|
6.4.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 107/26 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2000/25/KE fir-rigward tad-dispożizzjonijiet għat-tratturi mqiegħda fis-suq skont l-iskema tal-flessibbiltà”
COM(2010) 607 finali – 2010/0301 (COD)
2011/C 107/05
Relatur uniku: is-Sur RANOCCHIARI
Nhar l-10 ta' Novembru 2010, il-Parlament Ewropew u, nhar l-24 ta' Novembru 2010, il-Kunsill, iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2000/25/KE fir-rigward tad-dispożizzjonijiet għal tratturi mqiegħda fis-suq skont l-iskema tal-flessibbiltà
COM(2010) 607 finali – 2010/0301 (COD).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta' Frar 2011.
Matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Frar 2011 (seduta tas-16 ta' Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'144 vot favur, l-ebda vot kontra u 5 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) huwa konvint li t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' ħsara tal-monossidu tal-karbonju, l-ossidu tan-nitroġenu, l-idrokarburi u l-partikolati mill-magni ta' tratturi maħsuba għall-agrikoltura u għall-foresterija huwa indispensabbli biex jintlaħqu l-livelli ta' kwalità tal-arja previsti mill-UE. |
|
1.2 |
Il-Kumitat huwa daqstant ieħor konvint li, speċjalment f'perjodu ta' kriżi globali, fil-qasam finanzjarju, ekonomiku u tax-xogħol, hemm bżonn li l-industrija Ewropea li tipproduċi t-tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija tiġi ggarantita l-flessibbiltà meħtieġa biex tkun tista' tiżviluppa tratturi ġodda mingħajr piżijiet ekonomiċi eċċessivi li mhumiex tollerabbli fis-sitwazzjoni ekonomika attwali. |
|
1.3 |
Għalhekk, il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni, bil-ħsieb li twassal għal 50 % il-perċentwali tal-flessibbiltà li fil-bidu kienet prevista għal 20 %, billi jiżdiedu b'mod proporzjonat il-kwantitajiet fissi individwati b'mod speċifiku għall-benefiċċju tal-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (SMEs). |
|
1.4 |
Il-KESE jqis li l-impatt ambjentali taż-żieda fil-flessibbiltà ma jiddependix minn kemm iddum l-iskema, iżda jirrakkomanda li tiġi stabbilita data tal-għeluq għall-istadji li għalihom din għada ma ġietx stabbilita. Għaldaqstant, jikkunsidra li hemm bżonn li jiġi stabbilit perjodu fiss komuni għall-kategoriji kollha ta' qawwa għall-Istadju IIIB u għal dawk futuri, li jkun daqs l-iqsar perjodu bejn tliet snin jew it-tul tal-istess stadju. |
|
1.5 |
Il-Kumitat jemmen li l-mekkaniżmi ta' adattament u ż-żmien marbut mal-passaġġ minn stadju għall-ieħor huma partikolarment diffiċli u impenjattivi għall-SMEs, peress li l-ispejjeż previsti biex it-tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija jiġu ddisinjati mill-ġdid, bit-twaħħil ta' magni ġodda, u speċjalment l-ispejjeż meħtieġa għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u għall-valutazzjoni tal-konformità, ovvjament, jidhru ta' piż ħafna akbar għall-intrapriżi ż-żgħar milli għall-kumplessi industrijali l-kbar. |
|
1.6 |
Għaldaqstant, il-KESE jappoġġja l-proposta li għall-SMEs biss tiġi riżervata kwantità fissa ta' magni eżentati. |
|
1.7 |
Il-Kumitat iqis fundamentali l-promozzjoni tal-isforzi konġunti fil-livell Ewropew u internazzjonali għat-twaqqif ta' standards tekniċi ċari u aċċettati minn kulħadd, sabiex jiġu promossi l-iskambji globali fis-settur, bil-għan li jiġu armonizzati dejjem aktar il-limiti tal-emissjonijiet li hemm fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea ma' dawk applikati jew previsti fil-pajjiżi terzi. |
|
1.8 |
Il-Kumitat huwa konvint li l-aħjar post fejn tista' ssir din l-armonizzazzjoni huwa fi ħdan il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari fil-qasam tal-Ftehim Globali dwar l-Armonizzazzjoni tal-1998. |
|
1.9 |
