3.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 132/92


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2000/75/KE fir-rigward tat-tilqima kontra l-bluetongue”

COM(2010)666 finali – 2010/0326 (COD)

2011/C 132/18

Relatur uniku: is-Sur JÍROVEC

Nhar is-26 ta’ Jannar 2011, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2000/75/KE fir-rigward tat-tilqima kontra l-bluetongue

COM(2010) 666 finali – 2010/0126 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-28 ta’ Frar 2011.

Matul l-470 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Marzu 2011 (seduta tal-15 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'185 vot favur, 2 voti kontra u 12-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat jirrakkomanda li għall-istess fini jiġi modifikat ukoll ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1266/2007 tas-26 ta’ Ottubru 2007 dwar regoli implimentattivi għad-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE fir-rigward tal-kontroll, tal-immonitorjar, tas-sorveljanza u tar-restrizzjonijiet f'dak li għandu x'jaqsam mal-movimenti ta’ ċerti annimali ta’ speċi suxxettibbli għall-bluetongue.

1.2   Il-Kumitat ifakkar fis-sitwazzjoni li nqalgħet meta waqaf it-tilqim kontra l-marda tal-ilsien u d-dwiefer u d-deni tal-ħnieżer, fejn wieħed mill-argumenti favur dan il-pass kien li l-ispejjeż tal-eradikazzjoni tal-każijiet sporadiċi jkunu ħafna inqas mill-ispejjeż tat-tilqim.

1.3   Il-Kumitat jemmen li huwa utli li tiġi enfasizzata l-possibbiltà li l-għażla titħalla f'idejn kull Stat Membru tal-Unjoni peress li s-sitwazzjoni epidemika fil-pajjiżi bi klima moderata hija differenti minn dik tal-pajjiżi tan-Nofsinhar u t-tipi ta’ bluetongue ivarjaw ukoll. Il-pajjiżi li jagħżlu li ma jlaqqmux huma f'pożizzjoni aħjar li jidentifikaw il-marda. Madanakollu xorta jeżisti riskju għax forom eżotiċi ġodda tal-marda mill-Asja ser ikun iktar diffiċli biex jiġu identifikati.

1.4   Il-Kumtat huwa tal-fehma li l-emenda tad-Direttiva kkonċernata tintegra tajjeb l-aħħar evoluzzjonijiet teknoloġiċi fil-qasam tal-produzzjoni tal-vaċċini; dawn il-vaċċini jistgħu jintużaw ukoll barra miż-żoni fejn il-movimenti tal-annimali huma limitati. Din l-emenda proposta għad-Direttiva tiżgura b'mod speċifiku li l-Istati Membri ma jkollhomx spejjeż amministrattivi żejda, ħlief għal dawk relatati mal-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ programm eventwali ta’ tilqim. Il-proposta kkonċernata ma tipprevedix impatti soċjali importanti. Il-Kumitat jappoġġja dan il-għan b'mod sħiħ u, abbażi ta’ din il-garanzija, jilqa’ l-proposta kkonċernata b'mod favorevoli.

2.   Introduzzjoni u kontenut essenzjali tal-Komunikazzjoni

2.1   L-għan tal-proposta għal Direttiva tal-Kunsill huwa li timmodifika r-regoli dwar it-tilqim li attwalment huma stipulati fid-Direttiva 2000/75/KE biex dawn isiru iktar flessibbli, bil-kunsiderazzjoni tal-fatt li llum jeżistu vaċċini inattivati u li dawn jista' jkollhom riżultati barra miż-żoni fejn il-movimenti tal-annimali huma ristretti.

2.2   Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-emenda għal-leġislazzjoni hija neċessarja biex tirrifletti l-progress teknoloġiku fil-qasam tal-iżvilupp tal-vaċċini. L-emenda proposta se tippermetti li tintgħażel strateġija ta’ ġlieda kontra l-bluetongue abbażi tas-sitwazzjoni speċifika fl-Istati Membri, mingħajr intervent bla bżonn min-naħa tal-Unjoni.

2.3   Illum jeżisti qbil ġenerali li t-tilqim b'vaċċini inattivati huwa l-għodda preferuta għall-ġlieda kontra l-bluetongue u l-prevenzjoni tal-forom kliniċi tagħha fl-Unjoni. L-użu ta’ dawn il-vaċċini jippermetti li jiġu evitati r-restrizzjonijiet attwali fuq it-tilqim ta’ prevenzjoni barra miż-żoni fejn il-movimenti tal-annimali huma limitati.

3.   Kummenti

3.1   Fit-tliet snin li għaddew, saru jeżistu vaċċini inattivati ġodda kontra l-bluetongue, li jistgħu jintużaw b'mod sikur barra miż-żoni ristretti. Għalhekk l-Istati Membri jinsabu f'pożizzjoni li jfasslu l-istrateġija tagħhom ta’ prevenjoni tal-marda u tal-ġlieda kontriha mingħajr intervent bla bżonn min-naħa tal-Unjoni.

3.2   Billi żżid l-għadd ta’ alternattivi disponibbli għall-ġlieda kontra l-marda, il-proposta mistennija li tnaqqas il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali ta’ din il-marda. Madankollu, huwa diffiċli li l-vantaġġi ta’ din il-proposta jiġu kwantifikati b'mod preċiż, peress li dawn jiddependu mill-evoluzzjoni imprevedibbli tal-marda li m'għadhiex waħda eżotika fl-Ewropa.

3.3   Il-proposta kkonċernata mhux ser ikollha impatt fuq il-miżuri eżistenti tal-ġlieda kontra l-marda. Għalhekk mhux se jkollha impatt dirett fuq il-programmi annwali u multiannwali tal-UE għall-eradikazzjoni, il-kontroll u l-monitoraġġ ta’ ċertu mard tal-annimali.

3.4   Billi tippermetti l-użu mifrux tat-tilqim fl-Unjoni, din il-proposta għandha l-potenzjal li tnaqqas it-telf dirett u indirett ikkawżat mill-bluetongue u b'hekk ittaffi l-impatt ekonomiku tal-marda.

3.5   Il-proposta se tippermetti użu iktar mifrux tat-tilqim u ser iżżid l-opportunitajiet tas-suq għall-kumpaniji farmaċewtiċi li jipproduċu l-vaċċini inattivati kontra l-bluetongue.

Brussell, 15 ta’ Marzu 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON