22.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 16/8


Opinjoni tal-Kumitat konsultattiv dwar l-Amalgamazzjonijiet mogħtija fil-laqgħa tal-21 ta' Awwissu 2009 rigward abbozz ta' deċiżjoni dwar il-każ COMP/M.5440 – Lufthansa/Austrian Airlines

Rapporteur: ir-Renju Unit

2010/C 16/05

1.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li t-tranżazzjoni notifikata tikkostitwixxi konċentrazzjoni fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Amalgamazzjonijiet tal-KE.

2.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li t-tranżazzjoni notifikata għandha dimensjoni Komunitarja fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament dwar l-Amalgamazzjonijiet tal-KE.

3.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li s-swieq għas-servizzi skedati għat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri għandhom jiġu definiti fuq il-bażi tal-bliet tal-punt tal-oriġini/destinazzjoni (“O&D”)

4.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li, għall-finijiet li jagħmel valutazzjoni tal-kompetizzjoni ta' din it-tranżazzjoni proposta, l-akkwist ta' Austrian Airlines minn Air France-KLM hija l-aktar alternattiva prevedibbli kontrafattwali għas-sitwazzjoni (jekk l-akkwist propost tal-Austrian Airlines mil-Lufthansa kellu jfalli) qabel l-amalgamazzjoni.

5.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li t-tranżazzjoni notifikata, kif oriġinalment proposta mill-parti notifikanti, tqajjem dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà mas-suq komuni jew parti sostanzjali minnha fir-rigward tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru fir-rotot segwenti:

a)

Vjenna-Stuttgart,

b)

Vjenna-Cologne,

c)

Vjenna-Munich,

d)

Vjenna-Frankfurt u

e)

Vjenna-Brussell.

6.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-implimentazzjoni tal-impenji sottomessa fil-31 ta' Lulju 2009 mill-parti notifikanti se twassal għad-dħul fis-suq fil-ħin opportun ta' linja tal-ajru waħda jew aktar, u għalhekk issolvi biżżejjed it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat fir-rigward tal-provvediment tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru f'dawn ir-rotot:

a)

Vjenna-Stuttgart,

b)

Vjenna-Cologne,

c)

Vjenna-Munich,

d)

Vjenna-Frankfurt u

e)

Vjenna-Brussell.

7.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li t-tranżazzjoni notifikata ma tfixkilx il-kompetizzjoni effettiva b'mod sinifikanti fir-rigward tas-swieq tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru, fuq rotot oħra.

8.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li t-tranżazzjoni notifikata ma tfixkilx il-kompetizzjoni effettiva b'mod sinifikanti fir-rigward tas-swieq li ġejjin:

a)

is-swieq għat-trasport bl-ajru tal-merkanzija,

b)

is-swieq tal-forniment bl-ingrossa ta’ postijiet fl-ajruplani għall-operaturi tal-ivjaġġar,

c)

is-swieq għall-manutenzjoni, tiswija u servizzi ta' spezzjoni (MRO),

d)

is-swieq għall-preparazzjoni tal-ikel u x-xorb waqt it-titjiriet u

e)

s-swieq għas-servizzi tal-ground-handling.

9.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li t-tranżazzjoni notifikata għandha tiġi ddikjarata kumpatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Amalgamazzjonijiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim taż-ŻEE, soġġett għal konformità mal-impenji stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni.