23.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/46


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro”

COM(2010) 524 finali – 2010/0278 (COD)

2011/C 218/08

Relatur: is-Sur FARRUGIA

Nhar is-6 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda, b'konformità mal-Artikoli 136 u 121 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro

COM(2010) 524 finali – 2010/0278 (COD)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ April 2011.

Matul l-471 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Mejju 2011 (seduta tal-5 ta’ Mejju 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'139 vot favur, 10 voti kontra u 33 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jirrikonoxxi li hemm bżonn ta’ riformi għall-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) sabiex jiġu indirizzati l-problemi ta’ wara l-kriżi tal-2008, kif ukoll il-problemi li kien ilhom jeżistu u kienu ovvji anke qabel il-kriżi. Barra minn hekk, il-KESE jinnota li l-PST ma kellux suċċess fil-prevenzjoni u l-limitazzjoni tal-iżbilanċi fiskali li joriġinaw minn sorsi oħra fosthom l-iżbilanċi makroekonomiċi u l-insuffiċjenzi fil-prattiki u r-regolamenti bankiera u finanzjarji.

1.2   Filwaqt li jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja bħala pass wieħed fid-direzzjoni tar-riforma li hi ferm meħtieġa, il-KESE jesprimi l-bżonn ta’ reviżjoni adegwata fil-partijiet preventivi u korrettivi ta’ din il-proposta.

1.3   Il-KESE jemmen li r-regoli fiskali għandhom iqisu serjament:

il-kwistjoni tal-kwalità tal-attivitajiet fiskali, f'termini ta’ titjib fil-kontribuzzjoni tal-mekkaniżmi tad-dħul u tan-nefqa għall-aspett tal-provvista tal-ekonomija;

li s-sostenibbiltà tal-pożizzjonijiet finanzjarji fiskali tiġi assigurata l-aħjar b'enfasi aktar qawwija fuq l-approċċi preventivi milli dawk korrettivi, u;

li l-mekkaniżmi li huma bbażati fuq l-inċentivi għandhom possibbiltà akbar ta’ suċċess minn dawk li huma bbażati biss fuq miżuri punittivi,

Din il-perspettiva ma tnaqqasx mill-importanza tal-aspett korrettiv li huwa essenzjali biex jippromovi d-dixxiplina fiskali.

1.3.1   Approċċ ta’ dan it-tip jidher li huwa konformi mal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv.

1.4   Rigward il-parti preventiva, u b'koerenza mal-miri identifikati fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, qed jiġi propost li l-iffissar ta’ miri numeriċi għall-prestazzjoni fiskali, ikun ibbażat fuq sistema b'żewġ fronti b'elementi minn fuq għal isfel u oħrajn minn isfel għal fuq. L-element minn fuq għal isfel ikun iffukat fuq l-iffissar ta’ mira li tiddetermina l-isforz ta’ konsolidazzjoni meħtieġ għaż-żona kollha tal-euro filwaqt li l-aproċċ minn isfel għal fuq jissarraf fit-tqassim ta’ dan l-isforz f'azzjonijiet li jridu jsiru mill-Istati Membri individwali. Dan isaħħaħ l-isforzi tal-Kummissjoni, permezz ta’ approċċ formali, biex iċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull pajjiż ikunu aktar fil-mira waqt l-implimentazzjoni tal-PST.

1.5   Fi ħdan dan l-approċċ, l-effetti pożittivi fuq il-kredibbiltà mistennija mill-eżistenza tal-unjoni monetarja jistgħu jirrikjedu li l-Istati Membri jintalbu li jagħmlu sforzi ta’ konsolidazzjoni fiskali li jkunu konsistenti mad-daqs relattiv tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jagħmlu dawn l-isforzi.

1.6   Il-KESE jkompli billi jissuġġerixxi li l-impożizzjoni ta’ depożiti li jħallu interessi, depożiti li ma jħallux interessi u multi issir b'mod li dawn jiġu ffinanzjati b'mod dirett, l-ewwel u qabel kollox, mill-korrezzjoni tal-aspetti tal-politika li jkunu qed jikkawżaw pożizzjoni fiskali li mhijiex sostenibbli. Din tiġi stabbilita permezz ta’ valutazzjoni tad-devjazzjonijiet fl-aspetti tad-dħul u tan-nefqa mit-triq tal-konverġenza kif stabbilita mill-parti preventiva. Barra minn hekk, il-valur tagħhom jiġi kkalkolat skont id-daqs tal-aspetti tan-nefqa u/jew tad-dħul li jistgħu jiġu identifikati li qed iwasslu b'mod dirett għan-nuqqas ta’ sostenibbiltà tal-politika fiskali. Dan l-aproċċ jiżgura titjib fil-kwalità tal-politika fiskali.

1.7   Qed jiġi suġġerit ukoll li l-penali li jiġu imposti mill-parti korrettiva jkunu akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt rigoruża biex josservaw l-effett ta’ titjib fil-kwalità tal-politika fiskali.

1.8   Biex jintlaħaq bilanċ bejn l-approċċ tal-inċentivi u dak punittiv fil-parti korrettiva, il-KESE jipproponi li l-imgħax fuq id-depożiti li ma jħallux interessi jkun jista' jinkiseb mill-Istat Membru kkonċernat darba jinkiseb tnaqqis fid-dejn pubbliku li huwa tal-anqas daqs l-imgħax u li huwa probabbli li jibqa' jinżamm fil-futur. Mill-banda l-oħra, il-multi jiġu diretti lejn il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà.

1.9   Il-KESE jemmen li r-riforma adegwata tas-sorveljanza baġitarja ser isservi ta’ bażi għat-tisħiħ tal-governanza u r-restawr tal-kredibbiltà fiż-żona tal-euro.

2.   Infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro

2.1   Il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali tal-2008 wasslet għal żjieda qawwija fid-defiċit fiskali u d-dejn. Dawn komplew kabbru preokkupazzjoni aktar fit-tul dwar is-sostenibbiltà fiskali. Il-prestazzjon fiskali varja tal-Istati Membri, bil-possibbilta reali ta’ nuqqas ta’ ħlas tad-dejn f'xi każijiet, flimkien man-nuqqas ta’ koordinazzjoni fiskali u ta’ mekkaniżmi ta’ kumpens hija sfida kbira oħra. Dan it-tħassib jiżdiedu miegħu l-insuffiċjenzi fis-sistemi finanzjarji u bankarji u fl-infrastrutturi regolatorji, kif ukoll il-possibbiltà marbuta magħhom ta’ nuqqas ta’ ħlas.

2.2   Il-PST, bħala qafas msejjes fuq ir-regoli għall-koordinazzjoni tal-politiki fiskali nazzjonali fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, ġie mwaqqaf b'mod speċifiku biex jiżgura d-dixxiplina fiskali, iżda l-esperjenza reċenti ħarġet fid-deher in-nuqqasijiet u d-dgħjufijiet tas-sistema li għad fadal u li jistgħu jipperikolaw b'mod serju l-instabbiltà tal-euro. Dan wassal għal dibattitu dwar l-importanza tal-governanza ekonomika (1) li fih il-Kummissjoni ppreżentat pakkett leġislattiv ta’ sitt komunikati f'Settembru 2009. Il-Pakkett huwa magħmul minn:

It-tisħiħ tal-PST bi tfassil ta’ politiki fiskali prudenti (2)

Prevenzjoni u korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (3)

Twaqqif ta’ oqfsa fiskali nazzjonali ta’ kwalità (4) u

Infurzar aktar b'saħħtu (5)

2.3   L-opinjoni jiffoka b'mod speċifiku fuq l-infurzar f'termini tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro (6) Qed tinġibed l-attenzjoni wkoll għall-fatt li l-KESE bħalissa qed ifassal opinjoni dwar COM(2010) 527 finali (7)

3.   Kuntest

3.1   L-istrument ewlieni għall-koordinazzjoni u s-sorveljanza taż-żona tal-euro huwa l-PST, li jimplimenta d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar id-dixxiplina baġitarja. F'Ġunju 2010, il-Kunsill Ewropew qabel dwar il-bżonn urġenti biex isaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u b'hekk qabel li:

(i)

it-tisħiħ kemm tal-partijiet preventivi kif ukoll dawk korrettivi tal-PST, inklużi s-sanzjonijiet filwaqt li titqies is-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri taż-żona tal-euro;

(ii)

l-għoti ta’ rwol iktar prominenti, fis-sorveljanza baġitarja, lil-livelli u l-evoluzzjonijiet tad-dejn u s-sostenibbiltà kumplessiva;

(iii)

l-iżgurar li l-Istati Membri kollha għandhom regoli baġitarji nazzjonali u oqfsa baġitarji għat-terminu medju b'konformità mal-PST;

(iv)

l-iżgurar tal-kwalità tad-data statistika.

3.2   Rigward l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro, il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill qed tfittex li tkompli temenda r-Regolament Nru 1466/97 u KE Nru 1467/97 li stabbilew il-bażi għall-PST (8). B'mod partikolari, ir-regolament propost jimmira li jagħti sostanza lill-parti preventiva u jsaħħaħ il-partijiet korrettivi tal-PST.

3.2.1   Fir-rigward tal-parti preventiva, ir-regolament propost jindika li l-għanijiet għall-medda medja taż-żmien (MTOs), indikati fil-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza u r-rekwiżit ta’ 0,5 % fil-konverġenza annwali tal-PDG ser jinżammu, iżda ser isiru operattivi permezz tad-dispożizzjoni ta’ prinċipju ġdid ta’ tfassil ta’ politika fiskali prudenti. Skont il-proposta, dan il-prinċipju jindika li t-tkabbir annwali fin-nefqa m'għandux jaqbeż rata prudenti tat-tkabbir fil-PDG fuq medda medja taż-żmien, sakemm l-eċċess ma jitpattiex b'żidiet fid-dħul tal-gvern jew it-tnaqqis diskrezzjonarju fid-dħul ma jiġix kkumpensat minn tnaqqis fl-infiq. Fil-każ ta’ devjazzjonijiet minn tfassil prudenti tal-politika fiskali, toħroġ rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni bl-appoġġ ta’ mekkaniżmu ta’ infurzar skont l-Artikolu 136 tat-Trattat, fil-forma ta’ impożizzjoni ta’ depożitu li jħalli l-interessi, li jammonta għal 0,2 % tal-PDG.

3.2.2   Il-parti korrettiva hija marbuta mal-obbligi li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jevitaw defiċits u dejn eċċessivi, b'limitu ta’ 3 % tal-PDG għad-defiċit u 60 % tal-PDG għad-dejn, li fihom, tnaqqis suffiċjenti lejn il-kriterju tad-dejn huwa meqjus aċċettabbli wkoll.

3.2.2.1   Il-proposta tal-Kummissjoni tagħraf li l-enfasi fuq il-bilanċ tal-baġit annwali tista' tirriżulta f'attenzjoni żejda għal kunsiderazzjonijiet immedjati, u li d-dejn għandu jingħata importanza akbar bħala indikatur ta’ sostenibbiltà fiskali aktar fit-tul.

3.2.2.2   Fil-parti korrettiva, ir-regolament propost jiddikjara li l-infurzar jissaħħaħ bl-introduzzjoni ta’ sett ġdid ta’ sanzjonijiet finanzjarji għall-Istati Membri taż-żona tal-euro, li japplikaw aktar kmieni fil-proċess u skont approċċ gradwat. Depożitu li ma jħallix interessi li jammonta għal 0,2 % tal-PDG ikun japplika fuq deċiżjoni li pajjiż jitqiegħed f'defiċit eċċessiv. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, id-depożitu jiġi konvertit f'multa.

3.2.3   Il-Kummissjoni qed tipproponi li l-aspetti operattivi tal-infurzar għall-parti preventiva u dik korrettiva jsiru permezz ta’ proċedura ta’ votazzjoni bil-kontra fejn issir rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill biex b'hekk l-Istat Membru jiġi obbligat li jagħmel id-depożitu. Din ir-rakkomandazzjoni tibqa' sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix bil-kontra b'maġġoranza kwalifikata fi żmien għaxart ijiem mill-preżentazzjoni tar-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni.

3.2.4   Il-proposta ta’ regolament tal-Kummissjoni tgħid li l-Kunsill jista' jnaqqas l-ammont tad-depożitu unanimament jew fuq il-bażi ta’ proposta speċifika mill-Kummissjoni minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali jew talba motivata mill-Istat Membru. Fil-każ tal-parti preventiva, ladarba l-Kunsill ikun sodisfatt li l-Istat Membru jkun indirizza s-sitwazzjoni, id-depożitu jiġi ritornat bl-interess miġbur lill-Istat Membru kkonċernat. Fir-rigward tal-parti korrettiva, il-proposta ta’ regolament tal-Kummissjoni tgħid li d-depożitu li ma jħallix interessi għandu jiġi rilaxxat wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv filwaqt li l-interessi fuq dawn id-depożiti u l-multi miġbura għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri taż-żona tal-euro li ma għandhomx defiċit eċċessiv u li lanqas m'huma suġġetti għal proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv.

3.2.5   Il-proposta qed issir fi ħdan appell għal valutazzjoni makroekonomika aktar mifruxa li tinkludi l-identifikazzjoni tal-iżbilanċi strutturali li għandhom impatt negattiv fuq il-kompetittività. Għal dan il-għan, ġiet ippubblikata wkoll Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri ta’ infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro (9) kif ukoll Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (10).

3.3   Is-sorveljanza baġitarja effettiva fil-livell taż-żona tal-euro għandha bżonn li tiġi akkumpanjata minn attenzjoni speċifika fuq l-oqfsa baġitarji nazzjonali.

3.4   Dawn il-proposti huma parti minn riforma aktar wiesgħa ta’ governanza eknomika mnebbħa mill-objettivi indikati fl-Istrateġija Ewropa 2020. Il-koordinazzjoni ekonomika, inkluża s-sorveljanza tal-pożizzjoni fiskali permezz tal-adeżjoni tar-regoli fiskali u r-riformi strutturali hija mistennija li tiġi integrata fis-Semestru Ewropew li jiġbor fih perjodu ta’ żmien li fih il-politiki baġitarji u strutturali tal-Istati Membri jiġu riveduti biex jiġu identifikati l-inkonsistenzi u l-iżbilanċi kollha li jfiġġu kif ukoll biex isaħħu l-koordinazzjoni meta l-aktar deċiżjonijiet baġitarji importanti jkunu għadhom qed jitħejjew (11).

4.   Kummenti Ġenerali

4.1   Ir-riformi fil-PST li jindirizzaw in-nuqqasijiet fis-sistema huma meħtieġa biex jindirizzaw in-nuqqasijiet li ħarġu fid-deher mal-kriżi eċċezzjonali tal-2008, imma wkoll biex jitrattaw id-difetti li kienu tfaċċaw anke qabel il-kriżi.

4.2   Filfatt, xi snin qabel il-kriżi, għadd ta’ pajjiżi fiż-żona tal-euro kellhom defiċits fiskali 'il fuq mill-valur ta’ referenza tat-3 %, flimkien ma’ proporzjonijiet tad-dejn pubbliku li kienu qed jikbru (12). Il-bidu tal-kriżi finanzjarja u ekonomika rriżulta fi twessigħ importanti tal-pożizzjoni fiskali b'mod li d-defiċit medju fiż-żona tal-euro huwa mistenni li jilħaq is-6,3 % tal-PDG sal-aħħar tal-2010 u l-proporzjon tad-dejn mal-PDG huwa mistenni li jilħaq l-84,1 % (13). Il-PST ma kienx dirett biex jevita dawn l-iżbilanċi li ħafna drabi seħħew bħala riżultat tat-tensjonijiet kbar fil-qasam makroekonomiku u finanzjarju.

4.3   Hemm żewġ osservazzjonijiet ewlenin li jridu jiġu indirizzati fir-rigward tal-PST. L-ewwel tirreferi għat-titjib li jista' jiġi implimentat għall-mekkaniżmi tal-infurzar. It-tieni jirrelata mad-dipendenza eċċessiva fuq il-kriterju tad-defiċit fiskali b'kunsiderazzjoni għad-dejn limitata. Iċ-ċiklu ekonomiku ma kienx preżenti biżżejjed fl-applikazzjoni tal-PST.

4.3.1   Rigward in-nuqqas ta’ infurzar, tul is-snin, għadd ta’ pajjiżi kisru l-kriterji tad-defiċit u tad-dejn. In-nuqqas ta’ sanzjonijiet wasslu għal imġieba fiskali li mhux biss injorat is-sostenibbiltà fiskali fil-livell tal-Istati Membri iżda li l-anqas ma qieset l-impatt tal-imġieba fiskali mhux sostenibbli minn Membru wieħed fuq l-unjoni monetarja kollha. In-nuqqas ta’ infurzar fil-passat dgħajjef il-PST u xellef il-kredibbiltà tiegħu.

4.3.1.1   Huwa mistenni li r-riformi fil-partijiet preventivi u korrettivi tal-Patt, imsaħħa minn pakkett ġdid ta’ sanzjonijiet fiskali aktar severi jindirizzaw dan in-nuqqas. Madankollu, wieħed għad irid jara kemm fil-prattika ser ikun hemm infurzar kredibbli.

4.3.1.2   Minn lat jista' jsir l-argument li din id-darba, il-perikli fil-każ ta’ pakkett li mhuwiex effettiv huma kbar ħafna. Aktar minn qabel is-suq finanzjarju ser joqgħod aktar attent għall-pajjiżi fiż-żona tal-euro u josserva l-bilanċi fiskali u makroekonomiċi. In-nuqqas ta’ kredibbiltà jindika l-falliment tal-PST li għalhekk jipperikola b'mod serju l-istabbiltà taż-żona tal-euro.

4.3.1.3   Fl-istess waqt, wieħed irid iqis il-fatt li l-proposti għal sorveljanza msaħħa qed isiru fil-kuntest ta’ kriżi bla preċedent li fiha t-tkabbir ekonomiku għadu dgħajjef. Il-gvernijiet kellhom jintervjenu permezz ta’ injezzjonijiet tal-kapital li tefgħu fil-banek biex jevitaw kollass totali fis-sistema finanzjarja. Kellhom jindaħħlu wkoll biex jillimitaw il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-kriżi.

4.3.2   Rigward id-dipendenza żejda fuq il-kriterju tad-defiċit, huwa nnotat li r-reviżjoni tal-2005 tal-PST ppruvat titfa' l-punt fokali fuq id-defiċits strutturali biex tikkunsidra s-sitwazzjoni ċiklika ta’ kull Stat Membru. Madankollu, din it-tip ta’ enfasi ma’ qisitx id-dixxiplina fiskali minn perspettiva aktar fit-tul. Enfasi akbar fuq il-kriterju tad-dejn, sa ċertu punt ser tindirizza dan in-nuqqas.

4.3.2.1   Madankollu l-mekkaniżmu jrid iqis ir-raġunijiet li għalihom ġie akkumulat id-dejn. L-iffinanzjar bid-dejn ta’ proġetti kapitali pubbliċi li jagħtu ritorn qawwi ekonomiku u soċjali ma jistgħux jitqiesu bl-istess mod ta’ nfiq li huwa ta’ natura rikorrenti jew li għandu rata ta’ ritorn baxxa.

4.3.2.2   Barra minn hekk, filwaqt li r-riforma fil-mekkaniżmi tas-sorveljanza hija mistennija li tqis karatteristiċi li huma speċifiċi għall-pajjiż bħall-kompożizzjoni tad-dejn, ir-riskji marbutin mal-istruttura tad-dejn, id-dejn fis-settur privat kif ukoll ir-responsabbiltajiet marbutin mat-tixjieh, huwa importanti li ssir distinzjoni bejn id-dejn domestiku u dak barrani, peress li tal-aħħar jikkontribwixxi għall-istabbiltà makroekonomika.

4.3.2.3   Kritika oħra għall-mekkaniżmu ta’ sorveljanza hija marbuta mal-enfasi fuq il-valuri ta’ referenza speċifiċi, li essenzjalment huma arbitrarji (14). Minkejja dan, huwa rikonoxxut li l-approċċ tal-valur ta’ referenza għandu merti importanti f'termini ta’ sempliċità, trasparenza u tħaffif tal-governanza.

4.3.2.4   Mill-banda l-oħra, id-diverġenza tal-Istati Membri individwali minn dawn il-valuri ta’ referenza jindika kemm il-konverġenza fl-UE għadha 'l bogħod. Ikun tajjeb li l-konverġenza bejn il-pajjiżi seħħ malajr u l-enfasi reċenti li l-Kunsill Ewropew poġġa fuq dan l-aspett hija adatta. Mill-banda l-oħra, fil-livell tal-pajjiż, dan jirrikjedi bilanċ attent bejn l-impenn meħtieġ għad-dixxiplina fiskali u l-ħtiġijiet speċifiċi għar-ristrutturar, l-investiment u t-tkabbir li jista' jkollhom bżonn is-sostenn ta’ miżuri fiskali.

4.4   Huwa importanti li jerġa' jitfakkar li s-sostenibbiltà fiskali ma tistax titqies maqtugħa mill-iżbilanċi makroekonomiċi. Għaldaqstant, huwa importanti ferm li jkun hemm sorveljanza makroekonomika aktar wiesgħa li tosserva l-korrezzjoni tal-iżbilanċi.

4.5   L-imbottatura lejn l-istabbiliment ta’ oqfsa baġitarji nazzjonali li jikkomplementaw il-PST hija bbażata fuq l-għarfien tal-fatt li filwaqt li d-dixxipplina fiskali hija kwistjoni komuni għall-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, il-poter leġislattiv tal-politika fiskali qiegħed fil-livell nazzjonali.

4.5.1   Il-punt safejn jista' jiġi żviluppat approċċ aktar deċentralizzat għad-dixxiplina fiskali jiddependi f'estrem wieħed fuq bidliet relevanti fit-Trattat li jillimitaw l-interess nazzjonali fuq dawk komuni, iżda jista' jaħdem ukoll permezz ta’ arranġament aktar flessibbli fil-livell ta’ qbil tal-Istat Membru. Jekk ma jsirx dan it-tibdil, ikunu kemm ikunu ġustifikati l-interessi komuni, l-interessi nazzjonali dejjem ser jibqgħu minn fuq (15). Għaldaqstant huwa importanti li jitqies ir-rwol li jista' jkollhom il-liġijiet tar-responsabbiltà fiskali fil-livell nazzjonali, li permezz tas-suċċess fl-implimentazzjoni tagħhom jistgħu jinċentivaw il-promozzjoni tas-sostenibbiltà fiskali madwar iż-żona tal-euro.

5.   Kummenti Speċifiċi

5.1   Filwaqt li għandhom jiġu mfaħħra l-għanijiet tar-Regolament propost ibbażati fuq it-tisħiħ tal-PST permezz ta’ għodod li jwasslu għall-infurzar effettiv, hemm dettalji speċifiċi rigward il-parti preventiva u dik korrettiva tal-Patt li l-KESE jikkunsidra li għandhom bżonn ta’ aktar ħsieb.

5.2   Il-mira tal-infiq, indikata fil-parti preventiva, ibbażata fuq rata prudenti ta’ tkabbir tal-PDG għal medda medja ta’ żmien ma tqisx l-aspetti differenti fin-nefqa tal-gvern – minkejja li mira globali tal-infiq hija utli għall-iskop tas-sempliċità u t-tħaffif tal-governanza. Dan jgħodd ukoll għar-regoli fiskali li jiffokaw biss fuq indikaturi globali bħall-kriterji tad-defiċit u tad-dejn. Dawn il-kriterji ma jqisux it-tkabbir fit-tul min-naħa tal-provvista li jirriżultaw minn xi kategoriji tan-nefqa tal-gvern kif ukoll l-iżvilupp fil-kwalità tan-nefqa fiskali u l-mekkanżimi li jiġġeneraw id-dħul b'mod ġenerali.

5.2.1   Għaldaqstant, hemm bżonn ta’ enfasi fuq il-kwalità taċ-ċifri pubbliċi permezz ta’ valutazzjoni tal-kompożizzjoni u l-effiċjenza tal-infiq pubbliku. Dan jista' jkun partikolarment relevanti għall-investiment fil-kapital uman permezz ta’ nfiq fuq l-edukazzjoni u s-saħħa, infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp, fuq l-infrastruttura pubblika u l-iżvilupp tal-istituzzjonijiet (16)  (17). Għaldaqstant qed jiġi propost li din it-tip ta’ nefqa tiġi eskluża mil-limitu tal-infiq, speċjalment meta tikkonsisti minn infiq li huwa ffinanzjat mill-programmi ta’ fondi tal-UE u l-elementi ta’ kofinanzjament nazzjonali tagħhom. Biex tinżamm il-kwalità tan-nefqa soċjali, l-elementi mhux diskriminatorji tal-benefiċċji tal-qgħad jistgħu jiġu esklużi wkoll. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-miri fiskali trid tkun kompletament koerenti mal-kisba tal-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 li jiffukaw fuq tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv filwaqt li l-kisba ta’ dawn il-miri tista' tirrikjedi nefqa akbar min-naħa tal-gvern (18).

5.2.2   Barra minn hekk biex ir-regolament ma joħloqx klima ta’ inċertezza, il-KESE jissuġġerixxi li tingħata definizzjoni ċara tat-termini “tfassil ta’ politiki fiskali prudenti”, “rata prudenti ta’ tkabbir fuq perjodu medju” u “ċirkostanzi eċċezzjonali”.

5.3   Il-mekkaniżmu ta’ infurzar m'għandux jintuża biss minħabba d-devjazzjonijiet mill-valuri numeriċi iżda għall-kuntrarju għandhom jitqiesu kunsiderazzjonijiet aktar mifruxa bħall-kundizzjonijiet ekonomiċi, politiċi u soċjali prevalenti fl-Istati Membri. Din il-proposta m'għandhiex il-għan li tnaqqas mill-qawwa tal-parti preventiva iżda li tippermetti li jiġu kkunsidrati sitwazzjonijiet partikolari li jkunu prevalenti fl-Istati Membri taż-żona tal-euro. Filfatt, dan hu konformi mar-regolament propost dwar l-iżbilanċi makroekonomiċi fejn wara li jiskatta l-mekkaniżmu tal-allert, issir reviżjoni fil-fond tal-Istat Membru.

5.4   Huwa ssuġġerit ukoll li l-impożizzjoni ta’ depożiti li jħallu interessi, depożiti li ma jħallux interessi u multi issir f'kull każ b'mod li dawn jiġu ffinanzjati b'mod dirett mill-korrezzjoni tal-aspetti tal-politika li jkunu qed jikkawżaw pożizzjoni fiskali imprudenti jew mhux sostenibbli, li jiġi stabbilit permezz ta’ devjazzjonijiet mid-dispożizzjonijiet tal-parti preventiva. Barra minn hekk, il-valur tagħhom jiġi kkalkolat skont id-daqs tal-aspetti tan-nefqa u/jew tad-dħul li jistgħu jiġu identifikati li qed iwasslu b'mod dirett għan-nuqqas ta’ sostenibbiltà tal-politika fiskali. Aproċċ bħal dan jevita r-risku li d-depożiti u l-multi jiġu ffinanzjati min-nefqa tal-gvern li tagħti rata ta’ ritorn għolja ħafna. Filwaqt li huwa rikonoxxut li l-identifikazzjoni ta’ mġieba mhux sostenibbli mhijiex faċli, hemm bżonn li jsir sforz biex jinħarġu definizzjonijiet ċari u operattivament fattibbli li jistgħu jkunu utli f'dan il-kuntest.

5.4.1   Barra minn hekk, huwa essenzjali li d-depożitu jiġi rilaxxat biss darba l-Istat Membru kkonċernat jieħu l-impenn li dawn il-fondi jpoġġihom f'infiq produttiv. F'dan ir-rigward, jista' jkun mixtieq l-użu ta’ approċċi li jqabblu l-ispejjeż mal-benefiċċji li huma simili għal dawk applikati fl-allokazzjoni tal-Fondi tal-Koeżjoni u Strutturali (19).

5.5   Barra minn hekk iridu jitqiesu b'mod xieraq l-implikazzjonijiet tal-infurzar fejn l-impożizzjoni ta’ depożitu li ma jħallix imaxx u s-sanzjoni jiġu imposti f'mument meta l-qagħda ekonomika u soċjali tal-Istat Membru tista' titqies vulnerabbli. Bħala riżultat, kull rakkomandazzjoni li ssir mill-Kummissjoni biex tibda taġixxi l-parti korrettiva għandha ssirilha valutazzjoni tal-impatt rigoruża li tikkunsidra l-implikazzjonijiet ta’ imġieba li mhix sostenibbli fuq l-unjoni monetarja b'mod globali kif ukoll l-implikazzjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-infurzar fil-livell nazzjonali. Huwa importanti li l-infurzar ma jwassalx għal aktar falliment milli qed jipprova jsolvi.

5.6   Artikolu 7 tar-Regolament jirreferi għad-distribuzzjoni tal-interessi u l-multi li taqla l-Kummissjoni, b'mod proporzjonat għas-sehem fl-Introjtu Nazzjonali Gross tal-Istati Membri taż-żona tal-euro li m'għandhom defiċit jew żbilanċ eċċessivi. Għal dan il-għan, is-sistema ta’ distribuzzjoni tista' toħloq żbilanċi akbar fi ħdan l-unjoni monetarja li tista' twassal għal diverġenzi akbar bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro li jmorru kontra r-rekwiżiti tal-unjoni monetarja.

5.7   Biex jintlaħaq bilanċ bejn l-approċċ tal-inċentivi u dak punittiv fil-parti korrettiva, il-KESE jipproponi li l-interest fuq id-depożiti li ma jħallux interessi jkun jista' jinkiseb mill-Istat Membru kkonċernat darba jinkiseb tnaqqis fid-dejn pubbliku li huwa tal-anqas daqs l-imaxx u li huwa probabbli li jinżamm fil-futur. Mill-banda l-oħra, il-multi jiġu diretti lejn il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà.

5.8   Il-premessa wara dan is-suġġeriment huwa li l-PST għandu jservi ta’ inċentiv lejn il-promozzjoni ta’ mġieba sostenibbli aktar milli mekkaniżmu strettament punittiv.

5.9   Filwaqt li huwa rikonoxxut li l-mira li tintlaħaq konverġenza ekonomika u fiskali fundamentali trid tiġi bbażata fuq miri komuni, qed jiġi argomentat li jista' jkun hemm bżonn li l-mira li “daqs wieħed jiġi lil kulħadd” tiġi implimentata b'mod flessibbli hi hu tkejjel is-sostenibbiltà fiskali fiż-żmien immedjat, tal-anqas sakemm tintlaħaq konverġenza ekonomika suffiċjenti bejn il-pajjiżi, iżda wkoll fid-dawl tal-mod asimetriku li bih l-Istati Membri differenti ntlaqtu mill-episodju reċenti ta’ reċessjoni.

5.9.1   Huwa importanti wkoll li jinħolqu kundizzjonijiet ta’ qafas fejn Stati Membri individwali jibbenefikaw mill-effetti pożittivi fuq il-kredibbiltà mistennija mill-eżistenza ta’ żona monetarja kbira. Għalhekk jista' jiġi kkunsidrat li l-pajjiżi jintalbu li jagħmlu sforzi ta’ konsolidazzjoni fiskali b'mod li jkun konsistenti mad-daqs realttiv tagħhom fi ħdan iż-żona monetarja, ħalli jikkompensaw għal dawk bi prestazzjoni aktar baxxa, biex il-mira globali komuni għaż-żona tal-euro tintlaħaq b'mod konsistenti. Dan l-approċċ jibbenefika b'mod dirett lill-pajjiżi kollha, permezz tal-kredibbiltà ekonomika li tkun stabbilita għaż-żona komplessivament u speċjalment fit-tfassil tal-politika ta’ dawn bi prestazzjoni aħjar.

5.9.2   L-effikaċja ta'approċċ bħal dan tiddependi ħafna mill-mekkaniżmu ta’ sorveljanza kif propost mill-Kummissjoni li tiżgura li l-pajjiżi li qed jaqgħu lura qed jagħmlu kull sforz possibbli biex jilħqu l-konverġenza bl-aħjar veloċità possibbli. Hemm ukoll bżonn ta’ enfasi konsistenti fuq kejl statistiku korrett u li l-istatistiċi u r-rapportaġġ jittejbu b'mod li jiżguraw disponibbiltà fiabbli u f'waqtha ta’ data kredibbli.

5.9.3   Bħala konsegwenza l-Kumitat jissuġġerixxi li għall-perjodu immedjat u sakemm tintlaħaq konverġenza ekonomika suffiċjenti bejn l-istati membri differenti, tintuża' sistema b'żewġ fronti b'elementi minn fuq għal isfel u oħrajn minn isfel għal fuq biex tikkomplementa l-isforzi li qed isiru bħalissa u li huma mmirati li jroddu lura s-sostenibbiltà fiskali liż-żona tal-euro billi magħhom jiddaħħlu l-elementi meħtieġa ta’ flessibbiltà b'mod ippjanat u regolat tajjeb.

5.9.4   L-approċċ minn fuq għal isfel huwa bbażat fuq l-iffissar ta’ mira għaż-żona kollha li tiddefinixxi l-isforz ta’ konsolidazzjoni fiskali meħtieġ f'dak il-livell. Il-kisba ta’ mira bħal din tkabbar il-kredibbilta taż-żona tal-euro b'mod ġenerali u l-pajjiżi kollha jgawdu minn dan b'mod individwali. L-approċċ minn isfel għal fuq jikkonsisti fid-distribuzzjoni tal-isforz li jrid isir miż-żona kollha f'azzjonijiet li jridu jitwettqu mill-Istati Membri individwali. Id-distribuzzjoni tqis għad ta’ kriterji ekonomiċi oġġettivi bħall-qagħda tal-iżvilupp, il-ħtiġijiet għall-investiment, il-punt tar-riforma tal-pensjonijiet, il-punt tar-riformi strutturali, il-kwalità tal-finanzi pubbliċi u l-effiċjenza tas-sistemi tat-tassazzjoni. Barra minn hekk, dan l-approċċ jevita approċċ li jkun restrittiv iżżejjed tal-PST jagħmel ħsara permanenti għat-tkabbir fil-każ ta’ ċerti pajjiżi.

5.9.5   Dan l-approċċ minn naħa jdaħħal element ta’ solidarjetà ġustifikabbli madwar il-pajjiżi taż-żona tal-euro, filwaqt li min-naħa l-oħra jserva ta’ pass lejn koordinazzjoni mtejba u l-integrazzjoni fiskali. Fil-każ ta’ konverġenza ekonomika fundamentali suffiċjenti, id-distribuzzjoni minn isfel għal fuq tal-isforz bejn l-Istati Membri jkun ekwivalenti għal sitwazzjoni fejn il-pajjiżi differenti jkunu qed isegwu miri numeriċi komuni. Sadattant, l-eżerċizzju tal-flessibbiltà meħtieġa fuq il-bażi tal-pajjiżi individwali ma tibqax isseħħ, kif ġara ta’ spiss fil-passat, fuq bażi li tidher ad hoc u forsi bla ġustifikazzjoni, iżda tkun tifforma parti minn sistema koerenti u konsistenti biex isiru l-isforzi ta’ konsolidazzjoni fiskali meħtieġa fil-livell taż-żona tal-euro. Dan l-approċċ jikkontribwixxi ferm għaż-żamma tal-kredibbiltà tas-sistema.

5.9.6   Approċċ bħal dan huwa simili fin-natura għal dak adottat għall-iffissar tal-miri tal-Istrateġija Ewropea 2020, fejn l-Istati Membri jiffissaw il-miri nazzjonali tagħhom li jkunu koerenti mal-miri ġenerali stabbiliti għall-UE. Fil-fatt l-Anness 1 tal-Istħarriġ dwar it-Tkabbir Annwali li jippreżenta miri provviżorji u li jvarjaw mill-Istati Membri jirreferi għall-fatt li parti importanti mill-istrateġija hija li kull Stat Membru jiddeċiedi hu l-livell tiegħu ta’ ambizzjoni rigward il-miri globali tal-Ewropa 2020. Qed jingħad li hemm possibbiltà akbar li dawn il-miri jiġu rrispettati minħabba fid-dibattitu politiku intern meħtieġ biex jiġu stabbiliti fejn il-mira hija stabbilita billi jitqiesu l-pożizzjonijiet tal-bidu u konsiderazzjonjiet nazzjonali. F'dan il-kuntest, jista' jiġi propost li jiġu stabbiliti perjodi ta’ transizzjoni espliċiti f'qafas ta’ żmien realistiku għall-konsolidazzjoni għall-pajjiżi li jeħtieġu sforzi ta’ konsolidazzjoni partikolarment kbar.

5.9.7   Dan l-approċċ propost mhuwiex iġib dgħajfien fil-mekkaniżmu ta’ prevenzjoni msemmi fil-proposta tal-Kummissjoni peress li huwa bbażat fuq il-konverġenza fit-tul għall-istess miri numeriċi għall-membri kollha taż-żona tal-euro. Mill-banda l-oħra huwa intiż li jippermetti għal qafas formali li jiġġustifika rati differenti ta’ konverġenza fil-livell tal-Istati Membri individwali taż-żona tal-euro fl-istess spirtu tal-approċċi speċifiċi għal kull pajjiż propost mill-Kummissjoni innifisha. Dan jidher ukoll bħala mezz importanti biex titjieb il-kredibbiltà tas-sistema billi tiddaħħal il-flessibbiltà fil-pjani ta’ konverġenza speċifiċi għall-pajjiż b'mod formali.

5.10   Fl-aħħar ta’ min wieħed jinnota li d-djalogu socjali għandu rwol importanti. Fil-livell nazzjonali, id-djalogu soċjali huwa importanti għall-iżvilupp ta’ qafas ta’ politika nazzjonali li tiffoka fuq il-politika fiskali u s-sorveljanza makroekonomika. Djalogu soċjali matur u komprensiv jippermetti li l-isfidi soċjali u ekonomiċi jiġu ffaċċjati speċjalment dawk li jkunu fit-tul bħar-riforma fil-pensjonijiet u n-nefqa fuq is-saħħa. Biex il-gvernijiet jilħqu objettivi bħas-sostenibbiltà fiskali u l-bilanċ makroekonomiku, irid ikun hemm grad qawwi ta’ sħubija soċjali u kollaborazzjoni, li jinkludi l-kunsens politiku.

5.10.1   Il-KESE għandu wkoll rwol importanti x'jilgħab permezz tad-djalogu effettiv fost il-membri tiegħu dwar is-sostenibbiltà fiskali. Il-KESE jista' jipprovdi rakkomandazzjonijiet u riformi għal dan il-għan b'koordinazzjoni mill-viċin mad-djalogu soċjali nazzjonali. Kif qed jiġi ssuġġerit fl-Opinjoni dwar “It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għall-istabilità, it-tkabbir u l-impjiegi – Għodda għal governanza ekonomika tal-UE isħaħ” il-KESE jista' jorganizza sessjonijiet annwali biex jiddiskuti r-rakkomandazzjonijiet u s-suġġerimenti għar-riformi. Barra minn hekk, il-KESE għandu sehem x'jaqdi biex jiżgura li l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet l-oħra tas-soċjetà ċvili jkunu aġġornati mal-għanijiet tal-Komunità li jwasslu għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku.

Brussell, 5 ta’ Mejju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara l-Opinjoni tal-KESE, ĠU C 107, 6.4.2011, pg.7.

(2)  COM(2010) 522 finali u COM(2010) 526 finali.

(3)  COM (2010) 527 finali.

(4)  COM (2010) 523 finali.

(5)  COM(2010) 524 finali u COM(2010) 525 finali.

(6)  COM (2010) 524 finali.

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Ara paġna 53 tal-Ġurnal Uffiċjali.

(8)  Ir-Regolamenti ġew emendati fl-2005 mir-Regolamenti (KE) Nru 1055/2005 u (KE) Nru 1056/2005 u kkomplementati mir-Rapport tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2005 dwar “It-titjib tal-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.”

(9)  COM (2010) 525 finali.

(10)  COM (2010) 527 finali.

(11)  Is-Semestru Ewropew tnieda permezz tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ippubblikat f'Jannar 2011 (COM (2011) 11finali). L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jgħaqqad flimkien l-azzjonijiet differenti li huma essenzjali biex jissaħħaħ l-irkupru fi żmien qasir filwaqt li jiġu ffokati wkoll l-għanijiet tal-Ewropa 2020.

(12)  Statisitiċi tal-Ewrostat, 16.12.2010.

(13)  Kummissjoni Ewropea, Previżjoni Ekonomika Ewropea, Ħarifa 2010.

(14)  Wyplosz, C (2002), “Fiscal Discipline in EMU: Rules or Institutions?”, (Id-dixxiplina fiskali fl-UEM: Regoli jew Istituzzjonijiet?” Graduate Institute for International Studies, Ġinevra u CEPR.

(15)  Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni – Dipartiment tal-Politika A: Economic and Scientific Policies, Economic and Monetary Affairs, Multilateral Surveillance (Politiki Ekonomiċi u Xjentifiċi, Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, Sorveljanza Multilaterali (Charles Wyplosz).

(16)  Salvador Barrios u Andrea Schaechter, (2008), The Quality of Public Finances and Growth, (Il-Kwalità tal-Finanzi Pubbliċi u t-Tkabbir) European Commission Economic Papers 337.

(17)  António Afonso, Werner Ebert, Ludger Schuknecht u Michael Thöne, (2005), Quality of Public Finances and Growth, (Il-kwalità tal-Finanzi Pubbliċi u t-Tkabbir) ECB Working Paper Series Nru.438.

(18)  Ara l-Opinjoni tal-KESE, ĠU C 107, 6.4.2011, p. 7.

(19)  Kummissjoni tal-UE, Direttorat Ġenerali Politika Reġjonali, Gwida għall-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-proġetti ta’ investiment (Guide to Cost-Benefit Analysis of Investment Projects), Ġunju 2008.