23.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 73/1


Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Datadwar proposti leġiżlattivi varji li jimponu ċerti miżuri restrittivi speċifiċi fir-rigward tas-Somalja, iż-Żimbabwe, ir-Repubblika Demokratika tal-Korea u l-Ginea

2010/C 73/01

IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 16 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (1),

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-talbiet għal opinjoni f'konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 mibgħuta lill-KEPD fid-29 ta' Lulju, it-18 ta' Settembru u s-26 ta’ Novembru 2009,

ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA:

I.   INTRODUZZJONI

1.

Fis-27 ta' Lulju 2009, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Kunsill li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja, kif ukoll proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004 dwar ċerti miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe. Fit-18 ta' Settembru, il-Kummissjoni adottat ukoll proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea. Barra minn hekk, fit-23 ta' Novembru, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Kunsill li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi fir-rigward tal-Ginea. Dawn il-proposti kollha ntbagħtu mill-Kummissjoni lill-KEPD għall-konsultazzjoni, f'konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001. Il-KEPD ifakkar li huwa ta wkoll kummenti informali dwar l-abbozzi ta' dawn il-proposti, kif ukoll dwar abbozz ta' proposti oħra biex jemendaw ir-Regolamenti tal-Kunsill analogi li jimponu friża tal-fondi u miżuri restrittivi oħra.

2.

Il-KEPD jilqa' l-fatt li hu jiġi kkonsultat u li ssir referenza għal din il-konsultazzjoni fil-preambolu tal-proposti, b'mod simili bħal f'għadd ta' testi leġiżlattivi oħra li l-KEPD kien ikkonsultat dwarhom, f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

II.   IL-PROPOSTI U L-FOKUS TA' DIN L-OPINJONI TAL-KEPD

3.

Dawn il-proposti kollha, bl-emenda tal-leġiżlazzjoni attwali jew il-preżentazzjoni ta' strumenti legali ġodda, jipprevedu l-ġlieda kontra t-terroriżmu jew l-abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem billi jimponu miżuri restrittivi – notevolment, l-iffriżar tal-assi, il-projbizzjoni tal-ivjaġġar - fir-rigward ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi suspettati li huma assoċjati ma’ organizzazzjonijiet terroristiċi u/jew ċerti gvernijiet. F'din il-perspettiva, il-Kummissjoni Ewropea tippubblika u tippubbliċizza “blacklists” ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi kkonċernati minn dawn il-miżuri restrittivi.

4.

Fit-28 ta' Lulju 2009, il-KEPD diġà ta opinjoni dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban (“il-proposta dwar Al-Qaida”). Dik l-opinjoni laqgħet l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżgura aħjar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, inkluża l-protezzjoni ta' data personali, u rrakkomandat l-emenda u/jew il-kjarifika ta' ċerti aspetti tal-proposta sabiex jiġu osservati prinċipji essenzjali tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data. Il-KEPD segwa mill-qrib l-iżviluppi tan-negozjati fil-Kunsill dwar il-proposta dwar Al-Qaida (3) u jiddispjaċih li ħafna mid-dispożizzjonijiet li jittrattaw il-protezzjoni tad-data personali ġew imħassra jew imnaqqsa sostanzjalment.

5.

Il-punti li diġà saru f'dik l-opinjoni għadhom validi u ħafna minnhom japplikaw ukoll sa ċertu punt għall-proposti attwali, li f'ħafna mid-dispożizzjonijiet jirriflettu dawk f'dik il-proposta. Din l-opinjoni, b'kont meħud tal-proposti kollha rċevuti s'issa għall-konsultazzjoni mill-KEPD, kif ukoll l-iżviluppi tan-negozjati fil-Kunsill, ser tindirizza l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data fil-qasam tal-miżuri restrittivi u ser tippreżenta rakkomandazzjonijiet għal titjib. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ser jieħdu kont ukoll tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona, kif ukoll il-linji gwida importanti tal-politika stabbiliti mill-Programm ta' Stokkolma (4) li ġie adottat reċentement. Dan l-approċċ ser jippermetti li l-KEPD jagħti aktar opinjonijiet dwar proposti għal-leġiżlazzjoni f'dan il-qasam biss dment li dawk il-proposti l-ġodda jitbiegħdu sostanzjalment mid-dispożizzjonijiet tal-proposti attwali.

6.

Din l-opinjoni tiffoka fuq dawk l-aspetti tal-miżuri restrittivi li huma direttament marbuta mal-protezzjoni tad-data personali, u b'mod partikolari fuq dawk l-aspetti li l-KEPD jirrakkomanda li għandhom jiġu kjarifikati f'dan il-qasam, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-effiċjenza tal-miżuri. Din l-opinjoni ma tindirizzax jew taffettwa kwistjonijiet sostantivi oħra li jistgħu jkunu marbuta mal-inklużjoni f'lista taħt l-applikazzjoni ta' regoli oħrajn.

III.   IL-QAFAS LEGALI

7.

Il-proposti tal-Kummissjoni huma mmirati lejn l-indirizzar tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, li affermat mill-ġdid f'diversi okkażjonijiet li l-istandards tal-UE għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali għandhom jiġu rispettati irrispettivament minn jekk il-miżuri restrittivi humiex adottati fil-livell tal-UE jew jekk jirriżultawx minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti (5).

8.

Id-drittijiet fundamentali tal-UE jinkludu wkoll id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, li ġie rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala wieħed mill-prinċipji li jirriżultaw mill-Artikolu 6(2) TUE u kkonfermat ulterjorment mill-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (6). Fil-kuntest ta' miżuri restrittivi, id-dritt għall-protezzjoni ta' data personali għandu rwol kruċjali, filwaqt li huwa wkoll strumentali għar-rispett effettiv ta' drittijiet fundamentali oħra, bħad-dritt għad-difiża, id-dritt għas-smigħ u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

9.

