12.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 236/152


L-Erbgħa 23 ta’ Ġunju 2010
Sistema Ewropea ta' twissija bikrija kontra l-pedofili u dawk li jagħmlu reati sesswali

P7_TA(2010)0247

Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2010 dwar il-ħolqien ta' sistema Ewropea ta' twissija bikrija (EWS) kontra l-pedofili u dawk li jagħmlu reati sesswali

2011/C 236 E/28

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa (1),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2007 bl-isem “Lejn politika ġenerali fil-ġlieda kontra l-kriminalità elettronika” (COM(2007)0267),

wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-Internet ikompli joffri livell għoli ta' demokrazija, li ma tkunx toħloq riskji għan-nisa u t-tfal;

B.

billi, madankollu, abbuż mill-opportunitajiet ipprovduti permezz tat-teknoloġija jista' jiffaċilita l-pornografija tat-tfal u r-reati sesswali;

C.

billi l-Internet joffri wkoll libertà ta' azzjoni lill-pedofili u lil dawk li jagħmlu reati sesswali, li jitqiesu bl-istess mod bħal ċittadini onesti u jagħmilha diffiċli li jiġu ttraċċati mill-awtoritajiet pubbliċi;

1.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaġixxu fuq il-Komunikazzjoni fuq imsemmija;

2.

Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jimplimentaw id-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar iż-żamma ta' data ġenerata jew proċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' networks ta' komunikazzjoni pubblika (2) u jestenduha għall-magni tat-tiftix, sabiex jittieħdu passi malajr u b'mod effettiv dwar il-pornografija tat-tfal u r-reati sesswali fl-Internet;

3.

Jistieden lill-Istati Membri biex jikkoordinaw sistema Ewropea ta' twissija bikrija bejn l-awtoritajiet pubbliċi, imsejsa fuq is-sistema eżistenti għas-sikurezza tal-ikel, bil-għan li jittieħdu passi kontra l-pedofilija u r-reati sesswali;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-dikjarazzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji (3), lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2009)0098.

(2)  ĠU L 105, 13.4.2006, p. 54.

(3)  Il-lista tal-firmatarji hija ppublikata fl-Anness 1 tal-Minuti tat-23 ta' Ġunju 2010 (P7_PV(2010)06-23(ANN1)).