4.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/11


Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2010 dwar l-edukazzjoni għal żvilupp sostenibbli

2010/C 327/05

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

WARA LI KKUNSIDRA:

L-Istrateġija tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli, li kienet adottata għall-ewwel darba f'Gotenburgu fl-2001 (1) u sussegwentement riveduta fl-2006 u fl-2009 (2), li tipprevedi qafas għal viżjoni fit-tul tas-sostenibbilta' li fiha t-tkabbir ekonomiku, il-koeżjoni soċjali u l-protezzjoni tal-ambjent jimxu id f'id, u li tenfasizza r-rwol prinċipali tal-edukazzjoni bħala prerekwiżit għall-promozzjoni tal-bidliet fl-imġiba u li tipprovdi liċ-ċittadini kollha bil-kompetenzi prinċipali meħtieġa biex jinkiseb l-iżvilupp sostenibbli.

Id-Deċennju tan-Nazzjonijiet Uniti tal-Edukazzjoni għal Żvilupp Sostenibbli (2005-2014), li jfittex li jintegra l-prinċipji, il-valuri u l-prattiki tal-iżvilupp sostenibbli fl-aspetti kollha tal-edukazzjoni u t-tagħlim (3), u l-konferenza dinjija tal-UNESCO tal-2009 dwar l-Edukazzjoni għal Żvilupp Sostenibbli li saret f'Bonn, li - fid-Dikjarazzjoni ta' konklużjoni tagħha - qablet li l-investiment f'tali edukazzjoni huwa investiment fil-futur u tabilħaqq, f'ċerti każi, miżura ta' fejda kbira (4).

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi prinċipali għat-taghlim tul il-ħajja (5), li tappella lill-Istati Membri biex jiżguraw li kull ċittadin ikollu l-kompetenzi prinċipali biex jadatta b'mod flessibbli għal dinja li qed tinbidel fejn kollox hu ferm interkonness. It-tmien kompetenzi prinċipali ddelinejati huma ta' sostenn reċiproku u msaħħa minn ħiliet bħall-ħsieb kritiku, is-soluzzjoni tal-problemi, il-kreattività, it-teħid ta' inizjattvi u t-teħid ta' deċiżjonijiet, li kollha huma essenzjali biex jinkisbu l-objettivi tal-iżvilupp sostenibbli. F'dan il-kuntest, il-kompetenzi bażiċi fix-xjenza u t-teknoloġija, kif ukoll il-kompetenzi soċjali u ċiviċi, huma ta' relevanza partikolari.

Il-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”) (6), li jenfasizza li l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom rwol kruċjali biex jikkonfrontaw il-ħafna sfidi soċjoekonomiċi, demografiċi, ambjentali u tekonoloġiċi li l-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha qed jaffaċċaw fil-preżent u ser jaffaċċaw fis-snin li ġejjin.

L-Istrateġija Ewropa 2020 għall-impjiegi u t-tkabbir (7), li tfittex biex l-UE ssir ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva kapaċi li tipprovdi livelli għolja ta' impjiegi, produttività u koeżjoni soċjali, u fejn l-edukazzjoni u t-taħriġ huma enfasizzati bħala li jikkontribwixxu għaliha bil-kbir.

JIRRIKONOXXI LI:

1.

L-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja fil-bidu tas-seklu 21, numru konsiderevoli ta' sfidi interkonnessi, inklużi l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-kriżi finanzjarja dinjija, it-tibdil fil-klima, it-tnaqqis fir-riżorsi tal-ilma u l-enerġija, il-bijodiversità dejjem tiċkien, it-theddid għas-sigurtà alimentari u r-riskji għas-saħħa.

2.

F'dinja li qed tinbidel kontinwament, iċ-ċittadini Ewropej kollha għandhom ikollhom l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet meħtieġa biex jifhmu u jikkonfrontaw l-isfidi u l-komplessitajiet tal-ħajja moderna, filwaqt li jieħdu kont dovut tal-implikazzjonijiet ambjentali, soċjali, kulturali u ekonomiċi, kif ukoll biex jassumu r-responsabbiltajiet dinjija tagħhom.

