23.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/66


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar ta’ dejta dwar ir-reġistrazzjoni ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri”

COM(2010) 657 finali

2011/C 218/11

Relatur: is-Sur MANOLIU

Nhar l-10 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar ta’ dejta dwar ir-reġistrazzjoni ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri

COM(2010) 657 finali

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Intern, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-5 ta’ April 2011.

Matul l-471 sessjoni plenarja tiegħu li saret l-4 u l-5 ta’ Mejju 2011 (seduta tal-4 ta’ Mejju ), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’148 voti favur, u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-KESE jikkunsidra li l-mobbiltà sostenibbli tfisser li n-nies u l-merkanzija jiċċaqilqu madwar l-Ewropa bl-aktar mod effiċjenti, filwaqt li jitnaqqsu l-emissjonijiet u jiġi ffrankat il-karburant. Dan ifisser informazzjoni u aċċess għall-aktar mezz jew mezzi tat-trasport adatti u l-investiment fit-teknoloġija, l-infrastruttura u l-ġestjoni tas-sistemi li jinkoraġġixxu l-mobbiltà ħielsa u sostenibbli.

1.2

Fl-opinjoni tal-KESE, il-mobbiltà sostenibbli tfisser it-tfassil ta’ qafas regolatorju li jippermetti li l-industrija tal-karozzi Ewropea timxi ’l quddiem u tkompli tkun innovattiva u toħloq teknoloġiji u vetturi b’emissjonijiet baxxi għal futur sostenibbli.

1.3

Il-KESE jenfasizza li l-qafas leġislattiv li jimplimenta l-mira tal-emissjonijiet medji għall-flotta l-ġdida tal-karozzi għandu jiggarantixxi miri tat-tnaqqis li ma jaffettwawx il-kompetittività, li jkunu soċjalment ekwi u sostenibbli, b’rispett għad-diversità tal-manifatturi tal-karozzi Ewropej u għandu jevita kull xkiel mhux iġġustifikat għall-kompetizzjoni bejn il-manifatturi tal-karozzi.

1.4

Il-Kumitat huwa sodisfatt li “fil-perspettiva ta’ regolamentazzjoni aħjar”, il-Kummissjoni Ewropea “għandha l-għan li tippromovi interazzjoni koerenti bejn id-diversi oqsma tal-politika, li tipprovdi previdibilità u li tfittex il-protezzjoni tal-interessi pubbliċi (eż. l-ambjent u s-sikurezza) filwaqt li tipprova tnaqqas il-piż regolatorju fuq l-industrija”.

1.5

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn għall-approċċ olistiku kif ukoll l-integrazzjoni tal-fatturi differenti involuti fl-iżvilupp u l-kompetittività tal-industrija u l-partijiet interessati kkonċernati.

1.6

Fl-iffissar tal-livelli tal-emissjonjiet, il-KESE jqis li huwa importanti li wieħed jikkunsidra l-implikazzjonijiet għall-konsumaturi, is-swieq u l-kompetittività tal-manifatturi, l-istimolu għall-innovazzjoni u t-tnaqqis għall-konsum tal-enerġija. Huwa importanti li l-manifatturi tal-vetturi jkollhom is-siġurtà f’dak li jirrigwarda l-ippjanar.

2.   Kuntest

2.1

Skont iċ-ċifri li ħarġet l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Karozzi (ACEA), is-suq tal-UE għall-karozzi l-ġodda tal-passiġġieri naqas b’5,5 % fl-2010, b’total ta’ 13 360 599 unità ġdida rreġistrata matul is-sena. Ir-riżultati tal-2010 kienu kkaratterizzatimit-tmiem tal-iskemi ta’ rinnovament tal-flotot tal-gvern f’ħafna pajjiżi tal-UE. Ir-reġistrazzjonijiet f’Diċembru ammontaw għal 1 009 638 unità, 3,2 % inqas sena għal sena.

2.2

F’Diċembru (– 3,2 %), it-talba għal karozzi ġodda naqset b’mod sinifikanti fi Spanja (– 23,9 %), l-Italja (– 21,7 %), u r-Renju Unit (– 18,0 %). Is-suq Franċiż baqa’ stabbli (– 0,7 %) filwaqt li s-suq Ġermaniż espanda b’6,9 %.

2.3

Is-settur tal-karozzi għall-passiġġieri jinkludi firxa akbar ta’ mudelli minn qabel. Tipi ġodda ta’ vetturi versatili bħall-isports wagons, u l-crossover wagon/SUV jikkompetu mas-sedans, il-coupe, il-convertibles, il-hatchbacks u l-wagons għal sehemhom fis-suq. Barra minn hekk, dawn l-istili l-ġodda huma distribwiti tajjeb fost is-setturi tal-vetturi, minn karozzi kumpatti għal karozzi lussużi.

2.4

Din hi aħbar tajba għax-xerrejja, li għandhom għażla akbar fil-prezzijiet, kif ukoll fl-istili u l-funzjonalità. L-imġieba tal-konsumaturi għandha effett fuq l-emissjonijiet globali mill-karozzi tal-passiġġieri. Il-konsumaturi għandhom jiġu pprovduti b’informazzjoni dwar jekk il-karozzi l-ġodda tal-passiġġieri jissodisfawx il-miri tal-emissjonijiet.

2.5

Il-mobbiltà sostenibbli trid tiżgura li l-konsumaturi jkollhom għażliet reali, iżda wkoll li jkunu mħeġġa jixtru l-aktar vettura adatta għall-ħtiġijiet tagħhom u li jiġu edukati dwar it-tekniki tas-sewqan li jirrispetta l-ambjent biex jonqos it-tniġġis mhux meħtieġ u jiġu ffrankati l-flus.

2.6

Fil-produzzjoni tal-vetturi, dan ifisser li jinstabu materjali aktar sostenibbli, titjieb il-loġistika tal-katina tal-provvista biex jonqsu l-iskart u l-emissjonijiet mhux meħtieġa, u li d-disinn jaħseb għal aktar partijiet b’mod li jistgħu jiġu rriċiklati wara li ma jibqgħux jintużaw.

2.7

Il-politiki tal-gvernijiet irid ikun fihom aktar mezzi kosteffettivi biex ibaxxu l-livell tas-CO2, inċentivi fiskali ragruppati u l-iżvilupp ta’ karburanti alternattivi u enerġiji rinnovabbli, kif ukoll l-infrastruttura tagħhom.

2.8

Għalhekk, għandha titfassal metodoloġija ġdida li permezz tagħha tkun tista’ tingħata konsiderazzjoni ġusta lill-iffrankar tas-CO2 mill-vetturi li jieħdu żewġ karburanti u mill-vetturi b’karburant flessibbli, li kapaċi jaħdmu b’karburanti alternattivi.

2.9

L-industrija ser ikollha bżonn tinvesti aktar u aktar f’teknoloġiji ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet, inklużi teknoloġiji intelliġenti tal-ġestjoni tat-traffiku. Irid isir ukoll titjib ieħor fl-effiċjenza tal-magni.

2.10

L-UE fasslet strateġija ambizzjuża biex tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 mill-vetturi tat-triq u diġà sar ħafna progress. Ir-regolament (KE) Nru 443/2009 li jistabbilixxi l-livelli tal-emissjonijiet għall-karozzi l-ġodda tal-passiġġieri (1) jeħtieġ li sal-2015 tinkiseb medja ta’ emissjonijiet tal-flotta ta’ 130 g CO2/km għall-karozzi l-ġodda tal-passiġġieri.

2.11

Il-manifatturi tal-karozzi qed jaħdmu biex jilħqu miri ambizzjużi sal-2012 fuq is-CO2 għall-karozzi l-ġodda u miri oħra għall-2020. L-industrija ser tipparteċipa b’mod attiv fid-dibattitu dwar it-trasport sostenibbli.

2.12

Fl-aħħar għoxrin sena, l-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi u l-vetturi kummerċjali naqsu b’mod drammatiku, tnaqqis ta’ madwar 20 % mill-1995. Il-Kummissjoni Ewropea rikonoxxiet dan il-progress u l-fatt li l-investiment fit-teknoloġija tal-vetturi kienet l-ixprun ewlieni tiegħu; il-KESE hu tal-fehma li biex isir tnaqqis ieħor sinifikanti, is-soċjetà trid tħares lil hinn mit-teknoloġija tal-vetturi.

2.13

Fl-opinjonijiet tal-KESE dan jissejjaħ l-approċċ integrat, li jiżgura l-kompetittività u s-sostenibbiltà tat-tkabbir tal-industrija tal-karozzi biex titħares il-produzzjoni tal-karozzi fl-Ewropa, u biex jipprovdi qafas effiċjenti għall-iżvilupp u l-aġġornament tas-suq ta’ vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

2.14

L-Istati Membri għandhom josservaw in-numru ta’ vetturi rreġistrati biex jivvalutaw l-impatt fuq il-proċess tal-monitoraġġ u l-kisba tal-mira tal-emissjonijiet medji tas-CO2 tal-EU għall-flotta tal-karozzi l-ġodda tal-passiġġieri b’koerenza mal-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima.

2.15

Il-KESE jqis li l-miri tal-Komunità għall-karozzi l-ġodda tal-passiġġieri huma meħtieġa biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern li tirriżulta mill-adozzjoni ta’ miżuri differenti fil-livell tal-Istati Membri.

2.16

Il-miri komuni jipprovdu lill-manifatturi b’aktar ċertezza fl-ippjanar u aktar flessibbiltà biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-tnaqqis tas-CO2 milli jkun provdut minn miri ta’ tnaqqis nazzjonali separati.

3.   Data, trasmissjoni tad-data, sorsi tad-data, żamma tad-data u kontroll

3.1

B’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009, kull sena, l-Istati Membri jridu jirreġistraw u jittrasmettu ċerta data lill-Kummissjoni dwar karozzi ġodda tal-passiġġieri rreġistrati fit-territorju tagħhom fis-sena preċedenti (2).

3.2

Dik id-data se tkun il-bażi biex tiġi ddeterminata l-mira ta’ emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 għall-manifatturi ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri u se sservi għall-valutazzjoni ta’ jekk il-manifatturi jikkonformawx ma’ dawk il-miri; huwa meħtieġ li r-regoli dwar il-ġbir u r-rapportar ta’ dik id-data jiġu armonizzati.

3.3

Biex ikun hemm valutazzjoni kompluta ta’ jekk kull manifattur jikkonformax mal-miri speċifiċi tas-CO2 u biex tinkiseb l-esperjenza meħtieġa tal-applikazzjoni tar-regolament, il-Kummissjoni teħtieġ data ddettaljata. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġbru din id-data u jwassluha lill-Kummissjoni.

3.4

Irrispettivament mis-sors tad-data użata minn kull Stat Membru biex iħejji d-data aggregata ta’ monitoraġġ u d-data ddettaljata ta’ monitoraġġ, din id-data ser tkun ibbażata fuq informazzjoni li tinsab fiċ-ċertifikat tal-konformità tal-karozza tal-passiġġieri relevanti.

3.5

Is-sorsi ewlenin li se jużaw l-Istati Membri biex jiġbru d-data huma ċ-ċertifikati ta’ konformità jew id-dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tipi. Iċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni ma jistax jieħu post iċ-ċertifikat tal-konformità għall-iskop tar-reġistrazzjoni ta’ vettura. Iċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni jinħareġ biss wara li l-vettura tkun ġiet irreġistrata.

3.6

Huwa importanti li d-data dwar ir-reġistrazzjoni ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri tkun preċiża u tista’ tiġi pproċessata b’mod effettiv biex jiġu ffissati miri speċifiċi għall-emissjonijiet. L-Istati Membri għandhom jirreġistraw u jirrappurtaw l-informazzjoni dwar il-vetturi li għadhom kemm ġew irreġistrati u li huma ddisinjati biex jużaw karburanti alternattivi, inkluż il-proporzjon tal-pompi ta’ riforniment fit-territorju tagħhom.

3.7

L-Istati Membri ser jassiguraw iż-żamma, il-ġabra, il-kontroll, il-verifika u t-trasmissjoni tad-data aggregata tal-monitoraġġ u d-data ddettaljata tal-monitoraġġ.

3.8

Id-data trid tiġi osservata u rreġistrata b’rabta ma’ manifattur partikolari, b’hekk, huwa importanti li l-manifattur ikun identifikat u ssir distinzjoni mill-għamla (trade name) tal-manifattur.

Brussell, 4 ta’ Mejju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU L 140, 5.6.2009, p.1.

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1014/2010 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ dejta fuq ir-reġistrazzjoni ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 293 of 11.11.2010, pġ. 15.