15.3.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 81/175 |
Il-Ħamis, 6 ta' Mejju 2010
Deċiżjoni biex ma tissejjaħx Konvenzjoni għar-reviżjoni tat-Trattati - Miżuri transitorji dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew ***
P7_TA(2010)0147
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Mejju 2010 dwar il-proposta tal-Kunsill Ewropew biex ma ssirx Konvenzjoni għar-reviżjoni tat-Trattati fir-rigward tal-miżuri transitorji dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew (17196/2009 – C7-0002/2010 – 2009/0814(NLE))
2011/C 81 E/32
(Proċedura ta' Kunsens)
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra l-ittra tal-President tal-Kunsill Ewropew indirizzata lill-President tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2009 dwar l-emenda tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji (17196/2009),
wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni magħmula mill-Kunsill Ewropew, skont l-Artikolu 48(3)(2), tat-Trattat UE (C7-0002/2010),
wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, anness mat-Trattat ta' Lisbona,
wara li kkunsidra l-Artikolu 14(3), tat-Trattat UE,
wara li kkunsidra l-Att dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b’suffraġju dirett universali tal-20 ta' Settembru 1976,
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta' Diċembru 2008 kif ukoll dawk tat-18 u d-19 ta' Ġunju 2009 u tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2009,
wara li kkunsidra l-Artikolu 74a u l-Artikolu 81(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0116/2010),
A. |
billi l-Konvenzjoni li saret bejn it-22 ta' Frar 2002 u t-18 ta' Lulju 2003 wasslet għat-tfassil tal-abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, li s-sustanza tiegħu, bażikament, tinsab inkorporata fit-Trattat ta' Lisbona li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009, |
B. |
billi saret ukoll il-Konvenzjoni ta' bejn is-17 ta' Diċembru 1999 u t-2 ta' Ottubru 2000 għat-tfassil tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
C. |
billi dawn iż-żewġ konvenzjonijiet, li għall-ewwel darba laqqgħu flimkien rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali, tal-Parlament Ewropew, tal-gvernijiet nazzjonali u tal-Kummissjoni, bl-għan li jsir xogħol fuq it-tfassil ta' proġett komuni għall-Unjoni Ewropea, kienu ta' avvanz importanti favur mekkaniżmi tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jkunu fl-istess ħin demokratiċi u effikaċi fuq skala Ewropea, |
D. |
billi madankollu dawn iż-żewġ konvenzjonijiet tlaqqgħu biex jittrattaw is-suġġetti ewlenin marbuta mal-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri minn naħa waħda hemm ir-riforma tal-istruttura istituzzjonali Ewropea u min-naħa l-oħra t-tfassil ta' test li jiġbor il-prinċipji u d-drittijiet fundamentali li jiffurmaw il-bażi komuni tal-Ewropej, |
E. |
billi, skont l-Artikolu 48(3)(1), tat-Trattat UE, il-Parlament Ewropew irid jiġi kkonsultat mill-Kunsill Ewropew dwar ir-reviżjoni tal-parti tal-Protokoll nru 36, annessa mat-Trattat ta' Lisbona, li tittratta d-dispożizzjonijiet transitorji marbuta mal-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew, |
F. |
billi l-Kunsill Ewropew qed jipproponi li ma tissejjaħx Konvenzjoni u li l-Protokoll emendat jiġi adottat fil-qafas ta' Konferenza intergovernattiva, |
G. |
billi, fid-dawl tal-preċedent, mhuwiex meħtieġ li ssir Konvenzjoni għall-approvazzjoni ta' emenda transitorja u ta' ambitu limitat tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat UE dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew, |
1. |
Jagħti l-approvazzjoni tiegħu lill-Kunsill Ewropew biex jemenda l-Protokoll Nru 36 fil-qafas ta' Konferenza intergovernattiva, mingħajr ma ssir Konvenzjoni; |
2. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali. |