6.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/16


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew dwar Fondi ta’ Riżoluzzjoni Bankarja”

COM(2010) 254 finali

2011/C 107/03

Relatur: is-Sinjura ROUSSENOVA

Nhar is-26 ta' Mejju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew dwar Fondi ta' Riżoluzzjoni Bankarja

COM(2010) 254 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, responsabbli sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta' Frar 2011.

Matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Frar 2011 (seduta tas-16 ta' Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'193 vot favur u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jaqbel mat-tħassib prinċipali tal-Kummissjoni li flus il-kontribwenti ma għandhomx jerġgħu jintużaw biex ikopru t-telfiet bankarji u fil-prinċipju jappoġġja l-istabbiliment ta' netwerk armonizzat ta' fondi nazzjonali ta' riżoluzzjoni bankarja (FRB) ex-ante marbuta ma' sensiela ta' arranġamenti għall-immaniġġjar ta' kriżi nazzjonali. Madankollu, il-KESE jinsab imħasseb li sabiex tinkiseb skema ta' fondi ta' riżoluzzjoni bankarja fattibbli, l-Istati Membri għandhom jaqblu minn qabel fuq l-adozzjoni ta' metodi komuni u regoli uniformi sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Is-sinjali attwali jidhru li qed jagħtu l-impressjoni opposta. Hemm għadd ġmielu ta' Stati Membri li diġà nedew jew li qed jippjanaw miżuri fiskali biex jerġgħu jfornu l-baġits fqar tagħhom jew biex isaħħu s-swieq tagħhom: diġà teżisti sitwazzjoni b'kundizzjonijiet li mhumiex indaqs. Ħarsa realistika lejn is-sitwazzjoni attwali, u fil-kuntest tal-esperjenzi tal-passat, turi li huwa diffiċli li wieħed ikun ottimist li malajr ser tinstab soluzzjoni. Approċċ iktar gradwali forsi jista' jippermetti li, maż-żmien, xi wħud minn dawn id-differenzi jitnaqqsu.

1.2   Rigward il-kompetizzjoni, iż-żamma ta' sitwazzjoni bl-istess kundizzjonijiet għal kulħadd fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali għandha tkun wieħed mill-objettivi prinċipali. Kif inhu mfassal attwalment, l-iskema tal-FRB, qiegħħda fir-riskju li jkollha effetti ta' tfixkil fil-livell nazzjonali, billi taffettwa biss parti mis-settur finanzjarju, fil-livell tal-UE, billi timponi kostijiet ġodda fuq xi setturi nazzjonali li huma diġà dgħajfa, u fil-livell internazzjonali għax ma jidhirx li ser jintlaħaq ftehim fil-livell tal-G-20.

1.3   It-tħassib prinċipali jinkludi x-xenarju makroekonomiku. L-awtoritajiet kollha nazzjonali u internazzjonali qed jagħmlu pressjoni fuq is-settur bankarju biex itaffi s-sitwazzjoni billi jagħti iktar kreditu lill-ekonomija reali. Huwa stmat li r-regoli prudenzjali l-ġodda, ir-rekwiżiti l-ġodda għall-kapital u t-taxxi l-ġodda huma meħtieġa u l-awtoritajiet għandhom ifittxu li jiksbu bilanċ raġonevoli bejn il-ħtiġiet kontrastanti tal-kapital li jappoġġja l-baġit nazzjonali u l-ħtieġa ta' ekonomija reali. Bħalissa, l-iskema tal-FRM hija vaga wisq biex tippermetti kalkoli preċiżi biex jiġu provduti l-investimenti meħtieġa fil-produzzjoni, it-tkabbir u l-impjiegi. Huwa diffiċli li l-benefiċċji jgawdihom kulħadd mingħajr prijoritizzazzjoni u ppjanar tal-ħin adatti għall-implimentazzjoni ta' kull fażi tal-iskema proposta tal-FRB.

1.4   Il-KESE jemmen li qabel ma jittieħdu l-passi biex jiddaħħlu l-imposti bankarji, il-Kummissjoni għandha twettaq analiżi bir-reqqa tal-effetti kumulattivi tad-dazji u l-FRB u tqis it-tħassib tagħna msemmi hawn fuq, b'mod partikolari dawk fil-punt 1.3. Biex tittieħed deċiżjoni dwar l-introduzzjoni tal-FRB jeħtieġ stima ta' kemm ser tiswa l-iskema kollha kemm hi, sa liema punt ser ikollha impatt fuq il-potenzjal għas-self tal-settur bankarju, u kemm ser jgħaddi żmien qabel ma l-FRB tkun b'saħħitha biżżejjed qabel ma tilħaq id-daqs immirat. Il-KESE jirrakkomanda li dawn l-istimi jitfasslu fil-kuntest tal-agħar xenarju possibbli sabiex jiġi żgurat li l-iskema tkun realistika u fattibbli f'perjodu ta' kriżi meta minn banda, il-banek ser jiffaċċjaw id-diffikultajiet biex jagħmlu l-kontributi tagħhom lill-FRB, u mill-banda l-oħra, dan ser ikun żmien meta r-riżorsi tal-fondi ser ikunu meħtieġa.

2.   Introduzzjoni

2.1   Il-Kummissjoni Ewropea laqgħet il-messaġġ li ħareġ mil-laqgħa tal-G-20 f'Pittsburgh f'Settembru 2009, li flus il-kontribwenti m'għandhomx jerġgħu jintużaw biex ikopru t-telfiet bankarji, u qed taħdem biex tikseb dan il-għan b'żewġ modi kumplementari:

a)

bit-tnaqqis tal-probabilità tal-inadempjenza bankarja permezz ta' superviżjoni aqwa makroekonomika u mikroekonomika, governanza korporattiva aħjar u standards regolatorji aktar strinġenti; u

b)

bl-iżgurar li jekk minkejja dawn il-miżuri xorta waħda jkun hemm inadempjenza, ikunu disponibbli għodod adegwati inkluż riżorsi suffiċjenti għar-riżoluzzjoni ordnata u propizja.

2.2   COM(2010) 254 finali tispjega l-ħsieb tal-Kummissjoni dwar kif is-settur finanzjarju jista' jikkontribwixxi għall-ispiża tal-finanzjament tar-riżoluzzjoni ta' banek li fallew fil-qafas tal-għodod kollha għall-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-kriżi. Il-Kummissjoni temmen li l-Fondi ta' Riżoluzzjoni Bankarja (FRB) ex ante ffinanzjati minn imposti fuq il-banek għandhom jagħmlu parti minn qafas ta' stabbiltà finanzjarja u riformi usa' għas-sistema finanzjarja, b'enfasi fuq il-prevenzjoni. Dawn huma meqjusa bħala l-istrument adatt għall-intervent u r-riżoluzzjoni ta' banek inadempjenti b'tali mod li jitnaqqsu kemm jista' jkun l-ispejjeż tal-inadempjenza tal-banek għall-pubbliku. Il-Komunikazzjoni tispjega l-għan, id-daqs potenzjali u l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tal-FRB.

2.3   L-għan tal-Kummissjoni Ewropea huwa li ddaħħal approċċ tal-UE għall-FRB u li fl-aħħar mill-aħħar twaqqaf fond ta' Riżoluzzjoni pan-UE bħala soluzzjoni mixtieqa sew. Madankollu, il-Kummissjoni temmen li jkun ferm diffiċli li jittieħed l-ewwel pass bl-istabbiliment ta' Fondi ta' Riżoluzzjoni pan-UE fin-nuqqas ta' qafas integrat tal-UE għall-immaniġġjar tal-kriżijiet u s-superviżjoni. Għalhekk, l-ewwel pass adatt ikun li jiġi kkunsidrat il-ħolqien ta' sistema msejsa fuq netwerk armonizzat ta' fondi nazzjonali ex ante marbuta ma' sensiela ta' arranġamenti nazzjonali koordinati għall-immaniġġjar tal-kriżijiet.

2.4   Il-KESE jilqa' kull proposta mmirata lejn it-tisħiħ tas-settur finanzjarju u għall-prevenzjoni ta' kriżijiet futuri u f'dan il-kuntest, fil-prinċipju, japprova l-inizjattivi u r-rakkomandazzjonijeit tal-Kummissjoni għall-approċċ tal-UE għall-FRB skont COM(2010) 254 finali, imma fl-istess ħin jinsab imħasseb. Il-KESE jirrealizza li f'dan l-istadju xi wħud mill-inizjattivi jistgħu ma jkunux applikabbli u aċċettabbli għal xi Stati Membri, filwaqt li oħraj jeħtieġu iktar ħsieb, analiżi u kjarifika.

2.5   L-għan tal-qafas il-ġdid għall-immaniġjar u l-prevenzjoni tal-kriżi ser ikun li jiżgura li, fil-każ ta' adempjenza ta' banek kbar, l-Istati Membri jkollhom għodod komuni li jkunu jistgħu jiġu applikati b'mod koordinat biex tiġi mħarsa s-sistema finanzjarja ġenerali, jiġu evitati l-ispejjeż għall-kontribwenti u tiġi żgurata sitwazzjoni b'kundizzjonijiet ekwivalenti. Dawn il-għodod ta' riżoluzzjoni komuni huma mistennija li jiżguraw li l-inadempjenza ordnata tkun għażla kredibbli għal kwalunkwe bank, irrispettivament mid-daqs jew il-kumplessità . Il-kunċett tad-dimensjonijiet huwa importanti. Filwaqt li fil-prinċipju kull inadempjenza ordnata għandha tkun garantita, dak li hu importanti huwa li jiġi definit il-kunċett ta' inadempjenza “konsiderevoli” jew “ta' skala kbira”. L-istituzzjonijiet finanzjarji kbar ħafna u kumplessi (jiġifieri, il-gruppi internazzjonali, mhux bilfors kollha Ewropej jew kollha bbażati l-Ewropa) jistgħu joħolqu l-isfidi. Inadempjenzi fuq skala ikbar jistgħu jeħtieġu trattament differenti, possibbilment billi l-entità legali tinżamm bħala negozju avvjat permezz tar-ristrutturar, l-istralċ tad-dejn u t-taħlit/tneħħija tal-azzjonisti. Jista' jkun hemm bżonn finanzjament addizzjonali minn fond bħala parti mill-pakkett tal-miżuri.

2.6   Fl-20 ta' Ottubru 2010, il-Kummissjoni adottat pjan ta' azzjoni biex jiġu stabbiliti l-perjodi, il-miżuri, l-għodod u l-pjani għal qafas sħiħ tal-UE għall-immaniġġjar tal-kriżi. Fir-rebbiegħa tal-2011, għandhom jiġu ppreżentati l-proposti leġislattivi rilevanti dwar l-immaniġġjar tal-kriżi u l-fondi ta' riżoluzzjoni. F'dan l-istadju jista' jkollna biss xi aspetattivi u rimarki preliminari. Id-data tal-bidu għandha tiġi stabbilita minn Direttiva, sakemm din tiġi approvata. Probabbilment, wara li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi u l-wegħda tal-Kummissjoni li tapprova l-proposti leġislattivi rilevanti sar-rebbiegħa tal-2011, id-data l-iktar kmieni tkun 2013-2014. Kull fond ser jieħu ż-żmien biex jilħaq id-daqs immirat imma, billi ser jinkorpora fondi ex post kif ukoll ex ante, fit-teorija jibda jitħaddem hekk kif il-leġislazzjoni tidħol fis-seħħ fl-Istat Membru. Madankollu, għandu jitfakkar li xi Stati Membri ħabbru li mhumiex beħsiebhom jintroduċu imposti bankarji fil-perjodu l-qasir għax is-setturi bankarji tagħhom ma ntlaqtux b'mod serju mill-kriżi u għadhom stabbli. Għalhekk, l-FRB għandha titqies bħala għodda biex tiġi ffaċċjata l-kriżi finanzjarja fil-perjodu medju u fit-tul.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1   L-approċċ lejn il-FRB

3.1.1   Il-KESE japprova l-approċċ tal-Kummissjoni li, bħala l-ewwel pass, tipproponi li jiġi stabbilit netwerk armonizzat ta' FRB nazzjonali marbuta ma' sensiela ta' arranġamenti nazzjonali kkoordinati għall-immaniġġjar ta' kriżi. Madankollu, fl-istess ħin jirrakkomanda li n-netwerk ta' fondi jiġi stabbilit gradwalment u li jqis bir-reqqa l-karatteristiċi speċifiċi ta' kull Stat Membru. Il-Ġermanja u l-Isvezja bdew jaħdmu fuq il-fondi tagħhom stess, li ser jiġbru l-flus miġbura mill-imposti/kontribuzzjonijiet. Kull wieħed għandu l-metodu u regoli proprji għat-twaqqif tal-fond u f'dan l-istadju l-KESE ma jistax jissuġġerixxi liema regoli għandhom jingħataw preferenza.

3.1.2   Fid-dawl tal-fatt li xi pajjiżi diġà qed jintroduċu imposti, taxxi u sistemi bankarji speċifiċi għall-pajjiż, il-KESE jemmen li, qabel xejn, għandhom jiġu diskussi u miftiehma xi prinċipji u parametri bażiċi komuni għall-imposti bil-għan li tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-settur finanzjarju tal-UE. Il-KESE jaqbel li għandu jkun hemm approċċ gradwali li jiddistingwi bejn l-għanijiet fil-perjodu qasir u dawk fil-perjodu medju (1). Fil-perjodu l-qasir, l-Istati Membri għandhom ikunu mistennija jilħqu ftehim fuq il-bażi tal-imposta, ir-rata u l-ambitu tagħha, filwaqt li jħallu lok għal ċerta flessibbiltà, fid-dawl tal-bidliet li għaddejjin bħalissa fil-qafas regolatorju u l-iżviluppi lejn iktar armonizzazzjoni. Imbagħad, jista' jiġi kkunsidrat approċċ għall-introduzzjoni gradwali ta' imposta sempliċi u adatta, segwita mill-introduzzjoni ta' sistema aktar armonizzata ta' imposti bankarji u ta' FRB.

3.1.3   Il-KESE jqis li approċċ gradwali huwa aktar adatt u realistiku għax għandu l-potenzjal li jirrifletti l-modi differenti ta' kif il-kriżi finanzjarja affettwat lill-Istati Membri kif ukoll l-ispeċifiċitajiet ta' kif indirizzaw il-kriżi:

L-Istati Membri daħlu fil-kriżi f'mumenti differenti u ġew affettwati b'modi differenti u b'limiti differenti. Qed joħorġu, jew ser joħorġu, mill-kriżi f'mumenti differenti u ż-żmien meta jkunu jistgħu jistabbilixxu l-FRB tagħhom stess ser ivarja.

Is-setturi finanzjarji ta' xi Stati Membri ma ġewx affettwati b'mod serju mill-kriżi finanzjarja u ma talbux għajnuna. Minflok, l-ekonomiji reali tagħhom intlaqtu mill-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija b'xi dewmien. Is-setturi bankarji tagħhom, għalkemm sodi, għadhom qed isibuha diffiċli biex jevitaw kwalunkwe żvilupp ta' kriżi u fl-istess ħin huma mistennija jappoġġjaw l-irkupru. Dawn il-pajjiżi jistgħu jsibuha bi tqila biex jistabbilixxu FRB nazzjonali fi stadju meta ħafna mill-Istati Membri jkunu lesti li jagħmlu dan, anke minħabba l-fatt li uħud minnhom għandhom fondi ta' garanzija tad-depożiti (FGD) li jmorru lil hinn mill-iskemi ta' garanzija tad-depożiti (SGD) u li jinkludu xi funzjonijiet ta' riżoluzzjoni bankarja.

3.1.4   Il-KESE jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni, li tidher fil-COM(2010) 579 finali, li tesplora “is-sinerġiji potenzjali bejn is-SGD u l-fondi tar-riżoluzzjoni”. Il-Kumitat jemmen li jekk tiġi estiża l-bażi li fuqha qed jiġu ffinanzjati l-fondi ta' garanzija tad-depożiti bħalissa, il-funzjonijiet ta' garanzija tad-depożitu u ta' riżoluzzjoni bankarja jistgħu jitwettqu minn fond wieħed mingħajr ma tiġi mhedda l-kapaċità tal-iskema ta' garanzija tad-depożiti u l-fondi tagħha biex tilħaq l-objettiv tagħha għall-protezzjoni tad-depożituri. Din l-esplorazzjoni hija adatta ferm għal dawk l-Istati Membri li l-fondi ta' garanzija tad-depożiti tagħhom diġà għandhom xi funzjonijiet preventivi u ta' riżoluzzjoni, u tgħaqqad iż-żewġ ambiti ġo fond uniku estiż.

3.1.5   Il-KESE jifhem l-argumenti tal-Kummissjoni favur Fond ta' Riżoluzzjoni pan-UE, kif ukoll it-tħassib tagħha dwar id-diffikultajiet involuti biex dan jiġi stabbilit u jqis li l-istabbiliment tiegħu huwa prematur u li ma japplikax f'dan l-istadju. Fid-dawl tal-esperjenzi tal-passat u dawk reċenti, il-KESE għandu d-dubji dwar kemm Fond ta' Riżoluzzjoni tal-UE jista' jaħdem b'mod effiċjenti.

3.2   Il-finanzjament tal-FRB: l-imposta

3.2.1   Il-Kummissjoni tqis li l-FRB għandhom jiġu ffinanzjati minn kontribuzzjonijiet jew imposti mħallsa mill-banek. Fil-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010, intlaħaq ftehim li l-imposti bankarji għandhom jagħmlu parti minn qafas ta' riżoluzzjoni  (2) kredibbli u dan għandu jkun wieħed mill-prinċipji li fuqhom għandha tissejjes l-introduzzjoni tagħhom.

3.2.1.1   Għalkemm il-Komunikazzjoni tispjega li l-għan ewlieni tal-imposta għandu jkun li l-banek jikkontribwixxu għall-kostijiet tal-kriżi, jitnaqqas ir-riskju sistemiku, tiġi llimitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u jinġabru fondi għal qafas ta' riżoluzzjoni kredibbli, ma tagħtix definizzjoni ċara tagħha. F'dokument (3) tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, it-terminu “imposta” huwa definit bħala “ħlas (tariffa jew taxxa) li l-istituzzjonijiet finanzjarji jkollhom iħallsu biex jikkontribwixxu għall-kostijiet tal-kriżi finanzjarja”: imposta hija kkunsidrata bħala tariffa meta tkun immirata lejn fondi barra l-baġit, filwaqt li hija kkunsidrata bħala taxxa meta tkun parti mill-baġit tal-gvern. Il-KESE jistenna li l-Kummissjoni tagħti definizzjoni ċara tat-terminu “imposta”.

3.2.2   Il-KESE jikkunsidra li l-kriterji għall-bażi u r-rata tal-imposta huma fost l-ostakli ewlenin biex jintlaħaq ftehim ġenerali u huwa konvint li l-ewwel u qabel kollox għandu jkun hemm qbil dwar bosta prinċipji bażiċi. Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-bażi tal-imposta għandha tkun konformi mal-prinċipji elenkati fil-Komunikazzjoni, p.8. Għandu jiġi rikonoxxut li s-setturi finanzjarji nazzjonali jvarjaw f'termini ta' daqs, sistemi ta' governanza, effiċjenza ta' superviżjoni u livell ta' riskju. Abbażi ta' dawn id-differenzi, fil-bidu, l-Istati Membri jistgħu jingħataw ċerta flessibbiltà biex jikkunsidraw bażijiet differenti tal-imposta iżda wara dawn il-bażijiet tal-imposta għandhom jiġu armonizzati.

3.2.3   Il-Komunikazzjoni tqis li l-kontribuzzjonijiet/imposti jistgħu jkunu bbażati fuq tliet parametri: l-assi tal-banek, l-obbligazzjonijiet tal-banek u l-profitti u l-bonusijiet tal-banek. Peress li l-karta tal-bilanċ tal-assi u l-obbligazzjonijiet tiġbor il-kunsiderazzjonijiet tar-riskju aħjar minn kwalunkwe indikatur ieħor, il-KESE jqis li l-profitti u l-bonusijiet tal-banek huma bażi anqas adatta għall-kontribuzzjonijiet tal-banek. Dawn iż-żewġ bażijiet tal-imposti għandhom il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħhom u x'aktarx ikun adatt li jkun hemm taħlita tat-tnejn li huma.

3.2.3.1   L-assi tal-banek huma indikaturi tajbin tar-riskji tagħhom. Huma jirriflettu kemm l-eventwalità potenzjali tal-inadempjenza bankarja kif ukoll l-ammont li jista' jkollu jintefaq għall-maniġġ tar-riżoluzzjoni tal-bank. L-assi skont ir-riskju, kif issuġġerixxa l-FMI (4), jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll bħala bażi adatta għall-imposti peress li jistgħu jitqabblu fil-livell internazzjonali fid-dawl tal-aċċettazzjoni wiesgħa tal-ħtiġiet ta' kapital ta' Basel. Min-naħa l-oħra, peress li l-assi tal-banek huma soġġetti għall-ħtiġiet ta' kapital skont ir-riskju, imposta bbażata fuqhom tirdoppja l-effetti tal-ħiteġa għall-kapital tal-Kumitat ta' Basel.

3.2.3.2   Il-KESE jemmen li l-obbligazzjonijiet tal-banek, apparti d-depożiti ggarantiti u l-kapital tal-banek (pereżempju Tier 1 għall-banek) u inkluż xi affarijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ, x'aktarx huma l-bażi l-aktar preferuta għall-kontribuzzjonijiet/l-imposti tal-banek (5). Huma indikatur tajjeb tal-kostijiet li jistgħu jkunu meħtieġa meta jkun hemm bżonn li jiġi riżolt bank, huma sempliċi u, għalkemm ma tistax tiġi eskluża għalkollox ċerta koinċidenza, ma jikkoinċidux daqs l-approċċ ibbażat fuq l-assi (6). Jistgħu jiġu esklużi wkoll obbligazzjonijiet oħrajn: id-debitu subordinarju, id-debitu ggarantit mill-gvern u t-transazzjonijiet tad-debitu bejn il-gruppi. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-Istati Membri diġà introduċew sistemi speċifiċi għall-imposti li l-bażijiet ta' imposta tagħhom ivarjaw b'mod konsiderevoli, jista' jkun li approċċ inizjali armonizzat, imsejjes fuq l-obbligazzjonijiet kollha u l-valutazzjoni kwalitattiva preċedenti, ikun iktar aċċettabbli.

3.2.4   Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni, li tidher fid-dokument COM(2010) 579 finali, li kull fond ta' riżoluzzjoni bankarja għandu jirċievi kontribuzzjonijiet mill-istituzzjonijiet liċenzjati fl-istess Stat Membru, u li l-kontribuzzjoni għandha tkopri l-fergħat stabbiliti tagħhom fi Stati Membri oħra. Għalhekk, is-sussidjarji jkunu soġġetti għall-imposti tal-istat ospitanti u l-fergħat ikunu soġġetti għall-imposti tal-istat tal-oriġini. Jekk l-Istati Membri kollha jżidu l-imposti fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji li jsegwu dawn il-prinċipji, ir-riskji tal-fatturazzjoni doppja u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jistgħu jiġu evitati.

3.2.5   Il-KESE jinsisti li għandha tingħata attenzjoni liż-żmien meta tiġi introdotta l-imposta fid-dawl tal-isfidi li qed jiffaċċjaw bħalissa kemm il-banek kif ukoll l-ekonomija. Wara perjodu ta' kriżi finanzjarja severa, il-banek normalment jibiżgħu mir-riskju u, għal ftit snin, iżommu lura milli jsellfu minkejja l-isforzi tal-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali biex iħeġġuhom jikkontribwixxu għall-irkupru tal-ekonomija. Fl-istess ħin, il-banek ikollhom jassumu l-kostijiet tal-kapital ġdid u l-ħtiġiet tal-likwidità. L-istituzzjonijiet finanzjarji jistgħu jingħataw perjodu ta' transizzjoni adegwat, konsistenti mal-analiżi rakkomandata mill-KESE fil-punt1.4 hawn fuq, sabiex isaħħu l-bażi tal-kapital tagħhom, jaġġustaw għas-sistema regolatorja ġdida u jiffinanzjaw l-ekonomija reali. Fil-perjodu medju jista' jkun xieraq li jsiru xi aġġustament fir-rigward tar-rata bil-għan li jiġu kkunsidrati kwalunkwe żviluppi regolatorji fil-ġejjieni kif ukoll l-iżvilupp tal-qafas ta' riżoluzzjoni tal-UE.

3.3   Ambitu u daqs tal-FRB

3.3.1   L-ambitu u d-daqs tal-FRB jiddependu minn kif il-Kummissjoni tiddetermina l-kompitu tal-fondi għall-finanzjament tar-riżoluzzjoni ordnata tal-entitajiet f'diffikultà finanzjarja, inklużi l-banek. Il-KESE jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni li l-fondi ta' riżoluzzjoni għandhom ikunu disponibbli għar-riżoluzzjoni tal-banek, iżda l-użu tagħhom biex isalvaw lil istituzzjonijiet għandu jkun ċarament eskluż. Madankollu, il-KESE jqis li mhuwiex aċċettabbli li l-qafas ta' riżoluzzjoni tal-kriżi żviluppat mill-Kummissjoni jiffoka prinċipalment fuq is-settur bankarju, peress li l-istituzzjonijiet finanzjarja kollha jistgħu jkunu ta' periklu għall-investituri meta jieħdu riskji kbar. Il-KESE jirrakkomanda li l-banek kollha u l-isitituzzjonaijiet finanzjarja ssorveljati kollha (minbarra l-entitajiet tal-assigurazzjoni, li bħalissa qed titħejja skema separata għalihom) għandhom ikunu parti mill-qafas ta' riżoluzzjoni (7). B'hekk jiġi żgurat li jkun hemm kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u jevita li jintbagħtu sinjali qarrieqa lill-opinjoni pubblika li parti biss tal-komunità finanzjarja hija responsabbli għall-kriżi.

3.3.2   Il-Komunikazzjoni għadha ma indikatx x'għandu jkun id-daqs tal-fondi – iżda indikat li s-settur finanzjarju għandu jħallas il-kostijiet kollha ta' riżoluzzjoni – jekk ikun hemm bżonn permezz ta' arranġamenti ta' finanzjament ex post. Il-problema ser tkun kif jista' jiġi kkalkulat id-daqs adatt identifikat skont il-pajjiż. Hawnhekk jinħolqu żewġ problemi: l-ewwel problema hi li l-iktar sistemi dgħajfa ser jitolbu, b'mod proporzjonat, għall-ogħla kontribuzzjonijiet, u b'hekk tqum il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni humiex ekwivalenti jew le. Il-problema l-oħra hi l-limitu ta' żmien li jintuża għall-kalkoli: il-limitu identifikat huwa kkalkolat abbażi tas-sitwazzjonijiet attwali u ta' prospettiva. Qabel ma jinkiseb il-limitu identifikat, is-sitwazzjoni tista' tkun laħqet inbidlet b'mod sostanzjali u għalhekk ikun hemm bżonn li jiġu aġġustati kemm il-mira kif ukoll il-kontribuzzjonijiet. Ir-regoli għandhom iqisu l-possibbiltà li jkun hemm tibdil fil-kundizzjonijiet u l-kalkoli inizjali. Barra minn hekk, peress li r-riskji jvarjaw matul iċ-ċiklu, ir-rata tal-imposta jkollha tiġi aġġustata biex is-sistema finanzjarja ssir anqas proċiklika.

3.4   L-indipendenza u l-governanza tal-FRB

3.4.1   Il-KESE japprova l-fehma tal-Kummissjoni li l-FRB għandhom jibqgħu separati mill-baġit nazzjonali. Il-KESE jaqbel li l-indipendenza funzjonali tagħhom mill-gvern tiżgura li jkopru biss miżuri ta' riżoluzzjoni, u xejn aktar. Madankollu, l-Istati Membri bħalissa qed jużaw żewġ approċċi differenti biex jallokaw il-fondi miġbura mis-settur finanzjarju. Pajjiżi bħall-Ġermanja, il-Belġju u l-Isvezja jibbażaw fuq il-prinċipju li għandha tiġi stabbilita rabta ċara bejn id-dħul u l-ħlasijiet tal-mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni. Pajjiżi oħra jippermettu li l-fondi miġbura mill-imposta jiġu assorbiti mill-baġit ġenerali billi m'hemm l-ebda rabta espliċita mal-qafas ta' riżoluzzjoni maħsuba għas-settur finanzjarju. L-arranġamenti li joħolqu stennijiet li l-istituzzjonijiet finanzjarji jistgħu jirċievu appoġġ mingħand il-gvern jistgħu jipperikolaw l-għan tal-qafas propost, li huwa li tiddaħħal riżoluzzjoni b'ordni ta' istituzzjonijiet finanzjarji fi problemi mingħajr l-użu ta' flus il-kontribwenti. Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li t-twaqqif ta' fondi ta' riżoluzzjoni ddedikati jista' jwassal għat-tnaqqis tad-dipendenza tas-settur finanzjarju fuq il-fondi pubbliċi u jnaqqas il-periklu morali tal-problema marbuta mal-istituzzjonijiet “kbar wisq biex ifallu” (too big to fail). Il-KESE huwa tal-fehma li, bħal fil-każ tal-fondi ta' garanzija ta' depożitu, il-flus li jinġabru mill-imposta għandhom ikunu taħt il-kontroll u l-governanza ta' awtoritajiet differenti minn dawk li jkunu responsabbli mill-affarijiet fiskali, pereżempju dawk inkarigati mill-governanza tal-Qafas ta' Stabbiltà Finanzjarja.

3.4.2   Qabel ma tittieħed deċiżjoni finali dwar il-governanza tal-FRB, għandhom jingħataw tweġibiet ċari għall-mistoqsijiet li ġejjin:

il-fond jagħmel parti mir-regolament prudenzjali? jew

huwa maħsub bħala miżura fiskali, immirata lejn is-settur finanzjarju biex jikkontribwixxi għall-irkupru tal-flus tal-pubbliku li ntefqu? jew

m'huwa xejn aktar għajr manuvra fiskali, immirata lejn suq aktar trasparenti billi tiġi miġġielda l-ispekulazzjoni finanzjarja?

Jekk il-Kummissjoni tqis il-FRB bħala miżura parafiskali u bħala parti mill-qafas ta' stabbiltà finanzjarja, għandha tiżgura li tfiehem dan sew għax ma jistax ikun hemm governanza tajba tal-FRB mingħajr fehim ċar dwar in-natura tagħha.

Brussell, 16 ta’ Frar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara l-Grupp ta' Ħidma Ad Hoc dwar l-Immaniġġjar tal-Kriżijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, 17 ta' Settembru 2010.

(2)  Kummissjoni Ewropea, DĠ għas-Suq Intern u s-Servizzi, Commission Services Non-Paper on Bank Levies for Discussion at the EFC Meeting on 31 August 2010, (Dokument informali tas-Servizzi tal-Kummissjoni dwar l-imposti bankarji, għal diskussjoni matul il-laqgħa tal-KEF, fil-31 ta' Awwissu) p. 4.

(3)  Grupp ta' Ħidma Ad Hoc dwar l-Immaniġġjar tal-Kriżijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

(4)  FMI, A Fair and Substantial Contribution by the Financial Sector (Kontribut ġust u sostanzjali mis-settur finanzjarju), Rapport finanzjarju għall-G-20, Ġunju 2010, p. 17.

(5)  Il-FMI jippreferi sensiela wiesgħa ta' obbligazzjonijiet, inklużi xi affarijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ iżda apparti l-kapital u l-obbligazzjonijiet assigurati. Fid-dokument informali tagħha tal-20 ta' Awwissu, il-Kummissjoni tappoġġja wkoll l-approċċ ibbażat fuq l-obbligazzjonijiet tas-suq. Erba' Stati Membri diġà adottaw approċċ ibbażat fuq obbligazzjonijiet divrenzjati.

(6)  Il-proposti tal-Kumitat ta' Basel jissorveljaw il-likwidità u r-riskji ta' trasfomazzjoni meħuda mill-banek.

(7)  Fil-COM(2010) 579 finali, il-Kummissjoni twiegħed li ser tapplika l-qafas tal-UE għall-immaniġġjar tal-kriżi fis-settur finanzjarju għal kull istituzzjoni ta' kreditu u xi kumpaniji tal-investiment mingħajr ma tagħti definizzjoni ċara ta' kumpaniji ta' investiment. Il-KESE jemmen li l-qafas ta' riżoluzzjoni għandu jiġi applikat għal kull istituzzjoni finanzjarja li qiegħda taħt superviżjoni.