30.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 357/1


Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX)

2010/C 357/01

IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (1),

Wara li kkunsidra t-talba għal opinjoni skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (2),

ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA:

I.   INTRODUZZJONI

1.

Fl-24 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni adottat Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX) (3) (minn hawn ’il quddiem il-proposta jew ir-Regolament propost).

2.

Il-KEPD jilqa’ l-fatt li huwa kien ikkonsultat b’mod informali mill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tal-proposta. Il-kummenti informali nagħtaw mill-KEPD fit-8 ta’ Frar 2010 u rriżultaw f’numru ta’ bidliet fil-verżjoni finali tal-proposta adottata mill-Kummissjoni.

3.

Fit-2 ta’ Marzu 2010, il-proposta kif adottata mill-Kummissjoni ntbagħtet lill-KEPD għal konsultazzjoni b’konformità mal-Artikolu 28 (2) tar-Regolament 45/2001.

4.

F’dan il-kuntest, huwa rilevanti wkoll li jissemma’ li fis-26 ta’ April 2010, il-KEPD ħareġ Opinjoni dwar notifika għal Verifika minn Qabel riċevuta mill-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Dejta tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX) dwar il-“Ġbir tal-ismijiet u ċerta dejta rilevanti oħra ta’ persuni rimpatrijati għal operazzjonijiet ta’ ritorn konġunt (join return operations – JRO)” (minn hawn ’il quddiem l-Opinjoni dwar in-Notifika minn Qabel) (4). Il-konklużjonijiet tal-Opinjoni msemmija hawn fuq, li s-suġġett tagħha huwa l-ipproċessar ta’ dejta personali fil-kuntest tat-tħejjija u r-realizzazzjoni tal-JROs skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004, kienu qegħdin jintużaw bħala bażi għal uħud mill-osservazzjonijiet u l-konklużjonijiet ippreżentati f’din l-opinjoni.

L-għan u l-objettiv tal-Proposta

5.

Safejn huma kkonċernati l-għan u l-objettiv tal-proposta, il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni li jakkumpanja r-Regolament propost (minn hawn ’il quddiem EM) jaqra kif ġej: “il-proposta tindirizza l-emendi għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 (…) li huma meħtieġa sabiex jiġi żgurat il-funzjonament definit sew u korrett tal-Aġenzija FRONTEX fis-snin li ġejjin. L-għan tal-Proposta huwa li tadatta r-Regolament, fid-dawl tal-evalwazzjonijiet imwettqa u l-esperjenzi prattiċi, biex tikkjarifika l-mandat tal-Aġenzija u biex tindirizza n-nuqqasijiet identifikati”.

6.

F’dan il-kuntest, għandu jissemma li l-Premessa 9 tal-proposta tirreferi għall-fatt li l-Programm ta’ Stokkolma jitlob għal kjarifika u tisħiħ tar-rwol ta’ FRONTEX rigward il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea.

7.

Minbarra dan, il-Premessa 10 tirreferi għall-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet operattivi ta’ FRONTEX. Kif imsemmi f’din il-premessa, “il-mandat tal-Aġenzija għandu jiġi rivedut sabiex jissaħħu, b’mod partikolari, il-kapaċitajiet operattivi tal-Aġenzija, filwaqt li jiġi żgurat li l-miżuri kollha li jittieħdu jkunu proporzjonati għall-objettivi segwiti u jkunu jirrispettaw b’mod sħiħ id-drittijiet fundamentali (…)”. Barra minn hekk, il-Premessa 11 tenfasizza li “l-possibbiltajiet attwali għall-għoti ta’ assistenza effettiva lill-Istati Membri fir-rigward tal-aspetti operattivi għandhom jiġu rrinfurzati f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżorsi tekniċi disponibbli”.

8.

Barra minn hekk, kif imsemmi fil-Premessa 4 tal-proposta, “dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, notevolment id-dinjità tal-bniedem, il-projbizzjoni tat-tortura u ta’ trattament jew kastig inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà u s-sigurtà, id-drittijiet għall-protezzjoni tad-dejta personali, id-dritt għall-ażil, in-non-refoulement, in-non-diskriminazzjoni, id-drittijiet tat-tfal u d-dritt għal rimedju effettiv. Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat mill-Istati Membri skont dawn id-drittijiet u prinċipji.”

9.

Il-proposta tirrifletti r-rakkomandazzjonijiet magħmula fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Frar 2008 dwar l-evalwazzjoni u l-iżvilupp futur tal-Aġenzija FRONTEX (5) kif ukoll dawk mill-Bord ta’ Tmexxija sal-punt li jkunu jeħtieġu reviżjoni tal-qafas legali tal-Aġenzija, bl-eċċezzjonijiet kif deskritti fil-valutazzjoni tal-impatt.

II.   RIMARKI ĠENERALI

10.

Bħala rimarka ġenerali, il-KEPD jinnota li l-proposta hija maħsuba biex tippermetti lil FRONTEX tissodisfa l-kompiti u r-responsabbiltajiet attwali tagħha, kif ukoll dawk previsti mir-Regolament propost, b’mod aktar effettiv. Il-kompiti l-ġodda ta’ FRONTEX, kif imsemmija fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni, huma li tinkludi, f’każ li jkunu approvati kif propost mill-Kummissjoni, fost l-oħrajn: 1) l-estensjoni tal-ħidma relatata mal-analiżi tar-riskji; 2) it-tisħiħ tal-ħidma relatata mar-riċerka; 3) l-introduzzjoni tal-possibbiltà li jiġu kkoordinati l-operazzjonijiet ta’ ritorn konġunt; 4) kompiti ġodda relatati mal-iżvilupp u l-operat tas-sistemi ta’ informazzjoni; 5) kompiti ġodda relatati mal-għoti ta’ assistenza lil EUROSUR, eċċ.

11.

Dan il-qafas legali ġdid, previst mill-proposta, li fih għandha topera FRONTEX fil-futur qrib, u li jista’ jirriżulta wkoll f’kompiti operattivi ġodda li għandhom jingħataw lil FRONTEX fuq il-bażi tar-Regolament propost, ittieħed f’kunsiderazzjoni bir-reqqa mill-KEPD, filwaqt li jirrifletti fuq il-kontenut u l-konklużjonijiet ta’ din l-opinjoni.

12.

F’dan l-isfond, u kif issemma diġà qabel, b’kunsiderazzjoni tar-rwoli u r-responsabbiltajiet ġodda possibbli tal-Aġenzija, huwa impressjonanti li r-Regolament propost kważi ma jgħid xejn dwar l-ipproċessar tad-dejta personali minn FRONTEX, b’eċċezzjoni waħdanija tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 11 tal-proposta. Din il-kwistjoni sejra tkompli tiġi kkunsidrata wkoll fid-dawl tas-sejbiet u l-konklużjonijiet tal-Opinjoni tal-KEPD dwar il-Verifika minn Qabel imsemmija fil-punt 4.

13.

Barra minn hekk, l-opinjoni sejra tiffoka fuq dawk id-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament propost li għandhom, jew jistgħu fil-futur ikollhom, implikazzjonijiet fuq il-protezzjoni tad-dejta. F’dan il-kuntest, id-dispożizzjonijiet speċifiċi li ġejjin jiġu indirizzati fl-opinjoni:

Sistemi ta’ skambju tal-informazzjoni (formulazzjoni ġdida tal-Artikolu 11),

Il-protezzjoni tad-dejta (Artikolu 11 (a) miżjud dan l-aħħar),

Regoli ta’ sikurezza dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata u ta’ informazzjoni sensittiva mhux klassifikata (Artikolu 11 (a) miżjud dan l-aħħar),

Kooperazzjoni mal-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni Ewropea u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali (formulazzjoni ġdida tal-Artikolu 13),

Faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni operattiva ma’ pajjiżi terzi u l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi (formulazzjoni ġdida tal-Artikolu 14).

Nuqqas ta’ bażi legali speċifika dwar l-ipproċessar ta’ dejta personali minn FRONTEX

14.

Kif issemma diġà, il-proposta ma tispeċifikax jekk, u jekk iva, taħt liema ċirkostanzi, kundizzjonijiet u limitazzjonijiet, u soġġett għal liema salvagwardji, FRONTEX tista’ titħalla tipproċessa (xi) dejta personali fil-kuntest tal-kompiti u r-responsabbiltajiet dejjem jiżdiedu tagħha previsti mill-proposta. Fil-fatt, ir-Regolament propost la jikkjarifika din il-kwistjoni u lanqas fih bażi legali speċifika li tipprovdi kjarifika taċ-ċirkostanzi li taħthom ikun jista’ jsir dan l-ipproċessar minn FRONTEX, soġġett għal salvagwardji b’saħħithom għall-protezzjoni tad-dejta u b’konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u n-neċessità.

15.

F’dan il-kuntest, huwa importanti li għal darb’oħra ssir referenza għall-Memorandum ta’ Spjegazzjoni li jinforma li l-għażla preferuta tal-Valutazzjoni tal-Impatt ġiet riflessa b’mod sħiħ fil-proposta “bl-eċċezzjoni li FRONTEX tingħata mandat limitat biex tkun tista’ tipproċessa d-dejta personali dwar il-ġlieda kontra n-netwerks kriminali li jorganizzaw l-immigrazzjoni illegali.” L-EM ikompli jgħid li “il-Kummissjoni tassew tqis li għandhom jiġu kkunsidrati l-possibbiltajiet kollha biex jinfurzaw il-ġlieda kontra l-kuntrabandu tal-migranti u kontra t-traffikar tal-bnedmin.” Madankollu, “hija tippreferi tmur lura għall-kwistjoni tad-dejta personali fil-kuntest tal-istrateġija globali għall-iskambju ta’ informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata aktar tard din is-sena u wkoll tikkunsidra r-riflessjoni li għandha titwettaq dwar kif trid tiġi żviluppata l-kooperazzjoni bejn l-Aġenziji fl-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni kif mitlub mill-Programm ta’ Stokkolma.”

16.

Il-KEPD għandu dubji dwar l-approċċ meħud mill-Kummissjoni fir-Regolament propost fir-rigward tal-kwistjoni tal-ipproċessar ta’ dejta personali minn FRONTEX. Ir-referenza fl-EM ikkwotata hawn fuq ma tikkjarifikax x’jista’ jkun l-ambitu tal-ipproċessar ta’ dejta personali f’oqsma oħrajn tal-attivitajiet ta’ FRONTEX (ara l-punti 10 u 11). Sabiex jispjega dan permezz ta’ eżempju, il-KEPD jixtieq jirreferi għall-Opinjoni tiegħu dwar il-Verifika minn Qabel rigward it-tħejjija u r-realizzazzjoni tal-JROs, l-attività li fil-kuntest tagħha l-FRONTEX informat lill-KEPD li xi pproċessar ta’ dejta personali jista’ jkun meħtieġ għat-twettiq effettiv tal-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ FRONTEX.

17.

Fl-Opinjoni dwar il-Verifika minn Qabel, il-KEPD ra “bażi legali aktar speċifika mill-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004 kif preferibbli, jekk mhux meħtieġ, minħabba s-sensittività tad-dejta u l-attivitajiet ikkonċernati fir-rigward ta’ popolazzjoni vulnerabbli, sabiex jiġu pprovduti limiti aktar ċari għall-ipproċessar u jiġu żgurati garanziji xierqa għas-suġġetti tad-dejta, kif mitlub mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali”.

18.

Il-KEPD jemmen li l-eżempju tal-operazzjonijiet ta’ ritorn konġunt, li fil-kuntest tagħhom ċertu pproċessar tad-dejta personali jitqies bħala meħtieġ minn FRONTEX, juri li hemm ħtieġa urġenti għal kjarifika ta’ din il-kwistjoni fil-proposta. Ir-riluttanza tal-Kummissjoni milli tispeċifika dan fir-Regolament propost jew li tiddikjara b’mod ċar id-data sa meta sejra tagħmel dan, minflok tippreferi li tipposponi l-kwistjoni li għadha qiegħda tistenna ċirkostanzi legali u politiċi ġodda (ara l-punt 15 ta’ din l-opinjoni), tqajjem tħassib serju. Fil-fehma tal-KEPD, dan l-approċċ jista’ jwassal għal inċertezza legali mhux mixtieqa u għal riskju sinjifikanti ta’ nuqqas ta’ konformità mas-salvagwardji u r-regoli tal-protezzjoni tad-dejta.

19.

Wara li kkunsidra l-kompiti u r-responsabbiltajiet ġodda ta’ FRONTEX kif previsti fil-proposta, il-KEPD huwa tal-fehma li r-Regolament propost għandu – safejn ikun meħtieġ u xieraq – jindirizza b’mod ċar il-kwistjoni tal-ambitu tal-attivitajiet li jistgħu jagħtu lok għall-ipproċessar ta’ dejta personali minn FRONTEX. Il-KEPD jemmen li hemm bżonn ta’ bażi legali speċifika li tindirizza l-ipproċessar tad-dejta personali minn FRONTEX fil-kuntest tal-kompiti attwali jew ġodda tagħha. Huwa biss fejn ikun neċessarju għal skopijiet legali u identifikati b’mod ċar – b’mod partikolari l-JRO – li għandu jitħalla jsir dan l-ipproċessar.

20.

Il-bażi legali għandha tipprovdi wkoll għal speċifikazzjoni rigward is-salvagwardji, il-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet meħtieġa u xierqa li taħthom isir dan l-ipproċessar tad-dejta personali, b’konformità mal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u mal-Artikolu 8 tal-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali.

21.

Il-ħtieġa għal speċifikazzjoni hija saħansitra aktar rilevanti minħabba d-diffikultà prattika li ssir distinzjoni ċara bejn l-attivitajiet operazzjonali u mhux operazzjonali tal-FRONTEX u, b’mod aktar speċifiku, il-każijiet li fihom l-ipproċessar tad-dejta personali jsir għal għanijiet purament amministrattivi jew purament operazzjonali. Dawn it-termini jistgħu jagħtu lok għal konfużjoni minħabba l-ambitu u l-kontenut preċiżi tagħhom. Għalhekk, il-KEPD jistieden lil-leġiżlatur biex jikkjarifika l-kwistjoni fir-Regolament propost.

22.

Il-KEPD jieħu wkoll din l-opportunità biex jenfasizza li l-konklużjonijiet tal-Opinjoni dwar il-Verifika minn Qabel japplikaw biss għal attività speċifika (jiġifieri l-JRO) li trid titwettaq fil-ġejjieni minn FRONTEX skont l-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ FRONTEX (6). Dawn il-konklużjonijiet huma bbażati fuq analiżi komprensiva taċ-ċirkostanzi legali u prattiċi ta’ din l-attività speċifika, kif ukoll l-informazzjoni pprovduta minn FRONTEX lill-KEPD matul il-verifika minn qabel. Bħala konsegwenza, dawn ma jistgħux jiġu applikati għall-valutazzjoni tan-neċessità, il-proporzjonalità u l-legalità ta’ kull ipproċessar ta’ dejta personali li jista’ fil-ġejjieni jkun previst fil-kuntest ta’ attivitajiet oħrajn ta’ FRONTEX. Jekk ikun previst kwalunkwe proċessar ieħor ta’ dejta personali minn FRONTEX, din tal-aħħar għandha tkun soġġetta għal analiżi ta’ każ b’każ rigward il-legalità tal-ipproċessar, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika fir-Regolament ta’ FRONTEX. (7)

III.   ANALIŻI TAD-DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI TAL-PROPOSTA

23.

Kif issemma fil-punt 13, din l-opinjoni sejra tindirizza wkoll dawk id-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament propost li għandhom jew jista’ jkollhom implikazzjonijiet fuq il-protezzjoni tad-dejta fil-ġejjieni (Artikoli 11, 11(a), 11(b), 13 u 14).

Artikolu 11 – Sistemi ta’ skambju ta’ informazzjoni

24.

Il-proposta tipprovdi għal formulazzjoni ġdida tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004, li jimmodifika r-rwol tal-Aġenzija billi jobbligaha tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u tiżviluppa u topera sistema ta’ informazzjoni li tkun kapaċi tiskambja informazzjoni klassifikata. B’mod aktar speċifiku, il-formulazzjoni proposta tistipula li “l-Aġenzija tista’ tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti għad-dmirijiet tagħha, mal-Kummissjoni u l-Istati Membri. Hi għandha tiżviluppa u topera sistema ta’ informazzjoni li tkun kapaċi li tagħmel skambju tal-informazzjoni kklassifikata mal-Kummissjoni u l-Istati Membri. L-iskambju ta’ informazzjoni li għandu jkun kopert minn din is-sistema ma għandux jinkludi l-iskambju ta’ dejta personali.”

25.

Il-KEPD jilqa’ l-ispeċifikazzjoni proposta fl-aħħar sentenza tad-dispożizzjoni msemmija hawn fuq billi tikkjarifika l-kontenut tal-informazzjoni li tista’ tiġi skambjata minn FRONTEX mal-Kummissjoni u l-Istati Membri, u ma tħalli ebda dubju dwar jekk dan l-iskambju ta’ informazzjoni huwiex sejjer jinvolvi dejta personali.

26.

Madankollu, f’dan il-kuntest, il-KEPD jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Artikolu 11 propost huwa fil-fatt l-unika dispożizzjoni fil-proposta li tindirizza b’mod espliċitu l-kwistjoni tal-ipproċessar ta’ dejta personali minn FRONTEX fil-kuntest tal-attivitajiet operattivi tagħha. Huwa jagħmel dan billi jeskludi l-iskambju ta’ dejta personali fil-qasam ta’ sistema ta’ informazzjoni partikolari. Il-fatt li dispożizzjonijiet oħrajn, bħal dik li tittratta l-kooperazzjoni mal-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni Ewropea u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali (l-Artikolu 13) jew dik li tirregola l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi (l-Artikolu 14) ma fihom ebda speċifikazzjoni ta’ din in-natura jista’ jwassal għal inċertezzi jew saħansitra għal tħassib minn perspettiva tal-protezzjoni tad-dejta.

Artikolu 11(a) – Protezzjoni tad-Dejta

27.

Il-proposta tipprevedi għall-inserzjoni tal-Artikolu 11 (a) li jikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u jaqra kif ġej: “Il-Bord Amministrattiv għandu jistabbilixxi miżuri għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 mill-Aġenzija, inkluż dawk dwar l-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Dejta tal-Aġenzija.”

28.

Il-KEPD jilqa’ din id-dispożizzjoni li tikkonferma li l-Aġenzija hija obbligata tipproċessa dejta personali skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001, kull meta tkun permessa tagħmel dan.

29.

F’dak il-kuntest, il-ħatra tal-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Dejta hija ta’ importanza partikolari u għandha tiġi akkumpanjata mill-istabbiliment fil-pront tar-regoli ta’ implimentazzjoni rigward l-ambitu tas-setgħat u l-kompiti li jridu jiġu fdati lill-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Dejta skont l-Artikolu 24 (8) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001. Barra minn hekk, dawn ir-regoli għandhom jiġu kkumplimentati mill-miżuri kollha neċessarji meħtieġa għall-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament għal FRONTEX.

30.

Din id-dispożizzjoni hija evidenti ħafna wkoll fil-kuntest tal-konklużjonijiet tal-Opinjoni dwar il-Verifika minn Qabel li għall-iskop tagħha FRONTEX informat lill-KEPD li sejjer ikun meħtieġ xi pproċessar ta’ dejta personali għat-twettiq xieraq u effettiv tal-kompiti skont l-Artikolu 9 tar-Regolament FRONTEX. Peress li japplika r-Regolament 45/2001, FRONTEX, fir-rwol tagħha bħala kontrollur tad-dejta, ser ikollha tiżgura l-konformità mad-dispożizzjonijiet kollha li jinsabu f’dak ir-Regolament.

31.

Hawnhekk għandu jissemma wkoll li l-proposta ma fiha ebda regola speċifika relatata mal-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-dejta (Artikoli 13-19 tar-Regolament 45/2001). Barra minn hekk, ma hemm ebda dispożizzjoni speċifika relatata mal-obbligu tal-kontrollur tad-dejta li jipprovdi informazzjoni lis-suġġett tad-dejta (Artikoli 11 u 12 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001). Il-KEPD jirrakkomanda li għandha tingħata attenzjoni speċjali lil dawk ir-regoli fil-miżuri li jridu jiġu stabbiliti mill-Bord tat-Tmexxija fuq il-bażi tal-Artikolu 11 (a) propost tal-proposta.

Artikolu 11(b) – Regoli ta’ sigurtà dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni kklassifikata u informazzjoni sensittiva mhux ikklassifikata

32.

L-Artikolu 11 (b) jipprevedi li FRONTEX għandha tapplika l-prinċipji tas-sikurezza tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, ECSC, Euratom għal informazzjoni klassifikata. Din għandha tkopri, inter alia, dispożizzjonijiet għall-iskambju, l-ipproċessar u l-ħżin ta’ informazzjoni klassifikata. Id-dispożizzjoni proposta tobbliga wkoll lill-Aġenzija biex tipproċessa informazzjoni sensittiva mhux klassifikata kif adottata u implimentata mill-Kummissjoni.

33.

Il-KEPD jilqa’ din id-dispożizzjoni bħala speċifikazzjoni neċessarja rigward il-mod li bih għandha tiġi żgurata, skambjata, ipproċessata u maħżuna l-informazzjoni klassifikata minn FRONTEX. Il-KEPD jilqa’ wkoll il-mod li bih l-informazzjoni sensittiva mhux klassifikata għandha tiġi pproċessata b’mod sikur billi jiġu segwiti l-prinċipji tas-sikurezza adottati mill-Kummissjoni. Sabiex jikkompleta u jikkjarifika dan l-obbligu tas-sikurezza, il-KEPD jirrakkomanda li jiġi miżjud il-kliem: “u tiżviluppa b’mod xieraq il-politika tas-sikurezza dettaljata tagħha” mal-aħħar sentenza tal-Artikolu 11 (b). Għaldaqstant, sabiex ikunu effettivi, il-prinċipji tal-Kummissjoni jeħtieġ li jiġu trasposti u implimentati b’mod xieraq permezz ta’ politika ta’ sikurezza mfassla apposta.

Artikolu 13 – Kooperazzjoni mal-aġenziji u l-entitajiet tal-Unjoni Ewropea u organizzazzjonijiet internazzjonali

34.

Il-Proposta tissostitwixxi l-formulazzjoni attwali tal-Artikolu 13 tar-Regolament FRONTEX. Il-formulazzjoni l-ġdida tgħid li “L-Aġenzija tista’ tikkoopera mal-Europol, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, aġenziji u entitajiet oħra tal-Unjoni Ewropea, u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fi kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament fil-qafas tal-arranġamenti ta’ ħidma konklużi ma’ dawk l-entitajiet, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat u d-dispożizzjonijiet dwar il-kompetenza ta’ dawk l-entitajiet.”

35.

Wara li analizza din id-dispożizzjoni, il-KEPD jifhem li l-arranġamenti tax-xogħol mal-aġenziji, il-korpi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija f’dan l-Artikolu mhumiex sejrin jinvolvu l-ipproċessar ta’ dejta personali. Dan il-fehim huwa bbażat fuq il-fatt li l-formulazzjoni l-ġdida ma tispeċifikax din il-kwistjoni u lanqas ma tindirizza l-kategoriji tad-dejta li tista’ tiġi skambjata bejn l-aġenziji u l-korpi. Hija lanqas ma tipprevedi l-kundizzjonijiet li taħthom ikun jista’ jsir dan l-iskambju.

36.

Minkejja l-pożizzjoni meħuda hawn fuq, il-KEPD jixtieq jiġbed l-attenzjoni għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (8) (minn hawn ’il quddiem id-Deċiżjoni tal-Europol) rigward ir-Relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni jew tal-Komunità. Din id-dispożizzjoni tagħti ċ-ċans lill-Europol jistabbilixxi u jżomm relazzjonijiet kooperattivi mal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji mwaqqfa permezz ta’, jew fuq il-bażi ta’, it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, b’mod partikolari FRONTEX. F’dan il-kuntest, għandu jiġi miżjud li l-par. 2 tal-Artikolu 22 jistipula li “l-Europol għandu jikkonkludi ftehimiet jew arranġamenti tax-xogħol mal-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1; tali ftehimiet jew arranġamenti tax-xogħol jistgħu jikkonċernaw l-iskambju ta’ informazzjoni operazzjonali, strateġika jew teknika, inkluż dejta personali u informazzjoni klassifikata. Kwalunkwe ftehim jew arranġament tax-xogħol jista’ jiġi konkluż biss wara approvazzjoni mill-Bord tat-Tmexxija li għandu jkun kiseb minn qabel, safejn ikun jikkonċerna l-iskambju ta’ dejta personali, l-opinjoni tal-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza.” Barra minn hekk, fuq il-bażi tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 22, l-Europol jista’, qabel id-dħul fis-seħħ tal-ftehim jew tal-arranġament tax-xogħol imsemmi fil-paragrafu 2, jirċievi u juża l-informazzjoni direttament, inkluża dejta personali, mingħand l-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 sakemm dan ikun neċessarju għall-eżekuzzjoni leġittima tal-kompiti tiegħu, u jista’, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 24 (1), jittrasmetti direttament l-informazzjoni li tinkludi dejta personali, lil dawn l-entitajiet, sakemm dan ikun neċessarju għall-eżekuzzjoni leġittima tal-kompiti tar-riċevitur.

