6.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/44


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Applikazzjonijiet tas-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS)”

COM(2010) 308 finali

2011/C 107/09

Relatur: is-Sur McDONOGH

Nhar l-14 ta’ Ġunju, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - l-Applikazzjonijiet tas-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS)

COM(2010) 308 finali

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Frar 2011.

Matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Frar 2011 (seduta tas-16 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’112-il vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa’ l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Applikazzjonijiet tas-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS). Huwa jemmen li s-suċċess tal-programmi Ewropej tal-GNSS huwa importanti ħafna għall-prosperità u s-sigurtà futuri tal-UE. Huwa jappella lill-Kunsill, lill-Parlament, lill-Kummissjoni, u lill-Istati Membri biex jagħrfu b’mod xieraq il-potenzjal ta’ din l-infrastruttura kritika, u biex jappoġġjawha b’fondi u riżorsi li jkunu biżżejjed biex tirnexxi.

1.2

Il-GNSS Ewropea hija vitali biex tinkiseb il-viżjoni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv imħaddan mill-Istrateġija Ewropa 2020 (1). It-tkabbir, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-ġid fl-Ewropa ser jiġu affettwati mis-suċċess tal-programm. Minbarra l-benefiċċji sostanzjali għas-sistemi ta’ trasport, il-GNSS hija kruċjali għall-Aġenda Diġitali (2) fir-rigward tal-applikazzjonijiet bħall-użu tal-kompjuter b’kuxjenza tal-kuntest, l-ismart grids u l-Internet tal-Affarijiet.

1.3

Il-Kumitat jiddispjaċih li d-dewmien fit-twettiq tal-GALILEO sewa lill-Ewropa l-opportunità li l-GNSS Ewropea tikseb il-pożizzjoni tat-teknoloġija dominanti fl-Ewropa u lil hinn. Is-sistema tal-GPS tal-Istati Uniti issa hija b’mod ċar il-mexxejja globali fit-teknoloġija tas-soluzzjonijiet GNSS. Dan id-dewmien qed ikompli jiswa ħafna lill-Ewropa meta jitqies id-dħul mitluf mill-bejgħ tat-teknoloġija u tas-servizzi, iżda wkoll meta titqies l-utilità pubblika - sistemi tat-trasport u sistemi tal-enerġija aktar intelliġenti u servizzi tar-riċerka u s-salvataġġ aħjar.

1.4

L-Ewropa għandha bżonn tipprovdi servizzi tal-GNSS Ewropej fl-infrastruttura tagħha stess, u li din ma tkunx tiddependi mill-prijoritajiet tal-Istati Uniti, tar-Russja jew taċ-Ċina għall-affidabbiltà tagħha.

1.5

Minħabba l-fatt li l-GPS inxtered daqstant, il-Kumitat jappella lill-industrija tal-UE biex tiffoka fuq l-interoperabbiltà bejn il-GALILEO u l-GPS, peress li l-applikazzjonijiet li jużaw iż-żewġ kostellazzjonijiet tas-satellita jistgħu jgawdu minn preċiżjoni akbar u disponibbiltà aħjar tas-sinjali.

1.6

L-EGNOS diġà ilha taħdem għal aktar minn sena. Sfortunatament, l-UE diġà qiegħda tard biex timbotta ’l quddiem din l-aġenda ta’ marketing u ta’ innovazzjoni. Il-Kummissjoni għandha bżonn iżżid il-pass tal-iżvilupp u l-innovazzjoni tas-suq, speċjalment jekk wieħed iqis l-ispiża tad-dewmien tal-GALILEO (sa EUR 3 biljun kull sena) u l-kompetizzjoni li qed tiżdied mill-Istati Uniti, ir-Russja, iċ-Ċina u l-Ġappun.

1.7

L-iżvilupp bil-mod tal-applikazzjonijiet downstream tal-GNSS ifisser it-telf tal-innovazzjoni, tal-ħolqien tal-ġid u tal-pożizzjoni fis-suq. Suq prosperu tal-applikazzjonijiet Ewropej tal-GNSS iġib benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali sostanzjali kemm upstream kif ukoll downstream.

1.8

Il-Kumitat jifraħ lill-Kummissjoni u lill-Awtorità ta’ Viġilanza tal-GNSS Ewropea (GSA) għall-ħidma li saret s’issa b’riżorsi limitati ħafna. U fil-kuntest ta’ dawn ir-riżorsi, il-prijoritizzazzjoni tal-oqsma tal-Komunikazzjoni hija loġika, u l-istrateġiji msemmija għal kull qasam huma maħsuba sew ukoll.

1.9

Il-GNSS Ewropea bħalissa għandha sehem żgħir mis-suq globali tal-prodotti u s-servizzi tal-GNSS. Il-Kumitat jappella biex isir pjan tan-negozju dettaljat għal tkabbir aggressiv tal-proporzjon tas-suq, u l-ħatra ta’ tim mill-aqwa ta’ professjonisti tan-negozju b’sengħa kbira li jkunu responsabbli biex jilħqu l-miri. Il-Kumitat jirrakkomanda li għandu jsir kuntratt ma’ kumpanija esperta, taħt id-direzzjoni tal-Kummissjoni u tal-GSA, biex tinkiseb il-kummerċjalizzazzjoni tal-GNSS Ewropea.

1.10

Il-Komunikazzjoni tidentifika b’mod tajjeb il-kwalitajiet tal-preċiżjoni u tal-integrità tal-EGNOS/GALILEO bħala differenzjaturi kompetittivi kbar fis-suq tas-servizzi globali tal-GNSS; iżda dan is-sors ta’ differenzjar qed jittiekel b’ritmu mgħaġġel hekk kif il-kompetituri qed jinvestu fis-sistemi tagħhom u jtejbuhom. Il-Kumitat jemmen li hemm bżonn li jsir investiment kontinwu fit-titjib tas-sistemi EGNOS u GALILEO biex tinżamm is-superjorità teknika. Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni biex b’mod speċjali tidentifika sorsi oħra ta’ differenzjar strateġiku u biex tinvesti fl-iżvilupp ta’ vantaġġ kompetittiv sostenibbli.

1.11

Il-Kumitat jemmen li l-fatt sorprendenti li l-GALILEO ma ssemmix fl-Aġenda Diġitali huwa sinjal ta’ nuqqas ta’ koordinazzjoni fil-ħsieb li sar fil-livell tal-politika fi ħdan il-Kummissjoni. Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tidentifika sinerġiji bejn il-programmi Ewropej tal-GNSS, l-Aġenda Diġitali u l-inizjattivi ewlenin tal-Unjoni għall-Innovazzjoni, b’mod partikolari b’rabta mal-innovazzjoni, l-interoperabbiltà tal-applikazzjonijiet, il-marketing u l-baġits. Jista’ jkun hemm benefiċċji sostanzjali jekk issir ħidma konġunta għall-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet u servizzi intelliġenti u biex jinkisbu l-għanijiet reċiproċi bl-inqas nefqa possibbli.

1.12

Il-Kumitat jappella lill-Kunsill biex jindirizza b’mod urġenti l-kwistjoni tal-iffinanzjar tal-EGNOS/GALILEO. Is-sitwazzjoni attwali ma tgħinx l-isforzi għall-ħolqien ta’ pjattaforma tal-GNSS Ewropea kummerċjali b’saħħitha.

1.13

Il-Kumitat jemmen bis-sħiħ li l-Ewropa għandha tippromovi l-pożizzjoni unika tal-GALILEO bħala l-ewwel GNSS ċivili fid-dinja li hu kompletament mhux militari biex tgħin fil-bini tal-proporzjon tas-suq fil-pajjiżi mhux allinjati, speċjalment fl-Afrika u l-Amerika t’Isfel. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tassumi rwol ta’ tmexxija attiv ħafna fil-Kumitat Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-GNSS (3).

1.14

Il-Kumitat jenfasizza l-importanza ta’ strateġija li tagħti identità u ta’ tikketta ta’ kwalità (4) għat-teknoloġija u s-servizzi tal-EGNOS/GALILEO. Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex tiżviluppa dawn iż-żewġ għodod essenzjali għas-suċċess fis-suq. Ir-riżorsi u l-isforzi se jinħlew jekk ma jkunx hemm strateġija ċara tal-identità fis-suq li fuqha jistrieħu l-isforzi għar-reklamar. U se ssir ħsara irreparabbli għar-reputazzjoni jekk titnieda teknoloġija tal-EGNOS/GALILEO b’disinn, inġinerija u implimentazzjoni ħżiena.

1.15

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal opinjonijiet preċedenti tal-Kumitat dwar il-GALILEO, l-EGNOS, l-Ewropa 2020 u l-Aġenda Diġitali (5).

2.   Kuntest

2.1

Sirna daqstant dipendenti fuq is-servizzi pprovduti min-navigazzjoni bis-satellita fil-ħajja tagħna ta’ kuljum li jekk jiġri li servizz jitnaqqas jew jintefa, potenzjalment dan itellef flejjes kbar (eż. f’termini ta’ dħul għan-negozji, is-sigurtà tat-toroq, eċċ.) lin-negozji, il-banek, it-trasport, l-avjazzjoni, il-komunikazzjoni, eċċ., fost ħafna oħrajn.

2.2

Il-GPS (Stati Uniti), il-GLONASS (Russja) u s-sistemi l-oħrajn żviluppati mill-Indja, il-Ġappun u ċ-Ċina huma sistemi militari taħt kontroll militari - huma veru li jipprovdu servizz ċivili iżda dan is-servizz ċivili jista’ jew jintefa’ jew isir inqas preċiż meta jkunu jixtiequ huma, pereżempju f’każ ta’ kunflitt.

2.3

Il-programmi EGNOS (sistema Ewropea ta’ navigazzjoni b’kopertura ġeostazzjonarja) u GALILEO nbdew f’nofs is-snin disgħin bil-għan li jistabbilixxu Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) Ewropea indipendenti. L-EGNOS hija sistema reġjonali ta’ tisħiħ ibbażata fuq is-satelliti għall-Ewropa li ttejjeb is-sinjali li ġejjin minn sistemi ta’ navigazzjoni bis-satellita li jeżistu diġà, bħall-GPS. Il-GALILEO bħalissa qed jiġi żviluppat bħala is-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita tal-Ewropa.

2.4

L-Impriża Konġunta Galileo (GJU) - korp ta’ sħubija pubblika-privata mwaqqaf fl-2003 u li tneħħa fl-2006 - kien ingħata l-ħidma li jissorvelja l-attivitajiet ta’ żvilupp teknoloġiku tal-GALILEO, iżda, skont il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-GJU kien imxekkel serjament minn kwistjonijiet ta’ governanza, baġit mhux komplet, dewmien u l-organizzazzjoni industrijali tal-fażi ta’ żvilupp u validazzjoni.

2.5

B’riżultat tal-falliment ta’ din is-sħubija pubblika-privata, l-UE ħarġet Regolament fl-2008 biex tieħu l-kontroll u s-sjieda sħaħ tal-programmi EGNOS u GALILEO. Skont ir-Regolament, il-Kummissjoni hija responsabbli għall-ġestjoni tal-programmi; il-kwistjonijiet kollha dwar is-sigurtà tas-sistemi; u l-ġestjoni tal-fondi allokati għall-programmi. L-Awtorità ta’ Viġilanza tal-GNSS Ewropea (GSA) hija responsabbli għas-sigurtà tal-programmi; li tikkontwibwixxi għat-tħejjija tal-kummerċjalizzazzjoni tas-sistemi; u tagħmel ħidmiet oħra marbutin mal-programmi li jingħatawlha mill-Kummissjoni.

2.6

Il-baġit għall-implimentazzjoni tal-programmi għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2013 huwa ta’ EUR 3,405 miljun. Minkejja dan, dan l-iffinanzjar ad hoc ma kienx adatt u ma kienx hemm impenn dettaljat għall-iffinanzjar futur tal-programmi. Din il-problema tal-iffinanzjar xekklet serjament l-isforzi għall-iżvilupp.

2.7

Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Applikazzjonijiet tas-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) jimmira li jqiegħed lill-industrija Ewropea fil-quċċata biex tibbenefika bis-sħiħ mis-suq downstream globali li jiswa madwar EUR 100 biljun bl-użu tal-GALILEO u l-EGNOS. Il-Kummissjoni temmen li l-industrija Ewropea għandha tiġbor l-akbar benefiċċju possibbli mill-investiment fil-programmi. Azzjoni kkoordinata mill-Kummissjoni Ewropea fost l-Istati Membri ser tiġbed l-akbar attenzjoni possibbli għall-bżonn ta’ investiment fir-riċerka, ser tiżgura l-usa’ tixrid possibbli ta’ informazzjoni vitali u ser tottimizza l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni. Dan għandu jevita l-kunflitt ta’ standards u d-duplikazzjoni tal-isforzi jekk isir minn Stati Membri individwali.

2.8

Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Applikazzjonijiet tal-GNSS huwa importanti wkoll biex jiġi massimizzat il-valur maħluq fl-Ewropa mill-inizjattiva ewlenija tal-Ewropa 2020 “Aġenda Diġitali għall-Ewropa”. Pereżempju, il-GNSS Ewropea tista’ tieħu post it-teknoloġija Amerikana, Russa jew Ċiniża li tista’ tintuża għall-Internet tal-Affarijiet.

2.9

Bil-GALILEO l-Ewropa tista’ wkoll tisfrutta l-opportunitajiet ipprovduti min-navigazzjoni bis-satellita b’mod ħafna aktar wiesa’ milli kieku possibbli. Il-GALILEO ser jgħin lill-Ewropa żżomm u tiżviluppa l-għarfien tagħha fis-setturi tal-ispazju, tar-riċevituri u tal-applikazzjonijiet, u b’hekk jiġu żgurati d-dħul ekonomiku u l-impjiegi. Sondaġġi indipendenti u tbassir dwar is-suq jindikaw li dan u l-esternalitajiet f’termini ta’ utilità pubblika (applikazzjonijiet ġodda li jagħmlu t-trasport aktar effettiv, ġestjoni tat-toroq aħjar, traffiku li jniġġes inqas, operazzjonijiet ta’ salvataġġ li jkunu aktar effettivi, eċċ.) għandhom valur ta’ EUR 90 biljun matul l-ewwel għoxrin sena.

2.10

Minkejja dan, il-GNSS Ewropea qed tipprova tistabbilixxi lilha nfisha f’industrija li diġà hija ddominata mis-sistema tal-GPS tal-Istati Uniti. Barra minn hekk, is-sistema GLONASS tar-Russja qed tiżviluppa u ttejjeb is-servizzi pubbliċi tagħha fi żmien qasir filwaqt li s-sistema Ċiniża COMPASS hija mistennija li tibda toffri s-servizzi mis-sena d-dieħla.

2.11

Iċ-Ċina qed tespandi s-sistema reġjonali ta’ navigazzjoni tagħha Beidou fis-sistema globali COMPASS bl-għan speċifiku li toffri servizzi ċivili kompetittivi madwar id-dinja. Sabiex tilħaq din l-ambizzjoni, iċ-Ċina ħadet parti mill-ispettru tar-radju allokat lill-GALILEO, billi qalet li l-Ewropa ma kinitx qed tużah u li għalhekk kellha d-dritt li tieħdu. L-UE qed tipprova ssolvi l-kwistjoni fl-ogħla livell diplomatiku.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Biex jiżguraw l-ekonomija u l-kwalità tal-potenzjal tas-servizz tal-GNSS Ewropea, il-GALILEO u l-EGNOS iridu jsiru l-GNSS standard fl-Ewropa, ikunu interoperabbli mal-GPS u jipprevjenu lill-oħrajn (iċ-Ċina, ir-Russja, eċċ.) milli jieħdu dan il-post.

3.2

L-interoperabbiltà bejn il-GALILEO u l-GPS hija vantaġġ li l-industrija tal-UE trid taħtaf, peress li l-applikazzjonijiet li jużaw iż-żewġ kostellazzjonijiet tas-satellita jistgħu jgawdu minn preċiżjoni akbar u disponibbiltà aħjar tas-sinjali.

3.3

Il-programmi EGNOS u GALILEO jeħtieġu tmexxija ċara u appoġġ sħiħ mingħajr ambigwità mill-UE biex titranġa l-ħsara li saret lill-fiduċja fis-suq minħabba l-waqgħa tas-sħubija pubblika-privata GJU.

3.4

Il-ħolqien u l-effett ta’ lieva tal-vantaġġi kompetittivi tal-GNSS Ewropea huma kritiċi biex din tirnexxi. Dan jinkludi miżuri regolatorji u miżuri oħra tas-suq li l-UE tista’ tuża favur tagħha.

3.5

Strateġija tas-suq ta’ suċċess trid tqis il-perspettiva “prodott/suq/katina tal-valur” għal kull settur inkluż fl-industrija tal-GNSS Ewropea: l-elettronika, is-software, it-telefons ċellulari, ir-radju, il-hardware, is-satelliti u s-servizzi.

3.6

Filwaqt li tirrispetta l-liġijiet internazzjonali dwar il-kompetizzjoni, l-UE għandha wkoll tiddefinixxi s-setturi li fihom jistgħu jiddaħħlu regolamenti ġodda biex isir użu mill-benefiċċji li ġġib magħha l-GNSS, b’mod partikolari l-EGNOS u l-GALILEO: forsi l-UE tista’ tagħmel leġislazzjoni għal oqsma speċjali, bħas-sistemi ta’ navigazzjoni ajrunawtika, li bilfors ikollhom jużaw ir-riċevituri tal-GALILEO fl-applikazzjonijiet u l-prodotti (kif diġà għamlu r-Russi għall-GLONASS). Forsi l-UE tista’ wkoll tiddefinixxi standards minimi ta’ preċiżjoni u ta’ integrità għal ċerti applikazzjonijiet biex jintużaw il-benefiċċji tal-GALILEO u l-kompetizzjoni tintefa’ fi żvantaġġ.

3.7

Meta wieħed iqis l-importanza taċ-chipsets tar-riċevituri (6) għall-penetrazzjoni tas-suq u għall-istrateġija tal-iżvilupp tal-applikazzjonijiet, l-iżvilupp ta’ chipsets tar-riċevituri doppji li jkunu rħas (GPS + GALILEO) huwa importanti immens. In-nefqa għar-riċerka u l-iżvilupp għandha tiġi mmirata b’mod speċjali lejn dan il-għan.

3.8

L-effetti tal-kurva tat-tagħlim (experience curve effects) ikkawżati minn produzzjoni f’volumi kbar huma ta’ importanza kritika għall-manifattura bl-irħis ta’ chipsets tar-riċevituri. Għandu jsir studju speċjali dwar kif l-UE tista’ tiżgura li l-komponenti tar-riċevitur GALILEO jiksbu volumi ta’ manifattura għoljin biżżejjed biex jikkompetu mar-riċevituri unikament tal-GPS.

3.9

Meta tkun qed tqis kif tiżviluppa l-industrija tal-applikazzjonijiet għall-GNSS Ewropea, il-Kummissjoni għandha tieħu r-rwol ta’ mexxejja fil-ħolqien u l-iżvilupp ta’ clusters tal-innovazzjoni.

3.10

Il-Kummissjoni tista’ tgħin biex jitħeġġeġ l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet, prodotti u servizzi għall-GNSS billi tqabbad kumpaniji korporattivi kbar bħala promoturi tal-proġett. Dawn il-promoturi jistgħu forsi jmexxu l-iżvilupp tal-clusters tal-SMEs f’oqsma ta’ applikazzjoni speċifiċi jew fi spazji tal-prodotti/tas-suq.

3.11

It-tħeġġiġ u l-appoġġ tal-intraprenditorija u l-innovazzjoni ser ikunu kruċjali għall-involviment b’suċċess tal-SMEs fl-iżvilupp tas-suq tal-applikazzjonijiet tal-GNSS. Il-Programm dwar l-Intraprenditorija u l-Innovazzjoni għandu jintuża biex irawwem l-involviment tal-SMEs.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   L-istrateġija

4.1.1

Il-GALILEO u l-EGNOS iridu jsiru l-bażi standard tal-GNSS fl-Ewropa.

4.1.2

L-UE għandha taħtaf minnufih l-opportunità biex testendi l-EGNOS biex tkun tkopri l-ajruporti sinifikanti kollha fl-Afrika. Din tkun mossa strateġika intelliġenti fuq tul ta’ żmien u għandha tittieħed qabel ma jkunu l-kompetituri li jieħdu l-azzjoni, speċjalment iċ-Ċina.

4.1.3

L-EGNOS diġà ilha operattiva aktar minn sena. Għandu jkun hemm aktar urġenza fil-programmi ta’ marketing u ta’ innovazzjoni.

4.1.4

Il-Kummissjoni u l-GSA għamlu biċċa xogħol eċċellenti għalkemm kellhom kompitu diffiċli u riżorsi limitati ħafna. Forsi għandu jsir kuntratt ma’ kumpanija esperta bla dewmien biex tinkiseb il-kummerċjalizzazzjoni tal-GNSS Ewropea L-iżvilupp kummerċjali tal-EGNOS u l-GALILEO huwa kritiku għas-suċċess fuq tul ta’ żmien u s’issa ftit sar xogħol dwar din l-isfida vitali u kumplessa.

4.1.5

L-UE għandha bżonn strateġija ta’ żvilupp tas-suq aggressiva, immexxija minn tim b’ħiliet eċċellenti u b’għanijiet ċari li jistgħu jitkejlu.

4.1.6

Hemm bżonn ta’ tmexxija ċara u appoġġ sħiħ mill-UE biex tinqered kull inċertezza li hija mdawra biha l-GNSS.

4.1.7

Il-fiduċja fit-tmexxija u l-immaniġġjar tal-programmi tal-GNSS hija kruċjali għall-appoġġ fi ħdan l-UE u fis-suq. L-istrutturi ta’ tmexxija u ta’ mmaniġġjar li jeżistu bħalissa għandhom jiġu eżaminati biex jiġu evalwati liema tibdiliet jeħtieġ li jsiru.

4.1.8

Il-finanzi addizzjonali għall-programmi ta’ marketing u ta’ innovazzjoni għandhom jinstabu billi ssir ħidma kreattiva u b’sinerġija ma’ inizjattivi oħrajn, bħall-Aġenda Diġitali u l-Unjoni għall-Innovazzjoni.

4.1.9

Strateġija ta’ marketing u ta’ innovazzjoni bbażata fuq il-katina tal-valur/prodott/oqsma tas-suq hija meħtieġa għal kull parti tal-industrija downstream: l-elettronika, is-software, it-telefons ċellulari, ir-radju, il-hardware u s-servizzi.

4.1.10

Il-Kummissjoni għandha tinvestiga s-setturi li fihom jistgħu jiddaħħlu regolamenti ġodda biex isir użu mill-benefiċċji miġjuba mill-applikazzjonijiet u t-teknoloġiji tal-GNSS Ewropea.

4.1.11

Għandhom jiġu identifikati miżuri regolatorji li jiffavorixxu l-għażla tat-teknoloġiji EGNOS/GALILEO fuq teknoloġiji inferjuri, speċjalment għal applikazzjonijiet li jeħtieġu l-fiduċja fil-kontinwità tas-servizz jew livelli għoljin ta’ preċiżjoni u integrità, jew għas-sigurtà.

4.1.12

L-UE għandha tagħmel l-almu tagħha fil-forums Ewropej dwar l-istandards tal-industrija (trasport, avjazzjoni, biedja, eċċ.) biex tikseb il-preferenza għat-teknoloġija EGNOS/GALILEO u biex tippromovi l-interoperabbiltà eżistenti bejn il-GALILEO u l-GPS.

4.1.13

Il-fatt li l-prezz taċ-chipsets tar-riċevituri EGNOS/GALILEO jkun irħas minn dak taċ-chipsets li jirċievu s-sinjali tal-GPS biss, għandu jkun prijorità strateġika ewlenija. L-effetti tal-kurva tat-tagħlim ikkawżati minn produzzjoni f’volumi kbar huma ta’ importanza kritika għall-manifattura bl-irħis ta’ chipsets tar-riċevituri, u għalhekk l-adozzjoni tagħhom minn dawk li jipprovdu s-soluzzjonijiet.

4.1.14

Għandhom isiru sforzi kbar biex jinstabu sinerġiji mal-Aġenda Diġitali u l-inizjattivi tal-Unjoni għall-Innovazzjoni għal programmi ta’ marketing u innovazzjoni kollaborattivi.

4.1.15

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-tħeġġiġ u l-appoġġ tal-intraprenditorija fost l-SMEs sabiex dawn ikunu jistgħu jipprovdu l-applikazzjonijiet tal-GNSS.

4.1.16

Għandu jinbeda programm apposta għall-iżvilupp ta’ clusters tal-innovazzjoni li jkopri l-opportunitajiet kollha tal-prodott/tas-suq għall-EGNOS u l-GALILEO.

4.1.17

Għandha tinħoloq mappa tal-valur biex turi l-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet kollha li jistgħu jew għandhom jiġu involuti fil-ħolqien ta’ teknoloġiji, applikazzjonijiet u servizzi għall-EGNOS/GALILEO. Il-mappa tal-valur għandha turi r-rabtiet eżistenti jew potenzjali bejn il-ħafna atturi differenti. Għandha sservi ta’ għodda b’saħħitha ta’ strateġija biex jiġu identifikati l-opportunitajiet, jiġu analizzati l-problemi u jiġu żviluppati l-pjani.

4.1.18

Kumpaniji korporattivi kbar għandhom jiġu identifikati u mqabbda biex jappoġġjaw u jmexxu formalment l-iżvilupp tal-applikazzjoni tal-GNSS fi ħdan l-Ewropa.

4.2   Innovazzjoni

4.2.1

Il-kwalità tat-teknoloġija u s-servizzi tal-EGNOS/GALILEO introdotti fis-suq dejjem għandha tkun tal-ogħla standard. Għandu jinżamm kontroll tal-kwalità strett fuq l-iżvilupp tat-teknoloġija u l-implimentazzjoni fil-livell tal-utent finali.

4.2.2

Għandhom jinstabu sorsi ġodda ta’ differenzjar lil hinn mill-preċiżjoni u l-integrità, forsi permezz tal-innovazzjoni tal-mudell tan-negozju li joħloq offerti mtejba li jingħaqdu ma’ teknoloġiji u servizzi oħrajn.

4.2.3

F’kooperazzjoni mal-Aġenda Diġitali u l-programmi tal-Unjoni għall-Innovazzjoni, għandhom jitħeġġu l-prodotti u s-servizzi intelliġenti li jużaw teknoloġiji u komponenti tas-servizz integrati.

4.2.4

Il-forum dwar l-applikazzjonijiet għandu jfittex parteċipanti ’l barra mill-oqsma attwali tat-teknoloġija u s-servizzi. Involviment bħal dan jistimola l-innovazzjoni u l-ħsieb kreattiv lil hinn mis-sorsi identifikati attwalment.

4.2.5

L-iżvilupp ta’ chipsets doppji GPS/EGNOS/GALILEO irħas għandu jkun prijorità.

4.2.6

Hemm bżonn ta’ strateġija biex jintużaw b’mod suffiċjenti l-effetti tal-kurva tat-tagħlim ikkawżati mill-produzzjoni f’volumi kbar għax dawn huma kruċjali għall-manifattura bl-irħis ta’ chipsets tar-riċevituri, sabiex il-prezzijiet taċ-chipsets tal-EGNOS/GALILEO jkunu jistgħu jikkompetu maċ-chipsets li jirċievu s-sinjali tal-GPS biss.

4.3   Marketing

4.3.1

Il-ħidma biex jiġi żviluppat is-suq tal-applikazzjonijiet tal-GNSS għandha tkun f’idejn professjonisti tal-marketing. L-istrutturi attwali u l-persunal għandhom jiġu riveduti b’rabta ma’ dan ir-rekwiżit. Forsi hemm bżonn li jsir kuntratt ma’ kumpanija esperta biex tagħmel dan ix-xogħol taħt id-direzzjoni tal-Kummissjoni u tal-GSA.

4.3.2

Pjan ta’ marketing dettaljat, meqjus tajjeb u ffinanzjat b’mod sħiħ huwa essenzjali għat-twettiq b’suċċess tal-Pjan ta’ Azzjoni.

4.3.3

Għandhom jitwaqqfu għanijiet SMART biex jikber il-proporzjon globali tad-dħul downstream mill-GNSS. Dawn il-miri għandhom jitwaqqfu għal kull suq immirat u għal kull segment tal-katina tal-valur.

4.3.4

Għandha tiġi żviluppata strateġija globali ta’ identità għall-EGNOS/GALILEO biex jiġu allinjati l-għanijiet, jiġi enfasizzat il-valur tad-“ditta”, jiġu ssemplifikati l-komunikazzjonijiet tas-suq u jiġu ċċarati l-prijoritajiet tas-suq.

4.3.5

Għandha titnieda kampanja ta’ edukazzjoni u ta’ komunikazzjoni pubblika li tkun immirata u ffinanzjata tajjeb għall-promozzjoni tal-EGNOS/GALILEO fost iċ-ċittadini. Dan għandu jsir biss fil-kuntest ta’ strateġija ta’ identità adatta.

4.3.6

Għandha tiġi żviluppata tikketta ta’ kwalità għat-teknoloġiji kollha approvati tal-EGNOS/GALILEO sabiex l-isem EGNOS/GALILEO ikun jista’ jitħares minn ħsara fir-reputazzjoni.

4.3.7

L-evanġelisti (il-promoturi) għandhom ikunu impenjati li jferrxu l-kelma u jikkonvinċu lill-SMEs jaħtfu din l-opportunità ta’ żvilupp.

4.3.8

Għandhom jiġu identifikati u mħajra jiġu involuti promoturi u nies li jinfluwenzaw l-opinjonijiet mis-swieq immirati kollha, speċjalment minn fost il-kumpaniji korporattivi kbar.

Brussell, 16 ta’ Frar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  EWROPA 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv – COM(2010) 2020.

(2)  Aġenda Diġitali għall-Ewropa - COM(2010) 245 finali.

(3)  http://www.oosa.unvienna.org/oosa/SAP/gnss/icg.html

(4)  B’tikketta ta’ kwalità, il-Kumitat ifisser sistema ta’ trademark biex il-provvedituri approvati tat-teknoloġija EGNOS/GALILEO jingħataw liċenzja biex ibigħu teknoloġija u soluzzjonijiet li jkunu jilħqu standards tekniċi ta’ eċċellenza stretti. Pereżempju, din it-tip ta’ sistema ta’ trademark intużat b’suċċess mill-WiFi Alliance globali biex taċċellera s-suċċess tas-suq tat-teknoloġija “wireless LAN”. Ara http://en.wikipedia.org/wiki/Wi-Fi_Alliance

(5)  ĠU C 221, 8.9.2005, p. 28 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 317, 23.12.2009, p. 103–104 u ĠU C 54, 19.2.2011; p. 58.

(6)  Chipset huwa grupp ta’ ċirkwiti jew chips integrati, li huma mfassla biex jaħdmu flimkien. Normalment jiġu kummerċjalizzati bħala prodott wieħed. Normalment chipset huwa ddisinjat biex jaħdem ma’ familja speċifika ta’ mikroproċessuri. Minħabba li jikkontrolla l-komunikazzjonijiet bejn il-proċessur u l-istrumenti esterni, iċ-chipset għandu rwol kruċjali biex jiddetermina l-prestazzjoni tas-sistema.