3.

Ir-rapport tal-2010 dwar Ħiliet għal Impjiegi Ekoloġiċi  (8) jenfasizza li kull impjieg fil-futur ser jeħtieġ li jikkontribwixxi għal titjib kontinwu fl-effiċjenza tar-riżorsi, u li l-iżvilupp ta' ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju ser jiddependi aktar fuq it-titijb ta' ħiliet eżistenti u l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' żvilupp sostenibbli f'oqsma eżistenti ta' tagħlim, milli fuq it-trawwim ta' “ħiliet ekoloġiċi” speċjalizzati.

4.

L-edukazzjoni għal żvilupp sostenibbli (ESD) f'perspettiva ta' tagħlim tul il-ħajja hija essenzjali għall-kisba ta' soċjetà sostenibbli u għalhekk hi mixtieqa fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ formali, kif ukoll fit-tagħlim mhux formali u informali.

JENFASIZZA LI:

1.

L-ESD għandha kontribut importanti x'tagħti għall-implimentazzjoni pożittiva kemm tal-Istrateġija tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli kif ukoll tal-Istrateġija Ewropa 2020 il-ġdida.

2.

Ir-rwol l-aktar importanti għall-ESD hu li tipprovdi lil individwi u lil gruppi l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet li jeħtieġu biex jagħmlu għażliet konxji mmirati biex tinkiseb u tiġi ppreservata dinja li kemm huma kif ukoll il-ġenerazzjonijiet futuri jqisu adatta li jgħixu u jaħdmu fiha. L-istituzzjonijiet edukattivi, il-komunitajiet lokali, is-soċjetà ċivili u minn iħaddem huma kollha atturi prinċipali fl-iżvilupp u l-promozzjoni ta' tali kompetenzi.

3.

L-ESD tikkonċerna fundamentalment il-mod kif naħsbu dwar id-dinja kumplessa tagħna u l-mod kif inġibu ruħna. Hija tippromwovi valuri, prinċipji u prattiki li jgħinu lill-persuni jwieġbu għal sfidi attwali u ġodda b'mod effettiv u fiduċjuż. Għalhekk hija għandha implikazzjonijiet għall-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha li jistgħu jmorru lil hinn minn sempliċiment l-inklużjoni tal-iżvilupp sostenibbli bħala suġġett ieħor fil-kurrikulu.

4.

Is-sostenibbiltà jista' jkollha rwol importanti fl-istrateġiji nazzjonali tat-tagħlim tul il-ħajja u tista' tintuża bħala għodda biex titjieb il-kwalità fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

JIKKUNSIDRA LI:

1.

L-edukazzjoni u t-taħriġ huma indispensabbli għall-kisba ta' Ewropa u dinja aktar sostenibbli. L-ESD għandha titqies bħala kruċjali fil-proċess tat-tagħlim tul il-ħajja u għandha, fejn adatt, tiġi integrata fil-livelli u l-aspetti kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, sabiex tissaħħaħ il-kapaċità taċ-ċittadini biex jikkonfrontaw problemi imprevedibbli imminenti u biex isibu soluzzjonijiet fit-tul għal dawn f'bosta sitwazzjonijiet differenti matul il-ħajja.

2.

It-tliet pilastri fundamentali tal-iżvilupp sostenibbli - ekonomiku, soċjali u ambjentali - għandhom jiġu indirizzati b'mod ibbilanċjat u integrat.

3.

F'bosta Stati Membri, l-aspetti tal-ESD diġà jidhru fl-edukazzjoni ambjentali, globali, tas-saħħa, tal-paċi, taċ-ċittadinanza, tad-drittijiet tal-bniedem, tal-konsumatur, finanzjarja u tal-iżvilupp li jikkostitwixxu punti ta' dħul għall-integrazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli fil-kuntest tat-tagħlim tul il-ħajja.

4.

Huwa essenzjali li tiżdied is-sensibilizzazzjoni u l-fehim tal-pubbliku rigward l-iżvilupp sostenibbli u l-ESD.

5.

L-ESD għandha tinbena fuq tagħlim interdixxiplinari u bbażat fuq valuri li jippromwovi l-ħsieb u t-tagħlim sistematiku, u li jiżviluppa għarfien, ħiliet u attitudnijiet ġodda. Hija għandha tenfasizza il-ħsieb kreattiv, l-innovazzjoni u l-perspettiva fit-tul, b'mod partikolari r-responsabbiltà tagħna lejn il-ġenerazzjonijiet futuri. L-ESD mhijiex suġġett iżolat, iżda pjuttost sett ta' prinċipji u valuri sottostanti bħall-ġustizzja, l-ekwità, it-tolleranza, is-suffiċjenza u r-responsabbiltà (9) li għandhom jintwerew b'mod aktar trasversali. L-ESD jista' wkoll ikollha rwol fl-iżvilupp tal-kompetenzi meħtieġa biex tiżdied l-impjegabbiltà. Peress li l-ħiliet relatati mal-iżvilupp sostenibbli jinkisbu l-aħjar permezz tal-esperjenzi personali, il-proċess ta' tagħlim għandu jkun orjentat safejn hu possibbli lejn it-tagħlim inklużiv, l-azzjoni u l-motivazzjoni.

6.

Minħabba l-karattru kumpless u komprensiv tagħha, l-ESD tista' tkun partikolarment utli fl-iżvilupp tal-kompetenzi prinċipali trasversali ta' min jitgħallem […].

7.

Meta tkun qed tiġi implimentata, l-ESD għandha tiġi mfassla għal kull livell ta' edukazzjoni, b'kont meħud tal-kuntest speċifiku. L-iskejjel ta' qabel il-primarja jistgħu jibdew bit-trawwim tal-valuri, l-attitudnijiet u l-għarfien bażiċi fit-tfal, li jistgħu jservu bħala l-pedament għal aktar tagħlim dwar is-sostenibbiltà. Fil-livell tal-primarja u dik tas-sekondarja inferjuri, l-ESD tista' tiffoka fuq is-sensibilizzazzjoni u l-iżvilupp ta' kompetenzi ċentrali, u tiġi addattata biex tieħu kont tal-kuntest partikolari u l-istadji sussegwenti tat-tagħlim. Fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) u fl-edukazzjoni għolja, l-ESD għandha tissaħħaħ u l-attenzjoni tiġi ffukata fuq l-iżvilupp ta' ħiliet aktar speċifiċi u l-kompetenzi meħtieġa fil-professjonijiet varji, kif ukoll fuq l-indirizzar ta' kwistjonijiet bħal teħid responsabbli ta' deċiżjonijiet minn individwi u komunitajiet u r-responsabbiltà soċjali tal-intrapriżi.

8.

L-edukazzjoni u t-taħriġ fuq il-post tal-għalliema għandhom jingħataw rwol kruċjali fit-tfassil ta' perspettiva dwar l-ESD u fid-determinazzjoni ta' kif din tiġi implimentata b'mod konkret fl-iskejjel, fl-istituzzjonijiet tal-ETV u tal-edukazzjoni għolja. Skont x'normalment jgħallmu, l-għalliema u dawk li jħarrġu fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ ser jiffaċċjaw varjetà ta' sfidi pedagoġiċi speċifiċi meta jkunu qed jgħallmu suġġett trasversali bħall-ESD, u għalhekk ser ikunu jeħtieġu taħriġ adatt.

9.

