|
3.5.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 132/63 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali”
COM(2010) 672 finali
2011/C 132/11
Relatur: is-Sur CHIRIACO
Nhar it-18 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali
COM(2010) 672 finali.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-28 ta’ Frar 2011.
Matul l-470 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Marzu 2011 (seduta tas-16 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’197 vot favur, 26 vot kontra u 17-il astensjoni.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. Il-KESE jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni u jinnota li ħafna mill-kummenti li għamel il-Kumitat f’opinjonijiet preċedenti huma riflessi fil-Komunikazzjoni. Il-KESE jtenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni tiċċara iktar ir-rabtiet li jeżistu bejn l-għanijiet, l-istrumenti u r-riżorsi finanzjarji tal-PAK ta’ wara l-2013. Ir-riforma tal-PAK għandha tiġi implimentata b’tali mod li jiġu żgurati l-profitt tal-agrikoltura u dħul ġust għall-bdiewa fl-UE kollha kemm hi.
1.2. Il-kompitu ewlieni tal-PAK huwa li tivvalorizza r-rwol tal-bdiewa bħala produtturi tal-prodotti tal-ikel ta’ kuljum u wkoll, f’ammont dejjem ikbar, tal-enerġija nadifa u sostenibbli. Barra minn hekk, l-agrikoltura u l-forestrija għandhom isaħħu l-kontribut importanti tagħhom għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali billi jippermettu li jiġu indirizzati b’mod konkret l-isfidi l-kbar tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, tal-kriżi tal-provvista tal-ilma, tal-ħarsien tal-ambjent u tal-bijodiversità (1) u tal-iżvilupp territorjali.
1.3. Il-KESE jaqbel mal-proposta li ma tibqax tintuża r-referenza storika sabiex jiġi determinat l-ammont ta’ għajnuna li tingħata, u jenfasizza l-importanza tal-pagamenti diretti fil-qafas tal-PAK għas-salvagwardja tal-mudell agrikolu Ewropew. Dawn il-pagamenti għandhom importanza fundamentali bħala kumpens għall-istandards għolja li s-soċjetà tixtieq li jkun hemm fl-UE u bħala rimunerazzjoni tas-servizzi mwettqa mill-agrikoltura li s-suq ma jikkumpensax. Barra minn hekk, f’kuntest ta’ swieq dejjem aktar imprevedibbli, għall-bdiewa dawn iservu ta’ salvagwardja kontra r-riskji, kif ukoll ta’ garanzija ta’ dħul. Il-prodotti u s-servizzi pubbliċi li jingħataw lill-komunità jirrigwardaw, fil-fehma tal-KESE, l-iżvilupp sostenibbli, il-ħarsien tal-ambjent, id-dinamiżmu taż-żoni rurali, it-tnaqqis tal-faqar, is-sigurtà tal-ikel, il-ħarsien tax-xogħol u tal-konsumaturi.
1.4. Il-KESE jqis bħala indispensabbli wkoll li dan il-proċess ta’ reviżjoni ma jfixkilx l-għanijiet u l-mekkaniżmi tal-funzjonament tal-PAK li huma maħsubin biex jappoġġjaw l-operaturi fil-katina agrikola, alimentari u ambjentali fil-qafas tal-programmazzjoni fuq perjodu twil u medju. F’dan ir-rigward, il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ perjodu tranżitorju twil biżżejjed, li jkun konformi mat-tul ta’ żmien tal-perjodu l-ġdid ta’ programmazzjoni li se jintemm fl-2020, li fih il-bdiewa, b’mod partikolari dawk li jkunu investew f’kundizzjonijiet partikolari, ikunu jistgħu jadattaw għal tmiem l-applikazzjoni tar-referenza storika bħala mezz ta’ kwantifikazzjoni tal-valur tal-pagament uniku. Fir-rigward tal-Istati Membri, il-Kumitat ifakkar li l-perjodu li fih tista’ tintuża l-iskema ta’ pagament uniku jintemm fl-2013. Fl-aħħar, il-KESE jitlob li jiġi kkonfermat strument ta’ flessibilità nazzjonali u reġjonali bħal dak tal-Artikolu 68 (2) għall-għoti ta’ forom speċifiċi ta’ għajnuna u biex jiġi żgurat koordinament sħiħ mal-miżuri tat-tieni pilastru, l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-frott u l-ħxejjex u l-fondi ta’ promozzjoni.
1.5. Il-KESE jaqbel mal-għan li l-għajnuniet ta’ appoġġ tal-PAK jiġu limitati għall-bdiewa attivi biss u jippromovul-mudell agrikolu Ewropew permezz ta’ azzjonijiet kemm fi ħdan l-ewwel kif ukoll fit-tieni pilastru. Il-pagamenti kollha tal-ewwel u t-tieni pilastru għandhom jiġu ffinalizzati meta jkunu ġew solvuti l-problemi soċjali, ambjentali u ekonomiċi. Għalhekk il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti definizzjoni ta’ “bdiewa attivi” li tista’ tiġi applikata fit-territorju Komunitarju kollu. Il-KESE jipproponi li d-definizzjoni ta’ bdiewa attivi tinkludi r-rekwiżit tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli, inkluż permezz tal-bejgħ dirett fis-swieq lokali, u tal-ħolqien ta’ prodotti u servizzi pubbliċi ta’ utilità soċjali u tal-bejgħ dirett fis-swieq lokali.
1.6. Il-KESE huwa tal-fehma li d-deċiżjoni politika tal-Kunsill Ewropew li jiġu żgurati l-kundizzjonijiet għall-agrikoltura fl-UE għandha tkompli tkun għan ċar tar-riforma tal-PAK. Il-KESE jemmen li m’għandux jiġi eliminat l-appoġġ li jingħata lill-bdiewa fiż-żoni bi żvantaġġi naturali u klimatiċi fil-qafas tat-tieni pilastru. L-appoġġ addizzjonali li jingħata fuq il-bażi tal-erji lill-bdiewa f’żoni żvantaġġati jista’ jevita li tiġi abbandunata l-produzzjoni agrikola fit-territorju tal-UE u b’hekk ikun qed jingħata kontribut lill-għan tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippubblika mill-aktar fis possibbli l-proposta tagħha ta’ reviżjoni tal-kriterji għall-identifikazzjoni taż-żoni żvantaġġati l-oħra (żoni intermedji) biex tkun tista’ ssir konsultazzjoni adegwata mal-partijiet interessati kollha.
1.7. Il-KESE jaqbel li jiġi adottat limitu massimu tal-pagamenti li għandu jiġi applikat filwaqt li tiġi kkunsidrata l-istruttura agrikola tal-pajjiż jew tar-reġjun speċifiku. Il-KESE jipproponi li dan il-limitu massimu jiġi applikat b’referenza għal-livelli ta’ intensità tax-xogħol imħallas u dak mhux imħallas fl-irziezet, filwaqt li jiġi kkunsidrat ix-xogħol tal-bdiewa sabiex b’hekk tiġi ggarantita wkoll ġustifikazzjoni soċjali tal-użu tar-riżorsi ekonomiċi għall-funzjonament tal-PAK. Barra minn hekk, il-KESE jqis li hemm bżonn li jiġu kkunsidrati l-ispeċifiċitajiet tal-irziezet li huma ffurmati minn kooperattivi u assoċjazzjonijiet tal-produtturi agrikoli, b’mod li l-pagament imur għand l-imsieħba kollha.
1.8. Il-PAK il-ġdida ser ikollha tagħti prijorità lill-garanzija ta’ settur agrikolu u alimentari kompetittiv u innovattiv fl-UE li jkun kapaċi jikkontribwixxi għat-titjib tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi u tax-xogħol u s-sigurtà tal-ħaddiema fis-settur agrikolu billi tuża bħala referenza għall-għoti tal-għajnuniet tagħha l-konformità sħiħa mal-klawżoli soċjali b’enfasi partikolari fuq ir-rispett tal-liġi u tal-kuntratti tax-xogħol.
1.9. Il-Kummissjoni għandha tiċċara kif ser jiġi applikat komponent ekoloġiku għall-pagamenti diretti, billi tippreżenta valutazzjoni definittiva tal-konsegwenzi ta’ tali proposta fuq il-programmi ambjentali tat-tieni pilastru. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-possibbiltà ta’ approċċi alternattivi. Proposta tista’ tkun dik li l-komponent ekoloġiku tal-pagamenti diretti jkun soġġett għall-parteċipazzjoni obbligatorja f’ċerti miżuri agroambjentali li jista’ jkollhom impatt effettiv fuq l-erja kkonċernata, sakemm l-inċentivi finanzjarji jkopru bis-sħiħ l-ispejjeż il-kbar u sakemm il-proċeduri burokratiċi jkunu minimizzati. B’dan il-għan il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ miżuri korrispondenti, li fosthom il-bdiewa jkunu jistgħu jagħżlu l-aktar miżuri adatti għas-sitwazzjoni speċifika tagħhom. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri għandha tkun organizzata fil-livell reġjonali b’tali mod li jkollha impatt pożittiv fuq id-dħul.
1.10. Il-KESE jsostni li huwa impossibbli li titwettaq riforma effettiva tal-PAK ta’ wara l-2013 bla ma jkun hemm indikazzjonijiet ċari dwar id-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward tad-daqs u l-kompożizzjoni tal-baġit tal-UE. Madankollu, il-KESE jemmen li hemm bżonn li tiġi garantita tal-anqas il-konferma tal-kwota tal-baġit allokata minn issa mill-UE għall-PAK.
1.11. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li aktar ftuħ tas-swieq agrikoli tal-UE ser iwassal għal pressjoni akbar fir-rigward tal-kompetizzjoni u biex il-prezzijiet tal-produtturi jsiru dejjem aktar influwenzati mill-volatilità tas-swieq internazzjonali. Il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-istrumenti attwali mhumiex jiżguraw li s-swieq jiksbu stabbiltà adegwata. Dan għandu jitqies fil-qafas tar-riforma, mhux biss fir-rigward tar-riorjentazzjoni tal-pagamenti diretti iżda wkoll fit-tibdil tal-istrumenti maħsuba għall-istabbilizzazzjoni tas-swieq.
2. Sinteżi tal-Komunikazzjoni
2.1 L-għanijiet tal-Politika Agrikola Komuni (PAK)
2.1.1 Skont il-Kummissjoni Ewropea, il-PAK ta’ wara l-2013 għandha tikkontribwixxi għall-għanijiet li ġejjin (3):
|
— |
produzzjoni tal-ikel ekonomikament vijabbli, |
|
— |
ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u miżuri relatati mal-klima, |
|
— |
żamma tal-bilanċ territorjali u tad-diversità taż-żoni rurali. |
2.2 L-istrumenti tal-PAK tal-futur
2.2.1 Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-pagamenti diretti diżakkoppjati jibqgħu l-istrument prinċipali ta’ appoġġ għall-agrikoltura Ewropea (pagament dirett bażiku diżakkoppjat li jkun ugwali għall-produtturi kollha minn ċertu reġjun jew Stat Membru). Sabiex jittejbu l-effettività u l-ugwaljanza, hija prevista bidla mill-pagamenti storiċi għal pagament fiss u uniformi abbażi tal-erja (pagament bażiku). Madankollu, il-kundizzjonijiet ekonomiċi u naturali li jvarjaw minn reġjun għal ieħor fl-UE u li huma soġġetti għalihom il-bdiewa jirrikjedu li jkun hemm tqassim ġust tal-pagamenti diretti. Dan il-pagament ser ikun ibbażat fuq titoli trasferibbli, li għandhom jiġu implimentati fuq artijiet agrikoli, soġġetti għall-ħarsien tar-rekwiżiti tal-kundizzjonalità, li għandhom ikunu ssemplifikati u integrati mal-għanijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Il-KESE jipproponi li titqies l-introduzzjoni ta’ limitu massimu ta’ għajnuna li jirċievu l-irziezet (“capping”). L-impatt ta’ dan jista’ jittaffa abbażi tal-livelli tal-impjiegi.
2.2.2 Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-PAK ta’ wara l-2013 għandha tipprevedi żewġ tipi oħra ta’ pagamenti diretti li jingħataw biex jinċentivaw agrikoltura aktar ekoloġika (għajnuna diretta aktar ekoloġika): 1) pagament għal kull ettaru, applikabbli fl-UE kollha, ipprovdut bi skambju għall-adozzjoni mill-bdiewa ta’ prattiki agroambjentali, li jmorru lil hinn mill-kundizzjonalità bażika (eż. mergħat permanenti, newba (tal-uċuħ tar-raba’), artijiet imwarrba għal raġunijiet ekoloġiċi, eċċ.); 2) pagament ieħor abbażi tal-erja mogħti lill-bdiewa li jaħdmu f’żoni żvantaġġati u/jew bi żvantaġġi naturali speċifiċi, li jikkumplimenta l-appoġġ mogħti fl-ambitu tat-tieni pilastru tal-PAK.
2.2.3 Huma previsti xi eċċezzjonijiet b’rabta mad-diżakkoppjament. Għal xi reġjuni u għal produzzjonijiet speċifiċi, hija prevista l-possibilità li tingħata għajnuna akkoppjata fi ħdan limiti finanzjarji speċifiċi. Hija prevista sistema speċifika u ssemplifikata ta’ għajnuna għall-bdiewa ż-żgħar sabiex jiġi evitat it-telf ta’ impjiegi fiż-żoni rurali. B’risposta għall-kritika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-mekkaniżmi ta’ funzjonament tal-pagamenti diretti, qiegħed jiġi propost li l-appoġġ jingħata lill-bdiewa attivi biss.
2.2.4 Fil-fehma tal-Kummissjoni, hemm bżonn li jinżammu xi miżuri tas-suq. Dawn l-istrumenti għandhom ikunu jistgħu jiġu attivati f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi bħala prekawzjoni kontra każijiet ta’ emerġenza. Qiegħed jiġi propost b’mod partikolari li jiġi estiż il-perjodu ta’ intervent, li tiġi applikata l-klawżola ta’ salvagwardja u tal-ħżin privat għal prodotti oħra u, fl-aħħar, li jittejbu l-kontrolli. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tħabbar il-preżentazzjoni ta’ proposti għall-istabbilizzazzjoni tas-suq tal-ħalib u tenfasizza l-ħtieġa ta’ diskussjoni dwar il-futur tas-settur taz-zokkor. Barra minn hekk, il-PAK ta’ wara l-2013 ser tipprovdi għall-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi fir-rigward tal-funzjonament tal-katina alimentari u t-titjib tas-setgħa ta’ negozjar tal-bdiewa.
2.2.5 Skont il-Kummissjoni, l-istruttura ġenerali tal-PAK ser tibqa’ msejsa fuq żewġ pilastri. L-appoġġ mogħti lill-iżvilupp rurali għandu jkun immirat aktar lejn il-kompetittività, l-innovazzjoni, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-ambjent u għandu jikkonforma mal-Istrateġija Ewropa 2020. F’din il-perspettiva u fil-qafas tat-tieni pilastru huwa previst li jiġu introdotti strumenti għall-ġestjoni tar-riskji li l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw sabiex jiggarantixxu l-istabbilizzazzjoni tal-produzzjoni u tad-dħul agrikolu.
3. Kummenti ġenerali
3.1 Il-KESE jinnota li fil-Komunikazzjoni tagħha l-Kummissjoni tilqa’ l-osservazzjonijiet li ġejjin li saru fl-opinjonijiet tiegħu preċedenti (4):
|
— |
il-ħtieġa ta’ distribuzzjoni bilanċjata tar-riżorsi bejn l-Istati Membri; |
|
— |
il-ħtieġa li ma tibqax tintuża r-referenza storika għall-kwantifikazzjoni tal-valur tat-titoli tal-pagament uniku; |
|
— |
l-introduzzjoni ta’ pagament uniku aktar ekoloġiku sabiex jiġu indirizzati l-isfidi l-ġodda, b’mod speċjali it-tibdil fil-klima, l-enerġija rinnovabbli, il-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma u l-bijodiversità (5), biex l-għajnuna li tingħata lill-bdiewa tirrifletti aħjar il-livell tal-prodotti u u s-servizzi pprovduti mill-bdiewa lill-komunità u li normalment ma jiġux imħallsa mis-suq u sabiex jingħata kumpens għall-ispejjeż żejda tal-bdiewa li jaħdmu f’żoni bi żvantaġġi klimatiċi u naturali, |
|
— |
il-ħtieġa li l-pagamenti diretti jingħataw biss lill-bdiewa attivi permezz ta’ metodi li jikkunsidraw l-impjiegi li jeżistu u dawk li jinħolqu f’kull razzett, kif ukoll li jikkunsidraw b’mod partikolari l-intensità tax-xogħol imħallas u dak mhux imħallas, inklużi x-xogħlijiet kuntrattwali agrikoli u tal-foresterija. |
3.2 Fl-opinjoni NAT/449 “Ir-riforma tal-PAK fl-2013”, il-KESE jħeġġeġ “lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex, qabel ma jindirizzaw il-kwistjoni tal-finanzjament, jibdew billi jfasslu bl-aktar mod ċar l-għan preċiż tal-PAK u jkomplu billi jindikaw il-finanzjamenti u l-istrumenti meħtieġa biex dan l-għan jintlaħaq.” Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni ma ssegwix l-istess sekwenza loġika fit-test tal-Komunikazzjoni Għalhekk jitlob li l-Kummissjoni tiċċara r-rabtiet li jeżistu bejn l-għanijiet, l-istrumenti u r-riżorsi finanzjarji tal-PAK ta’ wara l-2013.
3.3 Għanijiet
3.3.1 Fl-opinjoni tiegħu NAT/449 il-KESE jfakkar li “l-PAK ta’ wara l-2013 għandha tkun iggwidata […] mill-mudell agrikolu Ewropew, li għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji tas-sovranità tal-ikel, is-sostenibilità u l-ħtiġijiet ġenwini tal-bdiewa u l-konsumaturi”. Il-KESE beħsiebu jenfasizza l-għanijiet ewlenin li fuqhom għandha tkun ibbażata l-PAK:
|
— |
li tikkontribwixxi għal provvista tal-ikel sigura, kwantitattiva u kwalitattiva fil-livell Ewropew u dinji (6); |
|
— |
li tikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni tas-swieq (7) billi tiġi limitata, b’mod partikolari, il-varjabilità tal-prezzijiet tal-prodotti agrikoli; |
|
— |
li tappoġġja d-dħul tal-bdiewa Ewropej li jaqilgħu inqas minn operaturi attivi fis-setturi l-oħra tal-ekonomija Ewropea (8); |
|
— |
li taqbel dwar il-ħolqien ta’ sistema ta’ regoli kummerċjali li jippermettu li jinżamm il-mudell agroalimentari Ewropew u li jiġu evitati d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni; |
|
— |
li tippermetti lill-bdiewa li jirkupraw il-poter fis-suq mill-operaturi kummerċjali, b’mod partikolari dawk li joperaw fuq skala kbira (9); |
|
— |
li tippromovi l-użu sostenibbli tar-riżorsi u l-konservazzjoni tal-abitat naturali u tal-bijodiversità, biex b’hekk l-agrikoltura u l-forestrija jaqdu rwol iktar attiv fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima (10); |
|
— |
li tappoġġja l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti lokali ta’ kwalità fiż-żoni rurali permezz tal-promozzjoni ta’ metodi alternattivi ta’ distribuzzjoni (11); |
|
— |
li toħloq il-kundizzjonijiet legali għall-ġestjoni min-naħa tal-bdiewa tal-ktajjen qosra u trasparenti; |
|
— |
li tippromovi, b’referenza għall-Istrateġija Ewropa 2020, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni (tkabbir intelliġenti), l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli (tkabbir sostenibbli), kif ukoll it-tisħiħ tal-potenzjal tal-impjiegi fiż-żoni rurali (tkabbir inklużiv) fir-rispett tal-prattiki tajbin fil-qasam tal-impjiegi, tal-kuntratti tax-xogħol u tax-xogħol agrikolu staġjonali fl-Ewropa u lil hinn minnha. |
3.3.2 It-tema tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel bi prezz raġonevoli tibqa’għan prijoritarju tal-agrikoltura tal-UE, fil-kuntest ta’ xenarju dinji kkaratterizzat minn pressjoni demografika u miż-żieda fil-konsum li jeħtieġu risposta politika u strateġika bbażata fuq l-iżvilupp u s-sigurtà globali tal-ikel.
3.3.3 Il-KESE jemmen li l-bdiewa Ewropej jixtiequ “jiksbu ħlas adatt għall-bejgħ tal-prodotti tagħhom fis-suq u għas-servizzi ta’ utilità soċjali li jwettqu fil-qafas tal-mudell agrikolu Ewropew” (12). Għaldaqstant il-PAK ma tistax tillimita ruħha għat-tqassim tal-fondi. F’dan ir-rigward, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tiċċara kif il-PAK tista’ tiffaċċja l-problema tal-istabbilizzazzjoni tas-swieq billi tipproponi b’mod partikolari soluzzjonijiet għall-problema tal-prezzijiet u tad-dħul agrikoli.
3.3.4 Il-politika agrikola Ewropea u l-politiki tal-iżvilupp rurali għandhom ikunu mmirati lejn l-innovazzjoni u l-kompetittività. Il-KESE jsostni li għandu jissaħħaħ il-kontribut li jagħtu l-politiki tal-UE tal-iżvilupp rurali u tal-foresterija għall-konservazzjoni tal-bijodiversità, il-ġbir tal-karbonju, il-produzzjoni u l-iffrankar tal-enerġija, l-iżvilupp u l-promozzjoni tal-prodotti tal-ikel u għall-iżvilupp ibbilanċjat tat-territorji. L-iżvilupp rurali jista’ joħloq opportunitajiet kummerċjali ġodda u iktar impjiegi fiż-żoni rurali permezz tal-promozzjoni tad-diversifikazzjoni tal-opportunitajiet ta’ dħul fl-agrikoltura. Fl-aħħar, hemm bżonn li wieħed ifakkar li l-attività tal-ipproċessar tal-prodotti tal-ikel hija waħda mill-attivitajiet ekonomiċi ewlenin li ssir fiż-żoni rurali. F’dan ir-rigward l-iżvilupp rurali m’għandux jittraskura l-appoġġ għall-intrapriżi agroalimentari fiż-żoni rurali li, flimkien mal-bdiewa, iwettqu azzjonijiet ta’ riċerka u żvilupp, ta’ taħriġ, innovazzjoni u promozzjoni tal-esportazzjonijiet u għall-intrapriżi involuti f’inizjattivi ta’ kooperazzjoni bejn il-kumpaniji (pereżempju joint ventures) bil-għan li tissaħħaħ id-dimensjoni kompetittiva tagħhom fis-suq.
3.3.5 Il-KESE jfakkar li l-volatilità tal-prezzijiet fis-swieq agrikoli, minkejja li hi problema marbuta mas-settur, saret aktar serja dawn l-aħħar snin minħabba fatturi differenti fosthom il-kundizzjonijiet estremi tat-temp, il-prezzijiet tal-enerġija, il-fenomeni tal-ispekulazzjoni u ż-żjieda fit-talba dinija minħabba t-tkabbir tal-popolazzjoni. F’dan ir-rigward, il-KESE jfakkar li l-prezzijiet tal-prodotti agrikoli, wara li żdiedu b’mod sinifikanti fil-perjodu 2006-2008 u batew minn tibdil kostanti, reġgħu bdew jiżdiedu f’dawn l-aħħar xhur Il-KESE jqis li dan it-tibdil estrem fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli għandu konsegwenzi negattivi kemm għall-produtturi kif ukoll għall-konsumaturi. Huwa mħasseb ukoll li anki fl-UE l-investituri li ma jagħmlux parti mis-settur agrikolu jippruvaw jixtru dejjem iktar artijiet għal skopijiet ta’ investiment u ta’ spekulazzjoni, ħaġa li żgur mhijiex konsistenti mal-mudell agrikolu Ewropew.
3.3.6 Il-PAK il-ġdida għandha tippromovi u tappoġġja l-intrapriżi l-ġodda, billi tiġbed b’mod partikolari ż-żgħażagħ lejn is-settur, sabiex tiggarantixxi ġejjieni għall-agrikoltura Ewropea. Il-bidla ġenerazzjonali fl-agrikoltura hija meħtieġa, billi 7 % biss tal-bdiewa Ewropej għandhom inqas minn 35 sena u billi f’xi Stati Membri s-sitwazzjoni hija aktar serja minn hekk. Fis-sitwazzjoni attwali, sid minn kull tlieta għandu aktar minn 65 sena fl-UE-27 u ħafna ser joħorġu bil-pensjoni fis-snin li ġejjin. F’dan ir-rigward jeħtieġ li l-PAK tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ politika b’dimensjoni Ewropea għad-dħul fl-agrikoltura fl-istess ħin li tiżviluppa politika tal-impjiegi ambizzjuża u sinerġetika fis-settur agrikolu.
3.4 Strumenti
3.4.1 Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-pagamenti diretti tal-PAK għall-konservazzjoni tal-mudell agrikolu Ewropew. Il-pagamenti diretti fil-fatt isostnu l-bdiewa Ewropej li joffru prodotti u servizzi pubbliċi li għandhom valur kbir għall-komunità u li, mill-banda l-oħra, ma jiġux imħallsa b’mod adegwat mill-prezzijiet li joħorġu mis-swieq agroalimentari.
3.4.2 Hemm bżonn li jiġi ssemplifikati l-metodi ta’ funzjonament tal-istrumenti tal-PAK l-ġdida u, b’mod partikolari, tal-pagament uniku. Il-KESE jaqbel mal-ħtieġa li jiġu ssemplifikati l-obbligi tal-kundizzjonalità ambjentali filwaqt li jitlob li s-sistemi ta’ kontroll u tal-proċeduri relatati mat-tnaqqis tal-pagamenti jiġu razzjonalizzati. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-metodi ta’ aċċess għall-pagamenti diretti aktar ekoloġiċi għandhom iħaffu u jippromovu l-aċċess tal-irziezet għall-għajnuna tal-PAK. F’dan ir-rigward, kif ukoll fid-dawl tal-estensjoni possibbli tal-kundizzjonalità (pereżempju, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma), il-KESE jitlob li l-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-impatt ta’ din id-dispożizzjoni filwaqt li tidentifika proċeduri ta’ implimentazzjoni li ma jwasslux għal komplikazzjonijiet oħra għall-bdiewa.
3.4.3 Il-KESE jaqbel mal-prinċipju li l-pagamenti bażiċi li għandhom jiġu divrenzjati fil-livell reġjonali għandhom ikunu assoċjati b’mod obbligatorju ma’ prestazzjonijiet ambjentali speċifiċi. Id-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa juru li jista’ jkun diffiċli li wieħed jissepara l-element ambjentali tal-ewwel pilastru (pagamenti diretti aktar ekoloġiċi) mill-miżuri agroambjentali tat-tieni pilastru.
3.4.4 Il-KESE jaqbel mal-introduzzjoni ta’ kriterju ġdid għad-definizzjoni tal-ammont tal-pagament dirett. F’dan ir-rigward, il-KESE jipproponi diskussjoni dwar l-identifikazzjoni tat-territorju ta’ referenza sabiex jiġi ddeterminat il-komponent bażiku tal-pagament dirett (Ewropew, nazzjonali jew reġjonali). Barra minn hekk, il-KESE jipproponi li tiġi vverifikata l-possibilità li komponent tal-pagament dirett jiġi soġġett għal-livell ta’ intensità tax-xogħol u għall-adozzjoni ta’ prattiki tajba oħra għall-kompetittività, ix-xogħol u l-innovazzjoni.
3.4.5 Il-KESE jaqbel mal-għażla li tiġi introdotta skema ta’ appoġġ sempliċi u speċifika għall-irziezet iż-żgħar. F’dan ir-rigward il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tiċċara r-rekwiżiti li ser jiġu adottati għall-identifikazzjoni tal-irziezet iż-żgħar. Il-KESE b’mod speċjali jħeġġeġ li jiġu kkunsidrati d-differenzi strutturali speċifiċi li jikkaratterizzaw l-agrikolutura fid-diversi Stati Membri.
3.4.6 Il-KESE jistaqsi lilu nnifsu x’ser ikunu l-konsegwenzi tal-proċess ta’ adattament tal-istrumenti tas-suq (il-prezzijiet garantiti, id-dazji, is-sussidji għall-esportazzjoni, il-ħażna pubblika, il-kwoti, artijiet iimwarrba għal raġunijiet ekoloġiċi, eċċ.). F’dan ir-rigward huwa jenfasizza li n-netwerks tas-sigurtà waħedhom mhumiex biżżejjed biex jiżguraw l-istabbilizzazzjoni tas-swieq tal-prodotti agrikoli u biex isolvu, b’mod partikolari, il-problemi fis-settur tal-prodotti tal-ħalib (13). Bil-għan li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa produtturi fil-katina tal-valur u li tiġi miġġielda l-instabilità tal-prezzijiet u l-poter eċċessiv fis-suq tal-bejjiegħa bl-imnut li joperaw fuq skala kbira, iqis opportun li, fil-PAK ta’ wara l-2013, jiġu adottati strumenti speċifiċi ġestiti direttament mill-bdiewa jew mir-rappreżentanti tagħhom għall-konċentrazzjoni tal-provvista u għat-titjib tar-relazzjonijiet kummerċjali, billi jintużaw miżuri u strumenti li diġà ġew ittestjati f’xi organizzazzjonijiet komuni tas-swieq agrikoli.
3.4.7 Il-KESE jappella biex jissaħħu l-azzjonijiet previsti mill-PAK immirati lejn il-valorizzazzjoni u l-promozzjoni tal-prodotti agroalimentari lokali u ta’ kwalità fis-swieq tal-Ewropa u tal-pajjiżi terzi, anke sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-setturagroalimentari u biex jiżdied l-għarfien dwar il-varjetà tal-prodotti alimentari tal-UE u jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-konsumaturi u jinfetħu swieq ġodda f’pajjiżi barranin. F’dan ir-rigward, il-KESE jixtieq ukoll li jiġu introdotti prattiki tajba ta’ tikkettar tal-prodotti agrikoli anke sabiex tiġi indirizzata t-talba kollettiva dejjem tikber għall-informazzjoni u t-trasparenza.
3.4.8 Il-KESE jfakkar li fl-UE hemm aktar minn 40 miljun persuna fqira li m’għandhomx biżżejjed x’jieklu. F’dan ir-rigward, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ il-miżuri tal-PAK dwar id-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel lil min hu l-aktar fil-bżonn fil-Komunità.
3.4.9 L-iżvilupp rurali jista’ jagħti kontribut biex jinqdew il-ħtiġijiet tas-setturi u ż-żoni rurali. Il-KESE huwa favur iż-żamma tal-istruttura attwali tal-PAK li tiddistingwi bejn żewġ pilastri, filwaqt li tippromovi d-distribuzzjoni mill-ġdid tal-miżuri ta’ kompetenza ta’ kull wieħed miż-żewġ pilastri u livell ogħla ta’ kumplimentarjetà tal-miżuri promossi (14).
3.4.10 B’konformità mal-“mudell agrikolu Ewropew”, wieħed mill-kompiti essenzjali tal-PAK huwa li żżomm il-produzzjoni agrikola fil-partijiet kollha tal-UE. B’rabta ma’ dan, il-KESE jenfasizza l-importanza speċjali tal-miżuri għaż-żoni żvantaġġati fil-qafas tal-iżvilupp rurali. Fi kwalunkwe każ, il-miżuri tajbin, bħal dawk maħsuba biex jikkumpensaw l-iżvantaġġi naturali u klimatiċi, għandhom jitkomplew sabiex tinżamm l-akbar kontinwità possibbli.
3.5 Il-baġit tal-UE u r-riżorsi finanzjarji għall-PAK
3.5.1 Il-KESE jsostni li l-għanijiet tas-soċjetà moderna għall-agrikoltura Ewropea huma tassew ambizzjużi u diffiċli. Dawn jitolbu futur dejjiemi għall-PAK bi strumenti effikaċi biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti permezz ta’ sistemi ta’ implimentazzjoni effiċjenti u riżorsi finanzjarji adegwati (15). Barra minn hekk huwa assolutament meħtieġ li l-PAK tiġi integrata fil-politiki Komunitarji l-oħra kollha (intrapriżi, miżuri għall-klima, politiki intersettorjali, ekonomija, finanzi u fiskalità, impjiegi u drittijiet soċjali, enerġija u riżorsi naturali, ambjent, konsumaturi u saħħa, relazzjonijiet esterni u affarijiet barranin, reġjuni u żvilupp lokali, xjenza u teknoloġija).
3.5.2 Fil-fehma tal-KESE, fid-diskussjoni dwar il-PAK fl-2020 jeħtieġ li wieħed jikkunsidra l-fatt li, b’referenza għall-prospetti finanzjarji u fl-assenza ta’ adattament tal-bilanċ, ser ikun diffiċli li wieħed jilħaq l-għanijiet li l-komunikazzjoni talloka lill-PAK tal-ġejjieni u jiddefendi l-mudell agrikolu Ewropew.
3.5.3 Il-KESE jqis li r-riforma tal-PAK ta’ wara l-2013 hija opportunità sabiex tiġi indirizzata d-diskussjoni dwar id-distribuzzjoni mill-ġdid tar-riżorsi finanzjarji, kemm tal-ewwel kif ukoll tat-tieni pilastru. B’mod partikolari, jeħtieġ li tinstab soluzzjoni għall-problema tad-distribuzzjoni żbilanċjata tar-riżorsi tal-PAK fuq livell nazzjonali li tippenalizza b’mod partikolari lill-Istati Membri l-ġodda. F’dan ir-rigward, sabiex tiġi eliminata r-referenza storika, jeħtieġ li jiġi identifikat kriterju ġdid għad-definizzjoni tal-limitu massimu nazzjonali għall-pagament dirett mogħti lil kull Stat Membru. F’dan ir-rigward, il-KESE jistieden li fi spirtu pragmatiku u b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri, jiġu kkunsidrati kriterji oħra minbarra dak tal-erja agrikola nazzjonali. B’mod partikolari, l-adozzjoni tal-kriterji tal-għoli tal-ħajja, tal-impjiegi u tal-valur miżjud u tad-differenzi bejn il-kundizzjonijiet agroklimatiċi u l-ispejjeż tal-produzzjoni jistgħu jżidu l-kontribut tal-agrikoltura għall-iżvilupp territorjali (16).
3.5.4 Il-KESE jaqbel mal-għażla tal-Kummissjoni li ma jiġux introdotti forom ta’ kofinanzjament nazzjonali tal-azzjonijiet tal-ewwel pilastru. Fir-rigward tat-tieni pilastru, il-KESE jqis li hemm bżonn li jiġi kkonfermat il-kofinanzjament nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-iżvilupp rurali. Il-KESE jikkunsidra daqstant ieħor meħtieġa diskussjoni dwar id-deċiżjonijiet dwar l-ammont ta’ kofinanzjament nazzjonali tal-iżvilupp ruruali sabiex jiġu kkunsidrati d-diffikultajiet baġitarji ta’ bosta Stati Membri u sabiex jiġu promossi prestazzjonijiet aħjar tal-infiq għall-investiment fuq livell nazzjonali (17).
4. Kummenti speċifiċi
4.1 Il-KESE jissuġġerixxi li ssir diskussjoni dwar jekk għandhiex issir reviżjoni tal-leġislazzjoni Komunitarja f’dak li jirrigwarda l-kompetizzjoni fis-settur agroalimentari bil-għan li jittejbu l-mekkaniżmi ta’ funzjonament tas-settur agroalimentari u li jintlaħaq bilanċ mill-ġdid tal-poter fis-suq bejn id-diversi partijiet tal-katina alimentari, b’mod partikolari fir-rigward tad-distribuzzjoni.
4.2 Il-KESE jaqbel li l-istrumenti għall-ġestjoni tar-riskji fil-qafas tal-PAK jissaħħu. Il-KESE jqis li dawn l-istrumenti għandhom jikkontribwixxu biex tonqos il-varjazzjoni fid-dħul u l-instabbiltà tas-swieq. It-tisħiħ tal-istrumenti ta’ assigurazzjoni u l-ħolqien ta’ fondi ta’ mutwalità għandhom jgħinu lill-bdiewa biex jiffaċċjaw ir-riskji tas-saħħa u dawk klimatiċi li ser jiżdiedu fil-futur qrib. Filwaqt li jfakkar fil-kriżi serja li laqtet l-istituzzjonijiet finanzjarji dinija, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tiċċara kemm jista’ jkun malajr il-metodi ta’ tħaddim li ser jiġu adottati għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrumenti. Il-KESE esprima dubji dwar jekk il-miżuri tal-ġestjoni tar-riskju għandhomx jiddaħħlu fit-tieni pilastru, filwaqt li indika li l-obbligu ta’ kofinanzjament nazzjonali jista’ jnaffar lill-Istati Membri milli jimplimentaw dawn l-istrumenti l-ġodda.
4.3 Il-KESE jikkunsidra b’attenzjoni l-proposta tal-Kummissjoni li jiġu promossi l-mezzi ta’ distribuzzjoni alternattivi li jivvalorizzaw ir-riżorsi lokali permezz tal-azzjonijiet previsti fit-tieni pilastru ta’ diffużjoni u konsolidazzjoni tal-prattiki ta’ bejgħ dirett u tas-swieq lokali. Il-KESE jsostni li dawn il-prattiki kummerċjali alternattivi għandhom jiġu appoġġjati anke billi jiġi definit qafas leġislattiv Komunitarju ad hoc.
4.4 Il-KESE jispera li jitnedew mill-ġdid in-negozjati mad-WTO u li r-riżultat tagħhom ikun pożittiv, filwaqt li jfakkar fl-effetti, f’termini ta’ ftuħ addizzjonali tas-swieq agrikoli, li jista’ jkollhom il-ftehimiet kummerċjali, b’mod partikolari mal-Mercosur, fuq il-funzjonament effettiv tal-PAK (18). F’dan ir-rigward il-KESE għandu l-ħsieb li juri kif dan ser iwassal għall-intensifikazzjoni tal-kompetizzjoni u tal-volatilità tal-prezzijiet agrikoli fis-swieq internazzjonali li għandhom jiġu kkunsidrati fil-proċess ta’ riforma tal-PAK kif ukoll fil-modifika tal-istrumenti ta’ stabbilizzazzjoni tas-swieq u l-orjentament mill-ġdid tal-istrument tal-pagamenti diretti. Mill-banda l-oħra, il-kummerċ internazzjonali jista’ jikkontribwixxi b’mod konsiderevoli għad-disponibbiltà tal-ikel billi jżid il-kwantità u jestendi l-varjetà tal-prodotti alimentari fis-suq (19). Il-KESE jfakkar fis-sitwazzjoni żvantaġġata li jinsabu fiha l-bdiewa Ewropej meta mqabbla ma’ dawk mhux Ewropej minħabba l-istandards produttivi Komunitarji obbligatorji. Il-KESE jitlob li jissaħħu s-sistemi ta’ monitoraġġ tal-importazzjonijiet tal-materja prima, li għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti li japplikaw għall-prodotti Ewropej; inkella jkun hemm mhux biss forom ta’ kompetizzjoni inġusta u dumping soċjali, iżda wkoll tnaqqis gravi fil-kwalità tal-produzzjoni agrikola u tal-ipproċessar tal-ikel.
4.5 Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tadotta miżuri utli biex tinstab soluzzjoni għall-problema tan-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ pjanti b’livell għoli ta’ proteini li tikkaratterizza l-agrikoltura Ewropea u li tillimita l-iżvilupp ta’ xi wħud mis-setturi produttivi Komunitarji. F’dan ir-rigward il-KESE jikkunsidra b’interess l-inizjattivi ta’ sinerġija bejn programmi agroenerġetiċi u azzjonijiet għall-promozzjoni tal-produzzjoni ta’ proteini veġetali fl-Ewropa.
Brussell, 16 ta’ Marzu 2011.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) COM(2010) 548 finali –“Il-valutazzjoni tal-2010 tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal- UE għall-bijodiversità”.
(2) Regolament (KE) Nru.73/2009 tal-Kunsill tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16).
(3) Kummissjoni Ewropea, stqarrija għall-istampa IP/10/1527 tat-18 ta’ Novembru 2010.
(4) Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-riforma tal-PAK fl-2013” (ĠU C 354, 28.12.2010, p. 35, punt 5.6.11).
(5) Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19/1/2009 li timmodifika d-deċiżjoni 2006/144/KE dwar il-linji gwida strateġiċi Komunitarji għall- iżvilupp rurali (Perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013) (ĠU L 30, 31.1.2009, p. 112).
(6) Opinjoni tal-KESE dwar “Il-ġejjieni tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013” (ĠU C 318, 23.12.2009, p. 66, punt 2.3).
(7) Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-riforma tal-PAK fl-2013” (ĠU C 354, 28.12.2010, p. 35, punt 5.2) u l-opinjoni tal-KESE dwar “L-evalwazzjoni tal-istat ta’ saħħa tal- PAK u l-ġejjieni tagħha wara l-2013” (ĠU C 44, 16.02.2008, p. 60, punt 7.4.2).
(8) Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-riforma tal-PAK fl-2013” (ĠU C 354, 28.12.2010, p. 35, punt 3.7).
(9) Opinjoni tal-KESE dwar “Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar” (ĠU C 48, 15.2.2011, p. 145, punt 3.6).
(10) Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-riforma tal-PAK fl-2013” (ĠU C 354, 28.12.2010, p. 35, punt 4.7).
(11) Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-riforma tal-PAK fl-2013” (ĠU C 354, 28.12.2010, p. 35, punt 5.5.15).
(12) Opinjoni tal-KEESE dwar “Ir-riforma tal-PAK fl-2013” (ĠU C 354, 28.12.2010, p. 35, punt 5.3.
(13) Opinjoni tal-KESE dwar “L-evalwazzjoni tal-istat ta’ saħħa tal-PAK u l-ġejjieni tagħha wara l-2013” (ĠU C 44, 16.2.2008, p. 60, minn punt 7.4.13 sa 7.4.15) u opinjoni tal-KESE dwar “Ir-riforma tal-PAK fl-2013” (ĠU C 354, 28.12.010, p. 35, Punt 5.5.9).
(14) Opinjoni tal-KESE dwar “Il-ġejjieni tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013”, (ĠU C 318, 23.12.2009, p. 66, punt 4.3).
(15) Opinjoni tal-KESE dwar “Il-ġejjieni tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013” (ĠU C 318, 23.12.2009, p. 66, punt 2.5).
(16) Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-riforma tal-PAK fl-2013” (ĠU C 354, 28.12.2010, p. 35, punti 5.7.4, 5.8.4 u 5.8.5).
(17) Opinjoni tal-KESE dwar “L-evalwazzjoni tal-istat ta’ saħħa tal-PAK u l-ġejjieni tagħha wara l-2013” (ĠU C 44, 16.2.2008, p. 60, punt 7.6.11).
(18) Opinjoni tal-KESE dwar “L-evalwazzjoni tal-istat ta’ saħħa tal-PAK u l-ġejjieni tagħha wara l-2013” (ĠU C 44, 16.2.2008, p. 60, punt 7.4.9).
(19) COM(2010) 127 “Qafas strateġiku tal-UE biex tgħin lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jaffaċċjaw il-problemi tas-sigurtà tal-ikel.”
APPENDIĊI
għall-Opinjoni tal-Kumitat
L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċivew aktar minn kwart tal-voti:
Punt 1.5 Ħassar l-aħħar sentenza ta’ dan il-punt:
“Il-KESE jaqbel mal-għan li l-għajnuniet ta’ appoġġ tal-PAK jiġu limitati għall-bdiewa attivi biss u jippromovul-mudell agrikolu Ewropew permezz ta’ azzjonijiet kemm fi ħdan l-ewwel kif ukoll fit-tieni pilastru. Il-pagamenti kollha tal-ewwel u t-tieni pilastru għandhom jiġu ffinalizzati meta jkunu ġew solvuti l-problemi soċjali, ambjentali u ekonomiċi. Għalhekk il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti definizzjoni ta’ ‘bdiewa attivi’ li tista' tiġi applikata fit-territorju Komunitarju kollu. ”
Riżultat tal-votazzjoni
|
Voti favur |
: |
74 |
|
Voti kontra |
: |
125 |
|
Astensjonijiet |
: |
29 |
Punt 1.7 Ħassar it-test kollu u minfloku daħħal li ġej:
“ Il-KESE ma jistax jaċċetta li jitqiegħed limitu massimu fuq l-għajnuna. Il-bdiewa kollha għandhom jiġu ttrattati b'mod ugwali, irrispettivament mid-daqs tar-razzett tagħhom jew mill-forma legali tiegħu. ‘
Riżultat tal-votazzjoni
|
Voti favur |
: |
62 |
|
Voti kontra |
: |
155 |
|
Astensjonijiet |
: |
20 |