1.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/1


OPINJONI Nru 1/2011

dwar proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 215/2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp, dwar is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

(skont l-Artikolu 287(4), TFUE)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

Il-QORTI TAL-AWDITURI TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 287(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku min-naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri min-naħa oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1) u rrivedut fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (2), min hawn ’il quddiem imsejjaħ il-‘Ftehim ta’ Sħubija bejn l-AKP u l-KE’,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta’ Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji ta’ barra mal-Komunità Ewropea (3), emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/249/KE tad-19 ta’ Marzu 2007 (4),

Wara li kkunsidrat il-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li jiltaqgħu fil-Kunsill, dwar il-finanzjament ta’ għajnuna tal-Komunità taħt il-qafas finanzjarju multiannwali għall-perjodu tal-2008 sal-2013 skont il-Ftehim tas-Sħubija AKP-KE u l-allokazzjoni ta’ għajnuna finanzjarja għall-pajjiżi u t-territorji ta’ barra li għalihom tapplika r-Raba’ Parti tat-Trattat tal-KE minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ‘il-Ftehim Intern’, u b’mod partikolari l-Artikolu 10(2) tiegħu (5),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1081/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, fir-rigward tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (6),

Wara li kkunsidrat l-Opinjoni tal-Qorti Nru 4/2010 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, fir-rigward tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (7),

Wara li kkunsidrat il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 215/2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp, fir-rigward tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, tal-20 ta’ Diċembru 2010 (8),

Wara li kkunsidrat it-talba tal-Kunsill għal opinjoni dwar il-proposta msemmija hawn fuq li waslet il-Qorti fl-14 ta’ Jannar 2011,

ADOTTAT L-OPINJONI LI ĠEJJA:

Kummenti ġenerali

1.

Il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li dwara l-Qorti tal-Awdituri hija mitluba l-opinjoni għandha l-għan li temenda r-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ‘FEŻ’) sabiex tadatta r-regoli tagħha għan-natura speċifika tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna liema eżistenza hija maħsuba f’Artikolu 27(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif modifikat mit-Trattat ta’ Lisbona li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009.

2.

Filwaqt li kkunsidrat l-ispeċifiċità tal-FEŻ, il-bidliet proposti mill-Kummissjoni huma skont il-modifiki miġjuba għar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali għall-istess għan mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1081/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, f’dak li għandu x’jaqsam mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

3.

L-istruttura ġdida tal-SEAE u l-kompiti tal-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni se tfisser li hu se jirrapporta lil żewġ korpi differenti. Kif diġà msemmi qabel fl-Opinjoni tagħha Nru 4/2010, il-Qorti tinnota li għandha tingħata attenzjoni partikolari fil-ġestjoni tal-istruttura l-ġdida, fost oħrajn, sabiex jiġu evitati konflitti ta’ prijorità. Il-Qorti wkoll għandha l-istess tħassib f’dak li għandu x’jaqsam (a) mad-derogi sinifikanti għar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-10 FEŻ, peress li subdelegi tal-poteri tal-Kummissjoni ta’ implimentazzjoni tal-FEŻ se jingħataw lil uffiċjali ta’ awtorizzazzjoni (Kapijiet ta’ Delegazzjoni) li mhumiex se jagħmlu aktar parti mid-dipartimenti tal-Kummissjoni; (b) iż-żieda fil-komplessità fil-ġestjoni finanzjarja u fir-rappurtaġġ ta’ missjonijiet u l-operazzjonijiet tad-Delegazzjonijiet; (c) l-inċertezza konsiderevoli dwar l-implimentazzjoni minn Delegazzjonijiet tal-Unjoni tar-riżorsi maħsuba għal nefqa ta’ appoġġ marbuta mal-FEŻ taħt l-Artikolu 6 tal-Ftehim Intern, kwistjoni li mhijiex kjarifikata fil-proposta.

Kummenti speċifiċi

4.

Sabiex jiġi żgurat allinjament mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali, is-sentenza li jmiss għandha tiġi miżjuda mal-aħħar paragrafu propost tal-Artikolu 17: ‘Dawk l-arranġamenti m’għandu jkollhom l-ebda deroga mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju’.

5.

F’dak li għandu x’jaqsam mas-subparagrafu li l-Kummissjoni qiegħda tipproponi li żżid fl-Artikolu 39(1), il-Qorti tiġbed l-attenzjoni għar-riskju ta’ ambigwità fit-terminu ‘l-implimentazzjoni sħiħa ta’ riżorsi tal-FEŻ’ b’relazzjoni mal-parti tar-riżorsi tal-FEŻ li hija ġestita mill-Bank Ewropew tal-Investiment.

Din l-opinjini ġiet adottata mill-Awla III, immexxija mis-Sur JAN KINŠT, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-1 ta’ Frar 2011.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

Il-President


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(2)  ĠU L 287, 28.10.2005, p. 4.

(3)  ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1 u ĠU L 324, 7.12.2001, p. 1.

(4)  ĠU L 109, 26.4.2007, p. 33.

(5)  ĠU L 109, 9.9.2006, p. 32.

(6)  ĠU L 311, 26.11.2010, p. 9.

(7)  ĠU C 145, 3.6.2010, p. 4.

(8)  COM(2010) 795 finali.