17.3.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 84/45 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE li tirrigwarda l-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili maħsuba għall-konsum uman
COM(2010) 490 finali
2011/C 84/09
Relatur uniku: is-Sur Pedro NARRO
Nhar it-23 ta’ Settembru 2010 u nhar is-7 ta’ Ottubru 2010 rispettivament, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jitolbu lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji opinjoni dwar
il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE li tirrigwarda l-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili maħsuba għall-konsum mill-bniedem
COM(2010) 490 finali.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta’ Diċembru 2010.
Matul l-468 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-19 u l-20 ta’ Jannar 2011 (seduta tal-20 ta’ Jannar 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’159 voti favur, 3 voti kontra u 6 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet
1.1 |
Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li temenda għat-tieni darba d-Direttiva 2001/112/KE bil-għan li tikkonforma mal-istandard ġenerali tal-Codex Alimentarius għall-meraq u n-nektars tal-frott. Bla dubju, dan il-proċess ta’ konformità m’għandux ikun limitat b’mod diskrezzjonali għal xi elementi speċifiċi ħafna tad-Direttiva iżda għandu jiġi applikat b’mod ġenerali għall-punti kollha tal-leġislazzjoni Komunitarja msemmija. |
1.2 |
Il-projbizzjoni li jiżdied iz-zokkor mal-meraq tal-frott huwa miżura adatta li tgħin fil-prevenzjoni kontra l-obeżità. Madankollu, il-KESE ma jaqbilx mal-obbligu addizzjonali li n-nektars jiġu deskritti bħala li għandhom iz-zokkor miżjud: il-miżura tista’ tgħarraq bil-konsumatur, tfisser diskriminazzjoni sfaċċata fir-rigward ta’ prodotti oħra u ma tinsabx fil-Codex Alimentarius. |
1.3 |
Il-KESE jiddispjaċih li fil-kapitolu tal-ingredejnti awtorizzati, il-proposta għal Direttiva ma tinkludix iż-żjieda sa 10 % tal-meraq tal-mandolin mal-meraq tal-larinġ. L-istandard tal-Codex Alimentarius, li d-Direttiva qiegħda tipprova tikkonforma miegħu, jawtorizza din it-teknika, li ġeneralment hija użata fil-kuntest internazzjonali, u għalhekk għandha tiġi inkluża fit-test tad-Direttiva. |
1.4 |
It-tieni punt tal-Anness II għandu jsemmi b’mod espliċitu l-possibbiltà li l-frott destinat għall-manifattura tal-meraq u tal-puré tal-frott seta’ ngħata trattament wara li jkun inġabar. |
1.5 |
Il-KESE huwa sodisfatt li t-tadam ġie inkluż fil-lista tal-frott li jintuża għall-produzzjoni tal-meraq tal-frott. |
1.6 |
Il-KESE huwa sodisfatt li ser tinżamm il-klassifikazzjoni/denominazzjoni doppja li tiddistingwixxi bejn il-meraq tal-frott (miksub direttament mit-tagħsir tal-frotta) u l-meraq minn konċentrati (miksub mir-rikostituzzjoni bl-ilma tal-meraq ikkonċentrat). Din id-distinzjoni tiggarantixxi informazzjoni korretta lill-konsumatur. Huwa importanti li din id-distinzjoni doppja tinżamm u li, fi kwalunkwe każ, ma jidhrux tifsiriet li jistgħu jwessgħu l-interpretazzjoni tad-definizzjoni doppja. |
1.7 |
Il-KESE huwa sodisfatt li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tipprevedi l-għażla ħielsa fir-rikostituzzjoni tal-palat fil-meraq tal-frott ikkonċentrat. |
2. Kuntest u sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni
2.1 |
Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi t-tieni emenda għad-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE li tirrigwarda l-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili maħsuba għall-konsum uman. Id-Direttiva msemmija, li qiegħda tiġi emendata, tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet tekniċi dwar il-kompożizzjoni, id-denominazzjoni, il-karatteristiċi tal-manifattura u t-tikkettar ta’ dawn il-prodotti. |
2.2 |
Id-Direttiva 2001/112/KE ġiet emendata l-ewwel darba permezz tad-Direttiva 2009/106/KE. Din l-emenda teknika saret bil-għan li l-leġislazzjoni Komunitarja tikkonforma mal-istandard ġenerali tal-Codex Alimentarus għall-meraq u n-nektars tal-frott (STAN 247-2005, li jistabbilixxi l-kriterji ta’ kwalità u r-rekwiżiti għat-tikkettar għall-meraq tal-frott u prodotti simili oħra) u mal-Kodiċi ta’ Prattika Tajba tal-AIJN (Assoċjazzjoni Ewropea tal-Meraq u n-Nettari tal-Frott u l-Ħaxix). Bażikament, it-tibdil introdott laqat l-istabbiliment ta’ valuri minimi Brix għal 18-il meraq tal-frott rikostitwit u purejiet tal-frott rikostitwiti u l-isem tal-bejgħ li għandu jintuża għal meraq tal-frott minn konċentrat. Id-data aħħarija għat-traspożizzjoni hija l-1 ta’ Jannar 2011. |
