6.4.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 107/49 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-użu tal-iskanners ta’ sigurtà fl-ajruporti tal-UE”
COM(2010) 311 finali
2011/C 107/10
Relatur: is-Sur Bernardo HERNÁNDEZ BATALLER
Nhar il-15 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-użu tal-iskanners ta’ sigurtà fl-ajruporti tal-UE
COM(2010) 311 finali.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Frar 2011.
Matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Frar 2011 (seduta tas-16 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'104 voti favur, 1 vot kontra u 5 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet
1.1 Il-KESE huwa tal-fehma li jinħtieġ li s-sigurtà fl-avjazzjoni tkun interess legali li għandu jiġi protett, iżda jqis li l-Kummissjoni għandha tadotta f'dan ir-rigward approċċ aktar olistiku fejn “l-iskambju tal-intelliġenza u l-analiżi tal-fattur uman” ikunu jikkostitwixxu wkoll elementi essenzjali u mhux biss l-użu ta’ teknoloġiji li joħolqu dubji u riskji serji li, sal-lum il-ġurnata, għadhom hemm.
1.2 L-użu ta’ dan it-tip ta’ skanner jista’ jkun partikolarment ta’ ħsara għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li jirrigwardaw id-dinjità tal-bniedem, il-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data, minħabba l-ħżin, l-istampar, it-trażmissjoni jew iż-żamma mhux dovuti ta’ immaġnijiet li jistgħu jixxandru aktar tard. Il-Kumitat iqis li, fiċ-ċirkustanzi l-oħra, il-passiġġier għandu jkollu d-dritt jagħżel jekk jissottomettix ruħu għal dan it-tip ta’ kontroll jew le (opt out), u tkun xi tkun l-għażla tiegħu, għandu jżomm id-dritt li jsiefer. Fi kwalunkwe każ, għandhom jiġu stabbiliti garanziji legali sodi biex il-persuni li jagħmlu din l-għażla ma jkollhomx piżijiet addizzjonali bħal stennijiet tedjanti fil-kjus tal-kontroll jew tfittxijiet bir-reqqa.
1.3 Fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi studji konklużivi dwar l-impatt potenzjali ta’ dawn l-istrumenti fuq saħħet il-passiġġieri u l-membri tal-persunal li jiġu sottomessi għal dawn il-kontrolli ta’ spiss minħabba l-professjoni tagħhom, għax f'każ ta’ dubju, ikun aħjar li jintuża tip ta’ tagħmir ieħor.
1.4 Il-Kumitat ifakkar lill-Kummissjoni li l-Komunikazzjoni ma tirreferix għal protezzjoni legali effettiva li għandha tiggarantixxi lill-parti l-aktar dgħajfa, jiġifieri l-passiġġier li juża l-linji tal-ajru u l-ajruporti, għax mingħajr dawn il-garanziji proċedurali suffiċjenti, id-drittijiet individwali ma jistgħux jiġu żgurati.
1.5 Fil-fehma tal-Kumitat, għandhom jiġu kkunsidrati b'mod serju l-alternattivi għall-użu tal-iskanners ta’ sigurtà u l-iskanners tal-persuna (body scanners). Bħala alternattiva jistgħu jintużaw sistemi tekniċi biex jiġu lokalizzati b'mod skematiku u rikonoxxuti s-sorsi ta’ theddid, li mbagħad jiġu identifikati bl-eżatt permezz ta’ kontroll bl-idejn.
2. Introduzzjoni u kontenut tal-Komunikazzjoni
2.1 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tittratta s-suġġett tal-iskanners ta’ sigurtà, bħala riżultat tal-użu regolat u dejjem jikber tagħhom fil-livell nazzjonali fl-ajruporti tal-Unjoni Ewropea.
2.2 Skont il-Kummissjoni, huma biss l-istandards komuni Ewropej għas-sigurtà fl-avjazzjoni li jistgħu jipprovdu l-qafas biex jiġi żgurat approċċ armonizzat għall-użu tal-iskanners ta’ sigurtà fl-ajruporti.
2.3 Il-Kummissjoni tqis li s-sigurtà fl-avjazzjoni qiegħda tiffaċċja tipi ġodda ta’ theddid illum; theddid li għalih it-teknoloġiji tradizzjonali ta’ sigurtà użati fl-ajruporti ma jistgħux jagħtu risposta adegwata u effiċjenti. Konsegwentement, xi Stati Membri tal-UE bdew jittestjaw u jinstallaw skanners ta’ sigurtà fl-ajruporti tagħhom. Dan qiegħed jirriżulta fl-użu ta’ regoli differenti madwar l-UE.
2.3.1 “Skanner ta’ sigurtà” huwa t-terminu ġeneriku użat għal teknoloġija li hija kapaċi tidentifika oġġetti li jinġarru taħt il-ħwejjeġ. Diversi forom ta’ radjazzjoni li tvarja fil-wavelength u l-enerġija li toħroġ jintużaw sabiex jiġi identifikat kwalunkwe oġġett distint mill-ġilda tal-bniedem.
2.4 Skont il-liġi tal-UE, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu l-użu ta’ skanners ta’ sigurtà fl-ajruporti tagħhom jew i) billi jeżerċitaw id-dritt tagħhom li japplikaw miżuri ta’ sigurtà li huma aktar stretti mir-rekwiżiti eżistenti tal-UE jew ii) billi jeżerċitaw temporanjament id-dritt tagħhom li jippruvaw proċessi jew metodi tekniċi għal perjodu massimu ta’ 30 xahar.
2.5 Fir-rigward tas-saħħa u b'mod aktar partikolari l-użu ta’ radjazzjoni jonizzanti, il-leġislazzjoni Ewropea taħt it-Trattat tal-Euratom tistabbilixxi limiti għad-dożi ta’ radjazzjoni awtorizzata (ad hoc u fis-sena). Din titlob ġustifikazzjoni leġittima għall-espożizzjoni tal-bniedem għar-radjazzjoni u teħtieġ li jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni biex jiżguraw espożizzjoni kemm jista’ jkun baxxa.
2.6 Il-Kummissjoni tindika li l-prinċipju ewlieni tar-regoli kemm Ewropej kif ukoll internazzjonali huwa li ma jittellgħux f'ajruplan oġġetti ta’ theddida bħal armi, skieken u splussivi (“oġġetti pprojbiti”).
2.6.1 Dan il-qafas regolatorju komuni jipprevedi l-istabbiliment ta’ “waqfa ta’ sigurtà waħda”, li diġà ġiet stabbilita f'xi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, iżda mhux kompletament, u fil-futur din il-waqfa ser tkun l-aktar element importanti ta’ faċilitazzjoni, kemm għall-industrija kif ukoll għall-passiġġieri.
2.7 Taħt il-qafas legali attwali tal-UE għas-sigurtà fl-avjazzjoni, l-Istati Membri u/jew l-ajruporti jingħataw lista ta’ metodi u teknoloġiji għall-iskrinjar u l-kontroll li minnha għandhom jagħżlu l-elementi neċessarji sabiex iwettqu b'mod effettiv u effiċjenti l-kompiti tagħhom tas-sigurtà fl-avjazzjoni.
2.7.1 Il-Kummissjoni tinnota li l-leġislazzjoni attwali ma tippermettix lill-ajruporti jissostitwixxu sistematikament xi wieħed mill-metodi u t-teknoloġiji ta’ skrinjar rikonoxxuti bl-iskanners ta’ sigurtà. Deċiżjoni tal-Kummissjoni, sottomessa għall-proċedura ta’ komitoloġija u appoġġjata mill-Istati Membri u l-Parlament Ewropew biss tista’ tkun il-bażi biex l-iskanners ta’ sigurtà jitħallew jintużaw bħala metodu ieħor eliġibbli għas-sigurtà fl-avjazzjoni.
3. Kummenti
3.1 Il-KESE għandu riservi importanti u serji fir-rigward tal-approċċ tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Fil-prinċipju, hu jopponi l-adozzjoni u l-implimentazzjoni eventwali ta’ regolament fil-futur li jista’ jwassal għal spejjeż kbar għall-individwi, ħaġa li tolqot l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tagħhom. Issa, billi ninsabu f'kuntest fejn it-teknoloġiji jevolvu ħafna, il-Kumitat jista’ biss ikun favur mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sigurtà li juża teknoloġiji inqas intrużivi, jekk is-sistema tkun kompletament affidabbli, ma tkunx ta’ ħsara għad-drittijiet fundamentali u ma tpoġġix saħħet in-nies fil-periklu.
3.1.1 B'mod aktar partikolari, il-Kumitat jindika mill-inqas erba' aspetti tal-Komunikazzjoni li jippreżentaw lakuni legali serji.
3.1.2 L-ewwel nett, il-Kumitat jesprimi dubji fir-rigward tal-adegwatezza tal-għan prinċipali tal-att leġislattiv inkwistjoni (l-introduzzjoni ġeneralizzata fl-ajruporti kollha tal-UE tal-“iskanners ta’ sigurtà”) biex jintlaħaq il-livell massimu ta’ sigurtà fl-avjazzjoni. Anki jekk skont il-Kummissjoni l-introduzzjoni tal-iskanners hija fakultattiva, il-passiġġieri ma jkollhomx l-għażla jekk jissottomettux ruħhom għal dan il-kontroll jew le. Qabel l-adozzjoni ta’ miżura ta’ dan it-tip, għandu jiġi applikat it-“test tal-proporzjonalità” bejn il-ħtieġa tal-adozzjoni tagħha u aspetti oħra bħall-ispejjeż marbuta mal-użu ta’ dawn l-iskanners ta’ sigurtà. Fil-kundizzjonijiet attwali, l-użu ta’ dawn is-sistemi (spejjeż biex jinxtara t-tagħmir bażiku u s-software komplementari) fl-ajruporti kollha tal-UE huwa għali ħafna għall-awtoritajiet pubbliċi, fid-dawl tad-dubji serji dwar l-affidabbiltà ta’ dawn is-sistemi, dwar saħħet in-nies u l-fatt li jistgħu jkunu ta’ ħsara għad-drittijiet fundamentali. Minħabba li dan is-suq jevolvi ħafna, il-KESE jemmen li hu aktar razzjonali li wieħed jistenna teknoloġiji aktar perfezzjonati, inqas intrużivi u li jissodisfaw aħjar l-objettiv mistenni, jiġifieri s-sigurtà fl-avjazzjoni. Fil-fehma tal-Kumitat, għandhom jiġu kkunsidrati b'mod serju l-alternattivi għall-użu tal-iskanners ta’ sigurtà u l-iskanners tal-persuna (body scanners). Bħala alternattiva jistgħu jintużaw sistemi tekniċi biex jiġu lokalizzati b'mod skematiku u rikonoxxuti s-sorsi ta’ theddid, li mbagħad jiġu identifikati bl-eżatt permezz ta’ kontroll bl-idejn.
3.1.3 It-tieni nett, il-Kumitat jesprimi riservi fir-rigward tal-limitazzjoni stretta tad-drittijiet fundamentali li tirriżulta mill-implimentazzjoni futura tar-regolament. B'xorti ħażina, f'qorti fi Florida li tuża sistema ta’ mewġ millimetriku, l-aġenti żammew 35 000 immaġni li xxandru fuq l-internet, u b'hekk inkisru d-drittijiet fundamentali ta’ eluf ta’ persuni.
3.1.4 Fl-aħħar nett, l-għażla tat-tip ta’ att li tagħmel il-Kummissjoni tista’ tiġi ddubitata, l-istess bħall-proċedura ta’ adozzjoni.
3.2 Kollox ma' kollox, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE u f'dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jidher li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma tirrispettax għalkollox it-tliet kriterji – il-ħtieġa, il-proporzjonalità u l-legalità – li għandhom jiġu ssodisfati għall-miżuri kollha adottati mis-setgħat pubbliċi ta’ Unjoni (jew ta’ Stat) tad-dritt, sabiex dawn ma jnaqqsux jew ma jillimitawx l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-persuni.
3.2.1 Fir-rigward tal-ewwel aspett imsemmi, il-Kumitat jesprimi riservi serji dwar ir-rabta inċerta bejn il-miżura proposta (l-introduzzjoni tal-“iskanners ta’ sigurtà”) u t-twettiq ta’ standards ogħla ta’ sigurtà fl-avjazzjoni.
3.2.2 Il-Kummissjoni nnifisha tirrikonoxxi b'mod espliċitu fil-Komunikazzjoni tagħha, meta tivvaluta l-impatt tal-introduzzjoni ta’ metodi u teknoloġiji ġodda wara diversi inċidenti li kienu ta’ periklu għas-sigurtà fl-avjazzjoni f'dawn l-aħħar snin, li din “qed tirriżulta dejjem aktar ineffiċjenti” u, minflok, titlob “approċċ aktar olistiku, fejn l-elementi ewlenin fil-futur ikunu jikkonsistu f'titjib fl-iskambju tal-intelliġenza u fl-analiżi tal-fattur uman”.
3.2.3 Din il-perspettiva taqbel, u dan mhux b'kumbinazzjoni, mal-pożizzjoni tal-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data li, fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea, fassal rapport ad hoc dwar ir-regolamentazzjoni kontroversjali u ddefenda dan l-approċċ fl-opinjonijiet kollha tiegħu dwar l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà Ewropej quddiem it-theddidiet terroristiċi.
3.2.4 Għandu jinstab bilanċ bejn il-ħtieġa ta’ approċċ Ewropew għall-problema tas-sigurtà fl-avjazzjoni mingħajr l-ebda diskriminazzjoni u l-implimentazzjoni definittiva ta’ “waqfa ta’ sigurtà waħda”, b'mod li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali, partikolarment fir-rigward tal-kunsens biex persuna tissottometti ruħha b'mod volontarju għall-kontrolli b'dawn it-teknoloġiji.
3.2.5 Il-pożizzjoni tal-grupp ta’ ħidma tal-Artikolu 29, imwaqqaf mid-Direttiva 95/46/KE hija saħansitra aktar soda. Fil-qafas tal-konsultazzjoni tiegħu adottata fil-11 ta’ Frar 2009, huwa jisħaq li dawn l-iskanners ma jirrappreżentawx alternattiva għal metodi oħra li diġà ntużaw biex jiġu identifikati l-elementi li jippreżentaw theddida għas-sigurtà fl-avjazzjoni, u jasal għall-konklużjoni li sal-lum il-ġurnata m'hemm l-ebda element li juri l-ħtieġa li l-istrumenti ta’ kontroll attwali fl-ajruporti jiġu sostitwiti minn dawn l-iskanners.
3.3 Barra minn hekk, il-Kumitat jesprimi n-nuqqas ta’ qbil tiegħu rigward l-impatt qawwi li l-implimentazzjoni tal-proposta li tirriżulta mill-Komunikazzjoni jista’ jkollha fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali.
3.3.1 Id-drittijiet fundamentali kkonċernati jikkontrastaw ukoll mal-analiżi bir-reqqa tal-valutazzjoni tal-ispiża ekonomika tal-installazzjoni tal-iskanners fl-ajruporti biex il-vantaġġi tagħhom jiġu ġġustifikati b'raġunijiet validi.
3.3.2 Hawnhekk għandu jinstab bilanċ tajjeb bejn il-libertà u s-sigurtà. Dan jitlob interpretazzjoni bir-reqqa tal-leġislazzjoni għal diversi raġunijiet.
3.3.3 L-ewwel nett, id-drittijiet u l-libertajiet l-aktar milquta jagħmlu parti, kważi kollha kemm huma, minn dak li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tqis bħala l-bażi fundamentali, li ma tista’ tintmiss minn ħadd, tal-ordni pubbliku mwaqqfa mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
3.3.4 Konsegwentement, kwalunkwe restrizzjoni ta’ dawn id-drittijiet għandha tiġi applikata b'mod eċċezzjonali, meta ma jkunx hemm flessibilità għal alternattivi oħra legalment inqas vinkolanti, u għandha tkun soġġetta għal kontrolli sopranazzjonali u għandha tkun kompatibbli mal-prattiki ta’ soċjetà demokratika avvanzata. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni għandha, fir-regolament futur, tipprevedi proċeduri sommarji u prijoritarji jew għandha tirreferi għall-proċeduri li diġà jeżistu fl-Istati Membri, biex tirrimedja għall-possibilità ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali.
3.3.5 Barra minn hekk, bħalma tindika l-avukata ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha dwar il-kawża C-345/06 (Heinrich), ukoll b'rabta mal-adozzjoni ta’ att leġislattiv tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni, fl-UE ma jagħmilx sens li wieħed iressaq argumenti li jiġġustifikaw is-sospensjoni jew il-limitazzjoni tal-garanziji tad-drittijiet fundamentali għall-prevenzjoni tar-riskji li jheddu s-sigurtà pubblika u li jistgħu jkunu partikolarment għoljin f'perjodi jew f'ċirkustanzi diffiċli.
3.4 Il-KESE huwa partikolarment preokkupat dwar is-saħħa tal-passiġġieri u l-membri tal-persunal li jiġu sottomessi għall-effett ta’ dawn il-kontrolli minħabba l-professjoni tagħhom. F'dan il-kuntest, rigward il-protezzjoni tas-saħħa li tista’ tiġi garantita mill-użu ripetut ta’ tagħmir sofistikat, il-Kumitat jitlob li dan it-tagħmir għandu jitħaddem minn persunal kwalifikat kif jixraq. Hawnhekk jaqdu rwol importanti l-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin. Bis-saħħa tal-persunal kwalifikat jingħata kontribut għat-tnaqqis tad-diversi kontrolli bil-metal detectors, li huma ta’ ħsara għas-saħħa.
3.5 Il-KESE jittama li l-proposta tal-Kummissjoni tistabbilixxi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa fuq il-bażi tar-riċerka u tal-opinjonijiet xjentifiċi, ikkontrollati kif xieraq, konklużivi, affidabbli u sodisfaċenti għall-passiġġieri u fuq il-bażi tal-prinċipju tal-aktar espożizzjoni baxxa possibbli għall-effetti ta’ ħsara eventwali. Barra minn hekk, għandhom jiġu previsti regoli speċjali għall-passiġġieri sensittivi jew vulnerabbli, bħan-nisa tqal, it-tfal, in-nies b'diżabilità jew dawk li jbatu minn mard li għalih dan it-tip ta’ kontroll mhux rakkomandat.
3.6 Fl-aħħar nett, m'hemm l-ebda prova konklużiva li tiċċertifika li l-użu tal-iskanners ma jagħmilx ħsara għas-saħħa tal-persuni u ma ġiet adottata l-ebda kodiċi ta’ prattiki tajba f'dan il-qasam – f'każ fejn l-użu ta’ dawn l-iskanners isir standard – b'mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Minn din il-perspettiva, il-Kummissjoni għandha tidħol fid-dettall dwar il-kontenut tal-protokolli mfassla biex tinkludi fihom ir-risposti adegwati għat-tħassib dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u tgħarraf lill-passiġġieri b'dawn id-drittijiet b'mod adegwat, b'mod partikolari l-fatt li l-użu tal-iskanners isir fuq bażi strettament volontarja u fl-ebda każ mhu obbligatorju.
3.6.1 Fi kwalunkwe każ, għandha tingħata l-għażla li persuna ma tgħaddix mill-kontroll bl-użu tal-iskanners u għandhom jiġu stabbiliti garanziji legali sodi biex il-persuni li jagħmlu din l-għażla ma jkollhomx inkonvenjenzi oħra bħal stennijiet twal fil-kjus tal-kontroll jew tat-tfittxijiet bir-reqqa. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma jidhrux fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.
3.7 Aspett ieħor li joħloq ċerta perplessità huwa l-approċċ tat-terminoloġija u l-preżentazzjoni tematika tal-proposta tal-Kummissjoni.
3.7.1 Il-Kummissjoni tuża mill-ewwel it-terminu “skanners ta’ sigurtà” li jissostitwixxi dak ta’ “skanners tal-persuna” (body scanners) użat qabel fil-qafas tal-konsultazzjoni pubblika li wettqet dwar din il-kwistjoni bħalma kienet titlob ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ottubru 2008.
3.7.2 Din il-bidla fit-terminoloġija hija mod kif il-Komunikazzjoni li qed tiġi eżaminata ssir politikament aktar attraenti fid-dawl tal-adozzjoni tagħha, bħalma turi l-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni favur l-introduzzjoni ta’ dan it-tagħmir fil-miżuri tas-sigurtà fl-avjazzjoni li għandhom jiġu applikati fl-ajruporti tal-Istati Membri tal-UE.
3.7.3 Huwa għalhekk li, pereżempju fil-paragrafu 34 tal-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tisħaq li l-iskanners jistgħu jissostitwixxu bis-sħiħ it-tekniki l-oħra użati fl-ambitu tas-sigurtà fl-avjazzjoni.
3.7.4 Bl-istess mod, hija tindika fil-paragrafu 45 tal-Komunikazzjoni li, bit-teknoloġija disponibbli llum, “huwa ċar” li dawn l-iskanners “jimmassimizzaw il-probabilità li jiġi identifikat it-theddid u jipprovdulna kapaċità mtejba ta’ prevenzjoni b'mod konsiderevoli”.
3.7.5 Il-Kummissjoni ttenni fil-paragrafu 82 li l-użu ġenerali tagħhom jippermetti lill-ajruporti kbar jiksbu “aktar flessibilità u potenzjal biex ikomplu jsaħħu s-sigurtà fl-avjazzjoni”.
3.7.6 Filwaqt li jiġu kkunsidrati l-inċertezzi ta’ natura differenti li hemm fl-użu ta’ dan it-tagħmir u l-impatt li ma jistax jinċaħad tiegħu fuq id-drittijiet u l-libertajiet pubbliċi tal-persuni, ikun aktar adegwat li jiġi ppreżentat test eklettiku li jiddeskrivi l-istat tal-kwistjoni u l-alternattivi possibbli b'mod aktar oġġettiv.
3.7.7 Dawn il-karatteristiki relatati mat-teknika tal-abbozzar użata mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha għandhom konsegwenza fuq l-aħħar aspett imsemmi aktar 'il fuq, li jikkonċerna kemm l-għażla tat-tip ta’ att (regolament) u kemm l-adegwatezza tal-proċedura magħżula għall-adozzjoni tiegħu (proċedura ta’ komitoloġija).
3.8 Kollox ma' kollox, il-Komunikazzjoni toħloq dubji serji mhux dwar il-legalità tagħha iżda dwar il-leġittimità tagħha.
3.8.1 Il-Kummissjoni ċertament tista’ taġixxi f'dan il-qasam fuq il-bażi tal-kompetenzi li jingħatawlha skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
3.8.2 Madankollu, il-Kummissjoni għandha tkun estremament prudenti waqt it-tfassil ta’ proposta daqstant kontroversjali, b'mod partikolari fid-dawl tal-esperjenzi reċenti li minħabba fihom, wara l-kontestazzjonijiet legali, hija kienet obbligata temenda l-atti tagħha stess f'dan il-qasam.
3.8.3 F'dawn iċ-ċirkustanzi, jidher aktar adegwat li tintgħażel deċiżjoni maħsuba għall-Istati Membri kollha, saħansitra anki rakkomandazzjoni, bil-għan li tiġi pprovduta flessibilità akbar lill-awtoritajiet kompetenti u li jingħata aktar ħin biex jiġu ttestjati l-iskanners (fuq bażi volontarja).
3.8.4 Bl-istess mod, ikun tajjeb li jiġi enfasizzat li l-proċedura ta’ komitoloġija segwita mill-Kummissjoni biex tadotta l-proposta leġislattiva futura, għalkemm hija legalment valida, hija wisq ristretta u vaga fir-rigward tat-tfassil ta’ att daqshekk speċifiku.
3.8.5 Dan huwa tassew aktar importanti billi t-Trattat ta’ Lisbona, fl-Artikolu 290 il-ġdid tat-TFUE, iħejji l-pedament ta’ mekkaniżmu ġdid għall-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, tas-setgħat delegati mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew li jawtorizza lil dawn tal-aħħar li jirtiraw id-delega bla ġustifikazzjoni (Artikolu 290(2)(a)). F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tistaqsi lilha nnifisha jekk l-impatt konsiderevoli fuq il-patrimonju legali taċ-ċittadini li jirriżulta mid-dħul fis-seħħ tal-proposta għal regolament, għandux jibbenefika minn qafas istituzzjonali usa' u aktar miftuħ għad-dibattitu pubbliku mal-partijiet ikkonċernati kollha u għall-kompetizzjoni ideoloġika bejn il-partiti politiċi rappreżentattivi kif titlob id-demokrazija parlamentari, li fiha l-Parlament Ewropew, waqt id-dibattitu dwar id-drittijiet fundamentali, għandu jkollu rwol ewlieni, ħaġa li naturalment mhijiex konformi mal-proċedura ta’ komitoloġija.
Brussell, 16 ta’ Frar 2011.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON