-xmara tiegħu. L-Istrateġija twessa' dan l-approċċ sabiex il-prijoritajiet jiġu analizzati b'mod integrat. F'dan il-kuntest, jeħtieġ li tiġi stabbilita rabta bejn l-abitanti tar-reġjun, il-fehmiet tagħhom u l-bżonnijiet tagħhom. Sal-2020, iċ-ċittadini kollha tar-Reġjun għandhom igawdu minn prospetti aħjar għall-edukazzjoni għolja, l-impjieg u l-prosperità fiż-żona tad-dar tagħhom stess. Billi tqiegħed it-tkabbir sostenibbli fil-qalba tal-prijoritajiet tagħha, l-Istrateġija għar-Reġjun tad-Danubju ser tkun tista' tikkontribwixxi fil-wisgħa għat-twettiq tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020.

2.5

Il-KESE jittama li, fil-kuntest tal-eżerċizzju li għaddej bħalissa, fin-nuqqas ta’ finanzjament ġdid għal-implimentazzjoni tal-Istrateġija, armonizzazzjoni akbar tal-programmi adottati mill-Istati tar-Reġjun tad-Danubju ser tikkontribwixxi sabiex l-EUR 100 biljun allokati għar-Reġjun ikollhom impatt akbar. Għal dan il-għan, huwa importanti li jiġu definiti sinerġiji u kompromessi, bħal pereżempju l-iżvilupp ta’ teknoloġija ekoloġika avvanzata u kooperazzjoni bil-ħsieb ta’ armonizzazzjoni aħjar bejn il-miżuri u l-finanzjament tagħhom sabiex jiżdiedu l-konsegwenzi fuq il-post u t-tneħħija tal-frammentazzjoni.

2.6

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li, fid-dawl tal-possibbiltajiet ekonomiċi attwali, jintgħażel numru limitat ta’ proġetti b'rieda ta’ razzjonalizzazzjoni u li titwettaq analiżi tal-effikaċja. Hemm bżonn li jittieħdu miżuri konkreti u li jinħolqu garanziji adegwati bejn il-partijiet ikkonċernati sabiex isaħħu l-kooperazzjoni ekonomika u finanzjarja.

2.7

Il-KESE ma jeskludix il-possibbiltà li fil-livell politiku l-Istrateġija għad-Danubju li qed tiġi kkunsidrata jkollha tiġi implimentata fil-forma ta’ proċess li waqt l-applikazzjoni tiegħu jeħtieġ ċerta flessibbiltà kif ukoll reviżjoni regolari u, jekk ikun hemm bżonn, l-allokazzjoni ta’ aktar riżorsi finanzjarji u mhux.

2.8

Fil-fehma tal-KESE, il-koerenza fir-rigward tal-leġislazzjoni u l-azzjonijiet tal-Unjoni tinsab fil-qalba tal-Istrateġija. Jeħtieġ li b'mod kontinwu jsiru sforzi biex jingħelbu d-diskrepanzi fl-implimentazzjoni u biex jingħelbu d-diffikultajiet prattiċi u organizzattivi li jikkawżaw riżultati li mhumiex tajbin biżżejjed. Id-dimensjoni territorjali msaħħa ser tikkontribwixxi għall-kooperazzjoni kkoordinata, għall-emerġenza ta’ prinċipji ta’ organizzazzjoni tal-koordinazzjoni fir-regolamenti tal-Unjoni u t-tqegħid fil-prattika tal-obbligi legali tal-Unjoni, speċjalment fir-rigward tas-suq uniku u l-ambjent. Dan jista' jkun l-ewwel pass għall-ħolqien ta’ “kooperazzjoni msaħħa”.

2.9

Il-KESE huwa favur li l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju ssir parti mill-Istrateġija Ewropa 2020, li hija l-impenn ewlieni tal-Unjoni favur tkabbir innovattiv, sostenibbli u inklużiv. Dan jista' joħloq preċedent għal strateġiji reġjonali oħrajn.

2.10

Il-KESE jaqbel li l-kooperazzjoni reġjonali fir-Reġjun tad-Danubju tikkontribwixxi għat-twettiq tal-ħames objettivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020, jiġifieri l-promozzjoni tal-impjieg, it-titjib tal-kundizzjonijiet li jiffavorixxu l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp u b'mod partikolari t-tixrid tat-teknoloġiji emerġenti, it-twettiq tal-objettivi relatati mat-tibdil fil-klima u mal-enerġija, it-titjib fil-livell ta’ edukazzjoni u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali speċjalment permezz tat-tnaqqis tal-faqar u ta’ soluzzjoni għall-isfida tat-tixjiħ.

3.   L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju: messaġġi, sfidi u problemi

3.1

Fl-Ewropa Ċentrali, it-tibdil drammatiku li seħħ fl-1989 ġab miegħu proċess ta’ trasformazzjoni fundamentali tas-soċjetà. Din is-sitwazzjoni titlob attenzjoni, peress li r-Reġjun tad-Danubju jinkludi Stati Membri li ssieħbu fl-Unjoni f'mumenti differenti, kif ukoll pajjiżi kandidati u pajjiżi terzi. Il-KESE josserva li l-biċċa l-kbira ta’ dawn il-pajjiżi qed jiffaċċjaw problemi simili iżda m'għandhomx l-istess riżorsi. L-iskambju ta’ prattika amministrattiva tajba huwa importanti biex jiġu żgruati s-sigurtà u s-sikurezza tar-reġjun, u biex tissaħħaħ l-integrazzjoni tiegħu fl-Unjoni.

3.2

Il-KESE joqgħod attent ħafna għad-diskrepanzi estremi li jikkaratterizzaw ir-Reġjun tad-Danubju fil-livell ekonomiku, soċjali u territorjali. Jeżistu differenzi notevoli bejn l-aktar reġjuni kompetittivi u l-aktar reġjuni foqra, il-popolazzjonijiet l-aktar ikkwalifikati u dawk li għandhom l-aktar livell baxx ta’ edukazzjoni, l-ogħla standards ta’ għajxien u dawk li huma l-aktar baxxi.

3.3

Il-komunitajiet emarġinati (b'mod partikolari r-Roma, li fil-biċċa l-kbira jgħixu fir-Reġjun) għandhom jibbenefikaw b'mod speċjali mill-possibbiltajiet li toffri l-Istrateġija Ewropa 2020. Id-diskrepanzi edukattivi u professjonali jistgħu jingħelbu. Ir-Reġjun tad-Danubju jista' jsir żona akatr sikura u anqas perikoluża, fejn il-kwistjonijiet ta’ kunflitti, marġinalizzazzjoni u kriminalità jiġu ttrattati b'mod adegwat. Jeħtieġ li tiġi stabbilita rabta bejn l-abitanti tar-reġjun, il-fehmiet tagħhom u l-bżonnijiet tagħhom. Fl-opinjoni tiegħu dwar “L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju” (3), il-KESE diġà rrakkomanda li jinħoloq “Forum tan-Negozju għad-Danubju (Danube Business Forum)”, li jinkludi l-parteċipanti soċjali u ekonomiċi u li jista' jsir strument importanti għall-kooperazzjoni u għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tar-Reġjun tad-Danubju.

3.4

Il-messaġġi ewlenin li twassal il-proposta għal Strateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju huma dawn li ġejjin:

1)

l-Istrateġija hija inizjattiva ta’ benefiċċju maħsuba biex issaħħaħ l-integrazzjoni tar-Reġjun fl-UE;

2)

l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi (inklużi l-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali) jikkommettu lilhom infushom fl-ogħla livell politiku;

3)

il-Kummissjoni għandha rwol essenzjali x'taqdi biex tiffaċilita l-proċess;

4)

ir-riżorsi eżistenti jistgħu jintużaw ħafna aħjar biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija;

5)

l-Istrateġija trid twassal għal titjib viżibbli u konkret għar-Reġjun u għan-nies tiegħu.

3.5

Il-KESE jaqbel li l-Istrateġija għar-Reġjun tad-Danubju għandha tagħti prijorità biex tindirizza l-isfidi kbar li ġejjin:

—   Il-mobbiltà: ix-Xmara Danubju stess hija kuritur TEN-T importanti, iżda madankollu hija użata ħafna anqas mill-kapaċità sħiħa tagħha. Għandu jkompli jiġi eżaminat kif il-punti ta’ konġestjoni magħrufa, fiżiċi u organizzattivi relatati mad-Danubju (inkluż it-Trattat ta’ Belgrad), jistgħu jitneħħew u f'dan ir-rigward għandhom jiġu kkunsidrati d-deċiżjonijiet nazzjonali u l-esiġenzi tal-protezzjoni tal-ambjent u tan-natura. Hemm bżonn ukoll ta’ intermodalità akbar u li tiġi modernizzata u estiża l-infrastruttura fil-punti ta’ trasport bħalma huma l-portijiet interni. Skont il-KESE, huwa ta’ importanza mill-akbar li l-kundizzjonijiet tal-mobbiltà tal-ħaddiema jittejbu u li jiġi ggarantit il-moviment ħieles tas-servizzi.

—   L-enerġija: il-prezzijiet huma relattivament għoljin fir-Reġjun u s-swieq frammentati qed iwasslu għal spejjeż ogħla u anqas kompetizzjoni. Il-livell tas-sigurtà tal-enerġija tar-Reġjun huwa baxx. Huwa importanti ħafna li tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, b'mod partikolari billi l-enerġija tiġi ffrankata u billi jintużaw aktar sorsi ta’ enerġija rinnovabli. L-Istati li jieħdu sehem fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija għandhom jaqdu rwol ta’ tmexxija fit-tfassil tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, billi jiggarantixxu s-sigurtà tal-enerġija.

—   L-ambjent: fil-livell internazzjonali, ir-Reġjun tad-Danubju huwa baċir idroloġiku u kuritur ekoloġiku importanti, u dan jirrikjedi approċċ reġjonali u globali għall-konservazzjoni tan-natura, il-ġestjoni tat-territorju u tal-ilma. Jeħtieġ li wieħed joqgħod attent għall-esiġenzi soċjali kif ukoll li jiġi eżaminat l-impatt fuq l-ambjent tan-netwerks tat-trasport, il-kumplessi turistiċi u faċilitajiet ġodda għal-produzzjoni tal-enerġija. Jeħtieġ ukoll li jitqies il-Programm Natura 2000. L-isport akkwatiku u t-turiżmu akkwatiku sostenibbli, kif ukoll l-edukazzjoni dwar ir-rispett tal-ilma u n-natura huma elementi importanti li għandhom jitqiesu waqt it-tfassil tal-kurituri ekoloġiċi. Ir-riskji huma kbar: f'kuntest fejn l-għargħar, il-perjodi ta’ nixfa u l-każijiet ta’ tniġġis industrijali fuq skala żgħira jew kbira huma frekwenti, il-prevenzjoni, il-preparazzjoni u l-kapaċità ta’ reazzjoni effettiva bilfors jirrikjedu grad għoli ta’ kooperazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni.

—   Kunsiderazzonijiet soċjoekonomiċi: ir-Reġjun tad-Danubju huwa kkaratterizzat minn diversità kulturali u lingwistika kbira iżda wkoll minn diskrepanzi soċjoekonomiċi kbar ħafna. Fi ħdanu jinsabu wħud mill-aktar reġjuni ta’ suċċess fl-Unjoni iżda wkoll uħud mill-aktar reġjuni foqra. Ħafna drabi hemm nuqqas ta’ kuntatti u ta’ kooperazzjoni effikaċi, kemm min-naħa finanzjarja kif ukoll minn dik istituzzjonali. Il-proporzjon ta’ nies bi kwalifiki għolja fir-Reġjun huwa anqas mill-medja tal-UE27. Il-mobbiltà hija għolja u l-aqwa ħaddiema ta’ spiss jitilqu mir-reġjun u jfittxu kundizzjonijiet soċjoeonomiċi aktar favorevoli.

—   Is-sigurtà, il-kriminalità serja u l-kriminalità organizzata: hemm problemi kbar u persistenti f'dan il-qasam. It-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu huma problemi speċifiċi f'bosta pajjiżi. Il-korruzzjoni tħassar il-fiduċja pubblika u xxekkel l-iżvilupp ekonomiku u soċjali.

3.6

Il-KESE huwa wkoll tal-fehma li r-Reġjun tad-Danubju għandu perspettivi straordinarji quddiemu, kemm fil-qasam tar-relazzjonijiet kummerċjali, tal-kapaċità tal-iżvilupp tas-sistema tat-tagħlim li hija msejsa fuq infrastrutturi muniċipali sodi u li ser twieġeb għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol fil-ġejjieni, kif ukoll tal-użu ta’ dan il-potenzjal enormi li ġej mir-rikkezzi kulturali, etniċi u soċjali tar-Reġjun. L-ebda xmara oħra m'għandha l-istess numru ta’ bliet kapitali meraviljużi fuq xtutha. Ir-Reġjun għandu vantaġġi eċċezzjonali fil-qasam tat-turiżmu kif ukoll rigward l-użu tas-sorsi rinnovabbli tal-enerġija. Il-wirt ambjentali rikk tar-Reġjun tad-Danubju jitlob li l-kriterju tas-sostenibbiltà jingħata prijorità f'kull proġett ta’ żvilupp.

3.7

Il-ħidma fuq l-innovazzjoni, it-turiżmu, is-soċjetà tal-informazzjoni, il-kapaċitajiet istituzzjonali u l-komunitajiet emarġinati tista' twassal għal riżultati tajbin kemm-il darba ssir b'mod konġunt. Il-KESE jinsab konvint li, biex isir titjib effikaċi, irid ikun hemm komunikazzjoni u trasparenza, kif ukoll ippjanar, finanzjament u implimentazzjoni li jsiru b'mod ikkoordinat.

3.8

In-nuqqasijiet tas-suq, li għandhom oriġini esterna, huma ċari ħafna u jidhru fin-nuqqas ta’ investiment transkonfinali. Jeħtieġ li jitfasslu proġetti kbar u li dawn jiġu implimentati b'mod sostenibbli u effikaċi, u li l-ispejjeż u l-benefiċċji tagħhom jinqasmu.

3.9

Huwa essenzjali li fir-Reġjun tad-Danubju jkun hemm netwerks adatti, interni u konnessi ma’ reġjuni oħra tal-Ewropa jew tad-dinja. L-ebda żona m'għandha titħalla fil-ġenb. It-titjib tar-rotot bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-UE u tal-aċċess tal-pajjiżi mingħajr kosta għall-baċir tal-Mediterran ser isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi. Il-KESE jtenni l-appelli li għamel aktar kmieni f'dan ir-rigward permezz tal-Kumitati Konsultattivi Konġunti mar-Rumanija (2002, 2005) u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (2010). L-infrastruttura tal-enerġija u tat-trasport għadha tbati minn bosta nuqqasijet u difetti, minħabba nuqqasijiet fil-livell tal-kapaċitajiet u tal-kwalità u minħabba manteniment li mhuwiex sodisfaċenti. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex, bl-għajnuna tal-proposti tas-soċjetà ċivili, ifasslu soluzzjonijiet għal dawn in-nuqqasijet u difetti. L-irbit bejn in-nies għandu jissaħħaħ ukoll, b'mod partikolari bis-saħħa tal-kultura u tat-turiżmu.

3.10

Ir-riżorsi ambjentali huma wirt komuni li jmur lil hinn mill-fruntieri u mill-interessi nazzjonali tal-pajjiżi tar-Reġjun. L-attività tal-bniedem qed tagħmel pressjoni dejjem akbar fuq dawn ir-riżorsi. Huwa fundamentali li jkun hemm kooperazzjoni, għax mingħajrha n-negliġenza ta’ xi wħud malajr tħassar ir-riżultati tajbin tal-oħrajn. Għalhekk, l-istrutturi eżistenti għall-kooperazzjoni għandhom jissaħħu.

3.11

L-Istrateġija (4) tipproponi Pjan ta’ Azzjoni  (5) li l-pajjiżi u l-partijiet ikkonċernati għandhom jieħdu impenn sod lejh. Fl-Istrateġija, l-enfasi qiegħda fuq approċċ integrat imsejjes fuq l-ispazju u fuq rabtiet adatti bejn iż-żoni urbani u dawk rurali. Aċċess ugwali għall-infrastruttura u għas-servizzi kif ukoll kundizzjonijiet tal-għajxien paragunabbli ser jagħtu spinta lill-koeżjoni territorjali, li hija objettiv ċar tal-Unjoni.

3.12

Fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni, fi sħubija mal-Istati Membri, ir-reġjuni u l-partijiet l-oħra kkonċernati, żammet il-proġetti (6) li joffru minnufih vantaġġi konkreti għall-abitanti tar-Reġjun u li għandhom impatt fuq il-Makroreġjun (jew parti kbira minnu).

3.13

Il-KESE jqis li għaldaqstant il-proġetti għandhom jippromovu l-iżvilupp sostenibbli u jkopru bosta reġjuni jew pajjiżi, jassoċjaw il-koerenza u s-sinerġiji, sabiex jinstabu soluzzjonijiet fejn il-partijiet interessati joħorġu lkoll rebbieħa, u jkunu realistiċi (proposti teknikament fattibbli u bbażati fuq finanzjament plawżibbli).

3.14

Il-KESE jaqbel li l-kwistjonijiet il-kbar jinqasmu f'erba' pilastri, li jiġbru flimkien kull wieħed mill-oqsma ta’ prijorità u oqsma differenti ta’ azzjoni, jiġifieri:

1)

Il-ħolqien ta’ rabtiet fir-Reġjun tad-Danubju, permezz tat-titjib tal-mobbiltà u l-multimodalità, il-passaġġi fuq l-ilma interni, u l-kollegamenti tat-toroq, tal-ferroviji u tal-ajru, sabiex titħeġġeġ aktar enerġija sostenibbli u ssir promozzjoni tal-kultura u tat-turiżmu kif ukoll tal-kuntatti bejn il-persuni;

2)

Il-protezzjoni tal-ambjent fir-Reġjun, billi tiġi restawrata u tinżamm il-kwalità tal-ilmijiet, filwaqt li jiġu amministrati r-riskji ambjentali u li jiġu ppreservati l-bijodiversità, il-pajsaġġi u l-kwalità tal-arja u tal-ħamrija;

3)

L-ixprunar tal-prosperità fir-reġjun, billi s-soċjetà tal-għarfien tiġi żviluppata permezz tar-riċerka, l-edukazzjoni u t-teknoloġija tal-informazzjoni u billi l-kompetittività tal-intrapriżi tiġi appoġġjata, b'mod partikolari permezz tat-tfassil ta’ raggruppamenti u l-investiment fir-riżorsi umani u l-kompetenzi;

4)

It-tisħiħ tar-Reġjun tad-Danubju, billi jiżdiedu l-kapaċitajiet istituzzjonali u l-kooperazzjoni, filwaqt li ssir ħidma f'daqqa għall-promozzjoni tas-sigurtà u s-soluzzjoni tal-problemi li jġibu magħhom il-kriminalità serja u l-kriminalità organizzata.

3.15

Fil-fehma tal-KESE, ir-Reġjun tad-Danubju, li qed jiżviluppa u jistagħna, għandu l-ewwel u qabel kollox jimmira lejn l-iżvilupp ikkoordinat tar-rotot tat-trasport mit-Tramuntana lejn in-Nofsinhar u tal-infrastruttura insuffiċjenti tal-enerġija kif ukoll tan-netwerks interkonnessi, filwaqt li juża l-interessi makroreġjonali bħala ġustifikazzjoni. Madankollu, il-KESE jirrakkomanda li jiġi stabbilit pjan ta’ salvagwardja għall-baċiri idrografiċi u t-tributarji tad-Danubju fil-każ li x-xmara tiġi żviluppata mqar bħala rotta tat-trasport. L-Istrateġija tipproponi wkoll li jinħoloq netwerk bejn l-SMEs tal-pajjiżi parteċipanti tar-Reġjun tad-Danubju u tistabbilixxi l-objettiv li, fuq il-bażi ta’ ekonomija ekoloġika, tan-netwerks ta’ riċerkaturi u tat-taħriġ, inkluż it-taħriġ vokazzjonali, jitneħħew l-ostakli għall-kooperazzjoni.

4.   Il-kwistjonijiet relatati mal-finanzjament, il-leġislazzjoni tal-UE u l-istrutturi istituzzjonali tal-Unjoni

4.1

L-Istrateġija għandha l-għan li tagħmel l-aħjar użu mir-riżorsi disponibbli, permezz ta’ sforzi koerenti, speċjalment fir-rigward tal-oqsma ta’ azzjoni u l-finanzjament. L-azzjonijiet huma komplementari. Il-partijiet ikkonċernati kollha għandhom jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom. Dimensjoni territorjali msaħħa ser tagħmilha possibbli li jiġi adottat approċċ integrat, ser tippromovi aktar il-koordinazzjoni tal-politiki settorjali u ser tikkontribwixxi għall-ħolqien u l-iżvilupp ta’ Ragruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT) fil-livell makroreġjonali.

4.2

Il-KESE jqis li l-grupp ta’ ħidma ta’ livell għoli li ser jinħoloq biex jiddefinixxi r-regolamentazzjoni u jidentifika l-kwistjonijiet ewlenin jista', flimkien mal-koordinaturi responsabbli għat-temi differenti, iħaddan din il-forma ta’ kooperazzjoni istituzzjonalizzata fil-livell makroreġjonali, li aktarx tiġi appoġġjata wkoll mill-bidliet leġislattivi li jafu jseħħu fir-Reġjun.

4.3

Jekk ikun hemm bżonn u b'konformità mal-oqfsa ġenerali, l-implimentazzjoni tal-istrateġija hija bbażata fuq il-mobilizzazzjoni tal-fondi eżistenti u t-tlaqqigħ tagħhom mal-objettivi. Diġà saru disponibbli ammonti kbar fil-qafas ta’ bosta programmi tal-Unjoni (pereżempju EUR 100 biljun mill-Fondi Strutturali 2007-2013, kif ukoll fondi kbar permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) u tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI)).

4.4

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għal-fatt li l-allokazzjoni mill-ġdid tal-fondi għandha ssir biss fuq il-bażi ta’ analiżi tal-effikaċja li turi li r-riżorsi li jkunu se jitneħħew minn oqsma oħra jkunu tassew ta’ benefiċċju għas-soċjetà kollha kemm hi.

4.5

Il-KESE jqis li għandha tingħata l-attenzjoni meħtieġa għall-mezzi ta’ finanzjament li jassoċjaw is-sussidji u s-self. Jistgħu wkoll jiġu mobilizzati riżorsi nazzjonali, reġjonali u lokali. Fil-fatt, huwa importanti li jkun hemm aċċess għal fondi ta’ sorsi differenti, speċjalment li jkunu ġejjin minn sorsi pubbliċi u privati li ma joperawx fil-livell tal-Unjoni. Barra li wieħed għandu jqis li jkun hemm użu aktar effikaċi tar-riżorsi, ta’ min jagħti attenzjoni għat-tqassim tar-riskju fil-qasam tal-finanzjament.

4.6

Il-KESE jqis li l-koordinazzjoni tal-oqsma ta’ azzjoni hija kompitu tal-Kummissjoni u li l-Istati Membri, wara li jikkonsultaw lill-Kummissjoni kif ukoll lill-aġenziji u l-korpi reġjonali kkonċernati, għandhom jingħataw il-kariga li jikkoordinaw kull qasam ta’ prijorità.

4.7

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tiddependi minn kulħadd, fil-livell nazzjonali, reġjonali, muniċipali u lokali. L-azzjonijiet (li jiddefinixxu l-objettivi li jridu jintlaħqu) għandhom jieħdu l-forma ta’ proġetti konkreti (dettaljati, ġestiti minn direttur ta’ proġett u attrezzati bi skeda u b'finanzjament).

4.8

Il-KESE jittama li l-Istrateġija tipprovdi qafas sostenibbli għall-integrazzjoni strateġika u l-iżvilupp koerenti tar-Reġjun tad-Danubju, billi tistabbilixxi l-prijoritajiet tal-azzjonijiet maħsuba biex jibdlu r-Reġjun tad-Danubju f'reġjun tal-Unjoni li jħares lejn is-seklu XXI. Għandha tkun akkumpanjata minn sforzi kbar u minn numru biżżejjed ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ pubbliċità sabiex l-objettivi tagħha jinxterdu fil-wisgħa u jiġu implimentati fil-prattika.

Brussell, 16 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 339/07, 14.12.2010, p. 29.

(2)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju (SEC(2010) 1489 finali), (SEC(2010) 1490 finali), (SEC(2010) 1491 finali).

(3)  ĠU C 48/02, 15.02.2011, p.2.

(4)  L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tad-Danubju hija ppreżentata f'żewġ dokumenti: (1) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u (2) il-Pjan ta’ Azzjoni li jakmpanja u jikkompleta din il-Komunikazzjoni.

(5)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju (COM(2010) 715 finali) (SEC(2010) 1489 finali), (SEC(2010) 1490 finali), (SEC(2010) 1491 finali).

(6)  Il-promozzjoni tal-idea ta’ forum ċivili tad-Danubju, li jkun pilastru tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-Istrateġija.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emenda li ġejja ġiet irrifjutata fis-sessjoni plenarja għalkemm irċiviet mill-inqas kwart tal-voti mixħuta:

Punt 3.8 —   Emenda mressqa mis-Sur Ribbe

Ibdel il-punt 3.8 kif ġej:

In-nuqqasijiet tas-suq, li għandhom oriġini esterna, huma ċari ħafna u jidhru fin-nuqqas ta’ investiment transkonfinali.

Raġuni

1.)

“Large projects” are no doubt also urgently needed in the Danube region, but it is not clear what is meant by large projects. Since such a large - indeed mega - project is specifically mentioned in point 3.9, the EESC should be wary of creating the impression that it believes major projects like that described drive development. Small and medium-sized projects are far more suited to generating new jobs while being compatible with sustainability and environment goals. Thus in Bulgaria, where restrictions have been introduced on extending renewable energy owing to inadequate energy networks, investment in implementing new energy concepts would be helpful. But this is probably not what is meant here.

2.)

It is not clear what the co-rapporteurs mean by sharing costs and benefits: who is to pay for large projects, and who is to share out the profits and how?

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

:

68

Kontra

:

71

Astensjonijiet

:

26