2.3 |
Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill COM(2010) 490, is-suġġett ta’ din l-opinjoni, hija t-tieni emenda ta’ natura teknika. Bħall-ewwel emenda, tikkonsisti fl-inkorporazzjoni ta’ serje ta’ dispożizzjonijiet tal-istandard tal-Codex Alimentarius, li jikkonformaw mal-Kodiċi ta’ Prattika Tajba tal-AIJN. Il-kontributi prinċipali ta’ din il-proposta għal Direttiva huma:
|
2.4 |
Din il-proposta għal Direttiva ser issegwi l-proċedura leġislattiva ordinarja stabbilita fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri jkollhom 18-il xhar sabiex jittrasponu d-Direttiva fil-leġislazzjonijiet nazzjonali tagħhom hekk kif din tiġi approvata. |
3. Kummenti
3.1 |
Il-proposta ta’ Direttiva analizzata f’din l-Opinjoni hija bbażata prinċipalment fuq il-bżonn li l-leġislazzjoni Komunitarja tikkonforma mal-leġislazzjoni internazzjonali, b’mod partikolari mal-istandard tal-Codex Alimentarius għall-meraq u n-nektars tal-frott. Għalhekk, fl-emendi proposti, il-Kummissjoni m’għandhiex toħroġ minn ċerti disposizzjonijiet tal-Codex Alimentarius, li huma aċċettati fil-livell internazzjonali. Min-naħa l-oħra, ikun utli li jiġu introdotti dispożizzjonijiet ġodda b’konformità mat-test tal-Codex Alimentarius. |
3.2 |
Waħda mill-aktar emendi importanti inkluża fil-proposta għal Direttiva tinsab fil-projbizzjoni li jiżdied iz-zokkor mal-meraq tal-frott u mill-obbligu, għan-nektars, li din iż-żjieda tiġi indikata fl-isem tal-bejgħ. Il-projbizzjoni appoġġjata mill-Kummissjoni hija ġġustifikata b’mod ċar fil-kuntest tal-istrateġija Ewropea għall-prevenzjoni tal-obeżità. Madankollu, fil-każ tan-nektars, il-proposta titlaq mid-disposizzjonijiet tal-Codex Alimentarius, m’għandhiex preċedenti fil-każ ta’ prodotti oħra (soft drinks), hija inkonsistenti mar-regolamenti orizzontali dwar it-tikkettar u ma tidhirx neċessarja peress li d-definizzjoni proprja tan-nektars tindika diġà li hemm żjieda ta’ zokkor. |
3.3 |
Il-proposta tal-Kummissjoni ma tinkludix iż-żjieda tal-meraq tal-mandolin mal-meraq tal-larinġ mingħajr ma jkun obbligatorju li l-prodott ikollu t-tikketta ta’ taħlita ta’ meraq. Madankollu, l-istandard tal-Codex Alimentarius (STAN 45-1981) jippermetti din il-prattika sa 10 %, u għalhekk tintuża ħafna fil-kuntest internazzjonali mill-pajjiżi produtturi prinċipali, bħall-Brażil u l-Istati Uniti. Fil-kuntest tal-globalizzazzjoni tas-swieq, il-ħtiġijiet tad-Direttiva 2001/112/KE jitfgħu lill-produtturi Ewropej taċ-ċitru u l-kooperattivi tagħhom f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ kompetittiv meta mqabbla mal-pajjiżi terzi. Il-KESE jikkunsidra neċessarju li d-denominazzjoni Ewropea “meraq tal-larinġ” tikkonforma mal-istandard internazzjonali tal-Codex Alimentarius, u jappoġġja għalhekk l-inklużjoni sa 10 % tal-meraq tal-mandolin bħala ingredjent awtorizzat tal-meraq tal-larinġ. Iż-żjieda tal-meraq tal-mandolin mal-meraq tal-larinġ hija ġustifikata minħabba li ż-żewġ speċijiet taċ-ċitru huma qrib botanikament u għandhom karatteristiċi organolettiċi simili. Fil-fatt, mil-lat analitiku, din iż-żjieda ma tiġix osservata b’mod kwalitattiv. |
3.4 |
Id-definizzjoni tal-frott li tinsab fil-punt 1 tal-Anness II (Definizzjonijiet tal-materja prima) għandha tinkludi b’mod ċar it-trattament wara l-ġbir fil-każ tal-frott li huwa destinat għall-ipproċessar. |
3.5 |
Il-KESE jappoġġja l-inklużjoni tat-tadam fil-lista tal-frott destinat għall-produzzjoni ta’ meraq tal-frott u jqis b’mod pożittiv iż-żamma tad-denominazzjoni doppja tal-bejgħ għall-meraq tal-frott u l-meraq minn konċentrati, biex jiġi assigurat li l-konsumaturi jingħataw l-informazzjoni korretta, kif ukoll il-possibbiltà li l-aroma tal-meraq tal-frott minn konċentrat jiġi rikostitwit. |
Brussell, 20 ta’ Jannar 2011.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON