3.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 99/124


Il-Ħamis 25 ta’ Novembru 2010
Il-ġlieda kontra l-kanser kolorettali fl-Unjoni Ewropea

P7_TA(2010)0451

Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar il-ġlieda kontra l-kanser kolorettali fl-Unjoni Ewropea

2012/C 99 E/24

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi fl-UE hemm aktar minn 400 000 każ ġdid ta’ kanser kolorettali (CRC) u 200 000 ruħ fis-sena imutu minħabba fih, u billi s-CRC huwa t-tieni l-akbar kawża tal-imwiet bil-kanser,

B.

billi s-CRC huwa assoċjat ma’ fatturi ta’ stil ta’ ħajja (obeżità, nuqqas ta’ eżerċizzju, konsum tal-alkol u tipjip) u meta dawn il-fatturi jkunu indirizzati jitnaqqas l-iżvilupp tas-CRC,

C.

billi l-iskrining f'ċerti pajjiżi tal-UE diġà naqqas il-mortalità marbuta mas-CRC, filwaqt li f'pajjiżi oħrajn għadu ma ngħatax bidu għal dawn l-attivitajiet ta’ skrining,

D.

billi s-sejbien bikri tas-CRC mhux biss iwassal għal tnaqqis fir-rata ta’ mortalità ta’ 40 %, iżda jnaqqas ukoll b'mod sinifikanti l-ispiża tat-trattament,

E.

billi, skont il-Kummissjoni, il-ġlieda kontra s-CRC għandha tkun prijorità fis-saħħa pubblika, minħabba li l-imwiet bis-CRC jistgħu jiġu evitati bil-mezzi mediċi disponibbli fl-UE,

1.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri:

biex jappoġġjaw il-kampanji ta’ kuxjenza fl-UE dwar fatturi ta’ stil ta’ ħajja li jikkawżaw is-CRC, immirati l-aktar lejn l-adoloxxenti u l-adulti żgħażagħ,

biex jinkuraġġixxu l-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki tal-iskrining tas-CRC fil-pajjiżi kollha tal-UE u biex jippubblikaw rapporti ta’ progress kull sentejn,

biex jagħmlu t-tixrid tar-riċerka u l-għarfien marbuta mal-iskrining tas-CRC prijorità fil-programmi ta’ ħidma futuri tal-Programm ta’ Qafas għar-Riċerka 7 u tal-Programm ta’ Saħħa tal-UE,

biex jintroduċu programmi nazzjonali ta’ skrining tas-CRC, skont il-linji gwida tal-UE;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-dikjarazzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji (1), lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  Il-lista tal-firmatarji hija ppublikata fl-Anness 1 tal-Minuti tal-25 ta’ Novembru 2010 (P7_PV(2010)11-25(ANN1)).