F'din il-perspettiva, il-KEPD, kif diġà għamel fl-opinjoni tiegħu tat-28 ta' Lulju 2009 fir-rigward tal-miżuri restrittivi fir-rigward ta' Al-Qaida, jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ttejjeb il-qafas legali attwali billi ttejjeb il-proċedura tal-elenkar u billi espliċitament tieħu kont tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Il-miżuri restrittivi huma bbażati fuq l-ipproċessar tad-data personali, li fiha nfisha – irrispettivament mill-iffriżar tal-assi – hija soġġetta għar-regoli u l-garanziji tal-protezzjoni tad-data. Għalhekk, huwa estremament importanti li jiġu pprovduti ċarezza u ċertezza legali dwar ir-regoli applikabbli għall-ipproċessar tad-data personali ta' individwi elenkati, bil-ħsieb ukoll tal-iżgurar tal-legalità u l-leġittimità tal-miżuri restrittivi.

10.

Il-Programm ta' Stokkolma jagħmilha ċara li “fil-każ tal-valutazzjoni tal-privatezza tal-individwu fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, id-dritt għal-libertà huwa fuq kollox” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li l-UE għandha tippromovi l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data fl-UE u fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi oħra.

11.

Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona jsaħħaħ il-qafas legali f'dan il-qasam. Min-naħa waħda, huwa jistabbilixxi żewġ bażijiet legali ġodda (l-Artikoli 75 u 215 TFUE) u b'hekk li jippermetti li l-UE tadotta miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi u gruppi jew entitajiet mhux Statali. Min-naħa l-oħra, l-Artikoli 16 TFUE u 39 TUE jaffermaw mill-ġdid id-dritt għall-protezzjoni tad-data u l-ħtieġa għal regoli u garanziji għall-protezzjoni tad-data fl-oqsma kollha tal-attività tal-Unjoni Ewropea, u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE takkwista valur vinkolanti, li, kif jirrikonixxi b'mod espliċitu l-Programm ta' Stokkolma, “ser isaħħaħ l-obbligu tal-Unjoni, inklużi l-istituzzjonijiet tagħha, li tiżgura li fl-oqsma kollha tal-attività tagħha, id-drittijiet fundamentali jiġu promossi b'mod attiv” (7).

12.

B'mod partikolari, fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mwettaq mill-istituzzjonijiet tal-UE, l-Artikolu 16 TFUE japplika għall-attivitajiet kollha tal-UE, inkluża l-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, filwaqt li l-Artikolu 39 TUE jipprevedi proċedura differenti għat-teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mwettaq minn Stati Membri fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tkun kompetenti b'mod sħiħ, ukoll fil-qasam tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, biex tivvaluta l-legalità – u b'mod partikolari r-rispett għad-drittijiet fundamentali - ta' deċiżjonijiet li jipprevedu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi u ġuridiċi (l-Artikolu 275 TFUE).

13.

Barra minn hekk, l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, prevista mit-Trattat ta' Liżbona, ser tagħmel il-pożizzjonijiet meħuda mill-Kunsill tal-Ewropa fir-rigward tal-blacklisting (8) u l-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem saħansitra aktar rilevanti għall-qafas legali tal-UE.

14.

F'dan il-kuntest, l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem għandu importanza speċjali, speċjalment fejn jagħmilha ċara li d-data personali għandha tiġi proċessata fuq bażi leġittima stabbilita bil-liġi u li kull persuna “għandha d-dritt ta' aċċess għad-data miġbura li għandha x'taqsam magħha”. Dawn l-elementi essenzjali tal-protezzjoni tad-data jeħtieġ jiġu rispettati mill-miżuri kollha tal-UE u l-individwi jistgħu wkoll ikunu f'pożizzjoni li jasserixxu l-effett dirett – irrispettivament minn kwalunkwe rikonoxximent espliċitu fil-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE – tad-drittijiet konferiti minn dan l-Artikolu.

15.

Il-qafas legali l-ġdid li rriżulta mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona jipprovdi lil-leġiżlatur bl-għodod u l-obbligu li jistabbilixxi regoli komprensivi u konsistenti għall-protezzjoni tad-data personali, ukoll fil-qasam tal-miżuri restrittivi. Dan l-obbligu huwa anke aktar importanti fid-dawl tal-proliferazzjoni u tad-dewmien li qed jiżdied ta' dawn it-tip ta' miżuri, li għandhom konsegwenzi kbar għall-individwi kkonċernati.

16.

F'din il-perspettiva, il-KEPD jirrakkomanda bil-kbir li l-Kummissjoni tabbanduna l-approċċ biċċa biċċa attwali – fejn regoli speċifiċi u kultant differenti, dwar l-ipproċċessar ta' data personali jiġu adottati għal kull pajjiż jew organizzazzjoni – u li tipproponi qafas ġenerali u konsistenti għas-sanzjonijiet kollha fil-mira implimentati mill-UE kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi, li jiżgura li r-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-individwi kkonċernati, u b'mod partikolari r-rispett għad-dritt fundamentali għall-protezzjoni ta' data personali. Restrizzjonijiet meħtieġa għal dawn id-drittijiet għandhom ikunu stipulati b'mod ċar bil-liġi, ikunu proporzjonati u fi kwalunkwe każ jirrispettaw l-essenza ta' dawn id-drittijiet.

17.

Skont il-KEPD, dan l-isforz għandu jitwettaq b'mod parallel mal-objettiv stipulat mill-Kunsill Ewropew fil-Programm ta' Stokkolma biex “taħdem għat-tisħiħ tat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-effettività ta' sanzjonijiet mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU bil-ħsieb li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet fundamentali u jiġu żgurati proċeduri ġusti u ċari” (9).

18.

Il-paragrafi li ġejjin, skont l-analiżi tal-proposti attwali, ser jipprovdu mhux biss rakkomandazzjonijiet għal titjib fid-dispożizzjonijiet ta' dawn il-proposti, iżda wkoll ser jenfasizzaw dawk l-aspetti tal-protezzjoni tad-data li attwalment mhumiex indirizzati u li l-KEPD jirrakkomanda li jiġu ċċarati jew f'dawn l-istrumenti legali jew f'qafas aktar ġenerali.

IV.   ANALIŻI TAD-DISPOŻIZZJONIJIET U L-PRINĊIPJI PRINĊIPALI RELATATI MAL-IPPROĊESSAR TA' DATA PERSONALI F'KONNESSJONI MA' MIŻURI RESTRITTIVI INDIRIZZATI KONTRA INDIVIDWI

IV.1.   Liġi applikabbli għall-protezzjoni tad-data

19.

Kif diġà ddikjarat fl-opinjoni tal-KEPD tat-28 ta' Lulju 2009, regoli għall-protezzjoni tad-data stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 45/2001 huma applikabbli għall-ipproċessar ta' data personali mwettaq mill-istituzzjonijiet tal-UE fil-qasam ta' miżuri restrittivi, anke jekk dawn il-miżuri joriġinaw minn organizzazzjonijiet internazzjonali jew Pożizzjonijiet Komuni adottati fil-qafas tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni.

20.

F'din il-perspettiva, il-KEPD jilqa' r-referenzi fil-proposti attwali għall-applikabbiltà tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, kif ukoll għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data li jirriżultaw minnu. Madankollu, l-KEPD jiddispjaċih li l-iżviluppi tan-negozjati relatati mal-miżuri restrittivi fir-rigward ta' Al-Qaida rriżultaw fit-tħassir ta' x'uħud minn dawn ir-referenzi.

21.

F'dan ir-rigward, il-KEPD jixtieq jenfasizza li dan it-tħassir ma jeskludix jew jillimita l-applikabbiltà ta' dawk l-obbligi u d-drittijiet tas-suġġetti tad-data li m'għadhomx imsemmijin aktar b'mod espliċitu fl-istrumenti legali. Madankollu, l-KEPD iqis li l-fatt li jissemmew b'mod espliċitu u jiġu indirizzati l-aspetti tal-protezzjoni tad-data fl-istrumenti legali dwar miżuri restrittivi mhux biss itejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, iżda wkoll jevita li kwistjonijiet delikati jibqgħu mhux ċari u għalhekk jitressqu quddiem il-Qrati.

22.

F'perspettiva aktar ġenerali, il-KEPD jenfasizza li, f'konformità mal-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, “kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta' data personali”. Għalhekk, dan id-dritt fundamentali għandu jiġi garantit fl-Unjoni Ewropea, irrispettivament miċ-ċittadinanza, il-post tar-residenza jew l-attivitajiet professjonali tal-persuni kkonċernati. Dan ifisser li, waqt li jista' jkun meħtieġ li jsiru restrizzjonijiet ta' dan id-dritt fil-qafas tal-miżuri restrittivi, l-ebda esklużjoni fil-prinċipju jew sħiħa ta' dan id-dritt ma tista' ssir fir-rigward ta' kategoriji ta' individwi, bħal dawk li għandhom rabtiet ma' gvern ta' pajjiż terz.

IV.2.   Kwalità tad-data u limitazzjoni tal-għan

23.

Skont ir-regoli applikabbli tal-protezzjoni tad-data (l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001), id-data personali jeħtieġ tkun: ipproċessata ġustament u legalment; miġbura għal għanijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessata ulterjorment b'mod inkompatibbli ma' dawk l-għanijiet; adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tkun inġabret u/jew ġiet ipproċessata ulterjorment. Data personali jeħtieġ tkun preċiża u miżmuma aġġornata: jeħtieġ jittieħed kull pass raġonevoli sabiex ikun żgurat li data li mhix preċiża jew mhix kompluta tkun imneħħija jew irretifikata. Barra minn hekk, id-data personali għandha tinżamm b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux aktar żmien milli meħtieġ għall-għan li għalih inġabret jew li ġiet ipproċessata ulterjorment.

24.

Il-KEPD jilqa' l-fatt li l-proposti kollha tal-Kummissjoni (10) jiddefixxu b'mod espliċitu l-kategoriji ta' data personali li ser tiġi proċessata fil-qafas tal-miżuri restrittivi u jirregolaw b'mod espliċitu l-ipproċessar ta' data personali relatata ma' reati kriminali, kundanni u miżuri ta' sigurtà.

25.

F'dan il-kuntest, il-KEPD jilqa' l-prinċipju stabbilit fil-paragrafu 3, li skontu, l-isem u l-kunjom tal-ġenituri tal-persuna fiżika jistgħu jiġu inklużi fl-Anness biss meta jkunu meħtieġa f'każ speċifiku għall-għan uniku ta' verifika tal-identità tal-persuna fiżika inkwistjoni elenkati. Din id-dispożizzjoni tirrifletti tajjeb ukoll il-prinċipju tal-protezzjoni tad-data tal-limitazzjoni tal-għan, li jistabbilixxi li d-data personali għandha tinġabar għal għanijiet speċifiċi u mhux ipproċessata ulterjorment b'mod inkompatibbli ma' dawk l-għanijiet.

26.

Sabiex jiġi żgurat li dan il-prinċipju jkun speċifikat u applikat b'mod adegwat fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali kollha f'dan il-qasam, il-KEPD jirrakkomanda b'mod espliċitu li dan il-prinċipju jiġi applikat għall-kategoriji kollha tad-data, permezz tal-emendi tal-Artikoli rilevanti b'tali mod li l-Anness bil-persuni elenkati “għandhom jinkludu biss l-informazzjoni meħtieġa għall-fini tal-verifika tal-identità tal-persuni fiżiċi elenkati u fi kwalunkwe każ mhux aktar mill-informazzjoni li ġejja”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din l-emenda tippermetti li jiġu evitati l-ġbir u l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni mhux meħtieġa dwar persuni fiżiċi elenkati u dwar il-familji tagħhom.

27.

Barra minn hekk, il-KEPD jissuġġerixxi li l-proposti jiddikjaraw b'mod espliċitu li d-data personali ser titħassar jew issir anonima malli ma tkunx aktar meħtieġa f'kull każ, għall-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi jew kawża li tkun għaddejja fil-Qorti tal-Ġustizzja.

28.

Fir-rigward tal-obbligu li d-data personali tinżamm preċiża u aġġornata, il-proposti attwali jieħdu approċċi differenti. Il-proposta dwar is-Somalja, mera ta' dik dwar Al-Qaida, tistabbilixxi li meta n-NU jiddeċiedu li jneħħu persuna mill-elenku, il-Kummissjoni għandha timmodifika l-lista tal-UE skont dan (l-Artikolu 11.4). Il-proposta dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea, minflok, tistabbilixxi obbligu għar-reviżjoni tal-lista tal-UE b'mod regolari u tal-anqas kull 12-il xahar (l-Artikolu 6.2). Il-proposti l-oħra ma jirreferu għall-ebda wieħed minn dawn il-mekkaniżmi.

29.

Madankollu, il-listi kollha tal-UE, irrispettivament mill-pajjiż fil-mira, u minn jekk humiex adottati direttament fil-livell tal-UE jew jekk jimplimentawx id-deċiżjonijiet tan-NU, għandhom jikkonformaw mal-prinċipju tal-kwalità tad-data, li fil-qasam tal-miżuri restrittivi għandu importanza kruċjali. Fil-fatt, kif innutat reċentement il-Qorti tal-Prim'Istanza (11), meta l-miżuri restrittivi huma bbażati fuq inkjesta tal-pulizija jew tas-sigurtà, l-iżviluppi f'dawn l-inkjesti - bħall-għeluq ta' investigazzjoni, l-abbandun ta' prosekuzzjoni jew il-liberazzjoni fil-proċedimenti kriminali - għandu jittieħed kont sew tagħhom waqt ir-reviżjoni tal-listi, sabiex jiġi evitat li l-assi ta' persuna jiġu ffriżati b'mod indefinit, lil hemm mir-reviżjoni minn kwalunkwe qorti u jkunu xi jkunu r-riżultati ta' kwalunkwe proċediment ġudizzjarju.

30.

F'dan il-kuntest, il-KEPD jirrakkomanda li mekkaniżmi effettivi biex jitneħħew mil-lista persuni fiżiċi, kif ukoll biex il-listi tal-UE jiġu riveduti f'intervalli regolari, jiġu implimentati fir-rigward tal-proposti kollha attwali u futuri f'dan il-qasam.

IV.3.   Informazzjoni għall-persuni elenkati

31.

Fl-opinjoni tiegħu tat-28 ta' Lulju 2009, il-KEPD laqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ttejjeb ir-rispett għad-drittijiet fundamentali billi tipprovdi lill-persuni kkonċernati b'mezzi biex ikunu infurmati dwar ir-raġunijiet għall-inklużjoni fil-listi kif ukoll b'opportunità li jesprimu l-opnjonijiet tagħhom dwar il-kwistjoni. L-istess tip ta' dispożizzjoni issa hija proposta fir-rigward tas-Somalja (12) u l-Ginea (13), waqt li fir-rigward taż-Żimbabwe (14) d-dritt għall-informazzjoni dwar ir-raġunijiet għall-inklużjoni u d-dikjarar tal-opinjoni personali huwa limitat għal dawk il-persuni mhux marbuta mal-gvern. Il-proposta dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Korea lanqas biss issemmi din il-possibbiltà.

32.

Il-KEPD ifakkar fl-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni lis-suġġett tad-data f'konformità mal-Artikolu 11, u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta meta d-data ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu rispettati fir-rigward tal-individwi kollha, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom jew ir-rabta tagħhom mal-gvern ta' ċertu pajjiż. Naturalment, huma disponibbli modalitajiet differenti ta' kif tiġi pprovduta l-informazzjoni lill-persuni elenkati u jistgħu jiġu adatti għall-kuntest politiku speċifiku tal-miżuri restrittivi. Barra minn hekk, restrizzjonijiet jew eċċezzjonijiet jistgħu jiġu ppromulgati f'konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 (15), sal-punt fejn huma meħtieġa f'ċirkostanzi speċifiċi, iżda esklużjoni sħiħa u bla limitu tal-obbligu li tiġi pprovduta l-informazzjoni mhix possibbli.

33.

F'dan il-kuntest, il-KEPD jirrakkomanda li jiġu indirizzati b'mod aktar espliċitu fil-proposti attwali u futuri kollha f'dan il-qasam id-dritt għall-informazzjoni tal-persuni elenkati, kif ukoll il-kondizzjonijiet u l-modalitajiet tar-restrizzjonijiet li jistgħu jkunu meħtieġa.

IV.4.   Drittijiet tas-suġġett tad-data, notevolment id-dritt ta' aċċess għad-data personali li tikkonċernahom

34.

L-Artikolu 8.2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE jiddikjara li “kull persuna għandha d-dritt ta' aċċess għad-data miġbura li għandha x'taqsam magħha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha”, b'mod li jagħmel id-dritt ta' aċċess wieħed mill-elementi tal-qofol tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali. Fl-istess sens, l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 jagħti lis-suġġett tad-data d-dritt li jikseb, mingħajr restrizzjoni, f'kull żmien fi żmien tliet xhur minn meta l-kontrollur jirċievi talba u mingħajr ħlas, inter alia, jikseb il-komunikazzjoni f'forma intelliġibbli tad-data li tkun qed tiġi pproċessata (ara sub c).

35.

Fil-qasam tal-miżuri restrittivi, data personali li tikkonċerna individwi elenkati, u notevolment dik id-data li tirrelata mar-raġunijiet li abbażi tagħhom l-individwi huma elenkati, spiss jinsabu f'dokumenti klassifikati. Fir-rigward ta' dawn id-dokumenti, il-proposti tal-Kummissjoni kollha ppreżentaw dispożizzjonijiet identiċi: l-ewwel nett, huwa ddikjarat li jekk in-NU jew Stat jippreżenta informazzjoni klassifikata, il-Kummissjoni għandha tittratta tali informazzjoni f'konformità mad-dispożizzjonijiet interni tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà (Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (16) u, fejn rilevanti, ftehimiet dwar is-sigurtà ta' informazzjoni klassifikata konklużi bejn l-UE u l-Istat li jippreżenta; it-tieni nett, huwa speċifikat li d-dokumenti klassifikati f'livell li jikkorrispondi għal “EU Top Secret”, “EU Secret” jew “EU Confidential” mhumiex ser ikunu rilaxxati mingħajr il-kunsens tal-oriġinatur (17).

36.

Il-KEPD diġà analizza dawn id-dispożizzjonijiet fid-dettall fl-opinjoni tiegħu tat-28 ta' Lulju 2009 (18), u nnota li la r-regoli interni tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà u lanqas il-ftehimiet ma' Stati Membri individwali jew in-NU ma jindirizzaw il-kwistjoni ta' aċċess mis-suġġetti tad-data għad-data personali li tikkonċernahom. Barra minn hekk, anke jekk restrizzjonijiet għad-dritt ta' aċċess jistgħu jkunu tassew previsti fil-qasam tal-miżuri restrittivi, id-dispożizzjonijiet attwali ma jiżgurawx li restrizzjoni sseħħ biss meta tkun meħtieġa u ma jipprovdux kriterji sustantivi biex tiġi valutata l-ħtieġa tagħha. Fil-fatt, skont il-proposti, id-dritt ta' aċċess ikun soġġett għal obbligu bla kondizzjoni li jinkiseb il-kunsens tal-oriġinatur, li jħalli diskrezzjoni sħiħa lill-oriġinatur tal-informazzjoni, li jinkludi partijiet li mhumiex soġġetti għal-liġi tal-UE u l-istandards tal-UE ta' protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

37.

In-negozjati fil-Kunsill wasslu għat-tħassir ta' din id-dispożizzjoni fil-proposta dwar Al-Qaida

38.

F'dan il-kuntest, il-KEPD jirrakkomanda bil-qawwa li l-leġiżlatur jindirizza, fil-proposti attwali u futuri, il-kwistjoni essenzjali tad-dritt tal-individwi elenkati li jkollhom aċċess – b'mod dirett jew indirett permezz ta' awtoritajiet oħrajn (19) – għad-data personali li tikkonċernahom misjuba f'dokumenti klassifikati, soġġett għar-restrizzjonijiet proporzjonati li jistgħu jkunu meħtieġa f'ċerti ċirkostanzi.

39.

Il-KEPD jixtieq ifakkar ukoll li r-Regolament (KE) Nru 45/2001 jistabbilixxi drittijiet oħra tas-suġġetti tad-data li l-leġislatur jista' jqis li jindirizza f'dawn il-proposti jew f'oħrajn futuri. B'mod partikolari, l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 jistabbilixxi obbligu għall-kontrollur li jirretifika mingħajr dewmien data personali żbaljata jew mhux sħiħa, filwaqt li l-Artikolu 17 jobbliga n-notifika jew it-tħassir ta' data – bħal fil-każ tat-tneħħija mil-lista – lil partijiet terzi li lilhom tkun inkixfet id-data, sakemm dan ma jkunx impossibbli jew jinvolvi sforz sproporzjonat.

40.

Barra minn hekk, il-KEPD jilqa' l-fatt li l-proposti kollha jipprevedu l-ħatra espliċita ta' unità tal-Kummissjoni Ewropea bħala kontrollur, biex b'hekk tittejjeb il-viżibbiltà tal-kontrollur u jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, kif ukoll l-allokazzjoni ta' responsabbiltajiet skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

IV.5.   Salvagwardji għal skambji ta' data ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali

41.

Kwistjoni importanti, li attwalment mhijiex indirizzata espliċitament mill-proposti iżda tinsab impliċitament fil-proċedura tal-elenkar, hija l-iżgurar li d-data personali tkun protetta adegwatament meta tiġi skambjata mill-UE ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, bħan-Nazzjonijiet Uniti.

42.

F'dan ir-rigward, il-KEPD jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) 45/2001, li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għat-trasferiment ta' data personali lir-riċevituri, barra minn korpi tal-Komunità li m'humiex soġġetti għad-Direttiva 95/46/KE. Hija disponibbli skala wiesgħa ta' soluzzjonijiet, li tvarja mill-kunsens tas-suġġett tad-data (il-paragrafu 6 (a)) u l-eżerċizzju tat-talbiet legali (il-paragrafu 6(d)) – li jista' jkun utli f'każ li l-informazzjoni kienet ipprovduta mill-persuna elenkata bil-ħsieb li tagħti bidu għal reviżjoni tal-elenkar – sal-eżistenza fin-NU jew il-pajjiż terz rilevanti, ta' mekkaniżmi li jiżguraw protezzjoni adegwata għad-data personali trażmessa mill-UE.

43.

Il-KEPD, waqt li jfakkar li l-attivitajiet ta' pproċessar varji previsti għandhom ikunu konformi ma' din is-sistema, jirrakkomanda li l-leġiżlatur jiżgura li mekkaniżmi u salvagwardji adegwati – bħall-ispeċifikazzjonijiet fil-proposti, kif ukoll arranġamenti man-NU jew pajjiżi terzi rilevanti oħra – jiġu stabbiliti bil-ħsieb li tiġi żgurata protezzjoni adegwata tad-data personali skambjata ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.

IV.6.   Restrizzjonijiet u limitazzjonijiet meħtieġa għad-drittijiet tal-protezzjoni tad-data

44.

Il-KEPD iqis li l-kwistjoni tar-restrizzjonijiet u l-limitazzjonijiet għal ċerti drittijiet fundamentali, bħall-protezzjoni ta' data personali, għandha rwol kruċjali fil-qasam tal-miżuri restrittivi, peress li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jiġi żgurat l-infurzar effettiv u adatt tal-miżuri restrittivi.

45.

Il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, kif ukoll l-istrumenti legali speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data, inkluż l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, jippermettu din il-possibbiltà, soġġett għal ċerti kondizzjonijiet li ġew affermati mill-ġdid u ċċarati kemm mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (20). Fi ftit kliem, dawn ir-restrizzjonijiet għad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data għandhom ikunu bbażati fuq miżuri leġiżlattivi u għandhom jikkonformaw ma' test strett ta' proporzjonalità, jiġifieri għandhom ikunu limitati – kemm fis-sustanza tagħhom kif ukoll fl-applikazzjoni tagħhom fiż-żmien – għal dak li hu meħtieġ biex jiġi segwit l-interess pubbliku inkwistjoni, kif konfermat mill-każistika estensiva tal-Qorti tal-Ġustizzja, ukoll fil-qasam tal-miżuri restrittivi. Restrizzjonijiet ġenerali, sproporzjonati jew mhux previdibbli ma jissodisfawx dan it-test.

46.

Pereżempju, l-informazzjoni lill-persuni kkonċernati ser teħtieġ li tiġi ttardjata, safejn hija meħtieġa biex tippreżerva l-“effett ta' sorpriża” tad-deċiżjoni li din il-persuna tiġi elenkata u l-assi tagħha jiġu ffriżati. Madankollu, kif innutat il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-każistika tagħha (21), ċaħda jew ittardjar ulterjuri ta' din l-informazzjoni, anke wara l-iffriżar, ma jkunux meħtieġa u għalhekk sproporzjonat. Restrizzjonijiet proporzjonati u temporanji għad-dritt ta' aċċess minn persuni elenkati għal data personali li tikkonċernahom – inkluża informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet li fuqhom huwa bbażat l-elenkar – tista' wkoll tkun prevista, iżda esklużjoni sħiħa u permanenti ta' dan id-dritt ma tkunx tirrispetta l-essenza tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali.

47.

Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 diġà joffri qafas legali li jippermetti kemm restrizzjonijiet kif ukoll salvagwardji. Il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 20 fihom regoli relatati mal-applikazzjoni ta' restrizzjoni. Skont il-paragrafu 3, l-istituzzjoni involuta għandha tinforma lis-suġġett tad-data dwar ir-raġunijiet prinċipali li fuqhom hija bbażata r-restrizzjoni u bid-dritt tiegħu jew tagħha li jkollu rikors għall-KEPD. Il-paragrafu 4 fih regola ulterjuri relatata speċifikament ma' restrizzjoni tad-dritt ta' aċċess. Huwa jiddikjara li l-KEPD, meta jinvestiga ilment abbażi tal-paragrafu preċedenti, għandu jinforma biss lis-suġġett tad-data dwar jekk id-data kinitx ipproċessata korrettement u, jekk le, dwar jekk saritx kwalunkwe korrezzjoni meħtieġa (22).

48.

Il-proposti kollha attwali jindirizzaw il-kwistjoni tar-restrizzjonijiet għall-protezzjoni tad-data parzjalment jew impliċitament biss, b'hekk iħallu l-wisgħa għal normi konfliġġenti u interpretazzjonijiet possibbli differenti li x'aktarx li jispiċċaw quddiem il-qrati. In-negozjati dwar il-proposta dwar Al-Qaida jidhru li sejrin fid-direzzjoni tat-tnaqqis ta' referenzi għad-drittijiet tal-protezzjoni tad-data u restrizzjonijiet meħtieġa.

49.

F'dan il-kuntest, il-KEPD jirrakkomanda li l-leġiżlatur jindirizza din il-kwistjoni delikata, billi jikkjarifika fil-proposti attwali jew fi strument legali ieħor, ir-restrizzjonijiet għall-prinċipji tal-protezzjoni tad-data, kif ukoll is-salvagwardji li jistgħu jkunu meħtieġa fil-qasam tal-miżuri restrittivi. Dan iwassal biex ir-restrizzjonijiet ikunu prevedibbli u proporzjonati, b'hekk jiżguraw fl-istess ħin l-effettività tal-miżuri restrittivi, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u t-tnaqqis tal-litigazzjoni quddiem il-qrati. Barra minn hekk, dan jirrifletti l-Programm ta' Stokkolma fejn hu ddikjarat b'mod ċar li l-UE għandha tipprevedi u tirregola ċ-ċirkostanzi fejn l-interferenza mill-awtoritajiet pubbliċi fl-eżerċizzju tad-drittijiet tal-protezzjoni tad-data hija ġustifikata (23).

IV.7.   Responsabbiltà fil-każ ta' ipproċessar illegali ta' data personali

50.

Skont l-Artikolu 32(4) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, kif ukoll l-Artikolu 23 tad-Direttiva 95/46/KE, kwalunkwe persuna li sofriet ħsara bħala riżultat ta' ipproċessar illegali ta' data hija intitolata li tirċievi kumpens mill-kontrollur għad-dannu sofrut, dment li l-kontrollur jagħti prova li hu mhuwiex responsabbli għall-avveniment li wassal għad-dannu. Hija speċifikazzjoni tan-nozzjoni legali ġenerali ta' responsabbiltà, bl-inverżjoni tal-oneru tal-prova.

51.

F'din il-perspettiva, il-miżuri restrittivi huma bbażati fuq l-ipproċessar u l-pubblikazzjoni ta' data personali, li f'każ ta' ksur tal-liġi tista' fiha nfisha – irrispettivament mill-miżuri restrittivi meħudin – tagħti bidu għal dannu mhux materjali, kif diġà rikonoxxut mill-QPI (24).

52.

Il-KEPD jindika li din ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali għall-ipproċessar ta' data personali li tikser il-liġi tal-protezzjoni tad-data applikabbli tibqa' valida iżda ma tistax tiċċaħħad mill-kontenut essenzjali tagħha, anke jekk x'uħud mill-proposti attwali (25) jeskludu r-responsabbiltà, għajr f'każ ta' negliġenza, għal dawk il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jimplimentaw il-miżuri restrittivi.

IV.8.   Rimedji ġudizzjarji effettivi u sorveljanza indipendenti

53.

Individwi elenkati għandhom id-dritt għal rimedju ġudizzjarju, kif ukoll għal rimedji amministrattivi quddiem awtoritajiet kompetenti għas-sorveljanza tal-protezzjoni tad-data. Ir-rimedji msemmija l-aħħar jinkludu s-smigħ ta' lmenti mressqa mis-suġġetti tad-data, skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, u jiddependu fuq is-setgħa tal-KEPD li jikseb minn kontrollur jew istituzzjoni jew korp Komunitarji, aċċess għad-data personali kollha u għall-informazzjoni kollha meħtieġa għall-inkjesti tiegħu (ara l-Artikolu 47(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001).

54.

Is-sorveljanza indipendenti tal-konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data hija prinċipju kruċjali tal-protezzjoni tad-data, issa affermat mill-ġdid b'mod espliċitu, fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mwettqa fl-attivitajiet kollha tal-UE, mhux biss bl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, iżda wkoll bl-Artikolu 16 TFUE u l-Artikolu 39 TUE.

55.

Kif diġà msemmi fl-opinjoni tiegħu tat-28 ta' Lulju 2009 (26), il-KEPD huwa mħasseb minħabba li l-kondizzjoni li tinsab fil-proposti attwali li informazzjoni klassifikata għandha tiġi rilaxxata biss bil-kunsens tal-oriġinatur tista' mhux biss taffettwa s-setgħat ta' sorveljanza tal-KEPD f'dan il-qasam, iżda tista' wkoll taffettwa l-effettività tar-reviżjoni ġudizzjarja, billi taffettwa l-kapaċità tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrevedi jekk kienx hemm bilanċ ġust bejn il-ħtieġa tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Kif iddikjarat mill-QPI fis-sentenza tagħha tal-4 ta' Diċembru 2008, l-aċċess għal informazzjoni klassifikata tista' tkun meħtieġa biex il-Qorti tkun tista' tagħmel dan (27).

56.

F'dan il-kuntest, il-KEPD jirrakkomanda li l-proposti attwali jiżguraw li r-rimedji ġudizzjarji eżistenti u s-sorveljanza indipendenti mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tal-protezzjoni tad-data jkunu applikabbli kompletament u li l-effettività tagħhom ma tkunx preġudikata mill-kondizzjonijiet imposti fuq l-aċċess għad-dokumenti klassifikati. F'dan ir-rigward, l-ewwel pass ikun is-sostituzzjoni tal-Artikoli rilevanti tal-proposti attwali (28) tal-kelma “rilaxxati” bi “żvelati pubblikament”.

V.   KONKLUŻJONIJIET

57.

Il-KEPD jemmen bis-sħiħ li l-ġlieda kontra dawk li jimminaw ir-rispett għad-drittijiet fundamentali għandu jsir permezz tar-rispett għad-drittijiet fundamentali.

58.

F'din il-perspettiva, il-KEPD, kif diġà għamel fl-opinjoni tiegħu tat-28 ta' Lulju 2009 fir-rigward tal-miżuri restrittivi relatati ma' Al-Qaida, jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ttejjeb il-qafas legali attwali billi ttejjeb il-proċedura tal-elenkar u billi espliċitament tieħu kont tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.

59.

Fid-dawl tal-għodda offruti mit-Trattat ta' Lisbona, kif ukoll mill-viżjoni għall-perijodu fit-tul ippreżentata mill-Programm ta' Stokkolma, il-KEPD jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni tabbanduna l-approċċ biċċa biċċa attwali – fejn regoli speċifiċi, u kultant differenti, dwar l-ipproċessar tad-data personali jiġu adottati għal kull pajjiż jew organizzazzjoni – u li tipproponi qafas ġenerali u konsistenti għas-sanzjonijiet kollha fil-mira implimentati mill-UE kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi, li jiżgura r-rispett fundamentali tal-individwi kkonċernati, u b'mod partikolari r-rispett għad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali. Restrizzjonijiet meħtieġa għal dawn id-drittijiet għandhom ikunu stabbiliti b'mod ċar bil-liġi, ikunu proporzjonati u fi kwalunkwe każ jirrispettaw l-essenza ta' dawn id-drittijiet.

60.

Il-KEPD jilqa' r-referenzi fil-proposti attwali għall-applikabbiltà tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, kif ukoll għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data li jirriżultaw minnu.

61.

Fir-rigward tal-kwalità tad-data u l-limitazzjoni tal-għan, il-KEPD jirrakkomanda xi emendi sabiex jiġi żgurat li d-data meħtieġa biss tiġi pproċessata, u li din id-data tinżamm aġġornata u mhux għal aktar żmien milli meħtieġ. B'mod partikolari, il-KEPD jirrakkomanda li mekkaniżmi effettivi biex jitneħħew mil-lista persuni fiżiċi, kif ukoll biex il-listi tal-UE jiġu riveduti f'intervalli regolari, jiġu implimentati fir-rigward tal-proposti kollha attwali u futuri f'dan il-qasam.

62.

Il-KEPD jirrakkomanda li jiġu indirizzati b'mod aktar espliċitu, fil-proposti attwali u futuri kollha f'dan il-qasam, id-dritt għall-informazzjoni tal-persuni elenkati, kif ukoll il-kondizzjonijiet u l-modalitajiet tar-restrizzjonijiet li jistgħu jkunu meħtieġa.

63.

63. Il-KEPD jirrakkomanda bil-qawwa li fil-proposti attwali u futuri l-leġislatur jindirizza l-kwistjoni essenzjali tad-dritt tal-individwi elenkati li jkollhom aċċess għad-data personali dwarhom misjuba f'dokumenti klassifikati, soġġett għar-restrizzjonijiet proporzjonali li jistgħu jkunu meħtieġa f'ċerti ċirkostanzi.

64.

Il-KEPD jirrakkomanda li l-leġislatur jiżgura li mekkaniżmi u salvagwardji adegwati – bħall-ispeċifikazzjonijiet fil-proposti, kif ukoll arranġamenti man-NU jew pajjiżi terzi rilevanti oħra – jiġu stabbiliti bil-ħsieb li tiġi żgurata protezzjoni adegwata tad-data personali skambjata ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.

65.

Il-KEPD jirrakkomanda li l-leġiżlatur jikkjarifika fil-proposti attwali jew fi strument legali ieħor, r-restrizzjonijiet għall-prinċipji tal-protezzjoni tad-data, kif ukoll is-salvagwardji li jistgħu jkunu meħtieġa fil-qasam tal-miżuri restrittivi, bil-ħsieb li r-restrizzjonijiet jkunu jistgħu jiġu previsti u proporzjonati.

66.

Il-KEPD jinnota li l-prinċipju tar-responsabbiltà għall-ipproċessar illegali ta' data personali jibqa' validu u ma jistax jitneħħielu l-kontenut essenzjali tiegħu.

67.

Il-KEPD jirrakkomanda li jiġi żgurat li r-rimedji ġudizzjarji eżistenti u s-sorveljanza indipendenti mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tal-protezzjoni tad-data jkunu applikabbli kompletament u li l-effettività tagħhom ma tkunx preġudikata mill-kondizzjonijiet imposti fuq l-aċċess għad-dokumenti klassifikati.

Magħmul fi Brussell, 16 ta' Diċembru 2009.

Peter HUSTINX

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)  Ara d-dokument tal-Kunsill 12883/09.

(4)  Il-Programm ta' Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini, adottat mill-Kunsill Ewropew fl-10-11 ta' Diċembru 2009.

(5)  QĠE 3 ta' Settembru 2008, Kadi and Al Barakaat International Foundation v. Kunsill, C-402/05 P u C-415/05 P, nyr., ara b'mod partikolari l-para. 285.

(6)  QĠE 29 ta' Jannar 2008, Promusicae v. Telefonica, C-275/06, ara b'mod partikolari l-para. 61-70.

(7)  Il-para. 2.1.

(8)  Riżoluzzjoni 1597 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-blacklists tal-Unjoni Ewropea, 23 ta' Jannar 2008, ibbażata fuq ir-rapport imħejji mis-Sur Dick Marty (dok. Nru 11454).

(9)  Il-para. 4.5.

(10)  Ara l-proposta għal abbozz ta' Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament KE Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban, l-Art 7 (d) (2) u 7 (e); Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament KE Nru 314/2004 li jimponi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe, l-Art 11 (c) (2) u (3); Regolament tal-Kunsill li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja, l-Art 14 (2) u (3); Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament KE Nru 329/2007 li jimponi ċerti miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea, l-Art 6 (3); Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jimponi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward tal-Ginea, l-Art 11 (1) u (2).

(11)  QĠE 30 ta' Settembru 2009, Sison v. Kunsill, T-341/07, il-para 116.

(12)  Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja, l-Art 11 (2).

(13)  Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jimponi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward tal-Ginea, Art 12 (2).

(14)  Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament KE Nru 314/2004 li jimponi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe, l-Art 11 (a) (2).

(15)  Ara hawn taħt il-para III.6.

(16)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom tad-29 ta' Novembru 2001 li temenda r-Regoli ta' Proċedura interni tagħha (ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1).

(17)  Ara Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament KE Nru 314/2004 li jimponi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe, l-Art 11 (b); Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja, l-Art 13; Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament KE Nru 329/2007 li jimponi ċerti miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea, l-Artikolu 13 (5) u (6); Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jimponi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward tal-Ginea, l-Art 12 (6) u (7). Dik li kienet Proposta għal abbozz ta' Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament KE Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban, li kien fiha tali dispożizzjoni fl-Artikolu 7 (d), li tħassar mill-verżjoni attwali.

(18)  Il-para. 18-32.

(19)  Ara hawn taħt il-para III.6.

(20)  Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, S. u Marper v. ir-Renju Unit, Sentenza tal-4 ta' Diċembru 2008; QĠE, 20 ta' Mejju 2003, Rechnungshof, C-465/00, il-para 76-90.

(21)  QPI, 12 ta' Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran v. Kunsill, T-228/08, il-paragrafi 128-137.

(22)  Il-provvediment ta' informazzjoni msemmi fl-Artikolu 20(3) u (4) jista’ jiġi differit sakemm dik l-informazzjoni tiċħad ir-restrizzjoni tal-effett tagħha (ara l-Artikolu 20(5)).

(23)  Il-para. 2.5.

(24)  QPI 12 ta' Settembru 2007, Kalliopi Nikolau v. Kummissjoni, T-259/03, [2007] Ġabra II-99; QPI 8 ta' Lulju 2008, Franchet and Byk v. Kummissjoni, T-48/05, nyr.

(25)  Ara Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament KE Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward tan-netwerk tal-Al Qaeda u t-Taliban, l-Art 6; Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja, l-Art 6; Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament KE Nru 329/2007 li jimponi ċerti miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea, l-Artikolu 11 (1); Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jimponi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward tal-Ginea, l-Art 8. Għall-kuntrarju, il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament KE Nru 314/2004 li jimponi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe ma jkunx fih dispożizzjoni simili.

(26)  Il-para 27-32.

(27)  QPI 4 ta' Diċembru 2008, PMOI v. Council, T-284/08, n.y.r, ara notevolment il-paragrafi 74-76.

(28)  Ara Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament KE Nru 314/2004 li jimponi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe, l-Art 11 (b) (2); Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja, l-Art 13 (2); Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament KE Nru 329/2007 li jimponi ċerti miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea, l-Artikolu 13 (6); Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jimponi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward tal-Ginea, l-Art 12 (7).