30.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 323/9


Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti

(tfassil mill-ġdid)

2010/C 323/03

IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (1),

Wara li kkunsidra t-talba għal opinjoni skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (2),

ADOTTA DIN L-OPINJONI LI ĠEJJA

I.   INTRODUZZJONI

1.

Fit-12 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti (riformulazzjoni) (3).

2.

Il-proposta ntbagħtet lill-KEPD, skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, fl-istess jum li ġiet adottata. Il-KEPD ġie kkonsultat b’mod informali qabel l-adozzjoni tal-proposta. Il-KEPD laqa’ din il-konsultazzjoni informali u bi pjaċir jara li r-rimarki kollha tiegħu ġew ikkunsidrati fil-proposta finali.

3.

F’din l-Opinjoni l-KEPD sejjer jispjega u janalizza fil-qosor l-aspetti tal-protezzjoni tad-dejta tal-proposta.

II.   L-ASPETTI TAL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA TAL-PROPOSTA

4.

L-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti (DGSs) jagħtu lura d-depożiti lid-depożitanti sa ċertu ammont f’każ li istituzzjoni ta’ kreditu jeħtieġ tingħalaq. Id-Direttiva 94/19/KE, li tobbliga lill-Istati Membri biex jistabbilixxu DGS waħda jew aktar fi ħdan it-territorju tagħhom, ġiet adottata fit-30 ta' Mejju 1994 mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Ftit wara li faqqgħet il-kriżi finanzjarja fl-2008, il-Kunsill ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposta xierqa “l quddiem li tippromwovi l-konverġenza tad-DGSs li għandha tikkontribwixxi biex jerġa” jkun hemm fiduċja fis-settur finanzjarju. Fil-11 ta’ Marzu 2009, bħala miżura ta’ emerġenza, id-Direttiva 94/19/KE ġiet emendata bid-Direttiva 2009/14/KE. L-emenda l-aktar viżibbli kienet iż-żieda fil-livell ta’ kopertura minn EUR 20 000 għal EUR 100 000 għad-depożitanti f'każ li bank ikollu jingħalaq. Il-Kummissjoni, f’p. 5 tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni għall-proposta attwali tindika li, billi d-Direttiva 2009/14/KE għadha ma ġietx implimentata għal kollox, hija tikkunsidra li huwa meħtieġ li tikkonsolida u li temenda d-Direttivi 94/19/KE u 2009/14/KE permezz ta' riformulazzjoni.

5.

Il-proposta timmira li tissimplifika u tarmonizza r-regoli nazzjonali rilevanti, b’mod partikolari għall-iskop tal-kopertura u l-arranġament tal-ħlas. Id-dispożizzjonijiet huma emendati sabiex ikomplu jnaqqsu l-limitu taż-żmien biex jitħallsu d-depożitanti u jiggarantixxu aċċess aħjar mid-DGSs għal informazzjoni dwar il-membri tagħhom (l-istituzzjonijiet ta’ kreditu bħall-banek). Barra dawn hemm diversi aġġustamenti li jaraw li jiġu żgurati DGSs kredibbli u b’saħħithom li huma ffinanzjati b’mod suffiċjenti (4).

6.

Il-proċedura mtejba għall-ħlas lura lid-depożitanti tirrikjedi iktar ipproċessar ta’ dejta personali ta’ depożitanti fi ħdan Stat Membru, iżda wkoll bejn Stati Membri. Fl-Artikolu 3(7) hemm iddikkjarat “li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-DGS, fi kwalunkwe ħin u fuq talba tagħhom, jirċievu mingħand il-membri tagħhom l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jitħejja ripagament tad-depożitanti”. Tali informazzjoni, kif hemm fl-Artikolu 12(4) tal-proposta, tista’ wkoll tiġi skambjata bejn id-DGSs fl-Istati Membri differenti.

7.

F’każ li d-depożitant ikun persuna fiżika, l-informazzjoni dwar id-depożitant tikkostitwixxi dejta personali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46/KE. It-trasferiment ta’ tali informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-DGS, jew bejn id-DGSs, jikkostitwixxi l-ipproċessar ta' dejta personali fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46/KE. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE, kif implimentati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, huma applikabbli għal dawn l-operazzjonijiet tal-ipproċessar. L-KEPD huwa kuntent li jara li dan huwa kkonfermat u enfasizzat fil-premessa 29 tal-proposta.

8.

Barra dan, l-KEPD huwa kuntent li jara li ċerti elementi ta’ protezzjoni tad-dejta ġew indirizzati fil-proposta permezz ta’ termini sustantivi. L-Artikolu 3(7) jipprevedi li l-informazzjoni miksuba għat-tħejjija tal-ħlasijiet lura tista’ tintuża biss għal dak l-iskop u m’għandhiex tinżamm aktar milli hu meħtieġ għal dak l-iskop. Dan jispeċifika aktar il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop, kif stabbilit fl-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 95/46/KE u l-obbligu li d-dejta tinżamm mhux aktar milli hu meħtieġ għal dak l-iskop li għalih inġabret jew li għalih hija ipproċessata aktar, kif hemm fl-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva 95/46/KE.

9.

Fl-Artikolu 3(7) hemm innotat b’mod espliċitu li l-informazzjoni miksuba għat-tħejjija tal-ħlasijiet lura tinkludi wkoll marki skont l-Artikolu 4(2). Skont l-Artikolu tal-aħħar, l-istituzzjonijiet tal-kreditu huma mitluba jimmarkaw id-depożiti jekk għal xi raġuni id-depożitu mhuwiex eliġibbli biex jitħallas lura, pereżempju minħabba li d-depożiti joħorġu minn tranżazzjonijiet li huma relatati ma’ kundanna kriminali għal ħasil ta’ flus kif definit fl-Artikolu 1(c) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/308/KEE (ara l-Artikolu 4(1) tal-proposta). Billi l-iskop tal-iskambju ta’ informazzjoni preċiżament huwa l-ħlas lura tad-depożitu, il-komunikazzjoni ta’ marka bħal din tista’ titqies bħala miżura meħtieġa. Għalhekk, il-KEPD huwa tal-fehma li t-trasferiment ta’ tali marka, meta wieħed iqis id-dejta personali, huwa f’konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta sakemm il-marka nfisha ma tikxifx aktar informazzjoni minn dak meħtieġ. Marka sempliċi li tindika li d-depożitu mhuwiex eliġibbli tkun biżżejjed. Għalhekk l-obbligu li hemm fl-Artikolu 4(2) tal-proposta għandu jkun applikat b’dak il-mod, biex ikun konformi mar-regoli li joħorġu mid-Direttiva 95/46/KE.

10.

L-Artikolu 3(7) tal-proposta jitratta wkoll il-ġbir ta’ informazzjoni mid-DGSs, li hi meħtieġa biex isiru testijiet regolari ta’ stress fuq is-sistemi tagħhom. Din l-informazzjoni tingħata lid-DGSs mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu fuq bażi kontinwa. Fil-konsultazzjoni informali, il-KEPD esprima tħassib dwar jekk din l-informazzjoni tkunx tinkludi wkoll dejta personali. Il-KEPD esprima dubji dwar jekk verament kienx meħtieġ li tiġi pproċessata d-dejta personali biex isiru t-testijiet tal-istress. Il-Kummissjoni aġġustat il-proposta dwar dan il-punt u żiedet li tali informazzjoni għandha ssir anonima. F’termini ta’ protezzjoni tad-dejta dan ifisser li l-informazzjoni, wara li jiġu kkunsidrati l-mezzi kollha li probabbli li jintużaw, ma tistax tiġi marbuta ma’ persuna fiżika identifikata (5). Il-KEPD huwa sodisfatt b’din l-assigurazzjoni.

11.

Ukoll fir-rigward tal-informazzjoni riċevuta mill-eżekuzzjoni tat-testijiet tal-istress, fl-Artikolu 3(7) hemm iddikjarat li tali informazzjoni tista' tintuża biss għal dak l-iskop u li għandha tinżamm mhux aktar minn kemm huwa meħtieġ għal dak l-iskop. Il-KEPD jixtieq jinnota li jekk l-informazzjoni ssir anonima, din ma taqax iżjed fi ħdan id-definizzjoni ta’ dejta personali li għaliha japplikaw ir-regoli li hemm fid-Direttiva 95/46/KE. Jista’ jkun hemm raġunijiet tajba li jipprevedu għall-użu limitat ta' din l-informazzjoni. Madankollu, il-KEPD jixtieq jagħmilha ċara li r-regoli tal-protezzjoni tad-dejta ma jeħtieġux dan.

12.

Biex jiffaċilita l-kooperazzjoni effettiva bejn id-DGSs, anki fir-rigward tal-iskambju tal-informazzjoni msemmi fl-Artikolu 3(7), l-Artikolu 12(5) tal-proposta jiddikjara li d-DGSs jew, fejn hu adatt, l-awtoritajiet kompetenti, għandu jkollhom ftehimiet ta’ kooperazzjoni bil-miktub fis-seħħ. Huwa fi ftehim bħal dan li l-applikazzjoni tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta għandha titfassal f’aktar dettall. Għalhekk, l-EDPS huwa kuntent jara li qiegħda tiżdied sentenza oħra mal-Artikolu 12(5) li tenfasizza li “dawn il-ftehimiet għandhom iqisu ir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 95/46/KE”.

III.   KONKLUŻJONI

13.

Il-KEPD huwa sodisfatt bil-mod kif l-aspetti tal-protezzjoni tad-dejta huma indirizzati fid-Direttiva proposta, u jixtieq jirreferi biss għall-kummenti li saru fil-punti 9 u 11 ta’ din l-opinjoni.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Settembru 2010.

Peter HUSTINX

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)  Ara COM(2010) 368 finali.

(4)  Ara p. 2-3 tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-proposta.

(5)  Dwar il-premessa “tal-anonimità”, għal aktar informazzjoni ara l-punti 11-28 tal-Opinjoni tal-KEPD tal-5 ta’ Marzu 2009 dwar it-trapjant tal-organi (ĠU C 192, 15.8.2009, p. 6). Tista’ tinstab ukoll f’http://www.edps.europa.eu >> Konsultazzjoni >> Opinjonijiet >> 2009.