L-iżvilupp ta' approċċ ta' “skola sħiħa” għall-ESD jista' jgħin sabiex jiġu utilizzati l-motivazzjoni u l-impenn tal-alunni u l-istudenti kollha, biex jiġi żviluppat il-ħsieb kritiku tagħhom u biex titjieb il-kisba tal-edukazzjoni tagħhom inġenerali. L-istituzzjonijiet edukattivi fil-livelli kollha għandhom jistinkaw huma stess biex ikunu organizzazzjonijiet sostenibbli u biex jaġixxu bħala mudelli eżemplari, billi jintegraw il-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli fil-politika u l-prattika, jiġifieri permezz tal-iffrankar tal-enerġija, billi jibnu u jaħdmu b'riżorsi naturali, u billi jiżviluppaw politika sostenibbli għax-xiri u l-konsumatur. F'kuntest ta' skola, dan jeħtieġ il-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet interessati kollha: il-mexxejja tal-iskejjel, l-għalliema, l-alunni, il-bord tal-iskola, il-persunal amministrattiv u ta' sostenn, il-ġenituri, l-NGOs, il-komunità u n-negozju lokali.

GĦALDAQSTANT JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

Jieħdu l-miżuri adatti fil-livell rilevanti ta' responsabbiltà - lokali, reġjonali jew nazzjonali - biex ikunu mħeġġin aktar żvilupp u implimentazzjoni tal-ESD u l-integrazzjoni tagħha fis-sistema tal-edukazzjoni u tat-taħriġ fil-livelli kollha, fit-tagħlim mhux formali u informali l-istess bħal fit-tagħlim formali. B'mod partikolari, dawn il-miżuri jistgħu jinkludu:

(a)

L-iżgurar li l-oqfsa ta' politika, regolatorji, istituzzjonali u operattivi jappoġġaw l-ESD, u b'mod partikolari li:

l-ESD ssir karatteristika tal-istrateġiji nazzjonali ta' tagħlim tul il-ħajja mmirati lejn l-iżvilupp personali, soċjali u professjonali taċ-ċittadini;

l-ESD tkun, fejn adatt, integrata fil-kurrikuli;

jiġu żviluppati u implimentati approċċi interdixxiplinari u transkurrikulari fil-livelli kollha tal-edukazzjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-sostenibbiltà;

approċċ ta' “skola sħiħa” għall-ESD jiġi promoss u appoġġat b'mod attiv, inkluż billi jitneħħew l-ostakoli għall-istituzzjonijiet li qed isegwu l-użu sostenibbli tar-riżorsi tagħhom.

(b)

L-għalliema, min iħarreġ, il-persunal tal-iskejjel u l-mexxejja tal-iskejjel jakkwistaw is-sensibilizzazzjoni, l-għarfien u l-kompetenzi meħtieġa biex jippromwovu u jinkludu l-prinċipji li jsostnu l-ESD fl-approċċi tagħhom għat-tagħlim u l-amministrazzjoni, b'mod partikolari permezz ta':

is-sensibilizzazzjoni fost l-għalliema, min iħarreġ u l-mexxejja tal-iskejjel fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ dwar l-importanza tal-ESD, u tal-benefiċċji li din tintuża bħala għodda partikolarment utli fil-promozzjoni tal-kompetenzi prinċipali trasversali;

l-iżgurar li l-għalliema u min iħarreġ huma kapaċi jgħallmu b'mod adegwat kwistjonijiet kumplessi marbuta mal-ESD, permezz ta' edukazzjoni u taħriġ inizjali fuq il-post, u billi jiġu pprovduti b'għodod u materjali ta' tagħlim adatti u aġġornati għall-ESD;

l-inkoraġġiment ta' kooperazzjoni multidixxiplinarja u interdixxiplinarja bejn għalliema fl-istess stabbiliment biex jiġi promoss l-għoti ta' tagħlim u t-tagħlim dwar kwistjonijiet trasversali tal-ESD;

il-promozzjoni tan-netwerking, inkluż in-netwerking onlajn, fost l-għalliema fi stabbilimenti differenti biex ikun żgurat l-iżvilupp kontinwat tal-ESD, u l-iskambju ta' ideat ġodda dwar l-ESD;

it-trawwim ta' kooperazzjoni mal-ġenituri, il-komunità lokali u l-partijiet interessati l-oħra kollha rilevanti u ta' aktar parteċipazzjoni minnhom.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FIL-LIMITI TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM BIEX:

Jappoġġaw l-edukazzjoni għal żvilupp sostenibbli u jippromwovu dawn il-konklużjonijiet tal-Kunsill billi:

i)

iwettqu l-ESD fi ħdan kemm l-Istrateġija tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli kif ukoll l-Istrateġija Ewropa 2020;

ii)

jippromwovu r-riċerka dwar u l-għarfien tal-ESD, speċjalment f'oqsma fejn ma tantx hemm esperjenza jew fejn il-bażi tal-evidenza hi dgħajfa, bħall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni għolja;

iii)

jippromwovu n-netwerking bejn l-istituzzjonijiet edukattivi dwar il-kwistjoni tal-ESD, jagħmlu l-aħjar użu tan-netwerks eżistenti u jsaħħu l-kooperazzjoni rigward l-ESD fil-livelli kollha billi jiffurmaw sħubiji, u billi jinkoraġġixxu:

kooperazzjoni nazzjonali u transkonfinali fost l-iskejjel;

sħubiji bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, in-negozji u/jew l-NGOs;

netwerks tar-riċerkaturi tal-ESD;

iv)

jidentifikaw u jirreġistraw prattika tajba f'kompendju tal-ESD fil-websajt dwar is-Sistema tal-Għarfien għat-Tagħlim Tul il-Ħajja (KSLLL)  (10);

v)

jindirizzaw il-kwistjonijiet dwar l-ESD fost il-prijoritajiet tal-programm tat-Tagħlim Tul il-Ħajja u programmi oħrajn eżistenti jew futuri rilevanti;

vi)

jagħmlu l-aħjar użu tas-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011 bil-ħsieb li jsir fokus fuq l-edukazzjoni għal żvilupp sostenibbli u s-sħubiji bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, in-negozji u l-NGOs, kif ukoll fuq it-tisħiħ tal-viżibbiltà tal-prattiki tajba eżistenti fl-attivitajiet ta' volontarjat f'dan il-qasam;.

vii)

jikkunsidraw l-inklużjoni tal-ESD fost l-oqsma ta' prijorità għaċ-ċiklu li jmiss tal-qafas strateġiku fl-edukazzjoni u taħriġ “ET2020”.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

Tikkontribwixxi għall-isforzi tal-Istati Membri biex jappoġġaw l-edukazzjoni għal żvilupp sostenibbli u jippromwovu dawn il-konklużjonijiet tal-Kunsill billi:

i)

jorganizzaw attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari dwar aspetti speċifiċi tal-ESD, bħat-taħriġ tal-għalliema, l-approċċ ta' “skola sħiħa”, u s-sħubiji għall-ESD, bil-ħsieb li jiġi żviluppat manwal ta' politika u linji gwida għall-istabbilimenti edukattivi u l-għalliema;

ii)

isaħħu l-kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet internazzjonali oħrajn, b'mod partikolari l-UNESCO u l-UNECE, fil-qasam tal-ESD.


(1)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15-16 ta’ Ġunju 2001 (SN 200/01).

(2)  Id-Dokument 10917/06 u d-Dokument 16818/09 rispettivament.

(3)  www.unesco.org/eu/esd

(4)  www.esd-world-conference-2009.org

(5)  ĠU L 394, 30.12.2006.

(6)  ĠU C 119, 28.5.2009.

(7)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25-26 ta' Marzu 2010 (EUCO 7/1/10 REV1).

(8)  Cedefop: Ħiliet għal Impjiegi Ekoloġiċi, Lussemburgu: Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2010.

(9)  Ara d-Dikjarazzjoni ta' Bonn, paragrafu 8 (http://www.esd-world-conference-2009.org/fileadmin/download/ESD2009_BonnDeclaration080409.pdf).

(10)  www.kslll.net