Il-Kumitat itenni l-ħtieġa li l-emissjonijiet tat-tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija jiġu ssorveljati fil-kundizzjonijiet reali fejn jintużaw aktar milli permezz ta' prova teoretika fuq il-bank tal-prova u jappella lill-Kummissjoni Ewropea li tippreżenta, kemm jista' jkun malajr, proposti dwar pjani ta' kontroll fis-servizz (in-service conformity). |
|
1.10 |
Il-Kumitat iqis li s-sistemi elettroniċi għandhom rwol essenzjali fil-kontroll ta' kif jaħdmu l-magni u tas-sistemi ta' wara t-trattament meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi ambjentali stabbiliti. |
|
1.11 |
Għalhekk, il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea tadotta miżuri li jipprojbixxu li s-software tal-kontroll jitbagħbas u jimponu l-adozzjoni ta' sistemi li jnaqqsu l-prestazzjoni tat-tratturi għall-agrikoltura, jekk il-manutenzjoni tas-sistemi ta' wara t-trattament ma tkunx saret b'mod korrett. |
2. Daħla
|
2.1 |
Id-Direttiva 2000/25/KE tittratta magni li jitqabbdu bil-kompressjoni (compression ignition), b'qawwa ta' bejn it-18 kW u l-560 kW, intiżi biex jitpoġġew fi tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija. Din tistabbilixxi l-limiti għall-emissjonijiet tal-monossidu tal-karbonju, l-ossidi tan-nitroġenu, l-idrokarburi u l-partikolati. Għad-diversi stadji, id-Direttiva tistabbilixxi valuri għal limiti ta' emissjonijiet dejjem aktar stretti, previsti għall-adattament tal-livelli massimi li joħorġu mill-egżost u tal-partikolat. L-istadji li ġejjin u li diġà ġew iffissati huma msemmija IIIB (li jibda fl-1.1.2011) u IV (li jibda fl-1.1.2014). Għall-magni bejn is-37 u s-56 kW ma ġewx stabbiliti rekwiżiti marbutin mal-Istadju IV, filwaqt li għall-magni l-oħra kollha ta' qawwa akbar għad ma ġiex stabbilit stadju wara l-IV. Peress li huwa kkunsidrat li t-tul ta' stadju jibda mid-data tal-applikazzjoni obbligatorja tar-rekwiżiti tiegħu sal-bidu tal-obbligu tar-rekwiżiti tal-istadju suċċessiv, wieħed jista' jqis li llum xi stadji (marbutin ma' gruppi speċifiċi ta' qawwa) m'għandhomx limitu ta' żmien. |
|
2.2 |
Ir-regoli dwar l-emissjonijiet tal-egżost tat-tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija ġew emendati fl-2005. Din l-emenda daħħlet skemi ta' flessibbiltà li jippermettu li jiġu adottati limiti ambizzjużi ħafna fuq l-emissjonijiet, li jidħlu f'qasir żmien u li jimxu mal-limiti ffissati fl-Istati Uniti. Iżda, stabbiliet ukoll, tal-anqas b'mod parzjali u ssemplifikat, mekkaniżmi ta' flessibbiltà li jixbħu lil dik il-leġislazzjoni biex jillimitaw il-piż fuq ir-riżorsi ekonomiċi u umani tal-produtturi. Leġislazzjonijiet oħra fis-settur, bħal fiċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil, ma jipprevedux dawn il-mekkaniżmi iżda għandhom skadenzi ħafna aktar fit-tul. |
|
2.3 |
Is-sistema adottata fl-UE tippermetti li kull produttur tat-tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija jkun jista', waqt stadju partikolari, jixtri mill-fornituri tal-magni tiegħu għadd limitat ta' magni li huma konformi mal-istadju preċedenti. In-numru ta' magni jiġi ffissat darba, fil-mument tat-talba fuq il-bażi ta' żewġ kriterji:
Għaldaqstant, il-kwantità tal-magni li jidħlu fl-iskema tal-flessibbiltà hija indipendenti minn kemm iddum l-iskema. |
|
2.4 |
Reċentement, id-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/26/UE tal-31 ta' Marzu 2010, li temenda d-Direttiva 97/68/KE dwar l-emissjonijiet tal-magni għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, fost id-dispożizzjonijiet l-oħra, ħaffet il-proċedura amministrattiva għat-talbiet u l-kontroll fil-qasam tal-iskema tal-flessibbiltà, fl-ispirtu ta' semplifikazzjoni leġislattiva f'waqtha. |
|
2.5 |