37.

Minħabba li d-Deċiżjoni tal-Europol fiha dispożizzjoni li tista’ tippermetti lill-Europol jikkonkludi ftehim jew arranġament tax-xogħol ma’ FRONTEX li jista’ jikkonċerna l-iskambju ta’ informazzjoni operazzjonali, strateġika jew teknika, inkluża dejta personali, il-KEPD jitlob lil-leġiżlatur biex jikkjarifika fir-Regolament propost li l-arranġament tax-xogħol li jista’ jiġi konkluż mal-Europol fuq il-bażi tal-Artikolu 13 propost tar-Regolament FRONTEX, sejjer jeskludi l-iskambju ta’ informazzjoni personali.

Artikolu 14 – Faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni operazzjonali ma’ pajjiżi terzi u l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi

38.

Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 14 tal-Proposta jittratta l-kwistjoni tal-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni operazzjonali ma’ pajjiżi terzi u l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi. B’mod aktar speċifiku, huwa jitlob lill-Aġenzija “fi kwistjonijiet koperti mill-attivitajiet tagħha u safejn meħtieġ għat-twettiq tad-dmirijiet tagħha, (…) tiffaċilita l-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, fil-qafas tal-politika tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea, inkluż fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem”. Minbarra dan, il-paragrafu 6 tal-Artikolu msemmi fuq jistipula li “l-Aġenzija tista’ tikkoopera mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi kompetenti fi kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament fil-qafas tal-arranġamenti ta’ ħidma konklużi ma’ dawn l-awtoritajiet, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat”.

39.

Safejn tkun ikkonċernata d-dispożizzjoni msemmija hawn fuq, il-KEPD jinnota li hija ma tirreferix għall-ipproċessar ta’ dejta personali u lanqas ma tispeċifika jekk, u jekk iva, sa liema punt u taħt liema ċirkostanzi l-“arranġamenti tax-xogħol” previsti f’din id-dispożizzjoni jkunu jinkludu dejta personali. Għalhekk, u wara li jikkunsidra r-raġunar imsemmi fir-rimarki Ġenerali, il-KEPD jifhem li din id-dispożizzjoni ma tkunx tinvolvi l-ipproċessar ta’ dejta personali. Tali konklużjoni hija konformi wkoll mal-informazzjoni rċevuta mill-KEPD mingħand FRONTEX fil-kuntest tan-notifika għal Verifika minn Qabel fil-kuntest tal-JROs.

IV.   KONKLUŻJONIJIET

40.

Il-KEPD jilqa’ l-fatt li huwa kkonsultat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

41.

Il-KEPD innota l-għan u l-objettivi tar-Regolament propost kif ukoll ir-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tal-proposta li tipprevedi għar-reviżjoni tal-qafas leġiżlattiv ta’ FRONTEX. Huwa jinnota b’mod partikolari li l-proposta hija maħsuba biex tippermetti lil FRONTEX tissodisfa l-kompiti u r-responsabbiltajiet attwali tagħha, kif ukoll dawk previsti mir-Regolament propost, b’mod aktar effettiv.

42.

Wara li jiġi kkunsidrat il-qafas legali ġdid, previst mill-proposta, li fih għandha topera FRONTEX fil-futur qrib, u li jista’ jirriżulta wkoll f’kompiti operattivi ġodda li jridu jingħataw lil FRONTEX fuq il-bażi tar-Regolament propost, huwa impressjonanti li l-proposta ma tgħid xejn dwar l-ipproċessar ta’ dejta personali minn FRONTEX, b’eċċezzjoni waħdanija tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 11.

43.

Il-KEPD huwa tal-fehma li r-Regolament propost għandu – safejn ikun meħtieġ u xieraq - jindirizza b’mod ċar il-kwistjoni tal-ambitu tal-attivitajiet li jistgħu jagħtu lok għall-ipproċessar ta’ dejta personali minn FRONTEX.

44.

Hemm bżonn ta’ bażi legali speċifika li tindirizza l-kwistjoni tal-ipproċessar ta’ dejta personali minn FRONTEX u li tipprevedi kjarifika taċ-ċirkostanzi li taħthom jista’ jsir dan l-ipproċessar minn FRONTEX, soġġett għal salvagwardji b’saħħithom għall-protezzjoni tad-dejta u b’konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u n-neċessità. Huwa biss fejn ikun neċessarju għal skopijiet legali u identifikati b’mod ċar (b’mod partikolari l-JRO) li għandu jitħalla jsir dan l-ipproċessar.

45.

Il-bażi legali għandha tispeċifika s-salvagwardji, il-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet meħtieġa u xierqa li taħthom isir dan l-ipproċessar tad-dejta personali, b’konformità mal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u mal-Artikolu 8 tal-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali, inklużi garanziji rigward id-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta bħala wieħed mill-aktar elementi importanti.

46.

Ir-riluttanza tal-Kummissjoni milli tispeċifika dan fir-Regolament propost jew li tiddikjara b’mod ċar id-data sa meta sejra tagħmel dan, minflok tippreferi li tipposponi l-kwistjoni li għadha qiegħda tistenna ċirkostanzi legali u politiċi ġodda, tqajjem tħassib serju. Fil-fehma tal-KEPD, dan l-approċċ jista’ jwassal għal inċertezza legali mhux mixtieqa u għal riskju sinjifikanti ta’ nuqqas ta’ konformità mas-salvagwardji u r-regoli tal-protezzjoni tad-dejta.

47.

Sabiex ikompli jtejjeb il-proposta, il-KEPD jitlob ukoll lil-leġiżlatur biex jikkjarifika fir-Regolament propost li l-arranġament tax-xogħol, li jista’ jiġi konkluż mal-Europol fuq il-bażi tal-Artikolu 13 propost tar-Regolament FRONTEX, sejjer jeskludi l-iskambju ta’ informazzjoni personali. Barra minn hekk, huwa jissuġġerixxi wkoll kjarifika tal-Artikolu 11 (b) tal-proposta.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Mejju 2010.

Peter HUSTINX

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)  COM(2010) 61 finali.

(4)  L-Opinjoni hija disponibbli fuq: http://www.KEPD.europa.eu/KEPDWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/Supervision/Priorchecks/Opinions/2010/10-04-26_Frontex_EN.pdf

(5)  COM(2008) 67 finali.

(6)  L-Artikolu 9 jistipula li “1. Suġġetta għall-politika ta’ ritorn tal-Komunità, l-Aġenzija għandha tipprovdi l-assistenza meħtieġa għall-organizzazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn konġunt tal-Istati Membri. L-Aġenzija tista’ tuża l-mezzi finanzjarji tal-Komunità disponibbli fil-qasam tar-ritorn. (…)”.

(7)  Ara l-Punt 3.2. tal-Opinjoni dwar il-Verifika minn Qabel “Il-legalità tal-ipproċessar”: “Il-KEPD jqis li l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004 u l-Artikolu 5(a) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 jistgħu għalhekk, taħt iċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ dan il-każ, iservu biss bħala bażi legali provviżorja għall-attività tal-ipproċessar prevista, suġġett għal reviżjoni bir-reqqa tal-ħtieġa għal bażi legali aktar speċifika, fil-kuntest tar-reviżjoni kontinwa tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004”. Fil-konklużjonijiet finali, il-KEPD issuġġerixxa wkoll li l-FRONTEX: 1) teżamina l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 qabel isir trasferiment taħt l-ambitu tiegħu, sabiex tikkonforma mar-rekwiżiti tiegħu. F’każ bħal dan, il-KEPD talab lill-FRONTEX biex tinnotifikah dwar metodoloġija għall-konformità ma’ dan l-Artikolu qabel iseħħ it-trasferiment; 2) timplimenta l-proċeduri meħtieġa biex tiggarantixxi d-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta; 3) timplimenta l-obbligu li tinforma qabel isseħħ l-attività tal-ipproċessar, għajr jekk l-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni lis-suġġetti tad-dejta skont l-Artikolu 12 tar-Regolament. Barra minn hekk, il-KEPD talab lil FRONTEX biex tinformah dwar il-miżuri ta’ implimentazzjoni partikolari meħuda f’dan ir-rigward.

(8)  2009/371/JHA, (ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37).