Din il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra l-piż eċċezzjonali impost fuq il-kumpaniji produtturi mill-Istadju IIIB, li l-ewwel nett jimponi b'mod ġeneralizzat l-adozzjoni ta' sistemi ta' wara t-trattament tal-egżost tal-magni. Dawn it-teknoloġiji, anke jekk diġà huma magħrufin u użati fis-settur tat-trasport ta' tagħbija tqila, iridu jiġu riveduti kompletament biex jieħdu kont tal-kundizzjonijiet ta' ħidma diffiċli ferm tat-tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija. It-tratturi stess imbagħad iridu jiġu ddisinjati mill-ġdid biex ikunu jistgħu jaċċettaw is-sistemi ta' wara t-trattament. |
|
2.6 |
Min-naħa l-oħra, mill-2009, l-industrija Ewropea li tipproduċi t-tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija ntlaqtet b'mod sostanzjali mir-riperkussjonijiet tal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali. Din il-kriżi, minkejja li qed turi l-ewwel sinjali ta' rkupru fl-istatistika, għad għandha effetti kbar fuq il-livell soċjali u fuq kollox dak tal-impjiegi. |
|
2.7 |
Il-proposta li tiżdied il-flessibbiltà hija limitata biss għall-Istadju IIIB li jikkoinċidi mal-perjodu l-aktar gravi tal-kriżi globali. |
|
2.8 |
Il-proposta tal-Kummissjoni tistabbilixxi limitu ta' żmien wieħed għall-għeluq tal-iskemi tal-flessibbiltà tal-Istadju IIIB, bil-maqlub tal-prinċipju tad-dħul gradwali tal-istadju skont il-kategoriji differenti tal-qawwa tal-magni. |
|
2.9 |
Filwaqt li l-iffissar ta' data għall-għeluq tal-iskema tal-flessibbiltà hija raġonevoli għall-gruppi ta' qawwa b'perjodu illimitat (ara punt.2.1) u għalhekk bla skadenza, ma jidhirx li jkun xieraq li t-tul tal-perjodu għall-kategoriji ta' qawwa l-oħra ma jkunx uniformi u jvarja minn tliet snin sa sena waħda biss. Normalment, il-ġustifikazzjoni għal din l-għażla hija t-tnaqqis tal-impatt fuq l-ambjent; fil-fatt, il-kwantità totali tal-magni li jidħlu fi skema tal-flessibbiltà jiġi deċiż fil-bidu tal-iskema stess skont il-perċentwali tal-bejgħ medju li jsir mill-produttur fis-snin preċedenti għat-talba tiegħu, jiġifieri tiġi stabbilita kwantità fissa u din il-kwantità ma tinbidilx skont it-tul tal-perjodu tal-iskema. Is-soltu, produttur jitlob din il-kwantità u għalhekk huwa possibbli li l-impatt tad-dispożizzjoni fuq l-ambjent jiġi vvalutat. Għalhekk, it-tul tal-perjodu tal-iskema tal-flessibbiltà m'għandu ebda impatt ieħor fuq l-ambjent peress li l-kwantità tal-magni li jkunu eżentati jkun stabbilit minn qabel. |
|
2.10 |
Biex jiġu evitati diverġenzi li mhumiex ġustifikati bejn gruppi ta' magni b'qawwa differenti hemm bżonn li jiġi stabbilit perjodu uniformi għall-iskemi tal-flessibbiltà, għall-kategoriji kollha ta' qawwa tal-magna u dan l-approċċ għandu jiġi estiż għall-istadji kollha li m'għandhomx perjodu fiss, bħall-Istadju IV, billi tiġi emendata l-proposta tal-Kummissjoni. |
|
2.11 |
Biex jitħares l-iżvilupp tal-industrija fil-kuntest ta' protezzjoni ambjentali, hemm bżonn li:
|
3. Il-proposta għall-emendar tad-Direttiva
|
3.1 |
Din il-proposta tipprevedi l-emendi li ġejjin għad-Direttiva 2000/25/KE: |
|
3.2 |
Waqt l-Istadju IIIB, hija awtorizzata żieda tal-għadd ta' magni intiżi biex jitpoġġew fi tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija, imqiegħda fis-suq, skont l-iskema tal-flessibbiltà f'kull kategorija ta' qawwa tal-magna. Żieda tal-kwantitajiet aċċettati mill-eżenzjoni, minn 20 % għal 50 % tal-bejgħ annwali fil-passat tat-tratturi, jew inkella, bħala soluzzjoni alternattiva, l-adattament proporzjonat tal-kwantità fissa ta' magni li jistgħu jitqiegħdu fis-suq skont l-iskema tal-flessibbiltà. L-iskadenza għal dawn il-miżuri hija stabbilita għall-31 ta' Diċembru 2013. |
|
3.3 |
Is-soluzzjoni proposta tipprevedi għalhekk it-tisħiħ tal-iskema tal-flessibbiltà eżistenti. Din is-soluzzjoni qed titqies bħala l-aktar adegwata peress li tibbilanċja l-impatt ambjentali u l-benefiċċji ekonomiċi li jinkisbu permezz ta' tnaqqis fl-ispejjeż li huma meħtieġa biex is-suq ikun jista' jsir konformi mal-limiti l-ġodda għall-emissjonijiet. Wieħed għandu jfakkar li ż-żieda fil-flessibbiltà diġà kienet meqjusa possibbli b'konformità mal-Artikolu 4(8) tad-Direttiva 2000/25/KE msemmija hawn fuq |
4. Kummenti ġenerali
|
4.1 |
Il-Kumitat jappoġġja l-linji gwida tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jiżguraw flessibbiltà akbar fl-applikazzjoni tad-diversi stadji tal-implimentazzjoni tal-valuri tal-limiti permessi għall-magni li jridu jitpoġġew fi tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija fir-rigward tal-emissjonijiet tal-monossidu tal-karbonju, l-ossidu tan-nitroġenu, l-idrokarburi u l-partikolati. |
|
4.2 |
L-istess bħall-Kummissjoni, il-Kumitat jixtieq iħares il-livelli kompetittivi u tal-impjiegi tal-industrija Ewropea tat-tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija mir-riperkussjonijiet tal-kriżi finanzjarja u ekonomika internazzjonali, u fl-istess ħin, jifhem il-ħtieġa li jinkisbu livelli għoljin ta' ħarsien tal-ambjent u ta' benesseri għaċ-ċittadini Ewropej. |
|
4.3 |
Għalhekk, il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni, bil-ħsieb li twassal għal 50 % l-perċentwali tal-flessibbiltà għas-setturi li diġà huma koperti mill-mekkaniżmi ta' flessibblità previsti mid-direttiva dwar l-emissjonijiet tal-egżost mit-tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija tal-2000 u l-emendi suċċessivi għall-Istadju IIIB biss. |
|
4.4 |
Dwar dan, il-Kumitat iqis essenzjali l-promozzjoni tal-isforzi konġunti fil-livell Ewropew u internazzjonali għat-twaqqif ta' standards tekniċi ċari u aċċettati minn kulħadd, sabiex jiġu promossi l-iskambji globali bil-għan li jiġu armonizzati dejjem aktar il-limiti tal-emissjonijiet li hemm fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea ma' dawk applikati jew previsti fil-pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti f'Ġinevra tidher li hija l-aktar korp ideali għal dan il-għan. |
|
4.5 |
L-SMEs jistħoqqilhom attenzjoni speċjali, u l-Kumitat jemmen li l-mekkaniżmi flessibbli għall-adattament, iż-żmien għat-twettiq u l-perjodu li jissepara d-diversi stadji huma partikolarment diffiċli għalihom, minħabba l-ispejjeż previsti biex jiġu adattati l-makkinarji u l-magni li huma dejjem ogħla għall-intrapriżi ż-żgħar milli għall-kumplessi industrijali kbar. Għaldaqstant, hemm bżonn li għall-SMEs tiġi riżervata l-għażla ta' kwantità fissa ta' magni eżentati. |
|
4.6 |
Il-Kumitat josserva li, sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-miri, hemm bżonn li jitwaqqfu mhux biss valuri tal-limitu stretti, iżda wkoll proċeduri ta' prova li jikkontrollaw l-emissjonijiet fil-kundizzjonijiet reali tal-użu permezz ta' pjani ta' monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-magni li jsiru mill-produtturi tal-magni jew mill-awtoritajiet tas-sorveljanza fil-qafas ta' sistemi ta' pjani ta' kontroll fis-servizz (in-service conformity). |
|
4.7 |
Il-Kumitat huwa konxju tal-fatt li l-livelli l-aktar ambizzjużi ta' tnaqqis tal-emissjonijiet jeħtieġu l-adozzjoni ta' sistemi ta' wara t-trattament u għaldaqstant iqis li hemm bżonn li dawn is-sistemi ma jiġux imbagħbsa u li l-operaturi jagħmlu manutenzjoni korretta biex jiggarantixxu l-effikaċja tul il-perjodu kollu previst għat-tratturi. Fil-każ li dan ma jseħħx, il-magni jkollhom emissjonijiet agħar minn dawk ta' magni konformi ma' stadji li spiċċaw. Illum id-direttiva tipprevedi regoli minimi fuq il-manutenzjoni u ma tipprevedi xejn kontra t-tbagħbis tas-sistemi u, b'mod partikolari, tas-software tat-tħaddim. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tadotta kemm jista' jkun malajr dispożizzjonijiet li ma jippermettux it-tħaddim tat-tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija jekk is-sistemi ta' wara t-trattament ma ssirilhomx il-manutenzjoni adatta u, barra minn hekk, li ma jagħtux aċċess għal partijiet terzi mhux awtorizzati b'mod espliċitu mill-produtturi, għas-sistemi ta' software li jissorveljaw it-tħaddim korrett u l-kontroll tal-emissjonijiet. |
Brussell, 16 ta’ Frar 2